Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document EESC-2019-00105-AS

    It-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT (kummerċ elettroniku)

    EESC-2019-00105-AS

    MT

    Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    ECO/487

    It-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT (kummerċ elettroniku)

    OPINJONI 

    Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali


    Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar miżuri biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT
    [COM (2018) 813 final – 2018/0413 (CNS)]

    Kuntatt

    eco@eesc.europa.eu

    Amministratur

    Jüri SOOSAAR

    Data tad-dokument

    15/04/2019

    Relatur: Krister ANDERSSON

    Konsultazzjoni

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 20/12/2018

    Bażi legali

    L-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    13/12/2018

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    12/04/2019

    Adottata fil-plenarja

    DD/MM/YYYY

    Sessjoni plenarja Nru

    Riżultat
    (favur/kontra/astensjonijiet)

    …/…/…



    1.Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1Il-KESE jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kollaborazzjoni operattiva avvanzata bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fir-rigward tal-frodi tal-VAT fis-settur tal-kummerċ elettroniku abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi ċari.

    1.2Il-KESE jirrakkomanda li r-reazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi għal forom sofistikati ta’ frodi tal-VAT titjieb b’mod kontinwu fir-rigward tal-effettività tal-infurzar (bl-użu ta’ teknoloġiji xierqa bħal, pereżempju, intelliġenza artifiċjali) u f’termini ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali involuti. Dawn l-awtoritajiet għandhom jaħdmu f’sinerġija biex jiggarantixxu tweġiba Ewropea komprensiva u effettiva għall-frodi tal-VAT.

    1.3Fl-istess ħin, il-KESE jinnota li – min-naħa tal-konsumatur – il-proposta ser iġġarrab skambji ġodda u pproċessar ta’ informazzjoni personali relatata mal-VAT, irregolata mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (“GDPR”). Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li d-derogi u l-limitazzjonijiet għad-dispożizzjonijiet tal-GDPR jinżammu limitati u mmirati lejn l-objettiv definit b’mod strett tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Bħala eċċezzjonijiet speċifiċi għar-regoli ġenerali u obbligatorji li jipproteġu d-data personali u l-privatezza individwali, tali derogi għandhom jiġu interpretati b’mod strett u b’attenzjoni mill-infurzaturi tal-liġi.

    1.4F’dan ir-rigward għandha tingħata attenzjoni kbira i) lill-objettiv tal-ipproċessar tad-data, li ser ikun possibbli biss sabiex tiġi miġġielda mġieba illegali; ii) lill-individwi li għandhom permess jaċċessaw id-data miġbura, maħżuna u skambjata, li għandhom ikunu biss uffiċjali ta’ Eurofisc taħt kundizzjonijiet speċifiċi u għal skopijiet magħrufa sew u limitati relatati mal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT; iii) lill-użu sussegwenti tad-data sabiex jitniedu investigazzjonijiet u attivitajiet tal-infurzar tal-liġi potenzjali.

    1.5L-aspetti kollha msemmija hawn fuq jitqiesu formalment mill-proposta tal-Kummissjoni u dan żgur huwa karatteristika pożittiva tal-proposta stess. Minkejja dan, il-KESE jappella li l-Kummissjoni tiggarantixxi, fil-prattika ta’ kuljum tas-sistema fil-ġejjieni, implimentazzjoni sħiħa u effettiva tas-salvagwardji kollha għal-libertajiet fundamentali inkorporati fil-proposta, biex b’hekk jintlaħaq bilanċ xieraq bejn l-infurzar robust tar-regoli tal-VAT u l-protezzjoni neċessarja tad-drittijiet individwali u l-libertajiet fundamentali.

    2.Proposta tal-Kummissjoni u kuntest ġenerali

    2.1Il-proposta tal-Kummissjoni sabiex jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 tistabbilixxi regoli għall-Istati Membri biex dawn jiġbru b’mod armonizzat ir-rekords magħmula disponibbli elettronikament mill-fornituri tas-servizzi ta’ pagament skont l-Artikolu 243(b) tad-Direttiva tal-VAT.

    2.2Is-settur tal-kummerċ elettroniku ra tkabbir spettakolari f’dawn l-aħħar snin u l-konsumaturi issa jistgħu faċilment jagħżlu bejn eluf ta’ fornituri, prodotti u marki permezz tal-kompjuters jew l-ismartphones tagħhom. Madankollu, dawn l-opportunitajiet huma sfruttati wkoll minn negozji frawdolenti biex jevitaw l-obbligi tal-VAT tagħhom.

    2.3It-telf totali tal-VAT fl-Istati Membri fuq provvisti transkonfinali ta’ merkanzija ġie stmat għal madwar EUR 5 biljun fis-sena u, aktar reċentement, din l-istima ġiet aġġornata biex tilħaq ammont ferm aktar notevoli li jvarja minn EUR 7 sa 10 biljun. Għalhekk hemm bżonn ta’ rispons qawwi f’isem l-awtoritajiet pubbliċi u dan għandu jkun ibbażat fuq kollaborazzjoni effettiva bejn l-infurzaturi tat-taxxa kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali.

    2.4F’termini prattiċi, il-proposta tistabbilixxi sistema elettronika ġdida ċentrali għall-ġbir, il-ħażna u l-ipproċessar tal-informazzjoni dwar il-pagament u għall-ipproċessar ulterjuri ta’ din l-informazzjoni minn uffiċjali ta’ kontra l-frodi fl-Istati Membri fi ħdan il-Eurofisc, in-netwerk għall-iskambju multilaterali ta’ sinjali ta’ twissija bikrija biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT.

    2.5Wara analiżi bir-reqqa u estensiva tal-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni tqis li sistema Ewropea ċentrali għall-ġbir u l-iskambju ta’ data dwar il-pagamenti (“CESOP”) hija l-aktar mod effettiv biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom ħarsa ġenerali sħiħa sabiex jikkontrollaw il-konformità mar-regoli tal-VAT dwar il-kummerċ elettroniku u biex jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT. Is-sistema ser tippermetti lill-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar il-pagamenti li jaħżnu fil-livell nazzjonali, biex tgħin fil-ġlieda effettiva kontra l-frodi tal-VAT fil-kummerċ elettroniku.

    2.6Is-CESOP ser tkun tista: i) tiġbor l-informazzjoni kollha dwar il-pagamenti tal-VAT skont kull prenditur mibgħuta mill-Istati Membri, ii) tippermetti l-ħolqien ta’ ħarsa ġenerali sħiħa tal-pagamenti riċevuti mill-prendituri mingħand il-pagaturi fl-UE; iii) tirrikonoxxi kwalunkwe reġistrazzjoni multipla tal-istess tranżazzjoni ta’ pagament; iv) tnaddaf l-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri; v) tippermetti lill-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc jikkontroverifikaw id-data dwar il-pagamenti mal-informazzjoni dwar il-VAT skambjata; vi) iżżomm l-informazzjoni biss għall-perjodu meħtieġ biex l-awtoritajiet tat-taxxa jwettqu kontrolli tal-VAT.

    2.7Il-perjodu ta’ ħażna tal-informazzjoni fis-CESOP huwa ta’ sentejn u l-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc ser ikunu jistgħu jaraw jekk il-pagamenti riċevuti minn prenditur partikolari f’perjodu partikolari jaqbżux l-EUR 10 000 fl-Istati Membri kollha. Is-sistema tkun aċċessibbli biss għall-uffiċjali ta’ kollegament tal-Eurofisc mill-Istati Membri, u l-uniku skop li għalih is-CESOP tippermetti inkjesti jkun ta’ investigazzjonijiet dwar frodi tal-VAT suspettata jew misjuba.

    2.8Il-Kummissjoni ser tagħti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-għodda l-ġdida ta’ kooperazzjoni amministrattiva kull ħames snin.

    3.Kummenti ġenerali u speċifiċi

    3.1Il-KESE jappoġġja l-objettiv tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kollaborazzjoni avvanzata operattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fir-rigward tal-frodi tal-VAT fis-settur tal-kummerċ elettroniku abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi ċari. It-trawwim ta’ assistenza amministrattiva reċiproka bejn l-awtoritajiet tat-taxxa ser jiżgura żieda fir-riżorsi finanzjarji kemm għall-baġits nazzjonali kif ukoll tal-UE, kif ukoll kundizzjonijiet ekwi u semplifikati għan-negozji li jirrispettaw it-taxxi.

    3.2L-użu dejjem jikber ta’ teknoloġiji ta’ komunikazzjoni minn operaturi tas-suq jinvolvi l-ħtieġa li l-leġislazzjoni kontra l-frodi tiġi aġġornata b’mod kostanti biex tirrifletti d-diversi modi li bihom jiġu evitati r-regoli tat-taxxa u l-obbligi tal-VAT. Għalhekk huwa kruċjali li r-reazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi għal forom sofistikati ta’ frodi tal-VAT titjieb b’mod kontinwu fir-rigward tal-effettività tal-infurzar (bl-użu ta’ teknoloġiji xierqa) u f’termini ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali involuti. Dawn l-awtoritajiet għandhom jaħdmu f’sinerġija bl-appoġġ tal-Kummissjoni biex tiġi garantita tweġiba Ewropea komprensiva u effettiva għall-frodi tal-VAT skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit mit-Trattati.

    3.3F’dan ir-rigward, skont il-KESE, l-investiment fl-intelliġenza artifiċjali sabiex tiġi skoperta l-frodi tal-VAT fi ħdan is-sistema l-ġdida li qed tinbena jista’ jkun ta’ benefiċċju u utli sabiex is-sistema l-ġdida titħaddem b’mod sħiħ, sakemm id-drittijiet fundamentali tal-individwi u regoli speċifiċi tal-UE, bħar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) 1 , jiġu rrispettati bis-sħiħ fix-xenarju operattiv il-ġdid, bl-involviment tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda u l-intelliġenza artifiċjali biex tiġi appoġġata l-attività tal-infurzaturi pubbliċi.

    3.4In-natura transkonfinali tal-frodi tal-VAT u l-mod faċli (aġevolat mit-teknoloġija), li bih jiġu żviluppati malajr il-prattiki illegali – pereżempju l-faċilità li biha jistgħu jiġu trasferiti l-flus miksuba mill-frodi tal-VAT – jirrikjedu li tiġi żviluppata kooperazzjoni aktar mill-qrib mhux biss fi ħdan l-UE, iżda wkoll bejn l-awtoritajiet fil-livell globali. Il-miżuri għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT jistgħu jirnexxu biss jekk l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-pajjiżi jikkooperaw aktar mill-qrib fi spirtu ta’ fiduċja reċiproka, li ser jeħtieġu l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom.

    3.5Għal dan il-għan, l-OECD tirrakkomanda li tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva internazzjonali dwar il-VAT jew it-taxxa fuq il-bejgħ biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ġbir tal-VAT mingħand fornituri mhux residenti, b’mod partikolari fil-kummerċ B2C, kif osservat b’mod xieraq mill-analiżi tal-valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni.

    3.6Pass ’il quddiem f’din id-direzzjoni huwa l-ftehim bejn l-UE u n-Norveġja fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva tal-VAT (Ġunju 2018) li jinkludi wkoll strumenti speċifiċi għall-irkupru ta’ talbiet tal-VAT. Il-KESE jittama li l-UE ser tkompli tippromovi l-kooperazzjoni internazzjonali kontra l-frodi sabiex tiżviluppa reazzjoni effettiva u koordinata għal attivitajiet li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-Istati u dawk kontinentali, u b’hekk jagħmlu ħsara kemm lill-UE kif ukoll lill-baġits nazzjonali.

    3.7Il-KESE jenfasizza li, min-naħa tal-konsumatur, il-proposta ser iġġarrab skambji ġodda u l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali relatata mal-VAT, irregolata mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), li ġie approvat u implimentant dan l-aħħar fl-Ewropa, bi spejjeż ta’ konformità sinifikanti għan-negozji tal-UE.

    3.8Il-GDPR jagħti definizzjoni wiesgħa ta’ data personali, inkluża kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli, li tista’ tiġi identifikata direttament jew indirettament. Bħala konsegwenza, l-informazzjoni dwar il-pagament koperta mill-proposta tal-Kummissjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni u l-prinċipji applikabbli għall-protezzjoni tad-data personali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

    3.9Skont il-Kummissjoni, “it-tassazzjoni hija għan importanti ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni u tal-Istati Membri u dan ġie rikonoxxut b’rabta mar-restrizzjonijiet li jistgħu jkunu imposti fuq l-obbligi u d-drittijiet skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni skont il-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 . Il-limitazzjonijiet b’rabta mad-drittijiet tal-protezzjoni tad-data huma meħtieġa minħabba n-natura u l-volum ta’ dik l-informazzjoni li toriġina mingħand il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament u jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-kundizzjonijiet speċifiċi u definiti minn qabel u d-dettalji stipulati fl-Artikoli 243b sa 243d tad-Direttiva 2006/112/KE” 3 .

    3.10Il-KESE jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li d-derogi u l-limitazzjonijiet għad-dispożizzjonijiet tal-GDPR jinżammu limitati u mmirati lejn l-objettiv uniku u definit b’mod strett tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Bħala eċċezzjonijiet speċifiċi għar-regoli ġenerali u obbligatorji li jipproteġu d-data personali u l-privatezza individwali, tali derogi għandhom jiġu interpretati b’mod strett u b’attenzjoni mill-infurzaturi tal-liġi. F’dan ir-rigward għandha tingħata attenzjoni kbira i) lill-objettiv tal-ipproċessar tad-data, li ser ikun possibbli biss sabiex tiġi miġġielda mġieba illegali; ii) lill-individwi li għandhom permess jaċċessaw id-data miġbura, maħżuna u skambjata, li għandhom ikunu biss uffiċjali ta’ Eurofisc taħt kundizzjonijiet speċifiċi u għal skopijiet magħrufa sew u limitati relatati mal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT; iii) lill-użu sussegwenti tad-data sabiex jitniedu investigazzjonijiet u attivitajiet tal-infurzar tal-liġi potenzjali.

    3.11L-aspetti kollha msemmija hawn fuq jitqiesu formalment mill-proposta tal-Kummissjoni u dan żgur huwa karatteristika pożittiva tal-proposta stess. Minkejja dan, il-KESE jappella li l-Kummissjoni tiggarantixxi, fil-prattika ta’ kuljum tas-sistema fil-ġejjieni, implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-garanziji kollha għal-libertajiet fundamentali inkorporati fil-proposta, biex b’hekk jintlaħaq bilanċ xieraq bejn l-infurzar robust tar-regoli tal-VAT u s-salvagwardja neċessarja tad-drittijiet individwali u l-libertajiet fundamentali.

    3.12Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, il-KESE jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimmonitorjaw bir-reqqa u jivverifikaw jekk ir-regoli li jillimitaw l-użu tad-data u l-informazzjoni fi ħdan il-proposta, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-GDPR, humiex qed jiġu osservati bis-sħiħ u b’mod konkret. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex hi u tiġbor feedback mill-Istati Membri li għandu jitlesta sal-aħħar tal-2024, tivverifika bir-reqqa – flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-protezzjoni tad-data personali u s-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data – jekk id-dispożizzjonijiet tal-GDPR ikunux ġew osservati għalkollox u tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-għodda l-ġdida ta’ kooperazzjoni amministrattiva (Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010). Jekk jiġu identifikati distorsjonijiet jew irregolaritajiet, dawn għandhom ovvjament jiġu evitati u kkoreġuti immedjatament.

    3.13Fir-rigward tal-protezzjoni tan-negozji Ewropej li joperaw fil-qasam tal-kummerċ elettroniku, il-KESE jirrakkomanda li s-sistema l-ġdida tkun kapaċi tissalvagwardja b’mod effettiv u tiggarantixxi sigrieti ta’ negozju kemm fl-istadju preliminari ta’ monitoraġġ tal-ġbir u l-analiżi tad-data kif ukoll b’mod speċjali fl-istadju (ipotetiku) sussegwenti tal-infurzar tal-liġi. F’dan ir-rigward, l-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni Ewropea fil-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u s-sigrieti industrijali fil-każijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tista’ tkun utli bħala standard komparattiv.

    Brussell, 12 ta’ April 2019

    Stefano Palmieri
    Il-President tas-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    _____________

    Top