EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02007L0036-20170609

Consolidated text: Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet ta’ l-azzjonisti ta’ kumpanniji kkwotati

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/36/2017-06-09

02007L0036 — MT — 09.06.2017 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA 2007/36/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2007

dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet ta’ l-azzjonisti ta’ kumpanniji kkwotati

(ĠU L 184 14.7.2007, p. 17)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA 2014/59/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE tal-15 ta’ Mejju 2014

  L 173

190

12.6.2014

►M2

DIRETTIVA (UE) 2017/828 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b’relevanza għaż-ŻEE tas-17 ta’ Mejju 2017

  L 132

1

20.5.2017




▼B

DIRETTIVA 2007/36/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2007

dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet ta’ l-azzjonisti ta’ kumpanniji kkwotati



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

▼M2

1.  Din id-Direttiva tistabblixxi rekwiżiti fir-rigward tal-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti marbuta ma’ ishma ta’ votazzjoni fir-rigward tal-laqgħat ġenerali ta’ kumpaniji li għandhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru u li l-ishma tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat li jinsab jew li jopera fi Stat Membru. Hija tistabbilixxi wkoll rekwiżiti speċifiċi sabiex jitħeġġeġ l-involviment tal-azzjonisti, b’mod partikolari fit-tul. Dawk ir-rekwiżiti speċifiċi japplikaw b’rabta mal-identifikazzjoni tal-azzjonisti, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni, il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti, it-trasparenza ta’ investituri istituzzjonali, il-maniġers tal-assi u l-konsulenti f’materji relatati mal-vot, ir-remunerazzjoni tad-diretturi u t-tranżazzjonijiet tal-partijiet relatati.

2.  L-Istat Membru kompetenti sabiex jirregola kwistjonijiet koperti f’din id-Direttiva għandu jkun l-Istat Membru li fih il-kumpanija għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha, u riferimenti għal-“liġi applikabbli” huma riferimenti għal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

Għall-fini tal-applikazzjoni tal-Kapitolu Ib, l-Istat Membru kompetenti għandu jkun definit kif ġej:

(a) għal investituri istituzzjonali u maniġers tal-assi, l-Istat Membru ta’ oriġini kif definit fi kwalunkwe att leġiżlattiv applikabbli tal-Unjoni speċifiku għal ċertu settur;

(b) għal konsulenti f’materji relatati mal-vot, l-Istat Membru li fih il-konsulent f’materji relatati mal-vot ikollu uffiċċju reġistrat tiegħu jew, f’każ li l-konsulent f’materji relatati mal-vot m’għandux uffiċċju reġistrat tiegħu fi Stat Membru, l-Istat Membru li fih il-konsulent f’materji relatati mal-vot ikollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu, jew, f’każ li l-konsulent f’materji relatati mal-vot la jkollu uffiċċju reġistrat tiegħu u lanqas ma jkollu uffiċċju prinċipali tiegħu fi Stat Membru, l-Istat Membru li fih huwa jkollu stabbiliment.

▼B

3.  L-Istati Membri jistgħu jeżentaw minn din id-Direttiva dawn it-tipi ta’ kumpaniji li jmiss:

▼M2

(a) impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(b) impriżi ta’ investiment kollettiv skont it-tifsira tal-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 );

▼B

(ċ) soċjetajiet koperattivi.

▼M2

3a.  Il-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 3 ma għandhomx jiġu eżentati mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu Ib.

▼M1

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din id-Direttiva ma tapplikax fil-każ tal-użu ta’ għodod, setgħat u mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ).

▼M2

5.  Il-Kapitolu Ia għandu japplika għall-intermedjarji sa fejn huma jipprovdu servizzi lil azzjonisti jew intermedjarji oħra fir-rigward ta’ ishma ta’ kumpaniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru u li l-ishma tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat li jinsab jew li jopera fi Stat Membru.

6.  Il-Kapitolu Ib għandu japplika għal:

(a) investituri istituzzjonali, sakemm dawn jinvestu, direttament jew permezz ta’ maniġer tal-assi, f’ishma kkummerċjalizzati fuq suq regolat;

(b) maniġers tal-assi, sakemm dawn jinvestu f’dawn l-ishma f’isem investituri; u

(c) konsulenti f’materji relatati mal-vot, sakemm dawn jipprovdu servizzi lill-azzjonisti fir-rigward ta’ ishma ta’ kumpaniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru u li l-ishma tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat li jinsab jew li jopera fi Stat Membru.

7.  Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fi kwalunkwe att leġiżlattiv tal-Unjoni speċifiku għal ċertu settur li jirregola tipi speċifiċi ta’ kumpanija jew tipi speċifiċi ta’ entità. Fejn id-Direttiva tipprevedi regoli aktar speċifiċi jew iżżid rekwiżiti meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’kull att leġiżlattiv tal-Unjoni għal ċertu settur, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati b’mod konġunt mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

▼B

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jmiss:

▼M2

(a) “suq regolat” tfisser suq regolat kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );

▼B

(b) “azzjonist” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun rikonoxxuta bħala azzjonista skond il-liġi applikabbli;

(ċ) “prokura” tfisser l-għoti ta’ setgħa mill-azzjonist lil persuna fiżika jew ġuridika biex din teżerċita d-drittijiet jew x’uħud mid-drittijiet ta’ l-azzjonist f’laqgħa ġenerali f’ismu;

▼M2

(d) “intermedjarju” tfisser persuna, bħal pereżempju ditta ta’ investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, istituzzjonijiet ta’ kreditu kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) u depożitorju ċentrali tat-titoli kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ), li tipprovdi servizzi ta’ kustodja ta’ ishma, amministrazzjoni ta’ ishma jew żamma ta’ kontijiet ta’ titoli f’isem l-azzjonisti jew persuni oħrajn;

(e) “investitur istituzzjonali” tfisser:

(i) impriża li twettaq attivitajiet ta’ assigurazzjoni tal-ħajja skont it-tifsira fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ), u ta’ riassigurazzjoni kif definita fil-punt (7) tal-Artikolu 13 ta’ dik id-Direttiva, bil-kondizzjoni li dawk l-attivitajiet ikopru obbligi ta’ assigurazzjoni tal-ħajja, u li mhjiex eskluża skont dik id-Direttiva;

(ii) l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ) skont l-Artikolu 2 tagħha, sakemm Stat Membru ma jkunx għażel li ma japplikax dik id-Direttiva sħiħa jew partijiet minnha għal dik l-istituzzjoni skont l-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva;

(f) “maniġer tal-assi” tfisser ditta ta’ investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE li tipprovdi servizzi tal-ġestjoni tal-portafolli lill-investituri, AIFM (maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv) kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva jew kumpanija maniġerjali kif definita fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE jew kumpanija ta’ investiment li hija awtorizzata f’konformità mad-Direttiva 2009/65/KE, sakemm ma tkunx ħatret kumpanija maniġerjali awtorizzata skont dik id-Direttiva għall-amministrazzjoni tagħha;

(g) “konsulent f’materji relatati mal-vot” tfisser persuna ġuridika li tanalizza, fuq bażi professjonali u kummerċjali, l-iżvelar korporattiv u, meta jkun rilevanti, informazzjoni oħra ta’ kumpaniji kkwotati bl-għan li d-deċiżjonijiet dwar il-vot tal-investituri jkunu infurmati billi tipprovdi riċerka, pariri jew rakkomandazzjonijiet dwar il-votazzjoni li jikkonċernaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot;

(h) “parti relatata” għandha l-istess tifsira bħal fl-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà adottati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 );

(i) “direttur” tfisser:

(i) kwalunkwe membru tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji ta’ kumpanija;

(ii) meta ma jkunux membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji ta’ kumpanija, l-uffiċjal kap eżekuttiv u, jekk tali funzjoni teżisti f’kumpanija, il-viċi uffiċjal kap eżekuttiv;

(iii) meta dan ikun ġie deċiż minn Stat Membru, persuni oħra li jwettqu funzjonijiet simili għal dawk imwettqa skont il-punt (i) jew (ii);

(j) “informazzjoni rigward l-identità tal-azzjonisti” tfisser informazzjoni li tippermetti li tiġi stabbilita l-identità ta’ azzjonist, inkluża, tal-anqas, l-informazzjoni li ġejja:

(i) l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt (inkluż l-indirizz sħiħ u, meta jkun disponibbli, l-indirizz tal-email) tal-azzjonist, u, meta tkun persuna ġuridika, in-numru ta’ reġistrazzjoni tagħha, jew, jekk in-numru ta’ reġistrazzjoni ma jkunx disponibbli, l-identifikatur uniku tagħha, bħall-identifikatur tal-entità ġuridika;

(ii) in-numru ta’ ishma miżmuma; u

(iii) biss sakemm dawn ikunu mitluba mill-kumpanija, wieħed jew aktar mid-dettalji li ġejjin: il-kategoriji jew il-klassijiet tal-ishma miżmuma jew id-data li minnha l-ishma huma miżmuma.

▼B

Artikolu 3

Aktar miżuri nazzjonali

Din id-Direttiva ma għandhiex iżomm lill-Istati Membri milli jimponu aktar obbligi fuq il-kumpaniji jew milli jieħdu aktar miżuri sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju mill-azzjonisti, tad-drittijiet imsemmija f’din id-Direttiva.

▼M2



KAPITOLU IA

L-IDENTIFIKAZZJONI TAL-AZZJONISTI, IT-TRAŻMISSJONI TA’ INFORMAZZJONI U L-FAĊILITAZZJONI TAL-EŻERĊIZZJU TAD-DRITTIJIET TAL-AZZJONISTI

Artikolu 3a

L-identifikazzjoni tal-azzjonisti

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jkollhom id-dritt li jidentifikaw l-azzjonisti tagħhom. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kumpaniji li jkollhom uffiċċju reġistrat fit-territorju tagħhom jitħallew jitolbu biss l-identifikazzjoni tal-azzjonisti li jżommu aktar minn ċertu perċentwal ta’ ishma jew drittijiet tal-vot. Tali perċentwal ma għandux jeċċedi 0,5 %.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, wara talba tal-kumpanija jew ta’ parti terza nominata mill-kumpanija, l-intermedjarji jikkomunikaw mingħajr dewmien lill-kumpanija l-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti.

3.  Meta jkun hemm aktar minn intermedjarju wieħed f’katina ta’ intermedjarji, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-talba tal-kumpanija, jew ta’ parti terza nominata mill-kumpanija, tiġi trażmessa bejn l-intermedjarji mingħajr dewmien u li l-informazzjoni rigward l-identità tal-azzjonisti tiġi trażmessa direttament lill-kumpanija jew lil parti terza nominata mill-kumpanija mingħajr dewmien mill-intermedjarju li jkollu l-informazzjoni mitluba. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija tkun tista’ tikseb informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti mingħand kull intermedjarju fil-katina li jkollha l-informazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kumpanija titħalla titlob lid-depożitorju ċentrali tat-titoli jew lil intermedjarju jew fornitur ta’ servizzi ieħor biex jiġbru l-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti, fosthom mill-intermedjarji fil-katina ta’ intermedjarji u biex jittrażmettu l-informazzjoni lill-kumpanija.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll li fuq talba tal-kumpanija, jew ta’ parti terza nominata mill-kumpanija, l-intermedjarju jrid jikkomunika lill-kumpanija mingħajr dewmien id-dettalji tal-intermedjarju li jmiss fil-katina ta’ intermedjarji.

4.  Id-data personali tal-azzjonisti għandha tiġi pproċessata skont dan l-Artikolu sabiex il-kumpanija tkun tista’ tidentifika lill-azzjonisti attwali tagħha sabiex tikkomunika magħhom direttament bl-għan li jiġi ffaċilitat l-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti u l-involviment tal-azzjonisti fil-kumpanija.

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe perjodu itwal ta’ ħażna stabbilit permezz ta’ kwalunkwe att leġiżlattiv tal-Unjoni speċifiku għal ċertu settur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji u l-intermedjarji ma jaħżnux id-data personali tal-azzjonisti trażmessa lilhom f’konformità ma’ dan l-Artikolu għall-fini speċifikat f’dan l-Artikolu għal aktar minn 12-il xahar wara li jkunu saru jafu li l-persuna kkonċernata ma tkunx għadha azzjonist.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu bil-liġi l-ipproċessar tad-data personali tal-azzjonisti għal skopijiet oħra.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jkollhom id-dritt ta’ rettifika ta’ informazzjoni inkompleta jew ineżatta dwar l-identità tal-azzjonisti tagħhom.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li intermedjarju li jiżvela informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti f’konformità mar-regoli stabbiliti f’dan l-Artikolu ma jitqiesx li qed jikser xi restrizzjoni fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni imposta b’kuntratt jew b’kull dispożizzjoni leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva.

7.  Sal-10 ta’ Ġunju 2019, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ) informazzjoni dwar jekk għandhomx identifikazzjoni limitata ta’ azzjonisti lil azzjonisti li jkollhom aktar minn ċertu perċentwal tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot f’konformità mal-paragrafu 1 u, jekk iva, il-perċentwal applikabbli. L-ESMA għandha tippubblika dik l-informazzjoni fil-websajt tagħha.

8.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika r-rekwiżiti minimi għat-trażmissjoni tal-informazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 2 fir-rigward tal-format tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa, il-format tat-talba, inklużi s-sigurtà u l-interoperabilità tagħhom, u l-iskadenzi li jridu jiġu osservati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati sal-10 ta’ Settembru 2018 f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14a(2).

Artikolu 3b

It-trażmissjoni ta’ informazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intermedjarji jkunu mitluba jittrażmettu l-informazzjoni li ġejja, mingħajr dewmien, mill-kumpanija lill-azzjonisti jew lil parti terza nominata mill-azzjonist:

(a) l-informazzjoni li l-kumpanija hija mitluba tipprovdi lill-azzjonist, biex l-azzjonist ikun jista’ jeżerċita d-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma tiegħu, u li tiġi diretta lill-azzjonisti kollha li jkollhom ishma ta’ dik il-klassi; jew

(b) meta l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tkun disponibbli għall-azzjonisti fil-websajt tal-kumpanija, avviż li jindika fejn fuq il-websajt dik l-informazzjoni tista’ tinstab.

2.  L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji jipprovdu lill-intermedjarji b’mod standardizzat u f’waqtu l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jew l-avviż imsemmi fil-punt (b) ta’ dak il-paragrafu.

3.  L-Istati Membri m’għandhomx jenħtieġu li l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 jew l-avviż msemmi fil-punt (b) ta’ dak il-paragrafu tiġi trażmessa jew ipprovduta f’konformità mal-paragrafi 1 u 2 meta l-kumpanniji jibagħtu dik l-informazzjoni jew dak l-avviż direttament lill-azzjonisti kollha tagħhom jew parti terza nominata mill-azzjonist.

4.  L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-intermedjarji jittrażmettu, mingħajr dewmien, lill-kumpanija, f’konformità mal-istruzzjonijiet riċevuti mill-azzjonisti, l-informazzjoni riċevuta mill-azzjonisti relatata mal-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma tagħhom.

5.  Meta jkun hemm aktar minn intermedjarju wieħed f’katina ta’ intermedjarji, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 4 għandha tiġi trażmessa bejn l-intermedjarji mingħajr dewmien, sakemm l-informazzjoni ma tistax tiġi trażmessa direttament mill-intermedjarju lill-kumpanija jew lill-azzjonist jew lil parti terza nominata mill-azzjonist.

6.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika r-rekwiżiti minimi għat-trażmissjoni tal-informazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tat-tipi u l-format tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa, inklużi s-sigurtà u l-interoperabilità tagħhom, u l-iskadenzi li jridu jiġu osservati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati sal-10 ta’ Settembru 2018 f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14a(2).

Artikolu 3c

Il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intermedjarji jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-drittijiet mill-azzjonist, inkluż id-dritt li jipparteċipaw u jivvotaw fil-laqgħat ġenerali, li għandu jinkludi mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) l-intermedjarju jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-azzjonist jew għal parti terza nnominata mill-azzjonist biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet huma stess;

(b) l-intermedjarju jeżerċita d-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma fuq l-awtorizzazzjoni u l-istruzzjoni espliċiti tal-azzjonist u għall-benefiċċju tal-azzjonist.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-votazzjoni ssir b’mod elettroniku konferma elettronika tar-riċevuta tal-voti tintbagħat lill-persuna li tivvota.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara l-laqgħa ġenerali l-azzjonist jew parti terza nnominata mill-azzjonist jistgħu jiksbu, tal-anqas fuq talba, konferma li l-voti tagħhom ġew irreġistrati u magħduda b’mod validu mill-kumpanija, sakemm dik l-informazzjoni ma tkunx diġà disponibbli għalihom. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu ta’ żmien sabiex jitolbu għal tali konferma. Tali limitu ta’ żmien m’għandux ikun itwal minn tliet xhur mid-data tal-vot.

Fejn l-intermedjarju jirċievi konferma kif imsemmija fl-ewwel jew fit-tieni subparagrafu, huwa għandu jittrażmettiha mingħajr dewmien lill-azzjonist jew lil parti terza nnominata mill-azzjonist. Meta jkun hemm aktar minn intermedjarju wieħed fil-katina ta’ intermedjarji, il-konferma għandha tiġi trażmessa bejn l-intermedjarji mingħajr dewmien, sakemm il-konferma ma tistax tiġi trażmessa direttament lill-azzjonist jew lil parti terza nnominata mill-azzjonist.

3.  Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika r-rekwiżiti minimi għall-faċilitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-azzjonisti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tat-tipi tal-faċilitazzjoni, il-format tal-konferma elettronika tar-riċevuta tal-voti, il-format għat-trażmissjoni tal-konferma li l-voti ġew irreġistrati u magħduda b’mod validu tul il-katina ta’ intermedjarji, inklużi s-sigurtà u l-interoperabilità tagħhom, u l-iskadenzi li jridu jiġu osservati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati sal-10 ta’ Settembru 2018 f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14a(2).

Artikolu 3d

In-nondiskriminazzjoni, il-proporzjonalità u t-trasparenza tal-ispejjeż

1.  L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-intermedjarji jiżvelaw pubblikament kwalunkwe ħlas applikabbli għas-servizzi pprovduti taħt dan il-Kapitolu b’mod separat għal kull servizz.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe ħlas impost minn intermedjarju fuq l-azzjonisti, il-kumpaniji u intermedjarji oħra għandu jkun nondiskriminatorju u proporzjonat fir-rigward tal-ispejjeż attwali mġarrba għall-forniment tas-servizzi. Kwalunkwe differenza bejn il-ħlasijiet imposti bejn l-eżerċizzju domestiku u transfruntier tad-drittijiet għandha tiġi permessa biss meta tkun iġġustifikata kif xieraq u meta tirrifletti l-varjazzjoni fl-ispejjeż attwali mġarrba għall-forniment tas-servizzi.

3.  L-Istati Membri jistgħu jipprojbixxu lill-intermedjarji milli jimponu ħlasijiet għas-servizzi pprovduti f’dan il-Kapitolu.

Artikolu 3e

Intermedjarji ta’ pajjiżi terzi

Dan il-Kapitolu japplika wkoll għal intermedjarji li la għandhom uffiċċju reġistrat u lanqas ma għandhom uffiċċju prinċipali rreġistrat fl-Unjoni meta jipprovdu servizzi msemmija fl-Artikolu 1(5).

Artikolu 3f

Informazzjoni dwar l-implimentazzjoni

1.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar diffikultajiet prattiċi sostanzjali fl-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu jew dwar nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu mill-Unjoni jew mill-intermedjarji ta’ pajjiżi terzi.

2.  Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA u mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 ), għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, inklużi l-effikaċja tagħha, id-diffikultajiet fl-applikazzjoni prattika u l-infurzar, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tas-suq rilevanti fil-livell tal-Unjoni u f’dak internazzjonali. Ir-rapport għandu jindirizza wkoll l-adegwatezza tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu fir-rigward ta’ intermedjarji ta’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rapport sal-10 ta’ Ġunju 2023.



KAPITOLU IB

TRASPARENZA TAL-INVESTITURI ISTITUZZJONALI, IL-MANIĠERS TAL-ASSI U L-KONSULENTI F’MATERJI RELATATI MAL-VOT

Artikolu 3g

Il-politika ta’ involviment

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jew jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) u (b) jew jiżvelaw pubblikament spjegazzjoni ċara u motivata għaliex għażlu li ma jikkonformawx ma’ wieħed jew iżjed minn dawk ir-rekwiżiti.

(a) L-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi għandhom jiżviluppaw u jiżvelaw pubblikament politika dwar l-involviment li tiddeskrivi kif jintegraw l-involviment tal-azzjonisti fl-istrateġija ta’ investiment tagħhom. Il-politika għandha tiddeskrivi kif jimmonitorjaw il-kumpaniji li fihom isir investiment dwar kwistjonijiet rilevanti, inklużi l-istrateġija, il-prestazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja u r-riskju, l-istruttura tal-kapital, l-impatt soċjali u ambjentali u l-governanza korporattiva, iwettqu djalogi mal-kumpaniji li fihom isir investiment, jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot u drittijiet oħra marbuta mal-ishma, jikkooperaw ma’ azzjonisti oħra, jikkomunikaw mal-azzjonisti rilevanti tal-kumpaniji li fihom isir investiment u jimmaniġġjaw kunflitti ta’ interess attwali u potenzjali fir-rigward tal-involviment tagħhom.

(b) L-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi, fuq bażi annwali, għandhom jiżvelaw pubblikament kif il-politika ta’ involviment tagħhom ġiet implimentata, inkluża deskrizzjoni ġenerali ta’ kif jivvutaw, spjegazzjoni tal-votazzjonijiet l-aktar sinifikanti u l-użu tagħhom tas-servizzi tal-konsulenti f’materji relatati mal-vot. Huma għandhom jiżvelaw pubblikament kif ivvutaw fil-laqgħat ġenerali ta’ kumpaniji li għandhom ishma fihom. Tali żvelar jista’ jeskludi voti li huma insinifikanti minħabba s-suġġett tal-votazzjoni jew id-daqs tal-parteċipazzjoni fil-kumpanija.

2.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli bla ħlas fil-websajt tal-investitur istituzzjonali jew fil-websajt tal-maniġer tal-assi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-informazzjoni tkun ippubblikata, bla ħlas, b’mezzi oħra li huma faċilment aċċessibbli online.

Meta maniġer tal-assi jimplimenta l-politika ta’ involviment, inkluża l-votazzjoni, f’isem investitur istituzzjonali, l-investitur istituzzjonali għandu jagħmel referenza għall-post fejn din l-informazzjoni dwar il-votazzjoni tkun ġiet ippubblikata mill-maniġer tal-assi.

3.  Ir-regoli dwar il-kunflitti ta’ interess applikabbli għal investituri istituzzjonali u maniġers tal-assi, inklużi l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/61/UE, il-punt (b) tal-Artikolu 12(1) u l-punt (d) tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2009/65/KE u r-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti, u l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/65/UE għandhom japplikaw ukoll fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ involviment.

Artikolu 3h

Strateġija ta’ investiment ta’ investituri istituzzjonali u arranġamenti ma’ maniġers tal-assi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investituri istituzzjonali jiżvelaw pubblikament kif l-elementi ewlenin tal-istrateġija tagħhom ta’ investiment ta’ ekwità huma konsistenti mal-profil u d-durata tal-obbligazzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari l-obbligazzjonijiet fit-tul, u kif dawn jikkontribwixxu għall-prestazzjoni fuq terminu medju sa twil tal-assi tagħhom.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta maniġer tal-assi jinvesti f’isem investitur istituzzjonali, sew jekk fuq bażi diskrezzjonali klijent bi klijent jew permezz ta’ impriża ta’ investiment kollettiv, l-investitur istituzzjonali jiżvela pubblikament l-informazzjoni li ġejja dwar l-arranġament tiegħu mal-maniġer tal-assi:

(a) kif l-arranġament mal-maniġer tal-assi jinċentivizza lill-maniġer tal-assi biex jallinja l-istrateġija u d-deċiżjonijiet ta’ investiment tiegħu mal-profil u d-durata tal-obbligazzjonijiet tal-investitur istituzzjonali, b’mod partikolari l-obbligazzjonijiet fit-tul;

(b) kif dak l-arranġament jinċentivizza lill-maniġer tal-assi biex jagħmel deċiżjonijiet ta’ investiment ibbażati fuq valutazzjonijiet dwar prestazzjoni fuq terminu medju sa twil finanzjarja u mhux finanzjarja tal-kumpanija li fiha jsir investiment u biex jinvolvi ruħu ma’ kumpaniji li fihom isir investiment sabiex itejbu l-prestazzjoni tagħhom fuq terminu medju sa twil;

(c) kif il-metodu u l-medda taż-żmien tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-maniġer tal-assi u r-remunerazzjoni għas-servizzi ta’ ġestjoni tal-assi huma konformi mal-profil u d-durata tal-obbligazzjonijiet tal-investitur istituzzjonali, b’mod partikolari l-obbligazzjonijiet fit-tul, u jieħu kont tal-prestazzjoni fit-tul assolut;

(d) kif dak l-investitur istituzzjonali jimmonitorja l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet fil-portafoll imġarrba mill-maniġer tal-assi u kif jiddefinixxi u jimmonitorja t-tranżazzjonijiet fil-portafoll fil-mira jew il-firxa tat-tranżazzjonijiet;

(e) id-durata tal-arranġament mal-maniġer tal-assi.

Meta l-arranġament mal-maniġer tal-assi ma jkunx fih wieħed jew aktar mit-tali elementi, l-investitur istituzzjonali għandu jagħti spjegazzjoni ċara u motivata għalfejn dan huwa l-każ.

3.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun disponibbli, bla ħlas, fil-websajt tal-investitur istituzzjonali u għandha tiġi aġġornata kull sena sakemm ma jkunx hemm bidla materjali. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li dik l-informazzjoni tkun disponibbli, bla ħlas, b’mezzi oħra li jkunu faċilment aċċessibbli online.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investituri istituzzjonali rregolati bid-Direttiva 2009/138/KE jitħallew jinkludu din l-informazzjoni fir-rapport tagħhom dwar is-solvenza u l-qagħda finanzjarja msemmi fl-Artikolu 51 ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 3i

Trasparenza tal-maniġers tal-assi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-maniġers tal-assi jiżvelaw fuq bażi annwali lill-investitur istituzzjonali li miegħu jkunu daħlu fl-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 3h kif l-istrateġija ta’ investiment tagħhom u l-implimentazzjoni tagħha hija konformi mal-arranġament u tikkontribwixxi għall-prestazzjoni fuq terminu medju sa twil tal-assi tal-investitur istituzzjonali jew tal-fond. Tali żvelar għandu jinkludi rappurtar dwar ir-riskji materjali ewlenin fuq terminu medju sa twil li huma assoċjati mal-investimenti, dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, dwar it-tranżazzjonijiet u l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet, dwar l-użu ta’ konsulenti f’materji relatati mal-vot għall-fini ta’ attivitajiet ta’ involviment u l-politika tagħhom dwar is-self ta’ titoli u kif inhi applikata biex jitwettqu l-attivitajiet ta’ involviment jekk applikabbli, b’mod partikolari matul il-laqgħa ġenerali tal-kumpaniji li fihom isir investiment. Tali żvelar għandu jinkludi wkoll informazzjoni dwar jekk jagħmlux deċiżjonijiet ta’ investiment abbażi ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni fuq terminu medju sa twil tal-kumpanija li fiha jsir investiment, inkluża l-prestazzjoni mhux finanzjarja, u, jekk iva, dwar kif, jagħmluhom, u dwar jekk inħolqux kunflitti ta’ interessi b’rabta ma’ attivitajiet ta’ involviment, u, jekk iva, liema kienu, u dwar kif il-maniġers tal-assi indirizzawhom.

2.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-informazzjoni fil-paragrafu 1 tiġi żvelata flimkien mar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 68 tad-Direttiva 2009/65/KE jew fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/61/UE, jew il-komunikazzjonijiet perjodiċi msemmija fl-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 2014/65/UE.

Meta l-informazzjoni żvelata skont il-paragrafu 1 diġà tkun pubblikament disponibbli, il-maniġer tal-assi mhuwiex meħtieġ jipprovdi l-informazzjoni lill-investitur istituzzjonali direttament.

3.  L-Istati Membri jistgħu meta il-maniġer tal-assi ma jamministrax l-assi fuq bażi diskrezzjonali ta’ klijent bi klijent, jinħtieġu li l-informazzjoni żvelata skont il-paragrafu 1 tkun ipprovduta wkoll lil investituri oħrajn tal-istess fond tal-anqas jekk tintalab.

Artikolu 3j

Trasparenza tal-konsulenti f’materji relatati mal-vot

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulenti f’materji relatati mal-votjiżvelaw pubblikament referenza għal kodiċi ta’ kondotta li japplikaw u jirrapurtaw dwar l-applikazzjoni ta’ dak il-kodiċi ta’ kondotta.

Meta l-konsulenti f’materji relatati mal-vot ma japplikawx kodiċi ta’ kondotta, għandhom jipprovdu spjegazzjoni ċara u motivata għaliex dan huwa l-każ. Meta konsulenti f’materji relatati mal-vot japplikaw kodiċi ta’ kondotta iżda jiddevjaw minn kwalunkwe waħda mir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, għandhom jiddikjaraw liema partijiet qed jiddevjaw minnhom, jipprovdu spjegazzjonijiet għal dan u jindikaw, meta jkun xieraq, kwalunkwe miżura alternattiva adottata.

L-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu għandha tkun pubblikament disponibbli, bla ħlas, fuq is-siti web tal-konsulenti f’materji relatati mal-vot u għandha tiġi aġġornata fuq bażi annwali.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex jinformaw b’mod adegwat lill-klijenti tagħhom dwar l-eżattezza u l-affidabbiltà tal-attivitajiet tagħhom, il-konsulenti f’materji relatati mal-vot jiżvelaw pubblikament fuq bażi annwali tal-anqas l-informazzjoni kollha li ġejja fir-rigward tat-tħejjija tar-riċerka, il-pariri u r-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom:

(a) il-karatteristiċi essenzjali tal-metodoloġiji u l-mudelli li japplikaw;

(b) is-sorsi ewlenin ta’ informazzjoni li jużaw;

(c) il-proċeduri mqiegħda fis-seħħ biex tiġi żgurata l-kwalità tar-riċerka, il-pariri u r-rakkomandazzjonijiet tal-vot u l-kwalifiki tal-persunal involut;

(d) jekk iqisux il-kundizzjonijiet nazzjonali tas-suq, legali, regolatorji u speċifiċi għall-kumpaniji u, jekk iva, kif;

(e) il-karatteristiċi essenzjali tal-politiki tal-votazzjoni li japplikaw għal kull suq;

(f) jekk ikollhomx djalogi mal-kumpaniji li huma l-oġġett tar-rakkomandazzjonijiet tar-riċerka, tal-pariri jew tal-vot tagħhom u mal-azzjonisti tal-kumpanija, u, jekk iva, l-estent u n-natura tagħhom;

(g) il-politika dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali.

L-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu għandha ssir pubblikament disponibbli fis-siti web tal-konsulenti f’materji relatati mal-vot u għandha tibqa’ disponibbli bla ħlas għal mill-inqas tliet snin mid-data tal-pubblikazzjoni. L-informazzjoni m’għandhiex għalfejn tiġi żvelata separatament meta hija tkun disponibbli bħala parti mill-iżvelar skont il-paragrafu 1.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulenti f’materji relatati mal-vot jidentifikaw u jiżvelaw mingħajr dewmien lill-klijenti tagħhom kull kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali jew relazzjonijiet ta’ negozju li jistgħu jinfluwenzaw it-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tar-riċerka, tal-pariri jew tal-vot tagħhom u l-azzjonijiet li jkunu ħadu sabiex jeliminaw, inaqqsu jew jimmaniġġjaw il-kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali.

4.  Dan l-Artikolu japplika wkoll għall-konsulenti f’materji relatati mal-vot li la għandhom l-uffiċċju reġistrat u lanqas ma għandhom l-uffiċċju prinċipali reġistrat fl-Unjoni li jwettqu l-attivitajiet tagħhom permezz ta’ stabbiliment li jinsab fl-Unjoni.

Artikolu 3k

Rieżami

1.  Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Artikoli 3g, 3h and 3i, inkluża l-valutazzjoni tal-ħtieġa li l-maniġers tal-assi jiżvelaw pubblikament ċerta informazzjoni skont l-Artikolu 3i, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tas-suq rilevanti internazzjonali u tal-Unjoni. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat sal-10 ta’ Ġunju 2022 u għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun xieraq, bi proposti leġiżlattivi.

2.  Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ESMA, għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 3j, inklużi l-adegwatezza tal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu u tal-effikaċja tiegħu u l-valutazzjoni tal-ħtieġa li jiġu stabbiliti rekwiżiti regolatorji għall-konsulenti f’materji relatati mal-vot, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tas-suq rilevanti internazzjonali u tal-Unjoni. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat sal-10 ta’ Ġunju 2023 u għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun xieraq, bi proposti leġiżlattivi.

▼B



KAPITOLU II

IL-LAQGĦAT ĠENERALI TA’ L-AZZJONISTI

Artikolu 4

Trattament ugwali ta’ l-azzjonisti

Il-kumpanija għandha tiżgura trattament ugwali għall-azzjonisti kollha li jkunu fl-istess pożizzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni u l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot fil-laqgħat ġenerali tagħha.

Artikolu 5

Informazzjoni qabel il-laqgħa ġenerali

1.  Bla ħsara għall-Artikoli 9(4) u 11(4) tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar attentati ta’ akkwiżizzjoni ( 12 ), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija toħroġ is-sejħa għal-laqgħa ġenerali f’wieħed mill-metodi speċifikati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu mhux aktar tard mill-wieħed u għoxrin jum qabel il-laqgħa.

L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjoni, fejn il-kumpanija toffri l-faċilità lill-azzjonisti li jivvutaw b’mezzi elettroniċi aċċessibbli għall-azzjonisti kollha, il-laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti tista’ tiddeċiedi li ssejjaħ laqgħa ġenerali li mhijiex laqgħa ġenerali annwali b’wieħed mill-modi speċifikati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu mhux aktar tard mill-erbatax il-jum qabel il-laqgħa. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed b’maġġoranza ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-voti marbuta ma’ l-ishma jew mal-kapital sottoskritt rappreżentat u għal dewmien li ma jmurx lil hinn mil-laqgħa ġenerali annwali li jmiss.

L-Istati Membri mhumiex meħtieġa japplikaw il-perijodi minimi msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafu għat-tieni sejħa jew għal dawk ta’ warajha ta’ laqgħa ġenerali maħruġa minħabba nuqqas ta’ kworum li kien meħtieġ għal-laqgħa msejħa mill-ewwel sejħa, sakemm kien hemm konformità ma’ dan l-Artikolu fl-ewwel sejħa u li l-ebda punt ġdid ma jkun tqiegħed fl-aġenda u sakemm ikunu għaddew ta’ l-anqas għaxart ijiem bejn is-sejħa finali u d-data tal-laqgħa ġenerali.

2.  Bla ħsara għal rekwiżiti addizzjonali għal notifika jew pubblikazzjoni stabbilita mill-Istat Membru kompetenti kif definiti fl-Artikolu 1(2), il-kumpanija għandha tkun meħtieġa li toħroġ is-sejħa msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu b’tali mod li jiġi żgurat aċċess mgħaġġel għaliha fuq bażi mhux diskriminatorja. L-Istat Membru għandu jirrikjedi lill-kumpanija biex tuża tali mezzi li wieħed jista’ jiddependi fuqhom b’mod raġonevoli għat-tixrid effettiv ta’ informazzjoni lill-pubbliku fil-Komunità kollha. L-Istat Membru ma jistax jimponi obbligu biex jintużaw biss mezzi li l-operaturi tagħhom huma stabbiliti fit-territorju tiegħu.

Mhuwiex meħtieġ li l-Istati Membri japplikaw l-ewwel sub-paragrafu lil kumpaniji li jistgħu jidentifikaw l-ismijiet u l-indirizzi ta’ l-azzjonisti tagħhom minn reġistru kurrenti ta’ l-azzjonisti, u dan sakemm il-kumpanija għandha l-obbligu li tibgħat is-sejħa lil kull wieħed mill-azzjonisti reġistrati tagħha.

Fi kwalunkwe każ, il-kumpanija ma tistax titlob għal kwalunkwe ħlas speċifiku għall-ħruġ tas-sejħa bil-mod preskritt.

3.  Is-sejħa msemmija fil-paragrafu 1 għandha għall-inqas:

(a) tindika b’mod preċiż meta u fejn se ssir il-laqgħa ġenerali, u l-aġenda proposta għal-laqgħa ġenerali;

(b) tinkludi deskrizzjoni ċara u preċiża tal-proċeduri li l-azzjonisti huma meħtieġa li jikkonformaw magħhom biex ikunu jistgħu jieħdu sehem u jitfgħu l-vot tagħhom fil-laqgħa ġenerali. Din tinkludi informazzjoni dwar:

(i) id-drittijiet disponibbli għall-azzjonisti skond l-Artikolu 6, sakemm dawn id-drittijiet jistgħu jiġu eżerċitati wara li tkun ħarġet is-sejħa, u skond l-Artikolu 9 u l-iskadenzi li fihom jistgħu jiġu eżerċitati drittijiet bħal dawn; din is-sejħa tista’ tkun limitata sabiex tiddikkjara biss l-iskadenzi li fihom jistgħu jiġu eżerċitati dawn id-drittijiet, sakemm ikun fiha referenza għal informazzjoni aktar dettaljata dwar drittijiet bħal dawn li jkunu disponibbli fuq is-sit ta’ l-Internet tal-kumpanija;

(ii) il-proċedura għal votazzjoni permezz ta’ prokura, b’mod partikolari l-formuli li għandhom jintużaw għal vot bi prokura u l-mezzi li permezz tagħhom il-kumpanija hija lesta li taċċetta notifiki elettroniċi ta’ ħatriet ta’ prokuraturi; u

(iii) fejn huwa applikabbli, il-proċedura għat-tfigh ta’ votazzjoni kemm jekk b’korrispondenza jew b’mezzi elettroniċi;

(ċ) fejn huwa applikabbli, tiddikjara d-data ta’ reġistrazzjoni kif definit fl-Artikolu 7(2), u tispjega li persuni li huma azzjonisti f’dik id-data biss għandu jkollhom id-dritt li jipparteċipaw u li jivvotaw fil-laqgħa ġenerali;

(d) tindika minn fejn u kif jista’ jinkiseb it-test sħiħ u mhux imqassar tad-dokumenti u l-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet imsemmija fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 4;

(e) tindika l-indirizz tas-sit ta’ l-Internet fejn l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 se jkun disponibbli.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għal perijodu kontinwu li jibda’ sa mhux aktar tard mill-wieħed u għoxrin ġurnata qabel il-ġurnata tal-laqgħa ġenerali u li jinkludi l-ġurnata tal-laqgħa, il-kumpannija għandha tagħmel disponibbli lill-azzjonisti tagħha fuq is-sit ta’ l-Internet tagħha għallinqas l-informazzjoni li ġejja:

(a) is-sejħa msemmija fil-paragrafu 1;

(b) in-numru totali ta’ ishma u drittijiet tal-vot fid-data tas-sejħa (inklużi totali separati għal kull klassi ta’ ishma fejn il-kapital tal-kumpanija huwa maqsum f’żewġ klassijiet ta’ ishma jew aktar);

(ċ) id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati fil-laqgħa ġenerali;

(d) abbozz ta’ riżoluzzjoni jew, fejn ma tiġix proposta riżoluzzjoni biex tiġi adottata, kumment minn korp kompetenti fi ħdan il-kumpanija, maħtur bil-liġi applikabbli, għal kull punt fuq l-aġenda proposta tal-laqgħa ġenerali; barra minn hekk, kwalunkwe abbozz ta’ riżoluzzjoni mressaq mill-azzjonisti għandu jiġi miżjud malli jkun fattibbli wara li l-kumpanija tkun irċevietu;

(e) fejn applikabbli, il-formoli li għandhom jintużaw għal vot bi prokura u għal vot b’korrispondenza, sakemm dawn il-formoli jintbagħtu direttament lil kull azzjonist.

Fejn il-formoli msemmija fil-punt (e) ma jistgħux ikunu disponibbli fuq l-Internet minħabba raġunijiet tekniċi, il-kumpanija għandha tindika fuq is-sit tagħha kif dawn il-formoli jistgħu jinkisbu fuq karta. F’dan il-każ, il-kumpanija tkun meħtieġa tibgħat il-formoli bis-servizzi postali u mingħajr ħlas lill kull azzjonist li jitlob biex isir hekk.

Fejn, skond l-Artikolu 9(4) jew 11(4) tad-Direttiva 2004/25/KE, jew skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, is-sejħa għal-laqgħa ġenerali tinħareġ wara wieħed u għoxrin ġurnata qabel il-laqgħa, il-perijodu speċifikat f’dan il-paragrafu għandu jitqassar b’mod xieraq.

▼M1

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-finijiet tad-Direttiva 2014/59/UE, il-laqgħa ġenerali tista’ tiddeċiedi permezz ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti validi, tiddeċiedi jew timmodifika l-istatut biex tippreskrivi li sejħa għal laqgħa ġenerali sabiex jiġi deċiż dwar żieda fil-kapital tista’ tissejjaħ b’avviż iqsar minn dak previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sakemm dik il-laqgħa ma sseħħx fi żmien għaxart ijiem kalendarji mis-sejħa u li l-kondizzjonijiet tal-Artikolu 27 jew 29 tad-Direttiva 2014/59/UE jiġu sodisfatti u li ż-żieda fil-kapital hija meħtieġa sabiex jiġu evitati l-kondizzjonijiet għar-riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 32 u 33 ta’ dik id-Direttiva.

6.  Għall-finijiet tal-paragrafu 5, l-obbligu għal kull Stat Membru li jiffissa skadenza waħda fl-Artikolu 6(3), l-obbligu li jiżgura d-disponibbiltà fil-ħin ta’ agenda riveduta fl-Artikolu 6(4) u l-obbligu għal kull Stat Membru li jiffissa data ta’ reġistrazzjoni waħda fl-Artikolu 7(3) ma għandhomx japplikaw.

▼B

Artikolu 6

Id-dritt li wieħed ipoġġi punti fuq l-aġenda tal-laqgħa ġenerali u li jressaq abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonisti, filwaqt li jaġixxu individwalment jew kollettivament:

(a) jkollhom id-dritt li jpoġġu punti fuq l-aġenda tal-laqgħa ġenerali sakemm kull punt bħal dan ikun akkumpanjat b’ġustifikazzjoni jew abbozz ta’ riżoluzzjoni għal adozzjoni fil-laqgħa ġenerali; u

(b) jkollhom id-dritt li jressqu abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet għal punti inklużi jew li għandhom jiġu inklużi fuq l-aġenda tal-laqgħa ġenerali.

L-Istati Membri jistgħu jiddisponu biex id-dritt imsemmi fil-punt (a) jkun jista’ jiġi eżerċitat biss fir-rigward tal-laqgħa ġenerali annwali, sakemm l-azzjonisti, filwaqt li jaġixxu individwalment jew kollettivament, ikollhom id-dritt li jsejħu, jew li jeħtieġu li l-kumpannija ssejjaħ, laqgħa ġenerali li mhijiex laqgħa ġenerali annwali b’aġenda li tinkludi ta’ l-anqas il-punti kollha mitluba minn dawk l-azzjonisti.

L-Istati Membri jistgħu jiddisponu biex dawk id-drittijiet jiġu eżerċitati bil-miktub (ippreżentati bis-servizzi postali jew permezz ta’ mezzi elettroniċi).

2.  Fejn kwalunkwe wieħed mid-drittijiet speċifikati fil-paragrafu 1 ikun suġġett għall-kondizzjoni li l-azzjonist jew azzjonisti rilevanti jkun(u) detentur(i) ta’ ammont minimu ta’ kapital azzjonarju fil-kumpannija, dak l-ammont minimu ma għandux ikun aktar min 5 % tal-kapital azzjonarju.

3.  Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi data ta’ skadenza waħda, b’referenza għal numru speċifiku ta’ ġranet qabel il-laqgħa ġenerali jew is-sejħa, sa meta l-azzjonisti jistgħu jeżerċitaw id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1, punt (a). Bl-istess mod, kull Stat Membru jista’ jistabbilixxi skadenza għall-eżerċizzju tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1, punt (b).

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn l-eżerċizzju tad-dritt imsemmi fil-paragrafu 1, punt (a) jinvolvi modifika ta’ l-aġenda għal-laqgħa ġenerali li tkun diġà ġiet notifikata lill-azzjonisti, il-kumpannija għandha tippubblika bl-istess mod bħall-aġenda ta’ qabel, aġenda riveduta, qabel id-data ta’ reġistrazzjoni kif definita fl-Artikolu 7(2), jew, jekk ma hemm l-ebda data ta’ reġistrazzjoni, biżżejjed żmien qabel id-data tal-laqgħa ġenerali sabiex tippermetti lil azzjonisti oħra li jaħtru prokuratur jew, fejn applikabbli, biex jivvotaw permezz ta’ korrispondenza.

Artikolu 7

Ir-rekwiżiti għall-parteċipazzjoni u l-votazzjoni fil-laqgħa ġenerali

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw:

(a) li d-dritt ta’ azzjonist sabiex jipparteċipa fil-laqgħa ġenerali u jivvota rigward kwalunkwe mill-ishma tiegħu ma għandux ikun suġġett għal kwalunkwe rekwiżit li tirrikjedi li l-ishma tiegħu jkunu depositati jew trasferiti jew reġistrati f’isem persuna oħra fiżika jew ġuridika qabel il-laqgħa ġenerali; u

(b) li d-drittijiet ta’ azzjonist li jbiegħ jew b’mod ieħor jitrasferixxi l-ishma tiegħu waqt il-perijodu bejn id-data ta’ reġistrazzjoni, kif definita fil-paragrafu 2, u l-laqgħa ġenerali li għalihom tapplika ma jkunux suġġetti għal l-ebda restrizzjoni li għaliha s-soltu ma jkunux suġġetti.

2.  L-Istati Membri għandhom jiddisponu sabiex id-drittijiet ta’ azzjonist biex jipparteċipa f’laqgħa ġenerali u biex jivvota fir-rigward ta’ l-ishma tiegħu għandhom jiġu determinati fir-rigward ta’ l-ishma miżmuma minn dak l-azzjonist f’data speċifika qabel il-laqgħa ġenerali (id-“data ta’ reġistrazzjoni”).

Mhuwiex meħtieġ li l-Istati Membri japplikaw l-ewwel subparagrafu lill-kumpanniji li jistgħu jidentifikaw l-ismijiet u l-indirizzi ta’ l-azzjonisti tagħhom minn reġistru kurrenti ta’ l-azzjonisti fil-ġurnata tal-laqgħa ġenerali.

3.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li data ta’ reġistrazzjoni waħda tapplika għall-kumpaniji kollha. Madankollu, Stat Membru jista’ jistabbilixxi data ta’ reġistrazzjoni waħda għal kumpaniji li ħarġu ishma anonimi u oħra għal dawk li ħarġu ishma reġistrati, sakemm data ta’ reġistrazzjoni waħda tkun tapplika għal kull kumpanija li tkun ħarġet iż-żewġ tipi ta’ ishma. Id-data ta’ reġistrazzjoni ma għandhiex tkun aktar minn tletin jum qabel id-data tal-laqgħa ġenerali li tapplika għaliha. Fl-implimentazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u ta’ l-Artikolu 5(1), kull Stat Membru għandu jiżgura li ta’ l-anqas ikunu għaddew tmient ijiem bejn l-aħħar data permissibbli għas-sejħa tal-laqgħa ġenerali u tad-data ta’ reġistrazzjoni. Fil-kalkolu ta’ dak in-numru ta’ ġranet dawk iż-żewġ dati ma għandhomx jiġu inklużi. Madankollu, fiċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 5(1), it-tielet subparagrafu, Stat Membru jista’ jitlob li jgħaddu mill-anqas sitt ijiem bejn l-aħħar data permessa għat-tieni sejħa jew għal sejħa oħra wara tal-laqgħa ġenerali u d-data ta’ reġistrazzjoni. Fil-kalkolu tan-numru ta’ ġranet dawn iż-żewġ dati ma għandhomx jiġu inklużi.

4.  Il-prova ta’ kwalifika bħala azzjonist tista’ ssir suġġetta biss għal dawk ir-rekwiżiti li huma meħtieġa biex jiżguraw l-identifikazzjoni ta’ l-azzjonisti u biss sa fejn dawn ikunu proporzjonati biex jinkiseb dak l-għan.

Artikolu 8

Parteċipazzjoni fil-laqgħa ġenerali permezz ta’ mezzi elettroniċi

1.  L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-kumpaniji li joffru lill-azzjonisti tagħhom kwalunkwe forma ta’ parteċipazzjoni fil-laqgħa ġenerali b’mezzi elettroniċi, b’mod partikulari kull waħda minn dawn il-forom ta’ parteċipazzjoni jew kollha kemm huma:

(a) trażmissjoni f’ħin reali tal-laqgħa ġenerali;

(b) komunikazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet f’ħin reali li tippermetti lill-azzjonisti li jindirizzaw il-laqgħa ġenerali minn lok remot;

(ċ) mekkaniżmu biex jintefgħu il-voti, kemm jekk qabel kif ukoll jekk waqt il-laqgħa ġenerali, mingħajr il-ħtieġa biex jinħatar prokuratur li jkun preżenti b’mod fiżiku għal-laqgħa.

2.  L-użu ta’ mezzi elettroniċi bl-iskop li l-azzjonisti jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħa ġenerali jista’ jiġi suġġett biss għall-dawk ir-rekwiżiti u l-limitazzjonijiet kif meħtieġa għall-verifika ta’ l-identità ta’ l-azzjonisti u s-sigurtà tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u biss sal-punt li huma proporzjonati biex jinkisbu dawk l-objettivi.

Dan huwa mingħajr ħsara għal kwalunkwe regola legali li adottaw jew li jistgħu jadottaw l-Istati Membri fir-rigward tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan il-kumpanija għall-introduzzjoni jew għall-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe forma ta’ parteċipazzjoni b’mezzi elettroniċi.

Artikolu 9

Id-dritt li wieħed jistaqsi

1.  Kull azzjonist għandu jkollu d-dritt li jistaqsi mistoqsijiet relatati ma’ punti fuq l-aġenda tal-laqgħa ġenerali. Il-kumpanija għandha twieġeb il-mistoqsijiet magħmula mill-azzjonisti.

2.  Id-dritt li wieħed jistaqsi u l-obbligu ta’ tweġiba huma suġġetti għall-miżuri li l-Istati Membri jistgħu jieħdu, jew jippermettu lill-kumpanniji li jieħdu, sabiex jiżguraw l-identifikazzjoni ta’ l-azzjonisti, l-ordni tajba fil-laqgħat ġenerali u t-tħejjija tagħhom, kif ukoll il-ħarsien tal-kunfidenzjalità u l-interessi kummerċjali tal-kumpaniji. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-kumpaniji biex jipprovdu tweġiba waħda ġenerali għall-mistoqsijiet bl-istess kontenut.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li tkun ingħatat tweġiba jekk l-informazzjoni rilevanti tkun disponibbli fuq is-sit ta’ l-Internet tal-kumpanija f’format ta’ mistoqsija u tweġiba.

▼M2

Artikolu 9a

Dritt għall-vot dwar il-politika ta’ remunerazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jistabbilixxu politika ta’ remunerazzjoni fir-rigward tad-diretturi u lil-azzjonisti jkollhom id-dritt li jivvutaw fuq il-politika ta’ remunerazzjoni fil-laqgħa ġenerali.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-votazzjoni tal-azzjonisti fil-laqgħa ġenerali dwar il-politika ta’ remunerazzjoni tkun vinkolanti. Il-kumpaniji għandhom iħallsu remunerazzjoni lid-diretturi tagħhom biss f’konformità mal-politika ta’ remunerazzjoni li tkun ġiet approvata mil-laqgħa ġenerali.

Meta ma tkunx ġiet approvata ebda politika ta’ remunerazzjoni u l-laqgħa ġenerali ma tapprovax il-politika proposta, il-kumpanija tista’ tkompli tħallas remunerazzjoni lid-diretturi tagħha f’konformità mal-prattiki eżistenti tagħha u għandha tissottometti politika riveduta għall-approvazzjoni fil-laqgħa ġenerali li jmiss.

Meta teżisti politika ta’ remunerazzjoni approvata u l-laqgħa ġenerali ma tapprovax il-politika ġdida proposta, il-kumpanija għandha tkompli tħallas remunerazzjoni lid-diretturi tagħha f’konformità mal-politika approvata eżistenti u għandha tissottometti politika riveduta għall-approvazzjoni fil-laqgħa ġenerali li jmiss.

3.  Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-votazzjoni fil-laqgħa ġenerali dwar il-politika ta’ remunerazzjoni tkun konsultattiva. F’dak il-każ, il-kumpaniji għandhom iħallsu remunerazzjoni lid-diretturi tagħhom biss f’konformità ma’ politika ta’ remunerazzjoni li tkun ġiet sottomessa għal tali votazzjoni fil-laqgħa ġenerali. Meta l-laqgħa ġenerali tirrifjuta l-politika ta’ remunerazzjoni proposta, il-kumpanija għandha tissottometti politika riveduta għal votazzjoni fil-laqgħa ġenerali li jmiss.

4.  L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpaniji, f’ċirkustanzi straordinarji, jidderogaw temporanjament mill-politika ta’ remunerazzjoni, sakemm il-politika tinkludi l-kundizzjonijiet proċedurali li skonthom id-deroga tista’ tiġi applikata, u tispeċifika l-elementi tal-politika li tista’ tingħata deroga minnhom.

Ċirkustanzi straordinarji kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom ikopru biss sitwazzjonijiet li fihom id-deroga mill-politika ta’ remunerazzjoni tkun meħtieġa biex taqdi l-interessi u s-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpanija b’mod sħiħ jew biex tiżgura l-vijabbiltà tagħha.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jissottomettu l-politika ta’ remunerazzjoni għal votazzjoni fil-laqgħa ġenerali għal kull bidla materjali u fi kwalunkwe każ mill-inqas kull erba’ snin.

6.  Il-politika ta’ remunerazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-istrateġija kummerċjali tal-kumpanija u għall-interessi u s-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpanija u għandha tispjega kif tagħmel dan. Hija għandha tkun ċara u intelliġibbli u tiddeskrivi l-komponenti differenti tar-remunerazzjoni fissa u varjabbli, inklużi l-bonusijiet u l-benefiċċji l-oħra kollha, f’kull forma, li jistgħu jingħataw lid-diretturi u tindika l-proporzjon relattiv tagħhom.

Il-politika ta’ remunerazzjoni għandha tispjega kif il-paga u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-impjegati tal-kumpanija kienu kkunsidrati meta ġiet stabbilita l-politika ta’ remunerazzjoni.

Meta kumpanija tagħti remunerazzjoni varjabbli, il-politika ta’ remunerazzjoni għandha tistabbilixxi kriterji ċari, komprensivi u varjati għall-għoti tar-remunerazzjoni varjabbli. Hija għandha tindika l-kriterji tal-prestazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja inklużi, meta jkun xieraq, kriterji marbuta mar-responsabbiltà soċjali korporattiva, u tispjega kif dawn jikkontribwixxu għall-objettivi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu, u l-metodi li għandhom jiġu applikati biex jiddeterminaw sa liema punt il-kriterji ta’ prestazzjoni twettqu. Hija għandha tispeċifika l-informazzjoni dwar kwalunkwe perjodu ta’ differiment u dwar il-possibbiltà għall-kumpanija li terġa’ tieħu lura r-remunerazzjoni varjabbli.

Meta kumpanija tagħti remunerazzjoni bbażata fuq l-ishma, il-politika għandha tispeċifika l-perjodi ta’ akkwiżizzjoni u, meta applikabbli, iż-żamma tal-ishma wara l-akkwiżizzjoni, u għandha tispjega kif ir-remunerazzjoni bbażata fuq l-ishma tikkontribwixxi għall-objettivi stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.

Il-politika ta’ remunerazzjoni għandha tindika d-durata tal-kuntratti jew l-arranġamenti mad-diretturi u l-perjodi ta’ notifika applikabbli, il-karatteristiċi ewlenin ta’ pensjoni supplementari jew skemi ta’ rtirar bikri u t-termini tat-terminazzjoni u l-pagamenti marbuta mat-terminazzjoni.

Il-politika ta’ remunerazzjoni għandha tispjega l-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet segwita għad-determinazzjoni, ir-rieżami u l-implimentazzjoni tagħha, inklużi miżuri biex jiġu evitati jew ġestiti kunflitti ta’ interess u, meta jkun applikabbli, ir-rwol tal-kumitat tar-remunerazzjoni jew ta’ kumitati kkonċernati oħra. Fil-każ ta’ reviżjoni tal-politika, hija għandha tiddeskrivi u tispjega l-bidliet sinifikanti kollha u kif din tqis il-voti u l-fehmiet tal-azzjonisti dwar il-politika u r-rapporti mill-aktarvotazzjoni reċenti dwar il-politika ta’ remunerazzjoni fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti.

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara l-votazzjoni dwar il-politika ta’ remunerazzjoni fil-laqgħa ġenerali l-politika, flimkien mad-data u r-riżultati tal-votazzjoni, issir pubblika mingħajr dewmien fil-websajt tal-kumpanija u tibqa’ pubblikament disponibbli, bla ħlas, għall-inqas sakemm tibqa’ applikabbli.

Artikolu 9b

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport ta’ remunerazzjoni u d-dritt għall-vot dwar ir-rapport ta’ remunerazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija tfassal rapport ċar u li jiftiehem dwar ir-remunerazzjoni, li jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tar-remunerazzjoni, inklużi l-benefiċċji kollha f’kull forma, mogħtija jew dovuti matul is-sena finanzjarja l-aktar reċenti lid-diretturi individwali, inklużi lil diretturi rreklutati ġodda u lil diretturi preċedenti, f’konformità mal-politika ta’ remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 9a.

Meta applikabbli, ir-rapport ta’ remunerazzjoni għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja dwar ir-remunerazzjoni ta’ kull direttur individwali:

(a) ir-remunerazzjoni totali mogħtija jew imħallsa f’partijiet skont il-komponent, il-proporzjon relattiv tar-remunerazzjoni fissa u varjabbli, spjegazzjoni dwar kif ir-remunerazzjoni totali tikkonforma mal-politika ta’ remunerazzjoni adottata, inkluż kif tikkontribwixxi għall-prestazzjoni fit-tul tal-kumpanija, u informazzjoni dwar kif il-kriterji ta’ prestazzjoni ġew applikati;

(b) il-bidla annwali fir-remunerazzjoni, tal-prestazzjoni tal-kumpanija, u tar-remunerazzjoni medja fuq bażi ekwivalenti għall-full-time tal-impjegati tal-kumpanija minbarra d-diretturi matul mill-anqas il-ħames snin finanzjarji l-aktar reċenti, ippreżentati flimkien b’mod li jippermetti li jitqabblu;

(c) kull remunerazzjoni minn kull impriża li tappartjeni għall-istess grupp kif definit fil-punt (11) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 13 );

(d) l-għadd ta’ ishma u l-għażliet ta’ ishma mogħtija jew offruti, u l-kundizzjonijiet ewlenin għall-eżerċizzju tad-drittijiet inklużi l-prezz u d-data tal-eżerċizzju u kwalunkwe bidla li ssir fihom;

(e) informazzjoni dwar l-użu tal-possibbiltà li r-remunerazzjoni varjabbli tintalab lura;

(f) informazzjoni dwar kwalunkwe devjazzjoni mill-proċedura għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 9a(6) u dwar kwalunkwe deroga applikata f’konformità mal-Artikolu 9a(4), inkluża l-ispjegazzjoni tan-natura taċ-ċirkustanzi straordinarji u l-indikazzjoni tal-elementi speċifiċi li saret deroga minnhom.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji ma jinkludux fir-rapport ta’ remunerazzjoni kategoriji speċjali ta’ data personali ta’ diretturi individwali fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 14 ) jew data personali li tirreferi għas-sitwazzjoni familjari ta’ diretturi individwali.

3.  Il-kumpaniji għandhom jipproċessaw id-data personali tad-diretturi inkluża fir-rapport ta’ remunerazzjoni skont dan l-Artikolu bl-iskop li tiżdied it-trasparenza korporattiva fir-rigward tar-remunerazzjoni tad-diretturi bl-għan li jissaħħu r-responsabbiltà tad-diretturi u s-sorveljanza tal-azzjonisti fuq ir-remunerazzjoni tad-diretturi.

Mingħajr preġudizzju għal xi perjodu itwal stabbilit b’xi atti leġiżlattivi tal-Unjoni speċifiċi għal ċertu settur, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji ma jibqgħux jagħmlu disponibbli pubblikament, skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, id-data personali tad-diretturi inkluża fir-rapport ta’ remunerazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu wara 10 snin mill-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ remunerazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu bil-liġi l-ipproċessar tad-data personali tad-diretturi għal skopijiet oħra.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-laqgħa ġenerali annwali jkollha d-dritt torganizza votazzjoni konsultattiva dwar ir-rapport ta’ remunerazzjoni tas-sena finanzjarja l-aktar reċenti. Fir-rapport ta’ remunerazzjoni li jmiss, il-kumpanija għandha tispjega kif tqieset il-votazzjoni fil-laqgħa ġenerali.

Madankollu, għall-kumpaniji żgħar u medji kif definiti, rispettivament, fl-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu, bħala alternattiva għall-votazzjoni, li r-rapport ta’ remunerazzjoni tas-sena finanzjarja l-aktar reċenti jrid jiġi sottomess għal diskussjoni fil-laqgħa ġenerali annwali bħala punt separat tal-aġenda. Fir-rapport ta’ remunerazzjoni li jmiss, il-kumpanija għandha tispjega kif tqieset id-diskussjoni fil-laqgħa ġenerali.

5.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(4), wara l-laqgħa ġenerali l-kumpaniji għandhom jagħmlu r-rapport ta’ remunerazzjoni disponibbli pubblikament fil-websajt tagħhom, bla ħlas, għal perjodu ta’ 10 snin, u jistgħu jagħżlu li jżommuh disponibbli għal perjodu itwal sakemm ma jkunx għadu fih id-data personali tad-diretturi. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar għandhom jiċċekkjaw li l-informazzjoni meħtieġa minn dan l-Artikolu tkun ġiet ipprovduta.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-diretturi tal-kumpanija, waqt li jaġixxu fil-limiti tal-qasam tal-kompetenza assenjat lilhom mil-liġi nazzjonali, ikollhom responsabbiltà kollettiva li jiżguraw li r-rapport ta’ remunerazzjoni jiġi mfassal u ppubblikat f’konformità mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom dwar ir-responsabbiltà, tal-anqas lejn il-kumpanija, japplikaw għad-diretturi tal-kumpanija għal ksur tad-dmirijiet imsemmija f’dan il-paragrafu.

6.  Il-Kummissjoni għandha, sabiex tiżgura l-armonizzazzjoni fir-rigward ta’ dan l-Artikolu, tadotta linji gwida biex tispeċifika l-preżentazzjoni standardizzata tal-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1.

Artikolu 9c

Trasparenza u approvazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati

1.  L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu tranżazzjonijiet materjali għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu filwaqt li jitqiesu:

(a) l-influwenza li l-informazzjoni dwar it-tranżazzjoni jista’ jkollha fuq id-deċiżjonijiet ekonomiċi tal-azzjonisti tal-kumpanija;

(b) ir-riskju li t-tranżazzjoni toħloq għall-kumpanija u l-azzjonisti tagħha li ma jkunux parti relatata, inklużi l-azzjonisti minoritarji.

Meta jiddefinixxu t-tranżazzjonijiet materjali l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proporzjon kwantitattiv wieħed jew aktar ibbażat fuq l-impatt tat-tranżazzjoni fuq il-qagħda finanzjarja, id-dħul, l-assi, il-kapitalizzazzjoni, inkluża l-ekwità, jew it-tranżazzjonijiet tal-kumpanija jew iqisu n-natura tat-tranżazzjoni u l-qagħda tal-parti relatata.

L-Istati Membri jistgħu jadottaw definizzjonijiet differenti tal-materjalità għall-applikazzjoni tal-paragrafu 4 pjuttost milli għall-applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3 u jistgħu jiddifferenzjaw id-definizzjonijiet skont id-daqs tal-kumpanija.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jħabbru pubblikament tranżazzjonijiet materjali ma’ partijiet relatati sa mhux aktar tard fil-ħin tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni. It-tħabbira għandu jkun fiha tal-anqas informazzjoni dwar in-natura tar-relazzjoni mal-parti relatata, l-isem tal-parti relatata, id-data u l-valur tat-tranżazzjoni u kull informazzjoni oħra meħtieġa biex jiġi vvalutat jekk it-tranżazzjoni hijiex ġusta u raġonevoli mill-perspettiva tal-kumpanija u tal-azzjonisti li mhumiex parti relatata, inklużi l-azzjonisti minoritarji.

3.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li t-tħabbira pubblika msemmija fil-paragrafu 2 tkun akkumpanjata b’rapport li jivvaluta jekk it-tranżazzjoni hijiex ġusta u raġonevoli jew le mill-perspettiva tal-kumpanija u tal-azzjonisti li mhumiex parti relatata, inklużi l-azzjonisti minoritarji, u li jispjega s-suppożizzjonijiet li huwa bbażat fuqhom flimkien mal-metodi użati.

Ir-rapport għandu jitfassal minn wieħed minn dawn li ġejjin:

(a) parti terza indipendenti;

(b) il-korp amministrattiv jew superviżorju tal-kumpanija;

(c) il-kumitat tal-awditjar jew kwalunkwe kumitat li fil-maġġoranza tiegħu jkun magħmul minn diretturi indipendenti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet relatati ma jiħdux sehem fit-tħejjija tar-rapport.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tranżazzjonijiet materjali ma’ partijiet relatati jkunu approvati mil-laqgħa ġenerali jew mill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-kumpanija skont proċeduri li jipprevjenu l-parti relatata milli tieħu vantaġġ mill-pożizzjoni tagħha u jipprovdu protezzjoni adegwata għall-interessi tal-kumpanija u tal-azzjonisti li mhumiex parti relatata, inklużi l-azzjonisti minoritarji.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-azzjonisti fil-laqgħa ġenerali jkollhom id-dritt li jivvutaw dwar tranżazzjonijiet materjali ma’ partijiet relatati li jkunu ġew approvati mill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-kumpanija.

Meta t-tranżazzjoni ma’ parti relatata tinvolvi direttur jew azzjonist, id-direttur jew l-azzjonist m’għandux jipparteċipa fl-approvazzjoni jew fil-votazzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-azzjonist li jkun parti relatata jieħu sehem fil-votazzjoni sakemm il-liġi nazzjonali tiżgura salvagwardji adegwati li japplikaw qabel jew matul il-proċess tal-votazzjoni biex jitħarsu l-interessi tal-kumpanija u tal-azzjonisti li ma jkunux parti relatata, inklużi l-azzjonisti minoritarji, billi l-parti relatata ma titħalliex tapprova t-tranżazzjoni minkejja l-opinjoni kuntrarja tal-maġġoranza tal-azzjonisti li ma jkunux parti relatata jew minkejja l-opinjoni kuntrarja tal-maġġaronza tad-diretturi indipendenti.

5.  Il-paragrafi 2, 3 u 4 m’għandhomx japplikaw għal tranżazzjonijiet mibdija fil-perkors normali tan-negozju u konklużi b’termini normali tas-suq. Għal tali tranżazzjonijiet, il-korp amministrattiv jew superviżorju tal-kumpanija għandu jistabbilixxi proċedura interna biex jivvaluta perjodikament jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfati. Il-partijiet relatati m’għandhomx jieħdu sehem f’dik il-valutazzjoni.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kumpaniji japplikaw ir-rekwiżiti fil-paragrafi 2, 3 jew 4 għal tranżazzjonijiet mibdija fil-perkors normali tan-negozju u konklużi b’termini normali tas-suq.

6.  L-Istati Membri jistgħu jeskludu, jew jistgħu jippermettu lil kumpaniji jeskludu, mir-rekwiżiti fil-paragrafi 2, 3 u 4:

(a) tranżazzjonijiet mibdija bejn il-kumpanija u s-sussidjarji tagħha sakemm dawn ikunu totalment proprjetà tagħha jew li l-ebda parti relatata oħra tal-kumpanija ma jkollha interess fl-impriża sussidjarja jew sakemm il-liġi nazzjonali tipprevedi protezzjoni adegwata tal-interessi tal-kumpanija, tas-sussidjarja u tal-azzjonisti tagħhom li ma jkunux parti relatata, inklużi l-azzjonisti minoritarji f’tali tranżazzjonijiet;

(b) tipi ta’ tranżazzjonijiet definiti b’mod ċar li għalihom il-liġi nazzjonali tirrikjedi l-approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali, sakemm l-azzjonisti kollha jiġu ttrattati b’mod ġust u l-interessi tal-kumpanija u tal-azzjonisti li ma jkunux parti relatata, inklużi l-azzjonisti minoritarji, jiġu indirizzati b’mod speċifiku u jiġu protetti b’mod adegwat f’tali dispożizzjonijiet tal-liġi;

(c) tranżazzjonijiet li jirrigwardaw ir-remunerazzjoni tad-diretturi, jew ċerti elementi tar-remunerazzjoni tad-diretturi, mogħtija jew dovuta f’konformitàmal-Artikolu 9a;

(d) tranżazzjonijiet mibdija minn istituzzjonijiet tal-kreditu abbażi ta’ miżuri, bl-għan li jissalvagwardjaw l-istabbiltà tagħhom, adottati mill-awtorità kompetenti inkarigata mis-superviżjoni prudenzjali fis-sens tal-liġi tal-Unjoni;

(e) tranżazzjonijiet offruti lill-azzjonisti kollha bl-istess termini fejn it-trattament ugwali tal-azzjonisti kollha u l-protezzjoni tal-interessi tal-kumpanija jkunu żgurati.

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jħabbru pubblikament tranżazzjonijiet materjali konklużi bejn il-parti relatata tal-kumpanija u s-sussidjarja ta’ dik il-kumpanija. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll li t-tħabbira tkun akkumpanjata b’rapport li jivvaluta jekk it-tranżazzjoni hijiex ġusta u raġonevoli jew le mill-perspettiva tal-kumpanija u tal-azzjonisti li mhumiex parti relatata, inklużi l-azzjonisti minoritarji, u li jispjega s-suppożizzjonijiet li huwa bbażat fuqhom flimkien mal-metodi użati. L-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 u 6 għandhom japplikaw ukoll għat-tranżazzjonijiet speċifikati f’dan il-paragrafu.

8.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tranżazzjonijiet mal-istess parti relatata li ġew konklużi fi kwalunkwe perjodu ta’ 12-il xahar jew fl-istess sena finanzjarja u li ma kinux soġġetti għall-obbligi elenkati fil-paragrafi 2, 3 jew 4 jiġu aggregati għall-iskopijiet ta’ dawk il-paragrafi.

9.  Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-iżvelar pubbliku ta’ informazzjoni privileġġata kif imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 15 ).

▼B

Artikolu 10

Votazzjoni bi prokura

1.  Kull azzjonist għandu jkollu d-dritt li jaħtar kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra bħala prokuratur biex jattendi u jivvota f’laqgħa ġenerali f’ismu. Il-prokuratur għandu jgawdi mill-istess drittijiet biex jitkellem u jistaqsi mistoqsijiet fil-laqgħa ġenerali bħal dawk li l-azzjonist hekk rappreżentat huwa intitolat għalihom.

Minbarra r-rekwiżit li l-prokuratur irid ikollu l-kapaċità legali, l-Istati Membri għandhom iħassru kwalunkwe regola legali li tillimita, jew li tippermetti lill-kumpaniji sabiex tillimita, l-eliġibilità ta’ persuni biex jinħatru bħala prokuraturi.

2.  L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-ħatra ta’ prokuratur għal laqgħa waħda, jew għal laqgħat li jistgħu isiru f’perijodu speċifiku.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13(5), l-Istati Membri jistgħu jillimitaw in-numru ta’ persuni li azzjonist jista’ jaħtar bħala prokuraturi fir-rigward ta’ kwalunkwe laqgħa ġenerali partikulari. Madankollu, jekk azzjonist għandu ishma ta’ kumpanija miżmuma f’aktar minn kont ta’ titoli wieħed, din il-limitazzjoni ma għandhiex iżżomm lill-azzjonist milli jaħtar prokuratur separat fir-rigward ta’ ishma miżmuma f’kull kont ta’ titoli relatat ma kwalunklwe laqgħa ġenerali. Dan ma’ jaffettwax ir-regoli stabbiliti mil-liġi applikabbli li jipprojbixxu t-tfiegħ ta’ voti b’mod differenti fir-rigward ta’ l-ishma miżmuma mill-istess azzjonist.

3.  Barra mil-limitazzjonijiet permessi b’mod ċar fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu jew jippermettu lill-kumpaniji biex jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ l-azzjonisti permezz ta’ prokuraturi għal kwalunkwe skop ħlief biex jindirizzaw kunflitti ta’ interess potenzjali bejn il-prokuratur u l-azzjonist, li fl-interess tiegħu il-prokuratur huwa marbut li jaġixxi u billi jagħmlu dan, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu xi rekwiżit għajr dawn li ġejjin:

(a) L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-prokuraturi jiżvelaw ċerti fatti speċifiċi li jistgħu jkunu rilevanti għall-azzjonisti biex jevalwaw kwalunkwe riskju li l-prokuratur jista’ jsegwi kwalunkwe interess li mhuwiex dak ta’ l-azzjonist;

(b) l-Istati Membri jistgħu jillimitaw jew jeskludu l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ l-azzjonisti permezz ta’ prokuraturi mingħajr istruzzjonijiet speċifiċi għall-votazzjoni fir-rigward ta’ kull riżoluzzjoni li fuqha l-prokuratur għandu jivvota f’isem l-azzjonist;

(ċ) l-Istati Membri jistgħu jillimitaw jew jeskludu t-trasferiment tal-prokura lil persuna oħra, iżda dan ma għandux iżomm prokuratur li tkun persuna ġuridika milli jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu permezz ta’ kwalunkwe membru tal-korp amministrattiv jew maniġerjali tiegħu jew permezz ta’ kwalunkwe impjegat tiegħu.

Jista’ jinħoloq kunflitt ta’ interess skond it-tifsira ta’ dan il-paragrafu b’mod partikulari fejn il-prokuratur:

(i) huwa azzjonist ta’ kontroll tal-kumpanija, jew huwa entità oħra kkontrollata minn azzjonist bħal dan;

(ii) huwa membru tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew ta’ superviżjoni tal-kumpanija, jew ta’ azzjonist ta’ kontroll jew ta’ entità kkontrollata kif msemmi fil-punt (i);

(iii) huwa impjegat jew awditur tal-kumpanija, jew ta’ azzjonist ta’ kontroll jew ta’ entità kkontrollata kif imsemmi fil-punt (i);

(iv) għandu relazzjoni ta’ familja ma’ persuna fiżika msemmija fil-punti (i) sa (iii).

4.  Il-prokuratur għandu jitfa’ l-voti skond l-istruzzjonijiet ta’ votazzjoni maħruġa mill-azzjonist li jaħtar.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-prokuraturi jżommu reġistru ta’ l-istruzzjonijiet għall-votazzjoni għal perijodu minimu definit u li jikkonfermaw fuq talba li l-istruzzjonijiet għall-vot twettqu.

5.  Persuna li taġixxi bħala prokuratur tista’ jkollha prokura minn diversi azzjonisti mingħajr limitu fuq in-numru ta’ azzjonisti rappreżentati. Fejn prokuratur ikollu prokuri minn diversi azzjonisti, il-liġi applikabbli għandha tippermettilu li jitfa’ voti għal ċertu azzjonist b’mod differenti minn voti mitfugħa għal azzjonist ieħor.

Artikolu 11

Formalitajiet għall-ħatra u n-notifika ta’ prokuratur

1.  L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-azzjonisti li jaħtru prokuratur b’mezzi elettroniċi. Barra minn hekk, L-Istati Membri ser jippermettu lill-kumpaniji biex jaċċettaw in-notifika tal-ħatra b’mezzi elettroniċi, u għandhom jiżguraw li kull kumpanija toffri lill-azzjonisti tagħha ta’ l-anqas metodu wieħed effettiv ta’ notifika b’mezzi elettroniċi.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prokuraturi jistgħu jinħatru, u li ħatra bħal din tiġi notifikata lill-kumpannija, bil-miktub biss. Lil hinn minn dan ir-rekwiżit formali bażiku, il-ħatra ta’ prokuratur, in-notifika tal-ħatra lill-kumpanija u l-ħruġ ta’ istruzzjonijiet ta’ votazzjoni, jekk ikun il-każ, lill-prokuratur jistgħu jkunu suġġetti biss għal dawk ir-rekwiżiti formali li jkunu meħtieġa biex tiġi żgurata l-identifikazzjoni ta’ l-azzjonist u tal-prokuratur, jew biex tiġi żgurata l-possibiltà li jiġi verifikat il-kontenut ta’ l-istruzzjonijiet ta’ votazzjoni, rispettivament, u biss sal-punt li jkunu proporzjonati mal-kisba ta’ dawk l-objettivi.

3.  Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis għar-revoka tal-ħatra ta’ prokuratur.

Artikolu 12

Votazzjoni b’korrispondenza

L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-kumpanniji li joffru lill-azzjonisti tagħhom il-possibbiltà li jivvotaw bil-korrispondenza minn qabel il-laqgħa ġenerali. Votazzjoni b’korrispondenza tista’ tkun suġġetta biss għal dawk ir-rekwiżiti u limitazzjonijiet li huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-identifikazzjoni ta’ l-azzjonisti u biss sal-punt li jkunu proporzjonati mal-kisba ta’ dak l-għan.

Artikolu 13

Tneħħija ta’ ċerti impedimenti għall-eżerċizzju effettiv ta’ drittijiet tal-vot

1.  Dan l-Artikolu japplika fejn persuna fiżika jew ġuridika, li hija rikonoxxuta bħala azzjonista mil-liġi applikabbli taġixxi f’isem persuna fiżika jew ġuridika oħra (il-“klijent”) fit-tħaddim ta’ negozju.

2.  Fejn il-liġi applikabbli timponi rekwiżiti ta’ żvelar bħala prerekwiżit għall-eżerċizzju ta’ drittijiet tal-vot minn azzjonist imsemmi fil-paragrafu 1, rekwiżiti bħal dawn ma għandhomx imorru lil hinn minn lista li tiżvela lill-kumpanija l-identità ta’ kull klijent u n-numru ta’ ishma vvotati f’ismu.

3.  Meta l-liġi applikabbli timponi rekwiżiti formali għall-awtorizzazzjoni ta’ azzjonist imsemmi fil-paragrafu 1 sabiex jeżerċita d-dritt tal-vot, jew għall-istruzzjonijiet għall-votazzjoni, dawn ir-rekwiżiti formali ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tkun żgurata l-identifikazzjoni tal-klijent, jew għall-possibiltà ta’ verifika tal-kontenut ta’ l-istruzzjonijiet tal-votazzjoni, rispettivament, u għandhom ikunu proporzjonati mal-kisba ta’ dawk l-objettivi.

4.  Azzjonist imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitħalla jitfa’ voti marbuta ma’ wħud mill-ishma b’mod differenti minn voti marbuta ma’ ishma oħra.

5.  Fejn il-liġi applikabbli tillimita n-numru ta’ persuni li azzjonist jista’ jaħtar bħala prokuratur skond l-Artikolu 10(2), limitazzjoni bħal din ma għandhiex iżżomm azzjonist imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu milli jagħti prokura lil kull wieħed mill-klijenti tiegħu jew lil kwalunkwe parti terza magħżula minn klijent.

Artikolu 14

Riżultati tal-votazzjoni

1.  Il-kumpanija għandha tistabbilixxi, għal kull riżoluzzjoni, mill-inqas in-numru ta’ ishma li ġew votati b’mod validu, il-proporzjon tal-kapital azzjonarju li jirrapreżentaw dawk il-voti, in-numru totali ta’ voti mitfugħa b’mod validu, kif ukoll in-numru ta’ voti favur u kontra kull riżoluzzjoni u, fejn hu applikabbli, in-numru ta’ astensjonijiet.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jistipulaw jew jippermettu lill-kumpaniji biex jistabbilixxu li jekk l-ebda azzjonist ma jitlob rendikont sħiħ tal-votazzjoni, ikun biżżejjed li jiġu stabbiliti r-riżultati tal-votazzjoni biss sal-punt meħtieġ biex jiġi żgurat li tintlaħaq il-maġġoranza meħtieġa għal kull riżoluzzjoni.

2.  F’perijodu ta’ żmien li għandu jiġi determinat mil-liġi applikabbli u li ma għandux ikun aktar minn ħmistax-il jum wara l-laqgħa ġenerali, il-kumpanija għandha tippubblika r-riżultati tal-votazzjoni stabbiliti skond il-paragrafu 1 fuq is-sit ta’ l-Internet tagħha.

3.  Dan l-Artikolu huwa bla ħsara għal kwalunkwe regola legali li l-Istati Membri adottaw jew li jistgħu jadottaw rigward il-formalitajiet meħtieġa sabiex riżoluzzjoni issir valida jew il-possibiltà li jitqajjem dubju legali sussegwenti għar-riżultat tal-vot.

▼M2



KAPITOLU IIA

ATTI TA’ IMPLIMENTAZZJONI U PENALI

Artikolu 14a

Proċedura ta’ kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat Ewropew tat-Titoli stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE ( 16 ). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 17 ).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 14b

Miżuri u penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-miżuri u l-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati.

Il-miżuri u l-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, sal-10 ta’ Ġunju 2019, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u dawk il-miżuri ta’ implimentazzjoni u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

▼B



KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

Traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Awwissu 2009. Għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawn il-miżuri minnufih lill-Kummissjoni.

Minkejja l-ewwel paragrafu, l-Istati Membri li fl-1 ta’ Lulju 2006 kellhom fis-seħħ miżuri nazzjonali li jillimitaw jew jipprojbixxu l-ħatra ta’ prokuratur fil-każ ta’ l-Artikolu 10(3), it-tieni subparagrafu, punt (ii), għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ l-Artikolu 10(3) f’dak li għandu x’jaqsam ma’ din il-limitazzjoni jew projbizzjoni sa mhux aktar tard mit-3 ta’ Awwissu 2012.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni n-numru ta’ ġranet speċifikat skond l-Artikolu 6(3) u 7(3), u kull bidla sussegwenti għalih lill-Kummissjoni, li għandha tippubblika din l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom mehmuz magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi għall-għamla ta’ tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 17

Lil min hija indirizzata

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)(ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32)

( 2 ) Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

( 3 ) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

( 4 ) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

( 5 ) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

( 6 ) Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

( 7 ) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

( 8 ) Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).

( 9 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).

( 10 ) Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

( 11 ) Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

( 12 ) ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12.

( 13 ) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

( 14 ) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p.1).

( 15 ) Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

( 16 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE tas-6 ta’ Ġunju 2001 li tistabbilixxi l-Kumitat tat-Titoli Ewropej (ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45).

( 17 ) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p.13).

Top