SOC/676
Aġenda tal-UE kontra t-terroriżmu
OPINJONI
Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà
[COM(2020) 605 final]
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Aġenda kontra t-Terroriżmu għall-UE: Antiċipazzjoni, Prevenzjoni, Protezzjoni, Rispons
[COM(2020) 795 final]
Relatur: Ákos TOPOLÁNSZKY
Konsultazzjoni
|
Kummissjoni Ewropea, 24/02/2021
|
Bażi legali
|
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
|
|
Sezzjoni kompetenti
|
Sezzjoni għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza
|
Adottata fis-sezzjoni
|
26/05/2021
|
Adottata fil-plenarja
|
09/06/2021
|
Sessjoni plenarja Nru
|
561
|
Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)
|
234/1/3
|
1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' u jappoġġja l-programm strateġiku li għandu l-għan li jipproteġi s-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni kontra r-riskji tat-terroriżmu li ġie propost bħala parti mill-istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà
, u jaqbel dwar il-ħtieġa ta' politika b'saħħitha u ambizzjuża kontra t-terroriżmu.
1.2Fl-istess ħin, jissottolinja li l-ilħuq ta' dan l-objettiv għandu jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent u r-rispett sħiħ tal-bażijiet ġuridiċi tad-dritt internazzjonali u Ewropew, li jiddefendu u jippreservaw is-soċjetà pluralista tagħna, il-valuri komuni tagħna u l-istil tal-ħajja Ewropew tagħna.
1.3Il-KESE jqis il-programm il-ġdid bħala importanti u f'waqtu, u japprova, fil-parti l-kbira, id-dispożizzjonijiet tiegħu u l-enfasi fuq il-kunċett tar-reżiljenza.
1.4Huwa jissottolinja l-importanza tal-użu ta' għodod teknoloġiċi moderni, iżda jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jiġi ggarantit li l-użu tagħhom ikun limitat fir-rigward tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali.
1.5Il-Kumitat iħoss li l-aġenda tintroduċi qafas ta' azzjoni koerenti, maħsub prinċipalment għall-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet li għandhom kompiti speċjalizzati u essenzjali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-theddida tat-terroriżmu. Madankollu, it-test ma jipprevedix li r-rappreżentanti tal-komunitajiet lokali, l-assoċjazzjonijiet taċ-ċittadini u tal-vittmi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trade unions, il-komunitajiet reliġjużi, id-dinja akkademika u l-partijiet ikkonċernati privati jkunu involuti daqs kemm għandhom ikunu fl-indirizzar ta’ din il-problema.
1.6Il-KESE huwa tal-fehma li qabelxejn għandhom jiġu evitati u eliminati r-riskji u t-tensjonijiet, aktar milli jiġu indirizzati l-konsegwenzi mhux mixtieqa tagħhom wara, bl-ispiża soċjali speċifika għolja li dan jinvolvi.
1.7Huwa jisħaq fuq l-importanza tar-riċerka u l-evalwazzjoni tat-theddida biex jiġi evitat li jiġu implimentati dispożizzjonijiet li jistgħu jiksru d-drittijiet fundamentali b'mod li mhuwiex ġustifikat.
1.8Huwa jiġbed l-attenzjoni dwar ir-rwol tal-Istati Membri u l-ħtieġa li dawn jiżviluppaw sinerġiji fl-implimentazzjoni sostenibbli tal-programm.
1.9Mill-perspettiva tal-effikaċja tar-reazzjonijiet għat-terroriżmu, huwa essenzjali li jiġu mifhuma l-kawżi individwali u soċjali tat-terroriżmu permezz tal-għarfien xjentifiku, minflok ma r-reazzjonijiet jiġu limitati biss għal dawk politiċi.
1.10Fir-rigward tal-prevenzjoni, il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar ir-rilevanza ta' involviment attiv tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tagħha, kif ukoll tal-imsieħba soċjali, li sa issa ma ġiex sfruttat biżżejjed. F'dan ir-rigward, huwa jqis li investiment partikolarment interessanti għas-sigurtà jikkonsisti fl-isfruttar tal-azzjonijiet ikkoordinati, il-programmi tat-tnaqqis tar-riskji u l-proċessi tar-rikonċiljazzjoni mibdija fil-livell tal-komunitajiet.
1.11Il-KESE huwa konvint dwar il-ħtieġa li t-terroriżmu jiġi miġġieled b'mod effettiv u mingħajr waqfien, iżda dan għandu jsir mingħajr ma jiġu preġudikati l-valuri Ewropej u d-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini. Fil-fatt, jekk dawn jiġu ristretti b'mod sostanzjali, wieħed jista' jgħid li t-terroristi jkunu laħqu l-għanijiet tagħhom.
1.12Il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi għandha tkun iddisinjata u implimentata bil-parteċipazzjoni ta' atturi privati u rappreżentanti tal-komunitajiet lokali, bl-għan li jintlaħaq kunsens. Huwa neċessarju li jkun hemm djalogu permanenti mal-mexxejja reliġjużi, peress li r-reliġjonijiet jistgħu jikkontribwixxu b'mod sostanzjali biex inaqqsu r-radikalizzazzjoni u ċerti forom ta’ theddid, kif ukoll tensjonijiet komunitarji kkawżati mit-terroriżmu.
1.13Il-Kumitat jissottolinja li d-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi ż-żamma ġeneralizzata u mhux differenzjata tad-data u li din tista' tiġi awtorizzata biss meta tkun soġġetta għal salvagwardji stretti u definiti b'mod preċiż permezz tar-regolamentazzjoni, u tkun appoġġjata minn monitoraġġ permanenti tas-sistema.
1.14Fil-kuntest tal-użu tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP)
, huwa neċessarju li s-salvagwardji li għandhom l-għan li jipproteġu l-ħajja privata taċ-ċittadini tal-Unjoni jiġu evalwati kontinwament.
2.Kummenti preliminari
2.1Il-KESE jilqa' u jappoġġja l-programm strateġiku għal azzjoni effikaċi u kkoordinata permezz ta' għodod globali bl-għan li jipproteġi s-sigurtà taċ-ċittadini tal-Unjoni kontra r-riskji tat-terroriżmu li ġie propost bħala parti mill-istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà
.
2.2Il-KESE jaqbel li hija meħtieġa politika b'saħħitha u ambizzjuża kontra t-terroriżmu, iżda jissottolinja li din għandha tkun imsejsa fuq analiżi tar-riskji bbażata fuq l-evidenza u fuq evalwazzjoni rigoruża tal-impatt tal-miżuri li diġà huma implimentati fl-UE.
2.3Il-KESE huwa impenjat b'mod sħiħ favur il-valuri universali tar-rispett għall-ħajja u d-dinjità tal-bniedem, stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-KESE jaqbel ukoll mal-affermazzjoni li d-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tar-reliġjon u r-rispett għad-diversità jikkostitwixxu l-pedament tal-Unjoni Ewropea, u b'hekk jirrikjedu approċċ komuni ddedikat li jipproteġi u jiddefendi lis-soċjetà pluralista tagħna, il-valuri komuni tagħna u l-istil tal-ħajja Ewropew tagħna. Dawn il-valuri fundamentali għandhom jitqiesu b'mod kostanti u sistematiku meta jitfasslu u jiġu implimentati l-azzjonijiet previsti fil-Komunikazzjoni.
2.4Fil-fehma tal-KESE, il-programm il-ġdid huwa importanti u f'waqtu; id-dispożizzjonijiet tiegħu li jippermettu l-antiċipazzjoni, il-prevenzjoni, il-protezzjoni u r-reazzjoni, kif ukoll l-aspett trasversali tiegħu tal-kooperazzjoni internazzjonali, jipprovdu qafas u approċċ adatti għall-implimentazzjoni ta' pjan ta' reazzjoni globali. Il-KESE jqis li huwa adatt ukoll li l-Komunikazzjoni tagħmel enfasi b'mod aktar partikolari fuq aspetti differenti, b'mod partikolari l-importanza tar-reżiljenza. Fil-fatt, ir-reżiljenza tirrikjedi parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà, u għalhekk tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet taċ-ċittadini, fil-proċess biex tiġi stabbilita u garantita s-sigurtà.
2.5Ta' min jinnota wkoll l-enfasi fuq l-użu ta' għodod teknoloġiċi moderni, li bla dubju jippermettu ġlieda aktar effettiva kontra l-attivitajiet terroristiċi u dawk ta' appoġġ għat-terroriżmu. Madankollu, huwa essenzjali li jiġi ddefinit b'mod preċiż, f'konformità mad-dritt tal-Unjoni, l-użu ta' dawn l-għodod ġodda kollha – b'mod partikolari dawk biex tinġabar u tiġi analizzata l-big data – kif ukoll l-użu ta' dawk aktar antiki, u li jiġi rregolat l-użu u l-ħżin tad-data miġubra u jiġi mmonitorjat ir-rispett permanenti u kontinwu tar-regoli.
2.6Il-Kumitat iħoss li l-aġenda tintroduċi qafas ta' azzjoni koerenti, maħsub prinċipalment għall-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet li għandhom kompiti speċjalizzati u essenzjali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-theddida tat-terroriżmu. Madankollu, it-test ma jipprevedix li r-rappreżentanti tal-komunitajiet lokali, l-assoċjazzjonijiet taċ-ċittadini u tal-vittmi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trade unions, il-komunitajiet reliġjużi, id-dinja akkademika u l-partijiet ikkonċernati privati jkunu involuti daqs kemm għandhom ikunu fl-indirizzar ta’ din il-problema. Mhux se jkun possibbli li jiġu eliminati l-għeruq tat-theddida terrorista mingħajr l-isforzi tal-atturi tas-soċjetà fil-livell lokali biex jintlaħqu ftehimiet ikkoordinati u li jistgħu jiġu appoġġjati bl-għan li jnaqqsu r-riskju.
2.7Il-KESE huwa tal-fehma li qabelxejn għandhom jiġu evitati u eliminati r-riskji u t-tensjonijiet, aktar milli jiġu indirizzati l-konsegwenzi mhux mixtieqa tagħhom wara, bl-ispiża soċjali speċifika għolja li dan jinvolvi. Il-Kumitat iqis li huwa importanti li l-implimentazzjoni tal-programm ma tkunx ibbażata fuq perċezzjonijiet soċjali jew reazzjonijiet politiċi, iżda tkun dejjem ibbażata fuq ir-realtà tat-terroriżmu u t-theddida reali li jirrappreżenta, u li l-miżuri li jittieħdu biex dan jiġi miġġieled jiġu żviluppati fuq din il-bażi. Il-miżuri politiċi għandhom jitfasslu wkoll b'konsegwenza ta' dan.
2.8Il-KESE jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-UE se tkun tista' tiġġieled kontra r-radikalizzazzjoni b'mod effettiv biss jekk jirnexxielha taġixxi wkoll kontra l-esklużjoni ta' vittmi kemm tal-minoranzi indiġeni tagħha (pereżempju r-Rom) kif ukoll ta' dawk li waslu reċentement fit-territorju tagħha.
2.9Sabiex l-inklużjoni soċjali ma tiġix affettwata b'mod negattiv u biex jiġi żgurat li r-reazzjonijiet ikunu proporzjonati, għandu jiġi żgurat li d-differenzi bejn il-perċezzjoni tat-theddida terrorista fis-soċjetà u l-livell reali ta' din it-theddida ma tkunx kbira wisq, kif inhu l-każ f'ċerti Stati Membri. Għalhekk, ir-riċerka u l-evalwazzjoni tat-theddida huma importanti biex jiġi evitat li jiġu implimentati dispożizzjonijiet li jistgħu jiksru d-drittijiet fundamentali b'mod li mhuwiex ġustifikat. Il-politiki tas-sigurtà jistgħu jiġu adattati biss fuq il-bażi ta' analiżi bbażata fuq l-evidenza tat-theddid u r-riskji reali identifikati.
2.10Il-KESE jqis ukoll li l-impenn qawwi tal-programm favur il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni jikkostitwixxi element pożittiv importanti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Madankollu, minbarra l-ġlieda kontra l-kontenut radikali online, il-Kumitat jemmen li, f'dan il-qasam, huwa importanti ħafna li jiġu mifhuma u esplorati l-mekkaniżmi tar-radikalizzazzjoni u d-deradikalizzazzjoni, li jiġu studjati n-natura u l-proċess tar-radikalizzazzjoni u, fuq din il-bażi, li tiġi evitata. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet taċ-ċittadini jista' jkollhom rwol essenzjali f'dan ir-rigward.
2.11Il-KESE huwa konvint dwar il-ħtieġa li t-terroriżmu jiġi miġġieled b'mod effettiv u mingħajr waqfien, iżda dan għandu jsir mingħajr ma jiġu preġudikati l-valuri Ewropej u d-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini. Fil-fatt, jekk dawn jiġu ristretti b'mod sostanzjali, wieħed jista' jgħid li t-terroristi jkunu laħqu l-għanijiet tagħhom.
2.12Anke fil-każ tal-aktar programmi ddisinjati tajjeb u dawk li jirnexxu l-aktar, is-suċċess jiddependi ħafna fuq ir-rieda tal-Istati Membri involuti fl-implimentazzjoni tagħhom li jikkooperaw ma' xulxin, kif ukoll fuq ir-reżiljenza tagħhom u d-deċiżjonijiet politiċi meħuda biex jappoġġjaw lil dawn il-programmi. Ir-rieda politika f'dan ir-rigward hija kruċjali ħafna.
2.13Il-KESE huwa tal-fehma li t-tnedija tal-programm kellha tkun akkumpanjata minn evalwazzjoni rigoruża tas-sitwazzjoni, li tindika l-proċessi li l-programm għandu jipprovdi reazzjoni adatta għalihom u r-riżultati miksuba permezz tal-isforzi li saru sa issa.
3.Aspetti sostantivi
3.1Antiċipazzjoni
3.1.1Huwa essenzjali li l-użu tal-intelliġenza artifiċjali (IA) fil-kuntest tad-detezzjoni bikrija u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu inġenerali jkun trasparenti u verifikabbli, li jkunu biss il-kontenut u l-persuni kkonċernati mill-ġlieda kontra t-terroriżmu li jiġu mmirati b'mod effettiv, u li s-seba' rekwiżiti essenzjali tal-istrateġija dwar l-IA jiġu rrispettati
.
3.1.2Fir-rigward tal-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi, il-programm jikkonċentra kif dovut fuq l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda. Il-KESE jiddeplora, madankollu, il-fatt li d-dokument jindirizza biss b'mod impliċitu t-tħejjija tal-attakki bil-vetturi, għalkemm dawn kienu frekwenti ħafna fl-aħħar snin. Ċertu numru ta' attakki terroristiċi magħrufa bħala strateġiċi (numru kbir ta' vittmi, kopertura sinifikanti fil-midja u effett ta' biża' kbir) twettqu b'dan il-mod.
3.1.3Mill-perspettiva tal-effikaċja tar-reazzjonijiet għat-terroriżmu, huwa essenzjali li l-kawżi individwali u soċjali tat-terroriżmu jiġu mifhuma permezz ta' mezzi xjentifiċi. Konsegwentement, fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li tingħata attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni, peress li l-għarfien li jinkiseb b'dan il-mod jista' jnaqqas b'mod effettiv il-ħsara lill-bnedmin u lill-oġġetti.
3.2Prevenzjoni
3.2.1Fir-rigward tal-prevenzjoni, il-KESE jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-fatt li l-isfera ċivili tista’ taqdi – u diġà taqdi – rwol importanti fil-ġlieda kontra proprju dan l-aspett tat-terroriżmu. Dan huwa rilevanti mill-perspettiva tal-kontenut, li jvarja minn tisħiħ tas-sens ta' sigurtà fi ħdan is-soċjetà sa appoġġ u monitoraġġ tal-proċessi operazzjonali tal-korpi li jiġġieldu t-terroriżmu permezz tad-detezzjoni u l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, u l-ġlieda kontriha. Konsegwentement, il-programm għandu jeżamina f'aktar dettall il-qafas u l-kontenut tal-kooperazzjoni li jistgħu jiġu promossi fil-livelli kollha tas-soċjetà. Il-kooperazzjoni bejn il-persuni jew fil-livell tal-gruppi u tal-komunitajiet jista' jkollha effetti kkonfermati u fit-tul fuq it-tnaqqis tar-riskji u l-promozzjoni tal-inklużjoni sostenibbli. Il-programm għandu jenfasizza dan l-approċċ proattiv u mhux biss reattiv.
3.2.2Il-programm taħt kunsiderazzjoni ġustament jagħti importanza kbira lill-ġlieda kontra l-promozzjoni tal-ideoloġiji estremisti online. F'dan il-kuntest, jirreferi għall-istreaming dirett fuq l-internet ta' atti terroristiċi mit-terroristi. Madankollu, ma jsemmix il-fenomenu ħafna aktar frekwenti – u li, skont il-Kumitat, huwa essenzjali li jiġi evitat – tat-tixrid fuq il-midja soċjali ta' atti terroristiċi minn dawk li jarawhom jseħħu b'għajnejhom.
3.2.3Filwaqt li jirrikonoxxi r-rwol soċjali ta' pjattaformi online kbar ħafna, il-programm jiddefinixxi wkoll obbligi għalihom. F'dan ir-rigward, minbarra l-elementi li diġà ssemmew fid-dokument taħt kunsiderazzjoni, ikun utli li jsiru evalwazzjonijiet regolari tar-riskji sistemiċi marbuta mad-drittijiet fundamentali, d-diviżjonijiet soċjali u t-tekniki ta' manipulazzjoni li joħolqu r-radikalizzazzjoni.
Huwa neċessarju wkoll li ssir evalwazzjoni kontinwa tar-riskji relatati mal-atturi industrijali, ekonomiċi u kummerċjali, l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u li jissaħħaħ ir-rwol tagħhom bħala msieħba fil-prevenzjoni tat-terroriżmu permezz tal-organizzazzjonijiet umbrella tagħhom.
3.2.4Fir-rigward tal-prevenzjoni, huwa importanti li jiġi indikat li minbarra d-diskors ta' mibegħda, it-tixrid ta' informazzjoni qarrieqa u ta' teoriji ta' konfoffa għandhom rwol ewlieni fir-radikalizzazzjoni. Għalhekk, huwa essenzjali li dan il-fenomenu jiġi miġġieled biex tirnexxi l-ġlieda kontra t-terroriżmu.
3.2.5Il-KESE jissottolinja l-importanza tal-komunikazzjoni strateġika mhux biss wara attakk, iżda wkoll bħala għodda ta' prevenzjoni, li timplika wkoll l-integrazzjoni ta' messaġġ żviluppat mis-soċjetà ċivili biex jikkontradixxi l-attraenza tat-terroriżmu u joffri soluzzjonijiet oħra.
3.2.6L-impenn kollettiv u r-reżiljenza tal-bliet u l-muniċipalitajiet jistgħu jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-protezzjoni tal-komunità. Fil-qasam tal-prevenzjoni, il-KESE jqis li investiment partikolarment interessanti għas-sigurtà jikkonsisti fl-isfruttar tal-azzjonijiet ikkoordinati, il-programmi tat-tnaqqis tar-riskji u l-proċessi tar-rikonċiljazzjoni involuti fil-livell tal-komunitajiet. L-indirizzar, ir-riżoluzzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, l-eliminazzjoni tat-tensjonijiet jistgħu jneħħu l-obbligu li tittieħed azzjoni f'sitwazzjonijiet ta' riskju u b'hekk jilliberaw riżorsi konsiderevoli, kif ukoll iżidu l-grad tal-inklużjoni soċjali. Dan jirrikjedi fehim dwar l-għeruq u n-natura tat-terroriżmu u monitoraġġ kontinwu tal-interventi.
3.2.7Il-bliet tagħna jeħtieġu aċċess aħjar għall-finanzjament, għall-konsulenza u għat-taħriġ biex ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi attwali u jżidu r-reżiljenza tagħhom. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-għajnuna mogħtija mill-Kummissjoni għall-attivitajiet tal-koordinaturi lokali tal-prevenzjoni permezz tan-network tal-UE ta' sensibilizzazzjoni dwar ir-radikalizzazzjoni. Huwa jemmen li l-inizjattiva tal-"Bliet tal-UE kontra r-Radikalizzazzjoni" u d-djalogu strateġiku bejn il-bliet huma essenzjali. Il-Kumitat huwa tal-fehma li dan id-djalogu għandu jiġi stabbilit ukoll b'mod permanenti fl-agglomerazzjonijiet urbani permezz tal-ħolqien ta' forums adatti.
3.2.8B'kunsiderazzjoni tal-fatt li l-esklużjoni soċjali reali u perċepita, id-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni jistgħu jżidu s-sensittività għall-propaganda radikali u jrawmu aktar theddid għall-koeżjoni soċjali, il-Kummissjoni Ewropea għandha tintensifika l-azzjoni tagħha kontra r-razziżmu. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu implimentati politiki soċjali adatti biex jitnaqqsu r-riskji u jżidu l-fiduċja, peress li l-atti terroristiċi jistgħu jiġu interpretati wkoll bħala manifestazzjonijiet estremi ta' tensjonijiet soċjali u nuqqas ta' fiduċja.
3.2.9Il-Kumitat jemmen li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-analiżi, ir-rikonoxximent u l-prevenzjoni effikaċi tal-proċessi tar-radikalizzazzjoni fil-faċilitajiet korrettivi milli kien il-każ sa issa. Il-KESE jittama li l-programmi ta' appoġġ implimentati fuq il-bażi ta' evalwazzjonijiet li twettqu matul il-perjodu preċedenti jkomplu jiġu kkonsolidati f'dan il-kuntest, u huwa favur dan. Huwa neċessarju li jiġi ggarantit, permezz ta' strateġiji mfasslin tajjeb, li l-ħabsijiet ma jkunux il-postijiet fejn tiġi instigata r-radikalizzazzjoni, iżda pjuttost, kemm jista' jkun, il-postijiet fejn din tiġi indirizzata.
3.3Protezzjoni
3.3.1Il-Kapitolu bit-titolu "Iċ-ċaħda tat-terroristi mill-mezzi ta' attakk" ma jindirizzax il-miżuri previsti biex jitwaqqfu l-attakki bil-vetturi. Minħabba li, f'dawn l-aħħar snin, dawn l-attakki seħħew ta' spiss, dan il-programm bilfors jeħtieġ iqis din il-problema.
3.3.2Il-KESE jħeġġeġ ukoll aktar ħidma immirata biex jiġi evitat l-użu ta’ vetturi mikrija u kondiviżi bħala għodod għal attakki terroristiċi u biex jiġu żviluppati prattiki ta’ ppjanar urban effettivi biex tiġi evitata l-ħsara kkawżata minn vetturi użati għal dan il-għan.
3.3.3Il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi għandha tkun iddisinjata u implimentata bil-parteċipazzjoni ta' atturi privati u rappreżentanti tal-komunitajiet lokali, bl-għan li jintlaħaq kunsens, biex kemm jista' jkun l-użu liberu tagħhom ma jkunx limitat. Il-KESE jaqbel li huwa neċessarju li jiġu stabbiliti standards minimi għall-protezzjoni tal-ispazji partikolarment iffrekwentati u dawk li għandhom valur simboliku.
3.3.4Huwa neċessarju li jkun hemm djalogu permanenti mal-mexxejja reliġjużi, peress li r-reliġjonijiet jistgħu jikkontribwixxu b'mod sostanzjali biex inaqqsu r-radikalizzazzjoni u ċerti forom ta’ theddid, kif ukoll tensjonijiet komunitarji kkawżati mit-terroriżmu. Dan l-approċċ għandu jiġi kkomplementat minn djalogu interreliġjuż u, jekk ikun meħtieġ, minn proċessi ta' rikonċiljazzjoni
3.4Reazzjoni
3.4.1B'kunsiderazzjoni tan-natura speċjalizzata ħafna tar-reazzjoni kontra t-terroriżmu, il-KESE jisħaq b'mod partikolari fuq il-ħtieġa u l-importanza tal-komunikazzjoni regolari tar-riżultati.
3.4.2Il-Kumitat jissottolinja li d-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi ż-żamma ġeneralizzata u mhux differenzjata tad-data u li din tista' tiġi awtorizzata biss meta tkun soġġetta għal salvagwardji stretti u definiti b'mod preċiż permezz tar-regolamentazzjoni, u tkun appoġġjata minn monitoraġġ permanenti tas-sistema.
3.4.3L-attivitajiet taċ-Ċentru ta' Għarfien Espert tal-UE għall-Vittmi tat-Terroriżmu, stabbilit f'dan l-istadju fuq bażi pilota biss, għandhom jitkomplew u jiġu estiżi sabiex jiġi evalwat l-effett tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fuq is-soċjetà ċivili u d-drittijiet fundamentali. Il-mekkaniżmi ta' għajnuna għall-vittmi fl-Istati Membri għandhom jiġu rieżaminati u msaħħa wkoll fil-qafas tal-ewwel strateġija tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025)
. Il-funzjonament tajjeb tal-punti ta' kuntatt nazzjonali għall-vittmi tat-terroriżmu
huwa essenzjali wkoll.
3.4.4Qed tinġabar ħafna informazzjoni fil-qafas tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP)
. F'dan ir-rigward, b'mod partikolari meta din l-informazzjoni tintuża minn parti esterna (pereżempju, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti), is-salvagwardji tal-protezzjoni tal-ħajja privata taċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom jiġu evalwati b'mod kontinwu. L-istess jgħodd għaċ-ċibersigurtà, l-ipproċessar tal-informazzjoni kriptata waqt l-investigazzjonijiet, il-ġestjoni ta' evidenza elettronika (eEDES) u l-investigazzjonijiet diġitali mwettqa ma' msieħba internazzjonali. Fi kwalunkwe każ, huwa neċessarju li l-interessi taċ-ċittadini jingħataw kunsiderazzjoni primarja f'termini tal-protezzjoni ġudizzjarja.
Brussell, 9 ta’ Ġunju 2021
Christa SCHWENG
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
_____________