Il-libertà ta’ moviment u residenza tal-UE
SOMMARJU TA’:
Id-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fl-UE
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
Id-direttiva:
- tiġbor flimkien f’att legali wieħed ħafna partijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti;
- tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għad-dritt tal-moviment liberu u tar-residenza (kemm b’mod temporanju kif ukoll b’mod permanenti) għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE)* u l-membri tal-familja tagħhom*
- tistabbilixxi l-limiti għal dawk id-drittijiet abbażi tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika;
- tikkjarifika l-istatus tal-persuni li huma impjegati, jaħdmu għal rashom, studenti jew li mhumiex qegħdin jaħdmu għal ħlas.
PUNTI EWLENIN
Iċ-ċittadini tal-UE b’karta tal-identità valida jew b’passaport validu jistgħu:
- jidħlu fi Stat Membru ieħor tal-UE mingħajr ma jkunu jeħtieġu viża tal-ħruġ jew tad-dħul. Il-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru ma għandhomx bżonn ta’ viża tal-ħruġ jew tad-dħul jekk ikunu fil-pussess ta’ karta ta’ residenza valida;
- jgħixu fi Stat Membru ieħor sa massimu ta’ tliet xhur mingħajr ebda kundizzjoni jew formalitajiet;
- jgħixu fi Stat Membru ieħor għal aktar minn tliet xhur soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, skont l-istatus tagħhom fil-pajjiż ospitanti:
- dawk li huma impjegati jew li jaħdmu għal rashom ma jeħtiġux li jissodisfaw xi kundizzjoni oħra,
- l-istudenti u persuni oħrajn li ma jaħdmux għal ħlas, bħal dawk li rtiraw, għandu jkollhom biżżejjed riżorsi għalihom infushom u għall-familja tagħhom, sabiex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema tal-assistenza soċjali tal-pajjiż ospitanti, kif ukoll għandu jkollhom polza tal-assigurazzjoni medika komprensiva;
- ikollhom jirreġistraw mal-awtoritajiet rilevanti jekk ikunu ilhom jgħixu fil-pajjiż għal aktar minn tliet xhur. Il-membri tal-familja tagħhom, jekk mhumiex ċittadini tal-UE, jeħtieġu karta ta’ residenza valida għal ħames snin;
- ikunu intitolati għal residenza permanenti jekk ikunu għexu legalment fi Stat Membru ieħor tal-UE għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin. Dan japplika wkoll għall-membri tal-familja li jakkumpanjawhom;
- ikollhom id-dritt li jiġu ttrattati l-istess bħaċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti. Madankollu, l-awtoritajiet ospitanti mhumiex obbligati li jagħtu benefiċċji liċ-ċittadini tal-UE li ma jaħdmux għal ħlas matul l-ewwel 3 xhur tar-residenza tagħhom.
Addizzjonalment:
- membri tal-familja li huma qraba taċ-ċittadin tal-UE jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikollhom id-dritt li jkomplu jgħixu fil-pajjiż ikkonċernat anki jekk iċ-ċittadin tal-UE nnifsu jmut jew iħalli l-pajjiż;
- iċ-ċittadini tal-UE, jew il-membri tal-familja, jistgħu jitkeċċew jekk jaġixxu b’tali mod li jhedded serjament wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà;
- l-uniku mard li jiġġustifika r-restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment ta’ persuna huwa dak li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tqis li għandu potenzjal ta’ epidemija.
MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Ilha tapplika mit-30 ta’ April 2004 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sat-30 ta’ April 2006.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI PRINĊIPALI
Ċittadin tal-UE. Kull min għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE.
Membru tal-familja. Dan jinkludi, pereżempju, il-konjuġi, sieħeb/sieħba fi sħubija rreġistrata ma’ ċittadin tal-UE u dixxendenti diretti taħt l-età ta’ 21 sena.
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, pp. 77-123).
Emendi sussegwenti għad-Direttiva 2004/38/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Id-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU L 128, 30.4.2014, pp. 8–14).
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM(2009) 313 final tat-2.7.2009).
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom: Ħames azzjonijiet li jagħmlu differenza (COM (2013) 837 final tal-25.11.2013).
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra abbużi mill-moviment liberu: Manwal dwar l-indirizzar tal-kwistjoni ta’ allegati żwiġijiet ta’ konvenjenza bejn ċittadini tal-UE u ċittadini mhux tal-UE fil-kuntest tal-liġi tal-UE tal-moviment liberu ta’ ċittadini tal-UE (COM(2014) 604 final tas-26.9.2014).
l-aħħar aġġornament 03.02.2022