EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22006A0428(01)

Ftehim bejn il-qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar kooperazzjoni u Assistenza

OJ L 115, 28.4.2006, p. 50–56 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 270M , 29.9.2006, p. 424–430 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 18 Volume 005 P. 30 - 36
Special edition in Romanian: Chapter 18 Volume 005 P. 30 - 36
Special edition in Croatian: Chapter 18 Volume 013 P. 77 - 83

In force

22006A0428(01)

Ftehim bejn il-qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar kooperazzjoni u Assistenza

Official Journal L 115 , 28/04/2006 P. 0050 - 0056
Official Journal L 270 , 29/09/2006 P. 0424 - 0430


Ftehim

bejn il-qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar kooperazzjoni u Assistenza

IL-QORTI KRIMINALI INTERNAZZJONALI,

Minn issa 'l quddiem "il-Qorti",

min-naħa l-waħda, u

L-UNJONI EWROPEA,

minn issa 'l quddiem "l-UE", irrappreżentata mill-Presidenza tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea,

min-naħa l-oħra,

minn issa 'l quddiem imsejħa l-Partijiet,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW l-importanza fundamentali u l-prijorità li għandha tingħata lill-konsolidazzjoni ta’ l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja, kif ukoll il-preservazzjoni tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u kif previst fl-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

WAQT LI JINNOTAW li l-prinċipji ta’ l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, kif ukoll dawk li jirregolaw il-funzjonament tagħha, huma konformi mal-prinċipji u l-għanijiet ta’ l-Unjoni Ewropea,

WAQT LI JISĦQU l-importanza ta' l-amministrazzjoni tal-ġustizzja skond l-istat tad-dritt u proċeduri ġusti b'mod partikolari għad-drittijiet ta' l-akkużat kif imniżżel fl-Istatut ta' Ruma;

WAQT LI JINNOTAW ir-rwol speċjali tal-vittmi u tax-xhieda waqt il-proċedimenti quddiem il-Qorti u l-bżonn ta' miżuri speċifiċi sabiex tiġi żgurata s-sigurtà u l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom skond l-Istatut ta' Ruma.

WAQT LI JFAKKRU li l-istrateġija ta’ sigurtà Ewropea, adottata mill-Kunsill Ewropew fit- 12 ta’ Diċembru 2003, tappoġġja ordni internazzjonali bbażat fuq multilateraliżmu effettiv;

WAQT LI JŻOMMU PREŻENTI l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/PESK tas- 16 ta’ Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill biex jagħti segwitu għal tali Pożizzjoni Komuni u b’mod partikolari r-rwol essenzjali tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-fini tal-prevenzjoni u t-trażżin ta’ l-għemil ta’ reati serji li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-Unjoni Ewropea hi impenjata fl-appoġġ tal-funzjonament effettiv tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u biex tmexxi l-quddiem l-appoġġ universali tal-Qorti billi tippromwovi l-usa’ parteċipazzjoni possibbli fl-Istatut ta’ Ruma;

WAQT LI JFAKKRU LI dan il-Ftehim għandu jinqara flimkien ma’ u soġġett għall-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u r-Regoli ta’ Proċedura u Provi;

WAQT LI JFAKKRU LI l-Artikolu 87, paragrafu 6, ta’ l-Istatut ta’ Ruma jipprevedi li l-Qorti tista’ titlob lil kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva biex tipprovdi informazzjoni jew dokumenti, u li l-Qorti tista’ wkoll titlob għal forom oħra ta’ kooperazzjoni u assistenza li jistgħu jkunu miftehma ma’ tali organizzazzjoni u li jkunu konformi mal-kompetenza jew il-mandat tagħha,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW LI dan il-Ftehim ikopri termini ta’ kooperazzjoni u assistenza bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea u mhux bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea;

WAQT LI JIKKUNSIDRAW LI għal dak l-effett, il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea għandhom jaqblu fuq it-termini ta’ kooperazzjoni u assistenza flimkien mal-Pożizzjoni Komuni 2003/444/PESK, kif ukoll tal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE bħala segwitu ta' dik il-Pożizzjoni Komuni,

QABLU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan tal-Ftehim

Dan il-Ftehim, li qed jidħlu għalih l-Unjoni Ewropea ("UE") u l-Qorti Kriminali Internazzjonali ("il-Qorti") skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ("Trattat ta’ l-UE") u l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali ("l-Istatut") rispettivament, jiddefinixxi t-termini ta’ kooperazzjoni u assistenza bejn l-UE u l-Qorti.

Artikolu 2

Definizzjoni tat-termini

1. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, "UE" għandha tfisser il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea (minn issa 'l quddiem: "il-Kunsill"), is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn issa ’l quddiem "il-Kummissjoni Ewropea"). "UE" m’għandhiex tfisser l-Istati Membri fid-dritt tagħhom.

2. Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim "il-Qorti" għandha tfisser:

a) il-Presidenza,

b) Taqsima ta’ l-Appelli, Taqsima tal-Proċessi u Taqsima ta’ Qabel il-Proċessi,

ċ) l-Uffiċċju tal-Prosekutur,

d) ir-Reġistru,

e) is-Segretarjat ta' l-Assemblea ta' l-Istati Partijiet.

Artikolu 3

Ftehim ta’ l-Istati Membri

1. Dan il-Ftehim, inkluż kwalunkwe ftehim jew arranġamenti konklużi taħt l-Artikolu 11 tiegħu, m’għandux japplika għal talbiet għal informazzjoni mill-Qorti li huma relatati ma’ informazzjoni, barra minn dokumenti ta’ l-UE inkluża informazzjoni klassifikata ta’ l-UE, li toriġina minn Stat Membru individwali. F’tali ċirkostanzi, kwalunkwe talba għandha ssir direttament lill-Istat Membru rilevanti.

2. L-Artikolu 73 ta’ l-Istatut għandu jiġi applikat, mutatis mutandis, għal talbiet magħmula mill-Qorti lill-UE taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Obbligu ta’ kooperazzjoni u assistenza

L-UE u l-Qorti jaqblu li, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-qadi effettiv tar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, huma għandhom jikkooperaw mill-qrib, kif xieraq, ma’ xulxin u jikkonsultaw lil xulxin fuq materji ta’ interess reċiproku, skond id-disposizzjonijiet tal-Ftehim filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ id-disposizzjonijiet rispettivi tat-Trattat ta’ l-UE u ta’ l-Istatut. Sabiex jiġi ffaċilitat dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni u assistenza l-Partijiet jaqblu li jiġu stabbiliti kuntatti regolari bejn il-Qorti u l-Punt Fokali ta’ l-UE għall-Qorti.

Artikolu 5

Attendenza fil-laqgħat

L-UE tista' tistieden lill-Qorti biex tattendi laqgħat u konferenzi imtella' taħt l-awspiċju tagħha li fihom hemm għad-diskussjoni materji ta' interess għall-Qorti sabiex tagħti assistenza dwar materji li huma fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti.

Artikolu 6

Promozzjoni tal-valuri li huma l-bażi ta' l-Istatut

L-UE u l-Qorti għandhom jikkooperaw, kull meta xieraq, billi jadottaw inizjattivi biex jippromwovu d-disseminazzjoni tal-prinċipji, il-valuri u d-disposizzjonijiet ta’ l-Istatut u l-istrumenti relatati.

Artikolu 7

Skambju ta’ informazzjoni

1. L-UE u l-Qorti għandhom, safejn possibbli u prattikabbli, jiżguraw l-iskambju regolari ta’ informazzjoni u dokumenti ta’ interess reċiproku skond l-Istatut u r-Regoli ta’ Proċedura u Provi.

2. B’kunsiderazzjoni debita għar-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tagħha skond it-Trattat ta’ l-UE, l-UE timpenja ruħha li tikkoopera mal-Qorti u tipprovdi lill-Qorti tali informazzjoni jew dokumenti fil-pussess tagħha hekk kif titlob il-Qorti skond l-Artikolu 87, paragrafu 6, ta’ l-Istatut.

3. L-UE tista', b'inizjattiva tagħha stess u skond it-Trattat ta' l-UE, tipprovdi informazzjoni jew dokumenti, li jistgħu jkunu rilevanti għall-ħidma tal-Qorti.

4. Ir-Reġistratur tal-Qorti għandu, skond l-Istatut u r-Regoli ta’ Proċedura u Provi, jipprovdi informazzjoni u dokumenti relatati ma’ trattazzjoni, proċedimenti orali, sentenzi u ordnijiet tal-Qorti, li jistgħu jkunu ta’ interess għall-UE.

Artikolu 8

Protezzjoni tas-sigurezza jew tas-sigurtà

Fil-każ li l-kooperazzjoni, inkluż l-iżvelar ta’ informazzjoni jew dokumenti previsti, f’dan il-Ftehim ikunu jqiegħdu fil-periklu s-sigurezza jew is-sigurtà ta’ persunal attwali jew preċedenti ta’ l-UE jew inkella jippreġudikaw is-sigurtà jew l-iżvolġiment xieraq ta’ kwalunkwe operazzjoni jew attività ta’ l-UE, il-Qorti tista' tordna, partikolarment fuq talba ta' l-UE, miżuri adegwati ta’ protezzjoni.

Artikolu 9

Informazzjoni klassifikata

Disposizzjonijiet dwar ir-rilaxx ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE mill-UE lil xi organu tal-Qorti huma mniżżla fl-Anness ta' dan il-Ftehim, li huwa parti integrali minnu.

Artikolu 10

Xhieda tal-persunal ta’ l-Unjoni Ewropea

1. Jekk il-Qorti titlob ix-xhieda ta' uffiċjal jew persunal ieħor ta' l-UE, l-UE timpenja ruħha li tikkopera bis-sħiħ mal-Qorti u, jekk meħtieġ u b'kunsiderazzjoni debita għar-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tagħha skond it-Trattat ta' l-UE u r-regoli rilevanti tiegħu, li tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tippermetti lill-Qorti li tisma' x-xhieda ta' dik il-persuna, b'mod partikolari billi tirrinunzja għall-obbligu tal-kunfidenzjalità ta' dik il-persuna.

2. B'referenza għall-Artikolu 8, il-Partijiet jagħrfu li jistgħu jkunu meħtieġa miżuri ta' protezzjoni fil-każ li uffiċjal jew membru ieħor tal-persunal ta’ l-UE jiġi mitlub li jipprovdi xhieda lill-Qorti.

3. Soġġett għall-Istatut u r-Regoli ta’ Proċedura u Provi, l-UE għandha tkun awtorizzata li tappunta rappreżentant biex jassisti kull uffiċjal jew persunal ieħor ta' l-UE li jidher bħala xhud quddiem il-Qorti.

Artikolu 11

Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Prosekutur

1. Filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ it-Trattat ta’ l-UE:

i) L-UE timpenja ruħha li tikkoopera mal-Prosekutur, skond l-Istatut u r-Regoli ta’ Proċedura u Provi, billi tipprovdi informazzjoni addizzjonali miżmuma mill-UE li hu jew hi j/tista' titlob;

ii) L-UE timpenja ruħha li tikkoopera mal-Prosekutur, skond l-Artikolu 54, paragrafu 3 ċ) ta’ l-Istatut;

iii) L-UE għandha, skond l-Artikolu 54, paragrafu 3 d) ta’ l-Istatut, tidħol f’tali arranġamenti jew ftehim, mhux inkonsistenti ma’ l-Istatut, kif jista’ jkun meħtieġ biex tiġi faċilitata l-kooperazzjoni ta’ l-UE mal-Prosekutur.

2. Il-Prosekutur għandu jindirizza talbiet għal informazzjoni bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli. Is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli jipprovdi tweġiba bil-miktub sa mhux aktar tard minn xahar.

3. L-UE u l-Prosekutur jistgħu jaqblu li l-UE tipprovdi dokumenti jew informazzjoni lill-Prosekutur fuq kondizzjoni ta’ kunfidenzjalità u biss għall-fini li jiġu ġenerati provi ġodda u li tali dokumenti jew informazzjoni m’għandhomx jiġu żvelati lil organi oħra tal-Qorti jew partijiet terzi, fi kwalunkwe fażi tal-proċedimenti jew wara dan, mingħajr il-kunsens ta’ l-UE. Ir-regoli dwar l-informazzjoni klassifikata ta’ l-Artikolu 9 huma applikabbli.

Artikolu 12

Privileġġi u immunitajiet

Jekk il-Qorti tfittex li teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha fuq persuna li allegatament hi responsabbli b’mod kriminali għal reat taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti u jekk tali persuna tgawdi, skond ir-regoli rilevanti tal-liġi internazzjonali, minn kwalunkwe privileġġ u immunità, l-istituzzjoni rilevanti ta' l-UE timpenja ruħha li tikko0pera fis-sħiħ mal-Qorti u, b'kunsiderazzjoni debita għar-responsabbiltajiet u l-kompetenzi tagħha skond it-Trattat ta' l-UE u r-regoli rilevanti tiegħu, li tieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex tippermetti lill-Qorti li teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha, b'mod partikolari billi tneħħi kwalunkwe privileġġ u immunità skond ir-regoli rilevanti kollha tal-liġi internazzjonali.

Artikolu 13

Arranġamenti tal-Persunal

Skond l-Artikolu 44, paragrafu 4, ta’ l-Istatut, l-UE u l-Qorti jaqblu li jiddeterminaw fuq bażi ta' każ b'każ, taħt liema ċirkostanzi eċċezzjonali l-Qorti tista’ tuża l-kompetenza ta’ persunal bla ħlas offrut mill-UE, biex jassisti fix-xogħol ta’ kwalunkwe organu tal-Qorti.

Artikolu 14

Servizzi u faċilitajiet

Fuq talba tal-Qorti, l-UE għandha, soġġetta għad-disponibbiltà, tipprovdi għall-iskopijiet tal-Qorti, dawk il-faċilitajiet u servizzi li jista' jkun hemm bżonn, inkluż, fejn opportun, appoġġ in site. It-termini u l-kondizzjonijiet li fuqhom dawn il-faċilitajiet, servizzi jew appoġġ ta' l-UE jistgħu jiġu pprovduti għandhom, kif xieraq, ikunu soġġetti għall-arranġamenti supplimentari minn qabel.

Artikolu 15

Taħriġ

L-UE għandha tistinka biex tappoġġja, kif xieraq u f'konsultazzjoni mal-Qorti, l-iżvilupp ta' taħriġ u assistenza għall-imħallfin, il-prosekuturi, l-uffiċjali u li tagħti konsulenza fix-xogħol relatat mal-Qorti.

Artikolu 16

Korrispondenza

1. Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim

(a) Fir-rigward ta' l-UE:

Kull korrispondenza għandha tintbagħat lill-Kunsill fl-indirizz li ġej:

Council of the European Union

Chief Registry Officer

Rue de la Loi/Wetstraat, 175

B-1048 Brussels.

Kull korrispondenza għandha tintbagħat mill-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Punt Fokali ta’ l-UE għall-Qorti soġġetta għall-paragrafu 2.

(b) Fir-rigward tal-Qorti,

kull korrispondenza għandha tkun indirizzata lir-Reġistratur jew lill-Prosekutur, skond il-każ.

2. B'mod eċċezzjonali, korrispondenza minn Parti waħda li hi aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi ta' dik il-Parti tista', għal raġunijiet operattivi, tiġi indirizzata u tkun aċċessibbli biss għal uffiċjali, organi jew servizzi kompetenti speċifiċi tal-Parti l-oħra magħżula b’mod speċifiku bħala riċevituri, waqt li jittieħed kont tal-kompetenzi tagħhom u skond il-prinċipju ta’ ħtieġa ta’ tagħrif. Sa fejn għandha x'taqsam l-UE, din il-korrispondenza għandha tiġi trasmessa permezz ta' l-Uffiċjal Kap tar-Reġistru tal-Kunsill.

Artikolu 17

Implimentazzjoni

1. L-Uffiċċju tal-Prosekutur u r-Reġistru tal-Qorti u s-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea għandhom jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

2. Il-Qorti u l-UE jistgħu, għall-iskopijiet ta' implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, jidħlu f'arranġamenti oħra li jinstabu li huma xierqa.

Artikolu 18

Soluzzjoni ta' Tilwim

Id-differenzi kollha bejn l-UE u l-Qorti li jinqalgħu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu ttrattati permezz ta' konsultazzjoni bejn il-Partijiet.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u reviżjoni

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu ffirmawh.

2. Dan il-Ftehim jista' jiġi rivedut biex jiġu kkunsidrati emendi possibbli fuq talba ta' kwalunkwe Parti. Għadu jiġi rivedut sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

3. Kwalunkwe emenda għal dan il-Ftehim għandha ssir biss bil-miktub u bi ftehim komuni bejn il-Partijiet.

Artikolu 20

Denunzja

Dan il-Ftehim jista' jiġi ddenunzjat minn Parti waħda b'notifika bil-miktub ta' denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha tibda sseħħ sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tkun irċeviet in-notifika, iżda m'għandiex taffettwa obbligi diġà meħuda taħt id-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim. B'mod partikolari, kull informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata skond dan il-Ftehim għandha tibqa' tiġi protetta skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fih.

B'XIEHDA TA' DAN is-sottoskritti, rispettivament debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.

Hecho en Luxemburgo, el diez de abril de dos mil seis.

V Lucemburku dne desátého dubna dva tisíce šest.

Udfærdiget i Luxembourg den tiende april to tusind og seks.

Geschehen zu Luxemburg am zehnten April zweitausendsechs.

Kahe tuhande kuuenda aasta aprillikuu kümnendal päeval Luxembourgis.

Έγινε στο Λουξεμβούργο, στις δέκα Απριλίου δύο χιλιάδες έξι.

Done at Luxembourg on the tenth day of April in the year two thousand and six.

Fait à Luxembourg, le dix avril deux mille six.

Fatto a Lussemburgo, addì dieci aprile duemilase.

Luksemburgā, divtūkstoš sestā gada desmitajā aprīlī.

Priimta du tūkstančiai šeštų metų balandžio dešimtą dieną Liuksemburge.

Kelt Luxembourgban, a kettőezer hatodik év április tizedik napján.

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-għaxra jum ta' April tas-sena elfejn u sitta.

Gedaan te Luxemburg, de tiende april tweeduizend zes.

Sporządzono w Luksemburgu dnia dziesiątego kwietnia roku dwutysięcznego szóstego.

Feito no Luxemburgo, em dez de Abril de dois mil e seis.

V Luxemburgu dňa desiateho apríla dvetisícšesť.

V Luxembourgu, desetega aprila leta dva tisoč šest.

Tehty Luxemburgissa kymmenentenä päivänä huhtikuuta vuonna kaksituhattakuusi.

Som skedde i Luxemburg den tionde april tjugohundrasex.

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωοη

For the European Union

Pour l'Union européenne

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

+++++ TIFF +++++

Por la Corte Penal Internacional

Za Mezinárodní trestní soud

For Den Internationale Straffedomstol

Für den Europäischen Strafgerichtshof

Rahvusvahelise Kriminaalkohtu nimel

Για to Διεθνές Ποινικό Δικαστήριο

For the International Criminal Court

Pour la Cour Pénale Internationale

Per la Corte Penale Internazionale

Starptautiskās Krimināltiesas vārdā

Tarptautinio baudžiamojo teismo vardu

A Nemzetközi Büntetőbíróság részéről

Għall-Qorti Kriminali Internazzjonali

Voor het Internationaal Strafhof

W imieniu Międzynarodowego Trybunału Karnego

Pelo Tribunal Penal Internacional

Za Medzinárodný trestný súd

Za Mednarodno Kazensko Sodišče

Kansainvälisen rikostuomioistuimen puolesta

För Internationella brottmålsdomstolen

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS

1. Fil-każ ta’ informazzjoni klassifikata ta’ l-UE li tintalab minn organu tal-Qorti, skond it-tifsira ta' l-Artikolu 34 ta' l-Istatut, tali informazzjoni tista’ tinħareġ biss skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill [1].

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, informazzjoni klassifikata għandha tfisser kwalunkwe informazzjoni (jiġifieri, tagħrif li jista' jiġi kkomunikat fi kwalunkwe forma) jew materjal determinat bħala wieħed li jkun jeħtieġ protezzjoni kontra kxif mhux awtorizzat u li jkun ġie kkwalifikat tali minn klassifikazzjoni ta' sigurtà (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "informazzjoni klassifikata").

B'mod partikolari:

(i) Il-Qorti għandha tiżgura li informazzjoni klassifikata ta’ l-UE li tiġi rilaxxata lilha żżomm il-klassifikazzjoni mogħtija lilha mill-UE u għandha tissalvagwardja tali informazzjoni, skond livell ekwivalenti ta' protezzjoni għal dak previst mir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. F’dan ir-rigward, il-Qorti għandha tiżgura li tipprovdi l-protezzjoni meħtieġa mill-UE skond ir-regoli, il-miżuri u l-proċeduri li jridu jiġu stabbiliti skond paragrafu 4;

(ii) Il-Qorti m’għandhiex tuża l-informazzjoni klassifikata ta’ l-UE rilaxxata għal finijiet oħra barra minn dawk li għalihom dik l-informazzjoni klassifikata u d-dokumenti ta’ l-UE ġew rilaxxati lill-Qorti;

(iii) Il-Qorti m’għandhiex tiżvela tali informazzjoni u dokumenti lil partijiet terzi mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel ta’ l-UE skond il-prinċipju tal-kunsens ta’ l-oriġinatur kif imfisser fir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill;

(iv) Il-Qorti għandha tiżgura li l-aċċess għal informazzjoni klassifikata ta’ l-UE rilaxxata lilha jkun awtorizzat biss lil individwi li għandhom "need-to-know";

(v) Il-Qorti għandha tiżgura li l-persuni kollha li, fit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom jeħtieġu aċċess, jew li d-dmirijiet jew funzjonijiet tagħhom jistgħu jagħtuhom aċċess, għal informazzjoni klassifikata CONFIDENTIEL UE u ’l fuq, jingħataw l-approvazzjoni ta’ sigurtà b’mod adegwat qabel ma jingħataw aċċess għal tali informazzjoni, skond arranġamenti li għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta' kriterji oġġettivi skond paragrafu 4;

(vi) Il-Qorti għandha tiżgura li, qabel ma jingħata aċċess għal informazzjoni klassifikata ta’ l-UE, l-individwi kollha li jeħtieġu aċċess għal tali informazzjoni jingħataw informazzjoni dwar u jikkonformaw mal-ħtiġiet tar-regolamenti ta’ sigurtà protettiva rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ l-informazzjoni li għaliha għandhom jaċċedu;

(vii) B’kunsiderazzjoni tal-livell ta’ klassifikazzjoni tagħha, l-informazzjoni klassifikata ta’ l-UE għandha tintbagħat lill-Qorti permezz tal-borża diplomatika, tas-servizzi postali militari, tas-servizzi postali siguri, tat-telekomunikazzjonijiet siguri jew ta’ trasport personali. Il-Qorti għandha tinnotifika bil-quddiem lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-UE l-isem u l-indirizz tal-korp responsabbli għas-sigurtà ta’ l-informazzjoni klassifikata u l-indirizzati preċiżi għand min l-informazzjoni trid tintbagħat u tiżgura li dawk indirizzati ngħataw approvazzjoni ta’ sigurtà;

(viii) Il-Qorti għandha tiżgura li l-istabbilimenti, iż-żoni, il-bini, l-uffiċċji, il-kmamar, is-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni kollha, u simili, li fihom ġiet maħżuna u/jew ittrattata informazzjoni klassifikata ta’ l-UE, huma protetti permezz ta’ miżuri fiżiċi ta’ sigurtà xierqa, skond l-arranġamenti li għandhom jiġu stabbiliti skond paragrafu 4;

(ix) Il-Qorti għandha tiżgura li dokumenti klassifikati ta’ l-UE rilaxxati lilha huma rreġistrati f’reġistru speċjali hekk kif ikunu rċevuti. Il-Qorti għandha tiżgura li kopji ta’ dokumenti klassifikati ta’ l-UE rilaxxati lilha, li jistgħu jsiru mill-korp li jirċievi, in-numru u d-distribuzzjoni tagħhom, huma rreġistrati f’dan ir-reġistru speċjali. Il-Qorti għandha tinnotifika lill-UE d-data ta’ restituzzjoni lill-UE ta’ dawk id-dokumenti jew tipprovdi ċertifikat tal-qerda tagħhom;

(x) Il-Qorti għandha tinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-UE bi kwalunkwe każ fejn tiġi kompromessa informazzjoni klassifikata ta’ l-UE rilaxxata lilha. F’tali każ, il-Qorti għandha tagħti bidu għal investigazzjonijiet u tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni li dan jerġa’ jseħħ, skond l-arranġamenti li għandhom jiġu stabbiliti skond paragrafu 4;

2. Fl-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 hawn fuq, l-ebda rilaxx ġeneriku m’għandu jkun possibbli sakemm ma jkunux ġew stabbiliti u miftehma proċeduri bejn il-Partijiet dwar ċerti kategoriji ta' informazzjoni.

3. Informazzjoni klassifikata ta' l-UE tista' tiġi degradata jew deklassifikata skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill qabel ma' tiġi rilaxxata lill-Qorti. Kwalunkwe dokument klassifikat ta' l-UE li fih informazzjoni klassifikata nazzjonali jista' jkun konsultat biss minn persunal tal-Qorti debitament approvat jew inkella mniżżel fil-grad jew rilaxxat lill-Qorti bil-kunsens espress bil-miktub ta' l-oriġinatur.

4. Sabiex jiġi implimentat dan il-Ftehim, arranġamenti ta' sigurtà għandhom jiġu stabbiliti bejn it-tliet awtoritajiet magħżula hawn taħt sabiex jistabbilixxu l-istandards tal-protezzjoni ta' sigurtà reċiproka għal informazzjoni klassifikata soġġetti għal dan il-Ftehim:

(a) L-Uffiċċju ta’ Sigurtà tal-Qorti, għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp ta' arranġamenti ta' sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta' informazzjoni klassifikata pprovduta lill-Qorti taħt dan il-Ftehim.

(b) L-Uffiċċju ta’ Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, taħt it-tmexxija u f’isem is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li jaġixxi f’isem il-Kunsill u taħt l-awtorità tiegħu, għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp ta' arranġamenti ta' sigurtà għall-protezzjoni u s-salvagwardja ta' informazzjoni klassifikata provduta lill-UE taħt dan il-Ftehim.

(ċ) Id-Direttorat ta’ Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea, li jaġixxi f'isem il-Kummissjoni Ewropea u taħt l-awtorità tagħha, għandu jkun responsabbli għall-iżvilupp ta' arranġamenti ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata provduta jew skambjata taħt dan il-Ftehim fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u fil-bini tagħha.

(d) Għall-UE, dawn l-istandards għandhom ikunu soġġetti għall-approvazzjoni mill-Kumitat ta’ Sigurtà tal-Kunsill.

5. Il-Partijiet għandhom jipprovdu assistenza reċiproka fir-rigward tas-sigurtà ta' informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim u kwistjonijiet ta' interess komuni. Konsultazzjonijiet u spezzjonijiet reċiproċi ta' sigurtà għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet definiti f'paragrafu 4 biex jivvalutaw l-effikaċja ta' l-arranġamenti ta’ sigurtà fi ħdan ir-responsabbiltà rispettiva tagħhom li għandha tiġi stabbilita skond paragrafu 4.

6. Il-Partijiet għandu jkollhom organizzazzjoni ta' sigurtà u programmi ta' sigurtà, ibbażati fuq tali prinċipji bażiċi u standards minimi ta' sigurtà li għandhom jiġu implimentati fis-sistemi ta' sigurtà tal-Partijiet li għandhom jiġu stabbiliti skond paragrafu 4, biex jiżguraw li livell ekwivalenti ta' protezzjoni jiġi applikat għall-informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim.

7. Qabel ma inizjalment tingħata informazzjoni klassifikata soġġetta għal dan il-Ftehim, l-awtoritajiet ta’ sigurtà responsabbli msemmija f'paragrafu 4 iridu jkunu qablu li l-parti li tirċievi hi kapaċi tipproteġi u tissalvagwardja l-informazzjoni soġġetta għal dan il-Ftehim b'mod konsistenti ma' l-arranġamenti li għandhom jiġu stabbiliti skond paragrafu 4.

8. L-ebda ħaġa f'dan il-Ftehim m'għandha tippreġudika l-possibbiltà ta' l-UE li tagħmel għad-disposizzjoni tal-Qorti informazzjoni bl-aktar livell għoli ta' klassifikazzjoni soġġetta li l-Qorti tiżgura livell ta' protezzjoni ekwivalenti għal dak previst fir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill.

[1] Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad- 19 ta' Marzu 2001, li tadotta r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill (ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1).

--------------------------------------------------

Top