EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2022-05381-AC

Opinjoni - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Asserzjonijiet ambjentali

EESC-2022-05381-AC

OPINJONI

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Asserzjonijiet ambjentali

_____________

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar
is-sostanzjar u l-komunikazzjoni ta’ asserzjonijiet ambjentali espliċiti (id-Direttiva dwar l-Asserzjonijiet Ekoloġiċi)

[COM(2023) 166 final – 2023/0085 (COD)]

INT/969

Relatur: Angelo PAGLIARA

MT

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 01/06/2023

Kunsill, 02/06/2023

Bażi legali

Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adozzjoni fis-sezzjoni

02/06/2023

Adozzjoni fil-plenarja

14/06/2023

Sessjoni plenarja Nru

579

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

205/2/3

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1Il-KESE jemmen bis-sħiħ li s-sostenibbiltà hija wieħed mill-pilastri tal-iżvilupp futur tal-Unjoni Ewropea u li din il-Proposta l-ġdida hija opportunità biex jissaħħaħ ir-rwol attiv tal-awtoritajiet pubbliċi u tas-soċjetà għat-tranżizzjoni rapida lejn ekonomija ċirkolari 1 u biex tiġi żviluppata kultura ċirkolari.

1.2Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex f’dan il-proċess tkompli tinvolvi b’mod sistematiku lill-imsieħba soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, sabiex il-konsumaturi u l-kumpaniji jiġu protetti mill-greenwashing.

1.3Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li r-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Asserzjonijiet Ambjentali jsiru mudell għal livell minimu ta’ protezzjoni kontra l-greenwashing, li għandu jiġi rifless fil-leġiżlazzjoni settorjali eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u li tkopri ċerti talbiet u tikkettar volontarji. L-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni settorjali ma għandhiex issir mod biex ma jiġux applikati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Asserzjonijiet Ambjentali minħabba nonparteċipazzjoni, biex jiddaħħlu lakuni ġodda, jew biex titnaqqas il-protezzjoni tal-konsumatur.

1.4Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għat-tħassib dejjem jikber dwar il-proliferazzjoni ta’ asserzjonijiet ambjentali bbażati fuq tpaċija bl-użu ta’ krediti ta’ kumpens, u jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi projbizzjoni ċara għall-asserzjonijiet ibbażati fuq it-tpaċija.

1.5Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni li tħabbret biex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali tal-asserzjonijiet ambjentali, u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm il-kundizzjonijiet adatti għat-tisħiħ tal-kompetittività tas-Suq Uniku, b’mod partikolari permezz tal-introduzzjoni ta’ metodoloġiji komuni biex jissostanzjaw tipi differenti ta’ asserzjonijiet.

1.6Il-KESE jieħu nota tal-għażla ta’ inklużjoni fakultattiva għall-mikrointrapriżi, u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-miżuri kollha meħtieġa biex tinkludihom fil-verifiki mwettqa mill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-KESE jilqa’ l-attenzjoni li qed tingħata għall-infurzar tas-suq, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-direttiva tiġi infurzata bis-sħiħ.

1.7Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għas-sensibilizzazzjoni dejjem tikber dwar il-kwistjonijiet ambjentali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa għodod speċifiċi biex tappoġġja lil dawk l-operaturi ekonomiċi li beħsiebhom iżidu s-sostenibbiltà ambjentali u soċjali tal-metodi ta’ produzzjoni u l-prodotti tagħhom.

2.Kontenut essenzjali tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1Din il-Proposta għal Direttiva għandha l-għan li tissupplimenta l-qafas regolatorju li jappoġġja konsum sostenibbli billi jindirizza aspetti u rekwiżiti speċifiċi għal asserzjonijiet ambjentali espliċiti fir-rigward tas-sostanzjar, il-komunikazzjoni u l-verifika tagħhom.

2.2Il-Proposta kienet waħda mill-inizjattivi elenkati mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li tissupplimenta l-qafas regolatorju għall-asserzjonijiet ambjentali, u b’hekk tiżgura li x-xerrejja jkollhom għad-disponibbiltà tagħhom informazzjoni affidabbli, komparabbli u verifikabbli sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aktar sostenibbli 2 . Il-ħtieġa li jiġi indirizzat il-greenwashing hija riflessa wkoll kemm fil-Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari 3 kif ukoll fl-Aġenda tal-Konsumatur Ġdida 4 .

2.3Il-Proposta tikkomplementa l-Proposta għal Direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika 5 , li temenda d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 . Flimkien jistabbilixxu sistema ċara għall-asserzjonijiet ambjentali, inklużi t-tikketti ambjentali.

2.4Il-Proposta tinkludi settijiet minimi ta’ kriterji għas-sostanzjar u l-komunikazzjoni ta’ asserzjonijiet ambjentali; dispożizzjonijiet ġodda dwar tikketti ambjentali u skemi ta’ tikkettar; l-introduzzjoni ta’ verifika ex ante ta’ asserzjonijiet ambjentali u skemi ta’ tikkettar; u miżuri ta’ infurzar bħal kontrolli regolari tal-konformità u sanzjonijiet.

2.5Madankollu, id-direttiva ma tinkludix metodoloġiji armonizzati. Din tintroduċi l-possibbiltà li jiġu adottati atti delegati jew emendi f’data aktar tard biex jiġu pprovduti aktar rekwiżiti dwar kwistjonijiet speċifiċi bħall-asserzjonijiet dwar il-klima, id-durabbiltà, l-użu mill-ġdid, il-possibbiltà ta’ tiswija, ir-riċiklabbiltà, il-kontenut riċiklat, l-użu ta’ kontenut naturali, inklużi l-fibri, il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà ambjentali, l-elementi b’bażi bijoloġika, il-bijodegradabbiltà, il-bijodiversità, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-iskart.

3.Kummenti ġenerali

3.1Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa strumenti speċifiċi biex tippromovi kultura ta’ ekonomija ċirkolari u, b’mod partikolari, torganizza kampanji ta’ informazzjoni biex ixxerred “kultura ċirkolari”, speċjalment fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tiġbor il-prattiki tajba li l-Istati Membri żviluppaw fl-attivitajiet tagħhom f’dan il-qasam, u biex tikkunsidra id-disseminazzjoni tagħhom.

3.2Il-pubbliku ġenerali, speċjalment il-ġenerazzjoni żagħżugħa, huwa aktar attent għall-kwistjonijiet ambjentali 7 8 u, għalhekk, il-kummerċjalizzazzjoni ekoloġika qed tintuża dejjem aktar bħala vantaġġ kompetittiv.

3.3L-aspettattivi tal-konsumaturi u tal-partijiet ikkonċernati rigward is-sostenibbiltà u l-protezzjoni ambjentali qed jiżdiedu, iżda ma tantx hemm fiduċja fl-asserzjonijiet ambjentali 9 . Lil hinn mill-kwistjoni ta’ fiduċja, hemm fehim ħażin mifrux dwar xi jfissru dawn l-asserzjonijiet. Din is-sejba ġiet riflessa f’diversi studji mwettqa mhux biss mill-Kummissjoni Ewropea iżda wkoll mill-aġenziji nazzjonali, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni tal-asserzjonijiet klimatiċi 10 . Għalhekk, huwa ta’ importanza kbira li minn issa l-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar ix-xiri abbażi ta’ informazzjoni affidabbli.

3.4Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat sensiela ta’ problemi li jagħtu lok għal tħassib dejjem akbar fost il-konsumaturi, bħal: prattiki kummerċjali qarrieqa relatati mas-sostenibbiltà tal-prodotti; asserzjonijiet ambjentali mhux ċari jew sostanzjati ħażin; u tikketti ta’ sostenibbiltà li mhumiex dejjem trasparenti jew kredibbli. Fid-dawl tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt, il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni u jemmen li hija meħtieġa azzjoni determinata f’dan il-qasam.

3.5Il-KESE jemmen li l-konsumaturi, jekk ikunu infurmati aħjar, jistgħu jaqdu rwol attiv u kruċjali fit-tranżizzjoni ambjentali, billi jgħinu biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku. Huwa kruċjali li jiġi żgurat li s-sostenibbiltà jkollha rwol akbar fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-konsumaturi, sabiex ikollha impatt kemm fil-mument li jixtru kif ukoll aktar tard (pereżempju, jekk ikun meħtieġ il-konsumaturi jagħżlu t-tiswija, fejn disponibbli, minflok jixtru mill-ġdid). Dan se jikkomplementa rekwiżiti ġodda għall-informazzjoni ambjentali dwar il-prodotti, li joriġinaw minn inizjattivi bħar-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli. Se tiżgura regoli komuni għat-tikketti lil hinn mil-leġiżlazzjoni eżistenti bħar-Regolament dwar l-Ekotikketta tal-UE, l-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS) u r-regolamenti dwar it-tikketta tal-biedja organika, it-tikkettar tal-enerġija u l-immarkar CE.

3.6L-Artikolu 1 tal-Proposta jeskludi ħafna leġiżlazzjoni settorjali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, fejn il-leġiżlazzjoni kkonċernata jkun fiha r-rekwiżiti proprji tagħha dwar l-asserzjonijiet u l-iskemi ta’ tikkettar. Il-KESE jissuġġerixxi li fil-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur jiġi rifless tal-anqas l-istess livell ta’ protezzjoni kontra l-greenwashing. Dan għandu jinkludi, mill-inqas, livell ekwivalenti ta’ sostanzjar, komunikazzjoni (dokumenti ġustifikattivi) u verifika (minn parti terza). Barra minn hekk, hemm bżonn jiġi ċċarat li huma esklużi biss l-asserzjonijiet koperti minn dawn il-partijiet tal-leġiżlazzjoni, u mhux kwalunkwe asserzjoni rigward il-prodotti fil-mira tal-leġiżlazzjoni settorjali. Jekk ċerti asserzjonijiet ma jinvolvux rekwiżiti speċifiċi, dawn għandhom ikunu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Asserzjonijiet Ambjentali. Pereżempju, l-Artikolu 1 jeskludi l-leġiżlazzjoni dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, u din il-leġiżlazzjoni tkopri biss asserzjonijiet dwar ir-riċiklabbiltà u l-kontenut riċiklat. Dan għandu jfisser li asserzjonijiet oħra (bħall-impatt ta’ ċertu imballaġġ fuq iċ-ċiklu tal-ħajja) għandhom ikunu koperti mid-Direttiva dwar l-Asserzjonijiet Ambjentali.

3.7Il-KESE jirrikonoxxi li hemm tħassib dejjem jikber dwar il-proliferazzjoni ta’ asserzjonijiet ambjentali bbażati fuq it-tpaċija permezz tal-użu ta’ krediti ta’ kumpens (“newtrali għall-klima”, “kumpens għall-plastik”, eċċ.), li ġew rikonoxxuti minn diversi awtoritajiet tal-konsumatur – u f’diversi kawżi tal-qorti – bħala xjentifikament skorretti u dejjem iqarrqu bil-konsumaturi. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis bis-sħiħ dawn it-tagħlimiet u tintroduċi projbizzjoni ċara fuq asserzjonijiet ibbażati fuq it-tpaċija, flimkien ma’ rekwiżiti rigward il-mod kif il-kumpaniji jikkomunikaw il-kontributi tagħhom għal proġetti ta’ sostenibbiltà aktar milli jressqu talba għal kumpens. B’mod partikolari, id-Direttiva dwar l-Asserzjonijiet Ambjentali trid tkun allinjata bis-sħiħ mad-Direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika.

3.8Il-KESE jinnota d-deċiżjoni li l-mikrointrapriżi jiġu esklużi minn ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni minħabba li l-proċeduri jirrikjedu li l-kumpaniji li jagħmlu l-asserzjonijiet jinvestu l-ħin u r-riżorsi biex jiġbru l-informazzjoni meħtieġa u japplikaw il-proċess ta’ verifika. Il-KESE jieħu nota tal-għażla ta’ inklużjoni fakultattiva għall-mikrointrapriżi, li tippermettilhom jieħdu vantaġġ mill-benefiċċji li jirriżultaw miċ-ċertifikati ta’ konformità, f’każ li jiddeċiedu li jinvestu riżorsi fihom biex japplikaw il-proċedura ta’ verifika. Il-KESE jinnota wkoll id-dispożizzjonijiet dwar l-appoġġ għall-SMEs b’mod ġenerali meta jiġu applikati r-rekwiżiti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li hemm bżonn li jiġi żgurat li l-ebda kumpanija ma tħoss li huwa permess li tqarraq bil-konsumaturi; huwa jappoġġja bis-sħiħ il-fatt li l-element ta’ inklużjoni fakultattiva fid-Direttiva dwar l-Asserzjonijiet Ambjentali ma jfissirx inklużjoni fakultattiva għad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali. Il-Kummissjoni għandha tintroduċi rekwiżiti speċifiċi biex tiżgura li l-mikrointrapriżi jiġu inklużi b’mod adegwat fil-verifiki mwettqa mill-Istati Membri, peress li dawn mhumiex de facto eżentati mil-leġiżlazzjoni aktar ġenerali dwar il-prattiki kummerċjali żleali.

3.9Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda l-ħidma fuq l-adozzjoni ta’ regoli komuni dwar is-sostanzjar tal-asserzjonijiet, kif propost fl-Artikolu 3, li jippermetti lill-Kummissjoni tiżviluppa u tadotta metodoloġiji komuni għas-sostanzjar ta’ asserzjonijiet speċifiċi, abbażi tar-riżultati ta’ monitoraġġ regolari. Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni diġà għandha tfassal lista prijoritarja ta’ asserzjonijiet li għalihom hemm bżonn ta’ regoli komuni, abbażi tal-informazzjoni disponibbli attwalment, u tibda tiżviluppa metodoloġiji komuni, minbarra l-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja. Dawn huma meħtieġa biex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata fl-Ewropa kollha, b’regoli ċari għall-verifikaturi dwar kif jivvalutaw id-dokumentazzjoni ġustifikattiva pprovduta mill-kumpaniji. B’hekk jiġi evitat ir-riskju li l-kumpaniji jagħżlu li l-asserzjonijiet tagħhom jiġu verifikati f’pajjiżi fejn jafu li għandhom ċans aħjar li dawn jiġu ċċertifikati. Dan jipprovdi wkoll ċarezza legali għall-kumpaniji u jevita li tinħoloq asimmetrija bejn, minn naħa, dawk il-kumpaniji li huma kapaċi jiżviluppaw metodi interni jew jaċċessaw servizzi esterni biex jadattaw il-metodoloġiji skont l-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom u, min-naħa l-oħra, kumpaniji li ma għandhomx riżorsi biex jagħmlu dan.

3.10Il-KESE jinnota d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tintroduċix il-metodi tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti u tal-Organizzazzjonijiet bħala rekwiżiti biex jiġu ssostanzjati l-asserzjonijiet. Madankollu, f’dawk il-każijiet fejn huwa rilevanti, il-KESE jħeġġeġ li jsir l-aħjar użu ta’ dawn il-metodi meta jiġu definiti metodi komuni għas-sostanzjar. Fir-rigward tal-Artikolu 3(1)(c) dwar ir-rekwiżit li jintwera li ċerti elementi tal-asserzjonijiet huma sinifikanti mill-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tispeċifika aktar kif dan is-sinifikat għandu jiġi vvalutat.

3.11Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tispeċifika aktar ir-rekwiżiti rigward l-asserzjonijiet dwar il-prestazzjoni ambjentali futura ta’ prodott jew negozjant, stabbiliti fl-Artikolu 5(4). L-ewwel nett, ir-rekwiżiti għandhom ikunu allinjati bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika. It-tieni, ir-rekwiżiti għandhom jispeċifikaw li tali asserzjonijiet se jiġu aċċettati biss meta ma jkunux ibbażati biss fuq tpaċija u meta jkunu appoġġjati b’informazzjoni supplimentari ċara u li tinftiehem ipprovduta min-negozjant u li tistabbilixxi impenji u miri ċari, oġġettivi, ibbażati fuq ix-xjenza u verifikabbli, kif ukoll appoġġjati bi pjan ta’ implimentazzjoni fil-livell tan-negozjanti li jinkludi miżuri ta’ implimentazzjoni u miri interim konkreti u verifikabbli mhux ibbażati fuq il-kumpens u li jkunu konsistenti mal-kisba ta’ impenn fit-tul. Il-pjan ta’ implimentazzjoni għandu jkollu baġit adegwat allokat għalih u jkun ibbażat biss fuq teknoloġiji ekonomikament u teknikament vijabbli li diġà jeżistu. Il-pjan ta’ implimentazzjoni, kif ukoll il-progress miksub, għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku u inklużi fit-talba bħala informazzjoni supplimentari, u għandhom jiġu sottomessi rapporti regolari dwar dan. L-asserzjonijiet relatati mal-prestazzjoni ambjentali futura għandhom ikunu soġġetti wkoll għal monitoraġġ indipendenti sabiex jiġu vverifikati l-asserzjonijiet u jiġi mmonitorjat il-progress tan-negozjanti fir-rigward tal-impenji u l-miri tagħhom, minbarra l-proċess ta’ ċertifikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 10. L-asserzjonijiet relatati mal-prestazzjoni ambjentali futura għandhom ikunu permessi biss fil-livell tan-negozjanti u mhux fil-livell tal-prodott, inkella l-asserzjonijiet ambjentali kkonċernati jistgħu jqarrqu bil-konsumaturi.

3.12Il-KESE jilqa’ l-projbizzjoni tal-Artikolu 7 dwar il-klassifikazzjonijiet u l-punteġġi bbażati fuq indikatur aggregat tal-impatti ambjentali, sakemm dawn ma jiġux introdotti fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Għalkemm il-komunikazzjoni ċara tal-punteġġi hija attraenti għall-konsumaturi, in-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-metodoloġiji li jintużaw għalihom, u l-għadd dejjem jikber tagħhom, jirriżultaw f’konfużjoni u nuqqas ta’ fehim. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara x’inhu kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-projbizzjoni, u speċjalment x’jitqies bħala impatt ambjentali. Pereżempju, huwa mifhum li l-punteġġi għat-tiswija mhumiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni. Dan għandu jiġi ċċarat aktar biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali.

3.13Il-KESE jilqa’ l-miżuri proposti fl-Artikolu 8 biex tintemm il-proliferazzjoni ta’ asserzjonijiet u tikketti li jiġu introdotti. Dawn se jipprovdu aktar ċarezza lill-konsumaturi u jiżguraw li tiġi kkomunikata biss informazzjoni siewja u affidabbli.

3.14Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-importanza li tingħata lill-infurzar. Waqt li r-rekwiżiti dettaljati dwar is-sostanzjar tal-asserzjonijiet jirrappreżentaw pass ċar ’il quddiem, waħda mill-kwistjonijiet persistenti ewlenin li jiffaċċjaw il-konsumaturi huwa n-nuqqas ta’ infurzar tar-regolamenti li suppost ma għandhomx ikollhom dubju dwaru. Is-sistema ta’ verifika għandha l-potenzjal li tnaqqas l-għadd ta’ asserzjonijiet foloz fis-suq, iżda din se tirnexxi biss jekk jiġu allokati biżżejjed riżorsi għall-ħidma tal-awtoritajiet ta’ monitoraġġ tas-suq. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina l-mezzi kollha possibbli ta’ appoġġ għall-awtoritajiet nazzjonali, u tħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu r-riżorsi meħtieġa għall-monitoraġġ. Il-KESE jilqa’ l-obbligu ta’ rappurtar dwar l-attivitajiet ta’ infurzar.

3.15Il-KESE jilqa’ wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 dwar l-aċċess għall-ġustizzja għall-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Li jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur ikunu jistgħu jieħdu azzjoni legali kontra asserzjonijiet qarrieqa u mhux sostanzjati sabiex jiġu protetti l-interessi kollettivi tal-konsumaturi huwa mod effettiv biex jappoġġja l-infurzar.

3.16Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17, li jispeċifikaw il-penali li l-Istati Membri għandhom jintroduċu. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra xi prattiki tajbin f’dan il-qasam.

3.17Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta l-miżuri kollha meħtieġa, inkluż l-involviment tal-imsieħba soċjali fil-proċess, biex tipproteġi lill-konsumaturi u lill-kumpaniji mill-greenwashing. B’mod partikolari, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu previsti kontroverifiki regolari bejn l-awtoritajiet nazzjonali minn naħa, u l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali min-naħa l-oħra. Fir-rigward tal-miżuri fil-livell Ewropew, il-KESE jilqa’ l-proċedura ta’ kumitat prevista fl-Artikolu 19, u jitlob li jkun jista’ jipparteċipa fil-kumitat bħala r-rappreżentant Ewropew tas-soċjetà ċivili. Minbarra din il-proċedura ta’ kumitat, hemm bżonn li l-partijiet ikkonċernati jkunu involuti b’mod adegwat, b’mod partikolari fid-diskussjonijiet dwar metodi komuni għas-sostanzjar. Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu involuti forums parteċipattivi, bħall-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn u l-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea, jew l-istabbiliment ta’ round table ġdida speċifikament għall-fini ta’ din il-leġiżlazzjoni.

Brussell, 14 ta’ Ġunju 2023

Oliver Röpke

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

_____________

(1)      Opinjonijiet tal-KESE dwar “Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari”, ĠU C 364, 28.10.2020, p. 94 u dwar “ Il-konsumaturi fl-ekonomija ċirkolari ”, ĠU C 353, 18.10.2019, p. 11
(2)    COM(2019) 640 final, 11 ta’ Diċembru 2019.
(3)    COM(2020) 98 final, 11 ta’ Marzu 2020.
(4)    COM(2020) 696 final, 13 ta’ Novembru 2020. 
(5)    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar, COM(2022) 143 final.
(6)    Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) ( ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22 ).
(7)    Kummissjoni Ewropea, Behavioural Study on Consumers’ Engagement in the Circular Economy (Studju ta’ mġiba dwar l-involviment tal-konsumaturi fl-ekonomija ċirkolari [mhux disponibbli bil-Malti], 2018, p. 10.
(8)     The Economist Intelligence Unit Limited, An Eco-wakening: Measuring global awareness, engagement and action for nature (Sensibilizzazzjoni ekoloġika: Il-kejl tas-sensibilizzazzjoni, l-involviment u l-azzjoni globali għan-natura [mhux disponibbli bil-Malti]), 2021 (WWF).
(9)    Environmental claims for non-food products, (Asserzjonijiet ambjentali għal prodotti mhux tal-ikel [mhux disponibbli bil-Malti]), studju kkummissjonat mid-DĠ JUST (2014) https://commission.europa.eu/publications/environmental-claims-non-food-products_en
(10)    Authority for Consumers & Markets (ACM), Consumers find claims regarding carbon offset unclear (L-Awtorità tan-Netherlands għall-Konsumaturi u s-Swieq (ACM): L-asserzjonijiet dwar il-kumpens għal emissjonijiet ta’ karbonju mhumiex ċari għall-konsumatur [mhux disponibbli bil-Malti]) (aċċessata f’Jannar 2023) https://www.acm.nl/en/publications/acm-consumers-find-claims-regarding-carbon-offset-unclear  Verbraucherzentrale (Settembru 2022) Klimaneutrale Produkte: 89 Prozent für klare Regeln und geprüftes Siegel (Prodotti newtrali għall-klima: 89 % huma favur regoli ċari u siġill ċertifikat [mhux disponibbli bil-Malti]) https://www.verbraucherzentrale.nrw/pressemeldungen/presse-nrw/klimaneutrale-produkte-89-prozent-fuer-klare-regeln-und-geprueftes-siegel-77472 Advertising Standards Authority (ASA) (Ottubru 2022) New Research into understanding of environmental claims (Riċerka ġdida dwar il-fehim rigward l-asserzjonijiet ambjentali [mhux disponibbli bil-Malti]) https://www.asa.org.uk/news/new-research-into-understanding-of-environmental-claims.html Kantar Public (2022) CO2 Offset claims – Consumer survey (Asserzjonijiet ta’ kumpens għal emissjonijiet ta’ karbonju – Stħarriġ tal-konsumaturi [mhux disponibbli bil-Malti]) https://www.acm.nl/system/files/documents/acm-publishes-behavioral-research-into-co2-compensation-when-purchasing-airline-tickets.pdf
Top