INT/1047
Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim
OPINJONI
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum
a)Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 524/2013 u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/2394 u (UE) 2018/1724 fir-rigward tal-waqfien tal-Pjattaforma Ewropea tal-ODR
(COM(2023) 647 final – 2023/375 (COD))
u
b)Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/11/UE dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi, kif ukoll id-Direttivi (UE) 2015/2302, (UE) 2019/2161 u (UE) 2020/1828
(COM(2023) 649 – 2023/376 (COD))
Relatur: Wautier ROBYNS DE SCHNEIDAUER
|
Konsultazzjoni
|
a)Kunsill, 13/11/2023
b)Parlament Ewropew, 20/11/2023
c)Kunsill, 15/11/2023
d)Parlament Ewropew, DD/MM/YYYY
|
|
Bażi legali
|
a) u b) Artikoli 114(1) u 169(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum
|
|
Adozzjoni fis-sezzjoni
|
29/01/2024
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
78/4/7
|
|
Adozzjoni fil-plenarja
|
DD/MM/YYYY
|
|
Sessjoni plenarja Nru
|
…
|
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
…/…/…
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (Alternative Dispute Resolution – ADR) bħala alternattiva għall-proċedimenti tal-qorti meta l-konsumaturi jfittxu rimedju għad-dannu li jistgħu jikkawżawlhom in-negozjanti, flimkien ma’ proċedimenti ġudizzjarji aċċessibbli u l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur mill-awtoritajiet nazzjonali. Huwa jqis li l-infurzar mill-awtoritajiet nazzjonali huwa essenzjali bħala pedament ta’ fiduċja għall-protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li r-rimedju, permezz tal-qorti jew permezz ta’ proċedura tal-ADR, joffri mod kif terġa’ tinkiseb il-fiduċja meta jseħħ inċident bejn il-konsumatur u n-negozjant.
1.2Il-KESE japprova l-għażla ta’ armonizzazzjoni minima, li tagħti opportunità lill-Istati Membri biex jistabbilixxu aktar standards għal skemi bħal dawn, b’mod partikolari fi swieq fejn id-disponibbiltà ta’ skemi bħal dawn tikkontribwixxi għall-fiduċja tal-konsumaturi fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi li jixtru fl-Istat Membru tagħhom, fi Stat Membru ieħor tal-UE jew minn negozjanti esterni li jistgħu jissieħbu fi skemi tal-ADR stabbiliti fl-UE. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw u jsegwu mill-qrib ħafna r-rekwiżiti attwali sabiex itejbu l-aċċess, il-ġustizzja, il-kwalità, l-għarfien espert, l-imparzjalità, il-legalità, l-indipendenza u l-fiduċja tal-konsumaturi u n-negozjanti biex il-proċessi tal-ADR ikunu effettivi.
1.3Il-KESE jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri u l-industriji jitħeġġu jistabbilixxu skemi bħal dawn u li n-negozjanti, inklużi l-SMEs, jitħeġġu jingħaqdu magħhom b’mod volontarju. Għandha tingħata prijorità lis-setturi b’livell għoli ta’ lmenti mill-konsumaturi, lill-impenji fit-tul u lit-tranżazzjonijiet ta’ valur għoli. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-progress tal-iskemi tal-ADR tliet snin wara li tiġi implimentata d-Direttiva proposta.
1.4Il-KESE jqis li l-feedback minn każijiet tal-ADR huwa siewi ferm kemm għall-professjonisti kif ukoll għal-leġiżlaturi jew għar-regolaturi. Għalhekk, huwa jappella għal rappurtar rapidu ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi minbarra r-rekwiżit ta’ pubblikazzjoni biennali tar-rapporti ta’ attività mill-iskemi tal-ADR. Huwa jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora l-feedback mill-pjattaformi tal-ADR fl-evalwazzjonijiet tagħha tar-regolamenti settorjali.
1.5Waħda mir-raġunijiet għaliex l-ADR mhix popolari bl-istess mod fl-Ewropa hija n-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli għan-negozji u l-klijenti. Il-komunikazzjoni dwar l-ADR se tkun importanti biex in-negozjanti jieħdu sehem fi skemi bħal dawn u biex tikkonvinċi lill-konsumaturi li huma aċċessibbli u utli. Għalhekk, il-KESE jistenna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkomunikaw b’mod attiv mal-kostitwenzi rilevanti, u jkomplu jimplimentaw miżuri sempliċi u effettivi ta’ informazzjoni u assistenza, bħall-kondiviżjoni tad-dettalji ta’ kuntatt tal-entitajiet tal-ADR meta n-negozjant inizjalment jirrifjuta t-talba tal-konsumatur.
1.6Il-KESE jistieden lil-leġiżlaturi jkunu aktar preċiżi dwar ir-rekwiżit li l-konsumaturi l-ewwel ifittxu kuntatt man-negozjant qabel ma jirrikorru għal skema tal-ADR u dwar is-sanzjonijiet applikabbli għan-negozjanti li ma jikkonformawx mar-rekwiżit li jirrapportaw dwar l-aċċettazzjoni tagħhom tal-proċedura ADR fi żmien 20 jum ta’ xogħol imsemmija fil-proposti.
2.Karatteristiċi ewlenin tal-proposta leġiżlattiva
2.1Fis-17 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposti tagħha biex timmodernizza u tissemplifika l-qafas regolatorju għas-soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR) orjentata lejn il-konsumatur, li tikkonsisti f’modifiki għad-Direttiva dwar l-ADR tal-2013 (2013/11/UE), it-tħassir tar-Regolament dwar is-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (524/2013), u rakkomandazzjoni mmirata lejn is-swieq online u l-assoċjazzjonijiet kummerċjali tal-UE.
2.2L-għan tar-rieżami u tal-miżuri l-ġodda huwa li jiġu aġġornati r-regoli dwar is-soluzzjoni barra mill-qorti għat-tilwim bejn il-fornituri ta’ prodotti u ta’ servizzi minn naħa waħda u l-konsumaturi min-naħa l-oħra. Il-proċeduri tal-ADR li l-proposti jirreferu għalihom għandhom ikunu ġusti, newtrali u effiċjenti, biex jaqdu l-interessi kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozjanti, inklużi l-SMEs.
2.3Il-qafas il-ġdid għandu:
2.3.1jinkludi kummerċjanti mhux tal-UE u jinkludi prattiki inġusti bħal interfaċċi manipulattivi u prattiki ta’ reklamar jew ta’ mblukkar ġeografiku kif ukoll kwistjonijiet dwar il-bdil tal-fornituri jew l-ispejjeż tar-roaming;
2.3.2jinkariga korpi maħtura u magħrufa sew bħan-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur (ECC) biex jipprovdu assistenza lill-konsumaturi biex jifhmu u jaċċessaw il-proċeduri tal-ADR bħala parti minn approċċ personalizzat biex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn il-partijiet involuti;
2.3.3jagħti lin-negozjanti skadenza ta’ 20 jum biex jaċċettaw jew jipparteċipaw fl-indirizzar ta’ lment skont proċedura tal-ADR;
2.3.4iħalli f’idejn l-Istati Membri biex jestendu l-obbligu għan-negozjanti li jissieħbu fi skemi tal-ADR, u jimmira li jħajjar lin-negozjanti jissieħbu f’tali skemi fejn dan ma jkunx obbligatorju skont ir-regoli tal-UE jew dawk nazzjonali;
2.3.5iħassar il-proċedura tas-soluzzjoni online għat-tilwim (ODR) li ma tintużax ta’ spiss, li għandha tiġi sostitwita b’għodod interattivi diġitali li jidderieġu lill-konsumaturi lejn soluzzjonijiet ta’ rimedju disponibbli;
2.3.6jimmira, permezz ta’ rakkomandazzjoni, li jinkludi skemi tal-ADR offruti minn swieq online u assoċjazzjonijiet kummerċjali tal-UE, b’attenzjoni, fost oħrajn, għall-indipendenza, l-imparzjalità u l-għarfien espert meħtieġa biex jiġu ggarantiti l-ġustizzja u l-effettività ta’ dawn l-iskemi, u b’hekk jirriflettu l-istandards li japplikaw b’mod ġenerali għall-iskemi tal-ADR;
2.3.7jippermetti talbiet kollettivi tal-ADR (pereżempju meta għadd ta’ vjaġġaturi jkunu sofrew inkonvenjenza u/jew dannu simili), bil-possibbiltà li l-atturi individwali jagħżlu li ma jipparteċipawx f’dawn it-talbiet.
3.Kummenti ġenerali
3.1Il-fiduċja fil-bejjiegħa bl-imnut u l-fornituri tas-servizzi tiżdied mal-kapaċità tagħhom li jindirizzaw l-ilmenti b’mod effettiv, kif turi t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Konsumatur tal-2023. Il-KESE jemmen li l-ADR tista’ tapplika għal ħafna tilwim, u d-drittijiet tal-konsumatur huma biss segment wieħed, peress li l-ADR pereżempju tgħin ukoll biex jiġu solvuti kwistjonijiet li ċ-ċittadini jista’ jkollhom mal-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-servizzi soċjali u tilwim bejn il-professjonisti. Huwa jemmen li s-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandha tiġi promossa flimkien ma’ miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għall-qrati f’oqsma differenti, filwaqt li l-proposta attwali tindirizza speċifikament kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-konsumaturi. Il-KESE jappoġġja l-iskambji tal-aħjar prattiki fl-oqsma differenti.
3.2Il-Karta tad-Drittijiet tal-Konsumatur ippreżentata fl-1962 mill-President tal-Istati Uniti John F. Kennedy diġà identifikat id-dritt li wieħed jinstema’ bħala wieħed mill-pedamenti tal-politika moderna tal-konsumatur. Id-dritt għal rimedju minn dak iż-żmien ’l hawn kien objettiv ta’ politika kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali, b’inizjattivi li jipprevjenu t-tilwim, jiffaċilitaw l-aċċess għall-qrati u jiżviluppaw proċeduri alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim permezz tal-isforzi ta’ operaturi privati u leġiżlazzjoni li tistabbilixxi standards dejjem ogħla.
3.3Fil-każ speċifiku tad-drittijiet tal-konsumatur, il-proċeduri tal-ADR għandhom, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, ikunu bbażati fuq regoli eżistenti tal-protezzjoni tal-konsumatur sabiex jinkiseb riżultat prattiku, ġust u ekwu. Il-KESE jqis li r-rieda tal-konsumatur li jressaq ilment hija espressjoni ta’ fiduċja f’dan il-metodu biex jinkiseb rimedju, u b’mod aktar ġenerali fil-possibbiltà li terġa’ tinkiseb il-fiduċja fin-negozjant.
3.4Il-KESE jqis li r-rimedju huwa parti mill-politika tal-konsumatur, flimkien mal-kwalità tal-prodotti u s-servizzi, inklużi l-pariri tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-litigazzjoni, kemm fuq bażi individwali kif ukoll kollettiva, tista’ titqies, kemm mill-konsumaturi kif ukoll min-negozji, bħala proċess twil u għali. Madankollu, il-litigazzjoni għad għandha rwol x’taqdi, speċjalment fejn l-aċċess għal proċeduri għal talbiet żgħar huwa affordabbli, kif inhu l-każ f’xi Stati Membri. Barra minn hekk, dan iwassal għal deċiżjonijiet tal-qorti li jistgħu jiġu kkwotati f’każijiet futuri, li spiss ma jkunx il-każ bl-eżitu tal-proċeduri tal-ADR.
3.5L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jiggarantixxi lil kulħadd id-dritt għal rimedju effettiv bħala prinċipju tal-istat tad-dritt. Minbarra l-proċedimenti legali u t-tressiq ta’ lmenti ma’ awtoritajiet pubbliċi dedikati, l-ADR toffri lill-konsumaturi mezz biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom. Dan l-approċċ huwa partikolarment pertinenti għal talbiet żgħar, fejn jista’ ma jkunx hemm il-motivazzjoni biex tiġi mfittxija soluzzjoni bil-qorti.
3.6Il-KESE jilqa’ l-għan ġenerali tal-Kummissjoni li tirrevedi u ġġedded il-qafas legali rigward l-iskemi disponibbli għall-konsumaturi biex ifittxu u jsibu rimedju permezz ta’ skemi strutturati barra mill-qorti li għandhom ikunu faċilment aċċessibbli, affordabbli għall-partijiet ikkonċernati kollha, u aktar rapidi mill-proċeduri ġudizzjarji. Ir-riċerka wriet li ċerti kategoriji ta’ persuni, normalment dawk li għandhom introjtu aktar baxx, huma inqas integrati soċjalment u għandhom inqas għarfien teknoloġiku, għandhom aktar diffikultà biex iressqu lmenti. Għalhekk, li jiġu ssemplifikati l-proċessi tal-ilmenti biex isiru aktar aċċessibbli mhuwiex biss neċessità proċedurali, iżda imperattiv soċjali.
3.7Il-KESE jfaħħar il-possibbiltà li n-negozjanti barra mis-suq Ewropew jagħmlu użu mill-entitajiet tal-ADR biex isolvu t-tilwim tagħhom għall-benefiċċju tal-konsumaturi tal-UE, iżda jqis li dawn in-negozjanti għandhom ikunu soġġetti għal kontribuzzjoni finanzjarja ġusta lil dawn l-entitajiet, u ma joperawx bħala “opportunisti” f’dan ir-rigward.
4.Kontribut għal qafas regolatorju mmoderat sew
4.1Il-KESE japprova l-impenn tal-Kummissjoni li taġixxi bil-għan li tħares il-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-UE u l-programm REFIT.
4.2Il-KESE jilqa’ l-kontribut li l-proposti jagħtu għat-titjib tal-kompetittività tan-negozji meta jaċċettaw approċċ konċiljatorju aktar milli proċeduri tal-qorti, li spiss jitqiesu bħala twal u għaljin, li jagħtu lin-negozjanti li jaċċettaw il-proċeduri tal-ADR vantaġġ f’termini ta’ kompetizzjoni u l-opportunità li jitolbu reputazzjoni ta’ “negozjant ta’ fiduċja”, tal-inqas f’dan ir-rigward.
4.3Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jittejjeb l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur fil-każ tal-kummerċ transfruntier permezz ta’ Regolament rivedut dwar il-Kooperazzjoni fil-Protezzjoni tal-Konsumatur, sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
4.4Il-KESE jirrikonoxxi li ż-żieda fit-tranżazzjonijiet online matul il-pandemija tal-COVID-19, l-espansjoni simultanja tal-mudell tas-suq online, u l-prijorità mogħtija lit-tranżizzjoni diġitali jiġġustifikaw li jitqiesu dawn il-karatteristiċi ġodda importanti tal-kummerċ mal-konsumaturi. Fl-istess ħin, il-KESE jilqa’ l-isforzi u l-proposti li saru biex jinkludu l-aċċess offline għall-iskemi tal-ADR għall-konsumaturi li jippreferu proċeduri bħal dawn, biex tiġi żgurata s-superviżjoni umana tad-deċiżjonijiet, u biex tingħata l-attenzjoni dovuta lill-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli, inklużi kemm l-anzjani kif ukoll iż-żgħażagħ fosthom l-istudenti (li jidher li dawn ta’ spiss jiltaqgħu ma’ problemi mal-fornituri tat-telekomunikazzjoni u tal-internet). Il-protezzjoni tagħhom għandha tiġi enfasizzata b’mod espliċitu fid-Direttiva nnifisha, aktar milli fil-premessi, sabiex jiġi evitat li ma jitqisux lmenti potenzjali minn dawk il-gruppi
4.5Għal din ir-raġuni, għandhom jiġu promossi skemi tal-ADR ġusti, newtrali u effiċjenti, kemm b’mod ġenerali kif ukoll b’mod aktar speċifiku billi jitqiesu dawk il-prodotti u s-servizzi, inkluż il-parir għall-konsumatur, li huma magħrufa li jikkawżaw għadd sinifikanti ta’ lmenti tal-konsumaturi, fejn il-fiduċja hija essenzjali fir-rigward tal-importanza tal-adattament għall-ambjent diġitali, jew fir-rigward tal-ammonti tan-nefqa u/jew it-tul ta’ żmien tal-impenji kuntrattwali.
4.6Il-protezzjoni tal-konsumatur titlob ukoll infurzar tajjeb u rispons regolatorju għal kwistjonijiet fejn l-ilmenti jiġġustifikaw tali azzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-infurzar effettiv tal-protezzjoni tal-konsumatur. Il-KESE jappoġġja użu proporzjonat ta’ multi miġbura mill-awtoritajiet pubbliċi f’każ ta’ ksur biex jiffinanzjaw skemi tal-ADR li jissodisfaw l-istandards tal-ġustizzja u l-effettività.
4.7Il-KESE jifhem li l-isforz biex jiġu inklużi r-relazzjonijiet kollha bejn il-konsumaturi u n-negozjanti kullimkien jista’ jmur lil hinn mill-kompetenzi tal-liġi tal-UE. Il-KESE għadu jirrakkomanda bil-qawwa li jsir progress f’din id-direzzjoni fil-politika ġenerali tal-konsumatur u fil-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fl-iskemi tal-ADR. Għandha tingħata prijorità lis-setturi b’livell għoli ta’ lmenti mill-konsumaturi, lill-impenji fit-tul u lit-tranżazzjonijiet ta’ valur għoli. Il-Kummissjoni għandha timpenja ruħha li tevalwa l-progress tliet snin wara li tiġi implimentata d-Direttiva proposta.
4.8Il-KESE jirrikonoxxi n-nuqqas ta’ effettività tal-iskema attwali tal-ODR, fejn ir-rata ta’ suċċess tat-tressiq tal-ilmenti tidher baxxa wisq, minkejja l-finanzjament li kien iddedikat għal din l-iskema. Huwa japprova l-objettivi ta’ semplifikazzjoni u jesprimi t-tama tiegħu li s-servizzi msemmija fl-Artikolu 20(8) ma jissostitwixxux skema formali b’saff amministrattiv ieħor, u jevitaw li jintroduċu spejjeż żejda Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea telabora dwar l-iskop, id-disinn u l-funzjonalitajiet tal-għodda diġitali proposta li tissostitwixxi l-pjattaforma tal-ODR, u tiżgura l-koordinazzjoni mal-għodod eżistenti tal-Istati Membri u tinvolvi lill-partijiet interessati fl-iżvilupp.
4.9Għalkemm il-proposti jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni attwali tad-Direttiva dwar l-ADR billi jinkludu r-relazzjonijiet prekuntrattwali bejn il-konsumaturi u n-negozjanti, mhuwiex ċar sa liema punt din l-estensjoni proposta se żżid l-ammont ta’ xogħol u l-ispejjeż tal-entitajiet tal-ADR. Il-KESE jiddispjaċih li dan l-aspett ma tqisx biżżejjed fil-valutazzjoni tal-impatt u jista’ jkollu effett negattiv fuq il-finanzjament privat u pubbliku ta’ dawn l-entitajiet. Huma meħtieġa miżuri ta’ mitigazzjoni biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.
4.10Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-opportunità li jiġi inkluż, lil hinn mill-estensjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva diġà inklużi fil-proposta, il-ksur possibbli tad-drittijiet taċ-ċittadini li mhumiex il-kontroparti kuntrattwali tan-negozjant, bħaċ-ċittadini intitolati għal kumpens skont il-prinċipji tar-responsabbiltà ċivili (pereżempju skont ir-responsabbiltà tal-prodott jew skont ir-responsabbiltà marbuta mal-karozzi ta’ parti terza) jew li huma intitolati għal benefiċċji skont kuntratti fejn huma benefiċjarji ta’ kuntratt aktar milli parti għall-kuntratt.
5.Rilevanza tal-feedback tal-entitajiet tal-ADR
5.1Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-kontribut li l-proposti jagħtu għal sensibilizzazzjoni akbar tal-ħtieġa għal titjib fil-kwalità tal-prodotti u s-servizzi permezz ta’ rapporti disponibbli għall-pubbliku li huma utli għall-awtoritajiet nazzjonali, għal-leġiżlaturi fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE, kif ukoll għall-ġestjoni fil-livell eżekuttiv u fil-livell tal-bord tan-negozjanti.
5.2Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirreferi b’mod sistematiku u espliċitu għall-feedback tal-entitajiet u n-networks tal-ADR fil-valutazzjoni tagħha tal-kwistjonijiet tal-politika tal-konsumatur, kemm fil-livell ġenerali kif ukoll fi proposti leġiżlattivi settorjali speċifiċi.
5.3Għal dawn ir-raġunijiet, il-KESE jesprimi d-dubji tiegħu dwar it-tfassil tar-rekwiżiti ta’ rapportar, peress li feedback fil-pront u semplifikat tal-entitajiet tal-ADR huwa essenzjali biex jiskatta adattamenti fl-imġiba tan-negozjanti u, fejn ġustifikat, miżuri ta’ politika mill-awtoritajiet superviżorji u leġiżlattivi fil-livell tal-Istati Membri u tal-UE. Tali feedback għandu jkun disponibbli kull sena f’setturi fejn il-livell tal-ilmenti u l-importanza tal-interessi inkwistjoni jiġġustifikawh. Filwaqt li r-rapportar jista’ jiġi ssemplifikat jekk l-esperjenza fuq sena ma jkollhiex wisq valur miżjud, l-entitajiet tal-ADR għandhom japplikaw proċeduri rapidi meta jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ kriżi li ma jistgħux jiġu rrapportati fuq bażi biennali kif propost.
5.4Il-KESE jirrikonoxxi l-kontribut li sar biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumatur, inkluż permezz ta’ aspetti transfruntiera u tas-suq uniku u l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kooperazzjoni bejn il-fruntieri fl-UE fit-trattament ta’ talbiet ta’ valur baxx permezz ta’ proċeduri bi spejjeż baxxi.
5.5Il-KESE huwa konxju ta’ każijiet ikkumplikati fejn il-lingwa, il-liġi applikabbli, il-limiti amministrattivi u/jew finanzjarji jagħmluha diffiċli għall-konsumaturi medji biex iressqu t-talba tagħhom quddiem l-entitajiet tal-ADR kompetenti, speċjalment meta l-katina tal-provvista tinvolvi negozjanti stabbiliti f’diversi pajjiżi li kull wieħed minnhom ikun responsabbli għal parti mill-kunsinna u l-eżitu għall-konsumatur, u japprova l-impenn li l-proposti jagħmlu biex jindikaw il-mod(i) kif il-konsumaturi għandhom jipproċedu bl-għajnuna ta’ korpi adatti bħan-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi.
5.6Peress li l-iskemi tal-ADR stabbiliti fi Stat Membru jistgħu ma jkunux familjari mad-drittijiet tal-konsumatur applikabbli fl-Istat fejn il-prodotti jiġu kkonsenjati jew fejn jingħataw is-servizzi, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, timmonitorja u tiżviluppa networks ta’ kooperazzjoni transfruntiera bejn l-iskemi tal-ADR f’setturi speċifiċi kif diġà huwa l-każ f’xi setturi bħal FIN-NET għas-servizzi finanzjarji u TRAVEL-NET għall-ivvjaġġar u t-trasport pubbliku.
6.Kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-proċeduri tal-ADR
6.1Il-proposta biex jinġabru flimkien l-ilmenti fil-proċessi tal-ADR, immirata lejn il-kosteffettività u l-konsistenza, għandha tiġi applikata b’mod selettiv u skont kundizzjonijiet speċifiċi bħal għarfien espert adegwat tal-ADR, kunsens infurmat tal-konsumatur u koordinazzjoni mal-awtoritajiet tad-drittijiet tal-konsumatur kif ukoll azzjonijiet rappreżentattivi potenzjali skont id-Direttiva 2020/1828 dwar l-Azzjonijiet Rappreżentattivi. Il-KESE jifhem li l-Artikolu 5(2)(d) joffri l-possibbiltà li l-konsumaturi jagħżlu li ma jipparteċipawx fi proċedura kollettiva u jfittxu kumpens individwalment fir-rigward tal-ispeċifitajiet tal-każ tagħhom stess.
6.2Il-KESE jitlob li jkun hemm ċarezza dwar il-limitu biex jinkiseb aċċess għall-proċeduri tal-ADR. Huwa jqis li l-possibbiltà li entità tal-ADR tirrifjuta każ minħabba li l-konsumatur ma stabbilixxiex kuntatt man-negozjant qabel ma rrikorra lejn l-entità tal-ADR għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet preċiżi minflok referenza għal regoli possibbilment sproporzjonati dwar il-format ta’ tali kuntatt. Il-kuntatti bejn il-konsumaturi u n-negozjanti normalment isiru permezz ta’ chatbots, telefonati lil ċentri telefoniċi, messaġġi elettroniċi, u ittri bil-miktub, possibbilment irreġistrati, li r-rekords tagħhom mhux dejjem ikunu disponibbli għal referenza fil-futur.
6.3Il-KESE huwa konxju tal-fatt li l-impożizzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja fuq il-konsumaturi tista’ tiskoraġġixxi lill-konsumaturi vulnerabbli jew lil dawk b’tilwim ta’ valur baxx milli jagħmlu użu mill-iskemi tal-ADR, filwaqt li f’diversi Stati Membri u setturi l-aċċess għall-ADR huwa mingħajr ħlas, mingħajr ma jwassal għal talbiet frivoli.
6.4Il-KESE jqis li l-proposti ma jindirizzawx biżżejjed il-kwistjoni taż-żmien li l-entitajiet tal-ADR jieħdu biex iqisu li lment ikun komplut, li jista’ jwassal għal inkonsistenzi fiż-żmien tar-riżoluzzjoni, għad-detriment tal-fiduċja tal-konsumatur. Dawn il-kwistjonijiet jiġġustifikaw il-monitoraġġ mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tax-xogħol imwettaq minn entitajiet tal-ADR iċċertifikati.
6.5Bl-istess mod, il-KESE japprezza jekk il-proposti jistgħu jirregolaw b’mod konkret il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ tweġiba min-negozjant fl-iskeda ta’ żmien stabbilita. M’għandux ikun piż eċċessiv fuq l-entitajiet tal-ADR li jimmonitorjaw il-konformità ma’ dan l-obbligu, li huwa essenzjali biex tinżamm il-fiduċja fit-trattament fil-pront tal-ilmenti tal-konsumaturi. Mhuwiex ċar jekk l-intenzjoni kinitx li dan jitħalla għal miżuri possibbilment diverġenti fil-livell tal-Istati Membri, jekk tali nuqqas ta’ tweġiba jkunx raġuni għal kwalunkwe responsabbiltà jew jekk in-nuqqas ta’ tweġiba għandux jitqies bħala aċċettazzjoni għall-parteċipazzjoni fil-proċedura proposta.
6.6Fl-aħħar nett, il-KESE jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi mmonitorjat sa liema punt id-deċiżjonijiet meħuda mill-entitajiet tal-ADR jiġu applikati b’mod effettiv min-negozjanti, peress li l-għan li jiġi żviluppat l-użu ta’ skemi tal-ADR ma jagħmilx sens jekk il-valur ta’ tali possibbiltajiet ta’ rimedju ikun dubjuż.
Brussell, 29 ta’ Jannar 2024
Sandra PARTHIE
Il-President tas-Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum
_____________