Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2024-04592-AS

L-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili

EESC-2024-04592-AS

MT

NAT/946

L-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili

OPINJONI

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

L-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili waqt li tiġi żgurata l-kompetittività Ewropea, tittaffa l-kriżi tal‑għoli tal‑ħajja, u tiġi promossa tranżizzjoni ġusta

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Kuntatt

nat@eesc.europa.eu

Amministratur

Caroline VERHELST

Data tad-dokument

4/4/2025

Relatur: Corina MURAFA BENGA

Konsulent

Olivier VARDAKOULIAS (għar-relatur)

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

5/12/2024

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adozzjoni fis-sezzjoni

1/4/2025

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

50/5/4

Adozzjoni fis-sessjoni plenarja

D/M/YYYY

Sessjoni plenarja Nru

Riżultat tal-votazzjoni
(favur/kontra/astensjonijiet)

…/…/…



Preambolu

Din l-Opinjoni tagħmel parti minn pakkett usa’ ta’ Opinjonijiet tal-KESE dwar il-kriżi tal-għoli tal-ħajja. B’dan il-pakkett, il-KESE qed jeżamina l-aspetti differenti ta’ din l-isfida ta’ politika u qed jippreżenta sett komprensiv u wiesa’ ta’ rakkomandazzjonijiet lil dawk li jfasslu l-politika fil-livell Ewropew u nazzjonali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lil partijiet ikkonċernati oħra. Il-pakkett jinkludi seba’ Opinjonijiet settorjali 1 , kull waħda ddedikata għal kwistjonijiet f’qasam ta’ politika rilevanti speċifiku. Barra minn hekk, Opinjoni ġenerali 2 tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika ġenerali biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-għoli tal-ħajja kollha kemm hi u tinbena r-reżiljenza kontra kriżijiet futuri.

1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1L-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili trid tkun parti minn pakkett usa’ ta’ taxxi u proposti, imfassal apposta għal Stati Membri individwali. Dan għandu jinvolvi djalogu soċjali u ċivili wiesa’ u inklużiv biex jiġi vvalutat jekk l-iskemi ta’ kumpens li jappoġġjaw tranżizzjonijiet lejn livelli baxxi ta’ karbonju għandhomx jiġu introdotti u, jekk iwa, liema. L-ewwel għandhom jiġu eliminati gradwalment is-sussidji għall-aktar fjuwils fossili dannużi mil-lat ambjentali u soċjali. Is-sussidji mhux immirati għandhom jitwaqqfu, waqt li s-sussidji mmirati, ibbażati fuq l-introjtu tal-unitajiet domestiċi jew il-vulnerabbiltà tal-intrapriżi, meta jkun meħtieġ, jistgħu jiġu eliminati aktar gradwalment u sostitwiti b’inċentivi għad-dekarbonizzazzjoni.

1.2Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tispeċifika fid-dettall – fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) skont is-Semestru Ewropew – l-azzjonijiet li l-Istati Membri jeħtieġ jieħdu biex jeliminaw is-sussidji għall-fjuwils fossili kemm jista’ jkun malajr. Minbarra li jinkludu skadenzi ċari finali u interim għall-eliminazzjoni gradwali fil-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) tagħhom, l-Istati Membri għandu jkollhom ukoll stadji importanti, miri, miżuri ta’ prijoritizzazzjoni u objettivi speċifiċi għall-eliminazzjoni gradwali, fid-dawl tal-kuntesti individwali tal-Istati Membri.

1.3Il-Kummissjoni Ewropea, fi sħubija mal-partijiet ikkonċernati u mal-KESE, għandha tistabbilixxi pjattaforma ta’ skambju miftuħa u b’diversi partijiet ikkonċernati li jinkludu l-atturi tas-soċjetà ċivili għall-Istati Membri biex jikkondividu l-aħjar prattiki dwar il-miżuri u l-programmi ta’ eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili.

1.4Il-KESE jirrakkomanda li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ protezzjoni għall-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi n-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali biex jiġi żgurat proċess bilanċjat tas-sussidji għall-fjuwils fossili.

1.5Sabiex jingħelbu l-ostakli marbutin mad-definizzjonijiet spjegati f’din l-Opinjoni, fir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Enerġija u l-Klima, il-Kummissjoni Ewropea għandha tipproponi definizzjoni ċara tas-sussidji għall-fjuwils fossili, li tkun ibbażata fuq is-sistema tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u għalhekk tkopri wkoll is-sussidji indiretti, u għandha toħroġ linji gwida ta’ rapportar għall-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tirfina r-rappurtar tagħha dwar is-sussidji għall-fjuwils fossili mhux biss billi ssegwi l-istatistika iżda billi tenfasizza wkoll l-aħjar prattiki għall-eliminazzjoni gradwali tagħhom.

1.6Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija (ETD) hija opportunità kruċjali biex tiġi appoġġjata l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili fl-UE. Il-KESE jinsab imħasseb dwar id-dewmien biex dan il-fajl jiġi konkluż, u jistieden lill-Parlament Ewropew jadotta pożizzjoni dwar ir-reviżjoni tal-ETD mill-aktar fis possibbli. Waqt li hija meħtieġa flessibbiltà biex jiġu riflessi ċ-ċirkostanzi individwali tal-Istati Membri, huma essenzjali wkoll rati minimi ta’ tassazzjoni ambizzjużi fl-UE kollha biex jixprunaw id-dekarbonizzazzjoni kompetittiva. L-eżenzjonijiet għandhom ikunu fakultattivi u jintużaw bi prudenza.

1.7Bħala parti mill-proċess tal-UNFCCC, l-Unjoni Ewropea għandha tkompli żżomm il-viżjoni ta’ eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili fuq livell globali, u ssaħħaħ is-sħubijiet u t-tagħlim reċiproku ma’ pajjiżi li reċentement għamlu progress f’dan il-qasam.

1.8Kull forma ta’ appoġġ finanzjarju għal infrastruttura ġdida tal-fjuwils fossili għandha tiġi eliminata b’mod permanenti mill-istrumenti kollha ta’ finanzjament taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028-2034. Minflok, nirrakkomandaw li jiġi allokat finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp rigward fjuwils nodfa, waqt li jiġu rispettati kriterji stretti b’konformità mat-tassonomija tal-UE.

1.9Il-KESE jirrakkomanda li jiġu riveduti r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jgħinu jħaffu l-pass tat-tranżizzjoni tal-enerġija billi ma jagħtux aktar appoġġ tal-għajnuna mill-Istat għal proġetti tal-enerġija mill-fjuwils fossili.

2.Kummenti ġenerali

2.1Is-sussidji tal-enerġija u l-interventi tal-gvern huma mfassla biex ibaxxu l-kostijiet għall-konsumaturi taħt il-prezzijiet tas-suq, jgħollu l-prezzijiet għall-produtturi ’l fuq mil-livelli tas-suq jew jappoġġjaw proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija biex inaqqsu l-kost tal-kapital. Dawn jinkludu trasferimenti diretti ta’ flus lill-produtturi jew lill-konsumaturi, mekkaniżmi ta’ appoġġ indirett bħal eżenzjonijiet mit-taxxa u krediti, u approċċi bbażati fuq is-suq li jiffaċilitaw is-sussidji inkroċjati fost l-atturi ekonomiċi.

2.2Il-Kummissjoni Ewropea ssegwi tali sussidji fl-UE permezz tal-Inventarju tas-Sussidji. Għalhekk, is-sussidji għall-fjuwils fossili jkopru diversi forom ta’ appoġġ finanzjarju għall-enerġija fossili primarja kollha u għall-elettriku ġġenerat kollu mill-ħruq tal-fjuwils fossili. Bejn l-2020 u l-2021, dawn irduppjaw għal EUR 136 biljun, u mbagħad fl-2023, naqsu bi ftit għal EUR 111-il biljun, li jirrappreżentaw aktar minn terz tas-sussidji eżistenti kollha għall-enerġija. Iċ-ċifri preliminari tal-2024 jissuġġerixxu tnaqqis fis-sussidji totali tal-enerġija (fossili u mhux fossili) għal EUR 78 biljun, peress li l-biċċa l-kbira tas-sussidji għall-kriżijiet huma mistennija li jiskadu sal-2025 3 . Madankollu, is-sussidji indiretti – ikkawżati, pereżempju, mill-esternalizzazzjoni tal-kostijiet (eż. il-kostijiet tal-kura tas-saħħa, il-ħsara lill-bini u l-infrastruttura) – mhumiex koperti.

2.3Dawn is-sussidji impliċiti, jiġifieri stimi tal-kost soċjali tal-karbonju, il-kost tas-saħħa dovut għat-tniġġis tal-arja u esternalitajiet oħra bħall-konġestjoni tat-traffiku u l-inċidenti, huma inklużi fil-metodi ta’ kalkolu korrispondenti tal-FMI. Skont din il-metodoloġija, is-sussidji għall-fjuwils fossili fl-UE huma sostanzjalment ogħla mill-istima tal-Kummissjoni, u jammontaw għal madwar USD 300 biljun fis-sena 4 . Minkejja d-differenzi metodoloġiċi, ċerti Stati Membri bħan-Netherlands ħarġu bi stimi tas-sussidji għall-fjuwils fossili li jixbhu lil dawk tal-FMI. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta jew tiżviluppa approċċ metodoloġiku ġdid u simili, minbarra l-inventarju attwali.

2.4Il-livell kostanti tas-sussidji għall-fjuwils fossili jikkontradixxi l-impenji politiċi eżistenti għall-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili. Il-G7 u l-G20 ilhom mill-2009 li ħabbru inizjattivi internazzjonali għar-razzjonalizzazzjoni u għall-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili, u sar l-istess aktar reċentement fl-UNFCCC. L-inkoraġġiment għal sforzi diplomatiċi, bħall-Ftehim dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Kummerċ u s-Sostenibbiltà, għandu jispira l-isforzi tal-UE fil-COPs tal-UNFCCC li jmiss, fejn il-Koalizzjoni dwar l-Eliminazzjoni Gradwali tal-Inċentivi għall-Fjuwil Fossili inklużi s-Sussidji, li nbdiet min-Netherlands u li ssieħbu magħha Stati Membri oħra tal-UE, għandha tiġi promossa b’mod attiv.

2.5L-UE tinsab fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni ta’ sett ta’ għodod u azzjonijiet biex telimina gradwalment b’mod effettiv is-sussidji għall-fjuwils fossili, iżda s’issa, kif juru n-numri, l-impatt ta’ dawn l-azzjonijiet kien limitat. Ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika (2018) jirrikjedi li l-Istati Membri jirrapportaw kull sena dwar il-progress fl-eliminazzjoni tas-sussidji tal-enerġija, b’mod partikolari s-sussidji għall-fjuwils fossili. Dan l-impenn issaħħaħ permezz tal-Liġi tal-UE dwar il-Klima (2021), li tipprevedi l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji li jmorru kontra l-objettiv tan-newtralità klimatika sal-2050. Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-kompitu li tiżviluppa metodoloġiji standardizzati u oqfsa għar-rapportar dwar is-sussidji għall-fjuwils fossili u dwar sussidji oħra li jagħmlu ħsara lill-ambjent 5 . Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti dwar id-dimensjonijiet soċjali tas-sussidji dannużi. Barra minn hekk, ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija fl-ambitu tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” għandha l-għan li tallinja t-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-enerġija mal-objettivi klimatiċi.

2.6Is-sussidji għall-fjuwils fossili għandhom diversi effetti detrimentali, jiksru l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, jinkoraġġixxu dipendenza kontinwa mill-fjuwils fossili u jipperikolaw il-kompetittività tal-enerġija rinnovabbli. Għalhekk, dawn ifixklu t-tranżizzjoni lejn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jaggravaw id-degradazzjoni ambjentali – inklużi t-tniġġis tal-arja u t-telf tal-bijodiversità – u t-tibdil fil-klima. B’hekk huma f’kontradizzjoni qawwija mal-politika tal-UE dwar il-klima. L-evidenza turi li fl-2023 miljun pompa tas-sħana oħra setgħu ġew installati fl-UE li kieku s-sussidji għall-bojlers tal-fjuwils fossili ntużaw għall-pompi tas-sħana 6 .

3.Kummenti speċifiċi dwar l-impatt tas-sussidji għall-fjuwils fossili fuq il-kompetittività

3.1Lil hinn mill-kunsiderazzjonijiet ġeopolitiċi, id-dipendenza strutturali tal-UE mill-fjuwils fossili importati għandha effett negattiv fuq il-kummerċ u l-bilanċi tal-kontijiet kurrenti tal-UE, u b’hekk ikollha impatt negattiv fuq l-esportazzjonijiet netti u fuq il-prestazzjoni makroekonomika inġenerali 7 . Konsegwentement, is-sussidji għall-fjuwils fossili jżidu d-dipendenza tal-UE mill-importazzjonijiet, u b’hekk inaqqsu t-tranżizzjoni tal-enerġija. Barra minn hekk, il-volatilità tal-prezzijiet assoċjata mal-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili qed tikkontribwixxi għal episodji ta’ inflazzjoni, bħal kif ġie esperjenzat wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, u qed iddgħajef il-kompetittività tan-negozju (speċjalment għall-industriji intensivi fl-enerġija).

3.2Mil-lat ta’ politika fiskali, is-sussidji għall-fjuwils fossili qed inaqqsu l-ispazju fiskali tal-Istati Membri biex jiffinanzjaw prijoritajiet oħra, inkluż appoġġ lin-negozji biex jinvestu fit-tranżizzjoni tal-enerġija jew fin-nefqa soċjali. Pereżempju, is-sussidji għall-fjuwils fossili għadhom ogħla mis-sussidji għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, minkejja d-“diskrepanza fl-investiment” kbira biex jintlaħqu l-miri tat-tranżizzjoni tal-enerġija u tal-klima sal-2030 8 . Minħabba r-restrizzjonijiet fiskali li jirriżultaw mir-regoli fiskali riveduti tal-UE, ir-ridirezzjonar tas-sussidji għall-fjuwils fossili lejn l-objettivi klimatiċi huwa kruċjali biex tiġi eliminata d-diskrepanza fl-investiment klimatiku.

3.3Il-kostijiet għoljin tal-enerġija qed jagħmlu ħsara lill-kompetittività tal-UE, u l-kumpaniji tal-UE qed iħallsu bejn darbtejn u tliet darbiet aktar għall-elettriku minn dawk fl-Istati Uniti, u bejn erba’ u ħames darbiet aktar għall-gass. Filwaqt li jeżistu ċerti sussidji għall-fjuwils fossili biex itaffu l-kost tal-enerġija għan-negozji, dawn idewmu l-investimenti f’sorsi alternattivi u jfixklu l-inċentivi tal-prezzijiet.

4.Kummenti speċifiċi dwar l-impatt tas-sussidji għall-fjuwils fossili fuq l-għoli tal-ħajja

4.1L-inflazzjoni kkawżata mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja kellha impatt sproporzjonat fuq l-impjegati, li wasslet biex il-pagi reali fl-UE naqsu b’5,1 % fl-eqqel tal-kriżi fl-2022. Fir-rigward tas-settur tal-enerġija, l-inflazzjoni għandha impatt sproporzjonat fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli li jonfqu proporzjon akbar tal-introjtu tagħhom fuq l-enerġija. Fuq terminu medju, hija biss id-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-elettriku permezz tat-tranżizzjoni lejn sorsi ta’ enerġija nadifa li tista’ tnaqqas il-kost tal-enerġija li kkawża l-għoli tal-ħajja.

4.2Minbarra l-impatt aggregat negattiv fuq il-baġits tal-gvern, l-evidenza tissuġġerixxi li s-sussidji għall-fjuwils fossili mhumiex immirati tajjeb, u huma ta’ benefiċċju b’mod predominanti għal gruppi soċjali aktar għonja, u b’hekk huma soċjalment rigressivi 9 . Fl-aħħar nett, is-sussidjar tal-użu tal-fjuwils fossili qed jiġġenera kostijiet soċjali negattivi usa’, bħall-mortalità prematura u l-morbożità minħabba t-tniġġis tal-arja, li jaffetwaw b’mod partikolari lil gruppi soċjali vulnerabbli 10 .

4.3Ħafna sussidji ġew introdotti biex joffru għajnuna fuq terminu qasir, iżda mhumiex immirati lejn unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u ma jindirizzawx il-kawżi sottostanti tal-inflazzjoni tal-enerġija. Sabiex jiġi indirizzat b’mod effettiv l-impatt rigressiv tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi, jinħtieġ approċċ fuq żewġ binarji ibbażat fuq il-prinċipji ta’ tranżizzjoni ġusta. L-ewwel nett, appoġġ dirett aktar immirat għall-introjtu għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli fuq terminu qasir; it-tieni, ir-ridirezzjonar tas-sussidji lejn soluzzjonijiet durabbli, permezz ta’ fondi mobilizzati għal investimenti f’sistemi tal-elettriku u tat-tisħin dekarbonizzati, u fl-istess waqt jiġi rinnovat ukoll l-istokk tad-djar, sabiex jitnaqqsu l-prezzijiet.

4.4L-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili għandha timxi id f’id ma’ kontroll aktar strett tas-suq tal-enerġija, biex jiġu protetti l-gruppi vulnerabbli u jiġu evitati żidiet eċċessivi fil-prezzijiet. L-aċċess għall-enerġija nadifa għandu jkun preokkupazzjoni kostanti, speċjalment fiż-żoni rurali.

5.Kummenti speċifiċi dwar il-kwantifikazzjoni u r-rapportar tal-fjuwils fossili

5.1Definizzjoni ċara ta’ x’jikkostitwixxi sussidju għall-fjuwils fossili, li tiddistingwi bejn dawk effiċjenti u dawk ineffiċjenti, trid tiġi infurzata fil-livell tal-UE, flimkien ma’ linji gwida speċifiċi għall-kejl u d-divulgazzjoni, biex b’hekk jiġu indirizzati l-kopertura tad-data u l-kwalità għall-monitoraġġ u l-kejl. Dan jista’ jsir fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Enerġija. Din id-definizzjoni tista’ tkun ibbażata fuq it-tipoloġija tas-sussidji tad-WTO, li bħalissa qed tintuża mill-OECD, mill-IRENA u mill-UNEP. Barra minn hekk, l-inkorporazzjoni ta’ sussidji “impliċiti”, skont id-definizzjoni tal-FMI, għandha titqies ukoll fit-terminu medju, speċjalment għas-setturi li mhumiex koperti mill-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet.

5.212-il Stat Membru biss ikkontribwew għat-titjib tad-data miġbura fil-livell tal-UE, u l-esperti tħallew jiddependu minn informazzjoni nazzjonali frammentata, mhux kompluta u li toħloq konfużjoni. B’mod ġenerali, l-impenn għall-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili fil-livell tal-Istati Membri huwa dgħajjef, u d-Danimarka biss għandha pjan speċifiku fis-seħħ biex tagħmel dan. Skont valutazzjoni preliminari tal-NECPs, wara l-2023 sitta biss mis-27 Stat Membru tal-UE kienu esprimew l-intenzjoni tagħhom li jeliminaw gradwalment u għalkollox is-sussidji għall-fjuwils fossili fil-baġits nazzjonali tagħhom, għalkemm mingħajr dati tat-tmiem speċifiċi. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni u pjani u tħabbir nazzjonali oħra, anqas minn nofs is-sussidji għall-fjuwils fossili tal-2022 għandhom data tat-tmiem ippjanata qabel l-2025, 1 % huma ppjanati li jiġu eliminati gradwalment bejn l-2025 u l-2030, waqt li 52 % ma għandhomx data tat-tmiem stabbilita lanqas wara l-2030 11 . Il-metodoloġija ta’ rapportar skont l-NECP trid tittejjeb u tiġi ssemplifikata.

5.3L-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili tallinja mal-aġenda tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, b’mod partikolari mal-mira 12.C ta’ tneħħija tad-distorsjonijiet tas-suq li jħeġġu l-konsum ħali permezz tar-razzjonalizzazzjoni tas-sussidji ineffiċjenti għall-fjuwils fossili. L-indikatur 12.c.1 12 tal-mira, jiġifieri l-ammont ta’ sussidji għall-fjuwils fossili (produzzjoni u konsum) għal kull unità tal-PDG huwa kkalkulat ħażin ħafna bħala nefqa tat-taxxa, u mhuwiex obbligatorju għall-pajjiżi biex jirrapportawh. Sabiex tittejjeb il-kompetittività Ewropea billi jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fil-livell globali, l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea, fil-proċess ta’ involviment diplomatiku tagħhom mal-Grupp ta’ Esperti u Interistituzzjonali dwar l-Indikaturi tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli, għandhom jippromovu inklużjoni obbligatorja tan-nefqa tat-taxxa fir-rapportar.

5.4It-trasparenza fl-inventarji tas-sussidji għall-fjuwils fossili hija kruċjali biex jinħoloq djalogu kostruttiv u inklużiv mas-soċjetà ċivili. Prattiki tajbin jinkludu l-Katalogu tas-Sussidji li Jħarsu l-Ambjent u s-Sussidji ta’ Ħsara Ambjentali tal-Italja kif ukoll ir-rapportar tal-Baġit Ekoloġiku ta’ Franza, li jiżvelaw pubblikament d-distakk dejjem jikber bejn is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent u dawk pożittivi għall-ambjent.

5.5Fil-livell tal-UE, 83 % tas-sussidji għall-fjuwils fossili kollha huma maħsuba biex jappoġġjaw id-domanda għall-enerġija. Dan joffri l-opportunità li s-sussidji xprunati mid-domanda jiġu sostitwiti b’miżuri oħra ta’ appoġġ għall-introjtu għall-konsumaturi, sabiex id-domanda tiġi ttrasferita lejn alternattivi mingħajr karbonju.

5.6Waqt li l-prezzijiet tal-enerġija għadhom għoljin fl-Ewropa, dawn huma ferm taħt il-livelli ta’ kriżi. Madankollu, fil-biċċa l-kbira s-sussidji għall-fjuwils fossili jkomplu jokkupaw l-istess spazju fiskali bħal qabel il-kriżi, u dan jindika opportunità mitlufa biex jiġi investit finanzjament f’miżuri ta’ politika dejjiema, sostenibbli u aktar produttivi biex tittaffa l-kriżi tal-għoli tal-ħajja u tiżdied il-kompetittività tan-negozju fuq terminu medju. Ħafna mill-miżuri temporanji mfassla biex itaffu l-effetti taż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija fl-2022 huma mistennija li jitwaqqfu sa tmiem l-2024/2025. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni timmonitorja b’mod viġilanti l-implimentazzjoni tal-pjani miftiehma dwar it-terminazzjoni tal-miżuri min-naħa tal-Istati Membri u tidentifika, meta jkun meħtieġ, mekkaniżmi ta’ appoġġ alternattivi u mmirati għall-gruppi vulnerabbli. L-UE għandha timmira li jkollha riformi fiskali unifikati biex telimina l-użu tal-fjuwils fossili.

5.7Il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandhom jirfinaw ir-rapportar tagħhom dwar is-sussidji għall-fjuwils fossili mhux biss billi jittraċċaw l-istatistika iżda wkoll billi jenfasizzaw il-politiki u l-aħjar prattiki għall-eliminazzjoni gradwali tagħhom. Din il-kategorizzazzjoni abbażi tal-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali tagħhom tista’ tiggwida l-iskeda ta’ żmien u l-metodu għall-eliminazzjoni gradwali, b’miżuri tranżizzjonali bħal inċentivi paralleli, eżenzjonijiet immirati, u l-għażla ta’ liema sussidji għandhom jiġu eliminati f’liema perjodu għal tranżizzjoni bla xkiel, waqt li jitqiesu l-miri klimatiċi għall-2030 u l-2040 13 .

6.Kummenti u prinċipji speċifiċi għall-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili

6.1Kriterji u prinċipji għall-eliminazzjoni gradwali

6.1.1Bħala regola ġenerali, kwalunkwe proċess ta’ eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili għandu jagħmel parti minn pakkett usa’ ta’ taxxi u proposti, biex jgħin lill-konsumaturi u lin-negozji jaqilbu għal alternattivi b’livell baxx ta’ karbonju, primarjament fejn il-bidla tkun teknoloġikament disponibbli. Is-sussidji għall-fjuwils fossili kollha għandhom jiġu evalwati fuq bażi ta’ każ b’każ u għandhom jiġu stabbiliti alternattivi speċifiċi u/jew skemi ta’ kumpens, li jirriflettu ċ-ċirkostanzi individwali fl-Istati Membri.

6.1.2Il-proċessi kollha ta’ eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili għandhom jinvolvu djalogu soċjali u ċiviku wiesa’ u effettiv li jinkludi lill-partijiet ikkonċernati kollha affettwati, u għandhom ikunu appoġġjati minn pjattaforma pan-Ewropea għall-iskambju ta’ prattiki tajba u għat-trawwim tat-tagħlim reċiproku.

6.1.3Is-sussidji għall-fjuwils fossili għandhom jiġu evalwati skont ir-redditu soċjali u ekonomiku individwali tagħhom, permezz ta’ analiżijiet sistematiċi tal-kostijiet ul-benefiċċji għal kull sussidju, u bi prijorità għal sussidji b’redditi soċjali u ekonomiċi baxxi iżda li jinvolvu riżorsi finanzjarji sinifikanti. Fuq nota simili, l-UE ħadet l-impenn li telimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili “ineffiċjenti” f’diversi forums multilaterali, iżda naqset milli tiddefinixxi x’inhuma fil-prattika. Il-Kummissjoni Ewropea għandha, fost affarijiet oħra, issaħħaħ it-tagħlim reċiproku mal-Kanada, fid-dawl tal-Qafas ta’ Valutazzjoni għas-Sussidji Ineffiċjenti għall-Fjuwils Fossili li ppubblikat dan l-aħħar 14 .

6.1.4Bl-istess mod, is-sussidji għall-fjuwils fossili għandhom jiġu evalwati abbażi tal-impatt tagħhom skont il-kategorija tal-introjtu, li jfisser li s-sussidji li jibbenefikaw b’mod sproporzjonat lil kategoriji ta’ introjtu ogħla jiġu eliminati iżjed malajr, u tassazzjoni progressiva bbażata fuq ġustizzja ridistributtiva biex tippermetti l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili.

6.1.5Filwaqt li ċerti attivitajiet agrikoli jistgħu jibbenefikaw minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, is-settur agrikolu inġenerali, b’mod partikolari fil-qasam tal-operat (eż. makkinarju agrikolu), għadu jiddependi ħafna mill-fjuwils fossili. Il-makkinarju agrikolu fuq skala kbira, inklużi tratturi, magni tal-ħsad u bastimenti tas-sajd, bħalissa ma għandux alternattivi kummerċjalment vijabbli li jistgħu joperaw bl-istess effiċjenza u affidabbiltà bħat-tagħmir li jaħdem bid-diżil. Hija meħtieġa strateġija ta’ tranżizzjoni li tqis l-istat ta’ tħejjija tat-teknoloġija u l-fattibbiltà ekonomika sabiex tiżgura li s-setturi agrikoli u tas-sajd jibqgħu produttivi u kompetittivi waqt li gradwalment jiġu adottati soluzzjonijiet tal-enerġija sostenibbli. Rwol akbar għal prodotti u servizzi b’bażi bijoloġika ċirkolari u sostenibbli jista’ jipprovdi opportunità biex jiġu indirizzati diversi sfidi u jgħin biex jiġu sostitwiti l-fjuwils fossili 15 .

6.1.6F’każijiet fejn skema tas-sussidji għall-fjuwils fossili titqies meħtieġa għalissa minħabba raġunijiet ekonomiċi, l-iskema għandha timxi id f’id ma’ skema parallela biex tappoġġja d-dekarbonizzazzjoni. Pereżempju, fil-każ ta’ rifużjonijiet tal-VAT fuq id-diżil għall-bdiewa u l-imprendituri fil-qasam tat-trasport, il-benefiċjarji għandhom ikunu jistgħu jitolbu l-istess rifużjoni jew rifużjoni ogħla biex jappoġġjaw l-investiment f’makkinarju u vetturi li jaħdmu bl-elettriku jew bi fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ karbonju. Il-bdiewa u l-atturi tan-negozju li jibdew proċess ta’ dekarbonizzazzjoni għandhom jirċievu inċentivi biex jagħmlu dan.

6.1.7Is-sussidji mhux immirati għandhom jitwaqqfu, waqt li s-sussidji mmirati, ibbażati fuq l-introjtu tal-unitajiet domestiċi jew il-vulnerabbiltà tal-intrapriżi, meta jkun meħtieġ, jistgħu jiġu eliminati aktar gradwalment u sostitwiti b’inċentivi għad-dekarbonizzazzjoni. Il-prinċipju ewlieni għandu jkun li s-sussidji għall-enerġija jkunu f’forma ta’ appoġġ dirett għall-introjtu, mhux appoġġ indirett (bħal limiti massimi tal-prezzijiet u eżenzjonijiet mit-taxxa), li jippermettu lill-unitajiet domestiċi u lill-intrapriżi jinvestu f’teknoloġiji ġodda biex ikunu jistgħu joħorġu mid-dipendenza tagħhom mill-fjuwils fossili. Is-sostituzzjoni ta’ sussidji għall-fjuwils fossili (mhux immirati) b’miżuri (immirati) ta’ appoġġ għall-introjtu ġiet implimentata b’suċċess f’diversi pajjiżi, inkluż fin-Nofsinhar Globali, kif dokumentat (fost l-oħrajn) mir-rapporti tal-FMI u tal-OECD.

6.2Is-salvagwardja tal-kompetittività ekonomika waqt li jiġu eliminati gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili

6.2.1Sabiex jittaffew l-effetti negattivi potenzjali tal-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili fuq il-kompetittività tan-negozji Ewropej, il-Kumitat jirrakkomanda li d-dħul minn sussidji ta’ benefiċċju għoli u mill-ipprezzar tal-karbonju jiġu diretti mill-ġdid lejn teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, u b’hekk in-negozji jiġu megħjuna jeliminaw id-dipendenza mill-fjuwils fossili.

6.2.2Il-politiki tat-tassazzjoni u tad-dekarbonizzazzjoni, fil-livell tal-Istati Membri u fl-Ewropa kollha, għandhom jinċentivaw lin-negozji biex jelettrifikaw il-konsum kollu tal-enerġija tagħhom meta dan ikun fattibbli mil-lat ta’ teknoloġija. Is-settur agrikolu jeħtieġ approċċ speċifiku peress li ma għandux sostituzzjonijiet vijabbli u kosteffettivi għal tagħmir li jitħaddem bil-fjuwils fossili. Jinħtieġu inċentivi finanzjarji biex jiġu koperti l-kostijiet infrastrutturali għaljin u biex jiġi evitat li l-produtturi agrikoli Ewropej isibu ruħhom fi żvantaġġ. Fl-istess ħin, il-prezzijiet u t-taxxi għall-fjuwils fossili għandhom jagħtu sinjal lill-utenti dwar il-ħtieġa li jaqilbu minn enerġija niġġiesa (eż. gass) għal enerġija b’livell baxx ta’ karbonju (eż. l-elettriku, l-idroġenu).

6.2.3Aktar milli jibbażaw fuq is-sussidji għall-fjuwils fossili, in-negozji fl-Ewropa jeħtieġu u qed jitolbu opzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli, b’kapaċità għal bdil tal-fjuwil u li hija prodotta lokalment bħala l-enerġija ta’ preferenza. F’dawn iċ-ċirkostanzi huwa ta’ dispjaċir li l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-komunitajiet tal-enerġija mhijiex kompletament operazzjonali f’ħafna Stati Membri.

6.3Is-salvagwardja ta’ perkors ta’ tranżizzjoni ġusta għall-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili

6.3.1Il-qafas ta’ politika għal tranżizzjoni ġusta 16 jrid jiggwida l-politiki ta’ eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili, b’kumpens soċjali għal gruppi affettwati b’mod sproporzjonat. L-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili ma’ għandhiex isservi biex tiġġustifika sensji jew kundizzjonijiet tax-xogħol ifqar. Il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni għall-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, in-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali jridu jibqgħu prijorità fl-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili. Il-KESE jissuġġerixxi kumpens permezz ta’ sussidji diretti għall-investiment f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju aktar milli appoġġ universali għall-introjtu, li jista’ jkun ineffettiv u jsir sussidju għall-fjuwils fossili indirett. Pereżempju, il-Klimabonus tal-Awstrija 17 , li japplika 100 % ta’ rifużjoni tat-taxxa fuq il-karbonju għar-residenti kollha, inaqqas l-inflazzjoni iżda ma għandux appoġġ immirat għal dawk l-aktar fil-bżonn ta’ għajnuna għat-tranżizzjoni, u jonqos milli jinkoraġġixxi l-investiment f’soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ karbonju.

6.3.2Minħabba d-dipendenza tal-Istati Membri mis-sussidji għall-fjuwils fossili relatati mat-taxxa, meta wieħed iżomm f’moħħu li kwalunkwe riforma tat-taxxa għandha impatt distributtiv, l-impatt rigressiv potenzjali fuq terminu qasir tar-riforma jrid jiġi rimedjat minnufih billi d-dħul miksub jiġi ridirezzjonat lejn gruppi soċjali f’diffikultà. Bl-istess mod, il-proċess ta’ “ekoloġizzazzjoni” fl-UE, permezz ta’ sussidji u vantaġġi fiskali, għandu jimmira wkoll lejn l-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tas-soċjetà u jevita r-rigressività fis-settur agroalimentari 18 u lil hinn.

6.3.3F’ħafna Stati Membri, bħal fi Franza, ir-reżistenza pubblika reċenti għat-tneħħija tas-sussidji għall-fjuwils fossili tenfasizza l-ħtieġa ta’ inizjattiva ta’ ridistribuzzjoni diretta. Il-Fond Soċjali għall-Klima jservi bħala pjan ta’ azzjoni ta’ kif appoġġ finanzjarju mmirat jista’ jgħin lill-unitajiet domestiċi vulnerabbli jimmaniġġjaw il-kostijiet tal-enerġija li jirriżultaw mir-riforma tat-tassazzjoni fuq l-enerġija, dment li l-biċċa l-kbira tal-fond tintefaq fuq miżuri strutturali. Madankollu, dan ma jkunx biżżejjed.

6.3.4Hekk kif is-sussidji għall-fjuwils fossili jiġu eliminati gradwalment, il-KESE jirrakkomanda li xi wħud minn dawn il-fondi jiġu ridirezzjonati għall-protezzjoni tal-impjiegi u għal programmi ta’ taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema fl-industriji tradizzjonali, permezz ta’ djalogu soċjali trasparenti. Dan jgħinhom jagħmlu tranżizzjoni lejn setturi tal-ekonomija ekoloġika ġodda, jimminimizzaw it-telf ta’ impjiegi u jippromovu t-tkabbir sostenibbli.

7.Kummenti speċifiċi dwar il-lievi ta’ politika tal-UE għall-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili

7.1Ir-rwol tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija

7.1.1Id-Direttiva aġġornata dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija (ETD) se tistabbilixxi rati minimi ġodda ta’ tassazzjoni tal-fjuwil fl-UE kollha, billi tallinjahom mal-livell ta’ tniġġis tal-fjuwil għal kull unità ta’ enerġija, aktar milli ma’ fatturi ekonomiċi, soċjali u politiċi. It-tassazzjoni fuq l-enerġija bħalissa tinsab f’livell li joħloq sfidi għat-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli. Il-prezz tal-elettriku għadu ogħla b’mod sinifikanti minn dak tal-gass – bejn tlieta u erba’ darbiet aktar – u b’hekk l-elettrifikazzjoni mhijiex kompetittiva f’ħafna setturi, bħat-tisħin, il-proċessi industrijali u t-trasport. L-evidenza turi li t-tassazzjoni u t-tariffi tan-network għandhom rwol kruċjali f’din id-disparità 19 . Fis-settur tat-trasport, pereżempju, ir-rati tat-taxxa eżistenti jiddiżinċentivaw it-tranżiżżjoni lejn vetturi (elettriċi) b’emissjonijiet żero fi flotot korporattivi (karozzi tal-kumpaniji) f’ħafna Stati Membri tal-UE 20 .

7.1.2L-ETD trid tiġi allinjata malajr mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Din trid toffri l-flessibbiltà meħtieġa lill-Istati Membri, waqt li tirrispetta l-prinċipju li kull forma ta’ enerġija tiġi ntaxxata skont il-ħsara li tagħmel lill-ambjent, bl-enerġija mingħajr karbonju tiġi inċentivata permezz ta’ miżuri ta’ tassazzjoni.

7.1.3Minħabba l-importanza kruċjali ta’ dan l-att leġiżlattiv għall-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili waqt li fl-isess ħin tinżamm il-kompetittività u tittaffa l-kriżi tal-għoli tal-ħajja, il-KESE jħeġġeġ lill-presidenza tal-Kunsill tiffinalizza l-proċess ta’ reviżjoni. Nistiednu wkoll lill-Parlament Ewropew jadotta pożizzjoni dwar ir-reviżjoni tal-ETD malajr kemm jista’ jkun, biex ikun jista’ jintlaħaq progress fil-proċess leġiżlattiv.

7.2Ir-rwol tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP)

7.2.1Għalkemm il-maġġoranza tas-sussidji għall-fjuwils fossili fl-UE jiġu minn baġits nazzjonali, il-fondi tal-UE huma importanti għall-forniment ta’ sussidji għall-investiment fil-każ ta’ infrastruttura ġdida tal-enerġija, li fihom riskju li jimblokkaw il-mudell tal-enerġija tal-UE fil-fjuwils fossili għal għexieren ta’ snin, u jfixklu l-pożizzjojni ġeopolitika tagħha. Il-possibbiltajiet li jiġu ffinanzjati l-investimenti fil-fjuwils fossili permezz tal-istrumenti baġitarji tal-UE saru gradwalment aktar limitati fil-baġit tal-UE għall-2021-27 minħabba l-esklużjoni permanenti tal-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-investimenti fil-faħam u fiż-żejt. Madankollu, investimenti magħżula fil-gass fossili midstream u downstream (eż. bojlers tal-gass u distribuzzjoni tal-gass) għadhom eliġibbli fl-akbar fondi tal-UE, jiġifieri l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li għandha disponibbli EUR 750 biljun. Barra minn hekk, minflok ma l-kundizzjonijiet għall-finanzjament ta’ proġetti tal-fjuwils fossili trażżnu aktar, l-introduzzjoni ta’ RepowerEU ġabet twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-investimenti eliġibbli fil-gass peress li ġiet inkluża infrastruttura relatata mal-LNG li qabel kienet ineliġibbli fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

7.2.2Qabel ma tasal il-proposta li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea għar-Regolamenti tal-QFP 2028-2034, u n-negozjati interistituzzjonali assoċjati, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea teskludi mill-Proposta tagħha għal Regolament dwar il-QFP kull forma ta’ appoġġ finanzjarju għall-infrastruttura tal-fjuwils fossili fl-istrumenti kollha ta’ finanzjament taħt il-QFP 2028-2034. Dawn is-sussidji għall-investiment ma jindirizzawx it-tħassib soċjali u distributtiv, u l-eliminazzjoni gradwali permanenti tagħhom x’aktarx li ma tirriżultax f’impatti distributtivi negattivi.

7.3Ir-rwol tas-Semestru Ewropew

7.3.1Madankollu, l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili ma ġietx integrata fir-rapporti tal-pajjiżi tas-Semestru Ewropew jew fis-CSRs maħruġa lill-Istati Membri, u l-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tikkunsidra modi kif tintegra aħjar is-sussidji għall-fjuwils fossili fil-proċess tas-Semestru. Għalkemm il-konformità tal-Istati Membri mas-CSRs s’issa kienet dgħajfa 21 , is-sitwazzjoni tista’ jinbidel bir-riformi ppjanati għall-Qafas ta’ Governanza Ekonomika tal-UE u strumenti ġodda marbuta mar-riforma fil-qafas finanzjarju pluriennali 2028-2034. Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jiġu ggwidati aktar lejn l-implimentazzjoni ta’ passi konkreti għall-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili. Aħna nemmnu li l-proċess tas-Semestru Ewropew issa jista’ jservi tali skop.

7.3.2Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tissimplifika r-riforma u l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili fil-proċess tas-Semestru, inkluż permezz ta’ CSRs apposta.

7.4Ir-rwol tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

7.4.1Bħala parti mill-inizjattiva tal-Patt għal Industrija Nadifa u l-inizjattivi Omnibus, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat huma mistennija li jiġu riveduti sabiex jippermettu, fost l-oħrajn, introduzzjoni aktar malajr ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u dekarbonizzazzjoni industrijali aktar rapida 22 . Riforma tal-qafas tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat trid tinkorpora regoli aktar stretti għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat għall-attivitajiet tal-fjuwils fossili permezz ta’ baġits nazzjonali waqt li tikkatalizza introduzzjoni aktar malajr ta’ infrastruttura tal-enerġija nadifa. Ir-regoli attwali għadhom jippermettu appoġġ għall-fjuwils fossili kemm permezz tal-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-klima, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-enerġija 2022 (CEEAG) kif ukoll sa ċertu punt permezz tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija (GBER) 23 . Il-qafas attwali qed jintuża b’mod partikolari biex jipprovdi sussidji sinifikanti lill-produtturi ta’ elettriku li jiddependi mill-fjuwils fossili permezz ta’ mekkaniżmi ta’ kapaċità (tip speċifiku ta’ għajnuna mill-Istat) 24 .

7.4.2Bħala parti mir-reviżjoni futura tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tinkludi pjan direzzjonali għall-esklużjoni tal-appoġġ għal proġetti u attivitajiet tal-enerġija li jiddependu mill-fjuwils fossili, sabiex l-appoġġ għall-għajnuna mill-Istat jiġi allinjat mal-impenn tal-UE li telimina gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili.

Brussell, l-1 ta’ April 2025.

Il-President tas-Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Peter SCHMIDT

_____________

(1)      Opinjonijiet tal-KESE dwar Ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa – opportunità għan-negozji, l-impjegati u ċ-ċittadini fil-kuntest tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja ; Inħallu warajna l-kriżijiet – Miżuri għal ekonomija Ewropea reżiljenti, koeżiva u inklużiva Kif id-disfunzjonalitajiet tas-suq uniku jikkontribwixxu għaż-żieda fl-għoli tal-ħajja ; L-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili waqt li tiġi żgurata l-kompetittività Ewropea, tittaffa l-kriżi tal-għoli tal-ħajja, u tiġi promossa tranżizzjoni ġusta Il-frammentazzjoni tal-ktajjen tal-provvista u l-impatt fuq l-għoli tal-ħajja ; Kif għandhom jiġu indirizzati t-tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist u r-riskju ta’ żieda fl-inugwaljanzi, l-esklużjoni u l-marġinalizzazzjoni; Żidiet fil-prezzijiet tat-trasport, l-enerġija u l-akkomodazzjoni: ir-rwol tas-servizzi pubbliċi ta’ kwalità tajba fl-indirizzar tal-għoli tal-ħajja qawwi .
(2)      Opinjoni tal-KESE dwar Rakkomandazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzata biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-għoli tal-ħajja .
(3)    Kummissjoni Ewropea (2025), Rapport tal-2024 dwar is-sussidji għall-enerġija fl-UE, COM(2025) 17 final, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52025DC0017 .
(4)    Black, Simon, Antung Liu, Ian Parry, u Nate Vernon, 2023, IMF Fossil Fuel Subsidies Data: 2023 Update (Data tal-FMI dwar is-sussidji għall-fjuwils fossili: aġġornament tal-2023 [mhux disponibbli bil-Malti]), Dokument ta’ Ħidma, FMI, Washington, DC. https://www.imf.org/en/Publications/WP/Issues/2023/08/22/IMF-Fossil-Fuel-Subsidies-Data-2023-Update-537281 .
(5)       It-Tmien Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-UE .
(6)      Studju minn Trinomics għall-Uffiċċju Ewropew għall-Ambjent u Coolproducts, disponibbli fuq https://www.coolproducts.eu/wp-content/uploads/2023/07/mission-possible-full-report.pdf .
(7)    Draghi, M. (2024) The future of European competitiveness. Kummissjoni Ewropea. https://commission.europa.eu/topics/eu-competitiveness/draghi-report_en .
(8)    Bank Ċentrali Ewropew (2024). Financial Integration and Structure in the Euro Area (L-integrazzjoni u struttura finanzjarja fiż-żona tal-euro [mhux disponibbli bil-Malti]). Kumitat tal-BĊE dwar l-Integrazzjoni Finanzjarja. https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/fie/ecb.fie202406~c4ca413e65.en.pdf .
(9)    OECD (2023), OECD Inventory of Support Measures for Fossil Fuels 2023 (Inventarju tal-OECD ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-fjuwils fossili fl-2023 [mhux disponibbli bil-Malti]), OECD Publishing, Pariġi, https://doi.org/10.1787/87dc4a55-en .
(10)    Health and Environment Alliance (HEAL) ippubblikaw rapport dwar, Hidden Price Tags: How Ending Fossil Fuel Subsidies Would Benefit Our Health (Spejjeż moħbija: kif l-eliminazzjoni tas-sussidji għall-fjuwils fossili tkun tajba għal saħħitna [mhux disponibbli bil-Malti]).
(11)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2023%3A651%3AFIN .
(12)       https://www.unep.org/topics/sustainable-development-goals/why-do-sustainable-development-goals-matter/goal-12-3 .
(13)    ĠU C, C/2024/4667, 9.8.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4667/oj .
(14)     https://www.canada.ca/en/services/environment/weather/climatechange/climate-plan/inefficient-fossil-fuel-subsidies/assessment-framework.html .
(15)    ĠU C, C/2025/109, 10.1.2025, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2025/109/oj .
(16)    ĠU C, C/2024/1576, 5.3.2024, ELI: hhttp://data.europa.eu/eli/C/2024/1576/oj .
(17)       https://www.klimabonus.gv.at/en/ .
(18)

   ĠU C, C/2024/6878, 28.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6878/oj .

(19)    Regulatory Assistance Project, disponibbli fuq https://www.raponline.org/knowledge-center/some-like-it-hot-moving-industrial-electrification-from-potential-to-practice/ .
(20)

   Jacob Dalder, Robert Pearce-Higgins, u Natasha Harland (2024), Company car fossil fuel subsidies in Europe (Is-sussidji għall-fjuwils fossili għall-karozzi tal-kumpaniji fl-Ewropa [mhux disponibbli bil-Malti]), Rapport finali mħejji għal Transport and Environment, https://www.transportenvironment.org/uploads/files/20241014_TE-Company-car-fossil-fuel-subsidies_Final-report_Addressed_Comments_2024-10-15-100425_uqws.pdf .

(21)    Qorti Ewropea tal-Awdituri (2020), Is-Semestru Ewropew – ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall- Pajjiżi jindirizzaw problemi importanti iżda jeħtieġu implimentazzjoni aħjar, https://op.europa.eu/webpub/eca/special-reports/european-semester-16-2020/mt/index.html .
(22)

Kummissjoni Ewropea (2025), Il-Patt għal Industrija Nadifa: Pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni, COM(2025) 85 final.  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52025DC0085 .

(23)    ClientEarth, The new State aid guidelines for climate, environmental protection and energy 2022, 2021, https://www.clientearth.org/media/vw1ea11b/legal-briefing-on-the-ceeag-final-24-12-2021-corrected.pdf .
(24)     https://auroraer.com/wp-content/uploads/2025/01/Capacity-Remuneration-Mechanisms-Report-Aurora_BFF_January-25.pdf .
Top