EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2022)5628

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali tas-sistema teknika għall-iskambju awtomatizzat transfruntier tal-evidenza u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2022/5628 final

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 5.8.2022

li jistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali tas-sistema teknika għall-iskambju awtomatizzat transfruntier tal-evidenza u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “darba biss” f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi gateway diġitali unika li tipprovdi aċċess għal informazzjoni, għal proċeduri u għas-servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 14(9) tiegħu,

Billi:

(1)L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2018/1724 jeżiġi li l-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tistabbilixxi sistema teknika għall-iskambju tal-evidenza kif meħtieġ għall-proċeduri online elenkati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament u għall-proċeduri previsti fid-Direttivi 2005/36/KE 2 ,, 2006/123/KE 3 ,, 2014/24/UE 4 u 2014/25/UE 5 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(2)L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali tas-sistema teknika ta’ “darba biss” (OOTS) li jinsabu f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxu l-komponenti prinċipali tal-arkitettura tal-OOTS, jiddefinixxu r-rwoli u l-obbligi tekniċi u operazzjonali tal-Kummissjoni, tal-Istati Membri, tar-rikjedenti tal-evidenza, tal-fornituri tal-evidenza u tal-pjattaformi intermedjarji. Barra minn hekk, dawn l-ispeċifikazzjonijiet jenħtieġ li jistabbilixxu sistema ta’ reġistri li timmonitorja l-iskambji u tindika r-responsabbiltà fejn jidħlu l-manutenzjoni, l-operat u s-sigurtà tal-OOTS.

(3)Biex l-OOTS tiġa stabbilita sad-data stipulata fir-Regolament (UE) 2018/1724, hu previst li dan ir-Regolament jiġi kkumplimentat b’dokumenti aktar dettaljati u mhux vinkolanti ta’ disinn tekniku, li jitfasslu b’mod kunsenswali mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, fil-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway u f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma 2021-2022 tar-Regolament dwar gateway diġitali unika. Iżda meta jitqies meħtieġ, fid-dawl ta’ żviluppi jew diskussjonijiet tekniċi ġodda jew ta’ differenzi fl-opinjoni fil-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway, notevolment fuq il-finalizzazzjoni tad-dokumenti ta’ disinn tekniku u għażliet ewlenin tad-disinn, jew meta jkun hemm bżonn li ċerti elementi tad-dokumenti ta’ disinn tekniku jsiru vinkolanti, se jkun possibbli li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operazzjonali stabbiliti f’dan ir-Regolament f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 37(2) tar-Regolament (UE) 2018/1724 jiġu kkumplimentati/emendati.

(4)Biex jitnaqqsu l-kostijiet u jitqassar iż-żmien meħtieġ għall-istabbiliment tal-OOTS, l-arkitettura tal-OOTS jenħtieġ li, sa fejn possibbli, tkun ibbażata fuq soluzzjonijiet riutilizzabbli, tkun newtrali għat-teknoloġija tal-implimentazzjoni u kapaċi takkomoda soluzzjonijiet nazzjonali differenti. Pereżempju, jenħtieġ li l-OOTS tkun tista’ tuża l-portali tal-proċedura, is-servizzi tad-data jew il-pjattaformi intermedjarji eżistenti fil-livell nazzjonali, inkluż fil-livell ċentrali, reġjonali u lokali, li nħolqu għall-użu nazzjonali. Il-komponenti żviluppati mill-Kummissjoni jenħtieġ li jiġu rilaxxati b’liċenzja ta’ software miftuħ li tippromwovi l-użu mill-ġdid u l-kollaborazzjoni.

(5)Soluzzjoni riutilizzabbli bħal din li ġiet żviluppata fil-livell tal-Unjoni hija s-sistema tan-nodi eIDAS stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1501 6 li, permezz tal-komunikazzjoni ma’ nodi oħra tan-network eIDAS, tista’ tipproċessa t-talba għal awtentikazzjoni transfruntiera ta’ utent, u l-għoti tagħha. In-nodi eIDAS jenħtieġ li jippermettu lir-rikjedenti tal-evidenza u, meta rilevanti, lill-fornituri tal-evidenza jidentifikaw lill-utenti li jitolbu skambju tal-evidenza tramite l-OOTS ħalli l-fornituri tal-evidenza jkunu jistgħu jqabblu d-data ta’ identifikazzjoni mar-rekords eżistenti tagħhom.

(6)Jenħtieġ li l-OOTS tibni fuq il-ħidma li diġà saret u tisfrutta sinerġiji ma’ sistemi eżistenti oħra għall-iskambju tal-evidenza jew tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti għall-proċeduri msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2018/1724, inkluż sistemi mhux koperti bl-Artikolu 14(10) ta’ dak ir-Regolament. Pereżempju, fir-rigward tad-data tar-reġistru tal-liċenzji tal-vetturi u tas-sewqan, l-OOTS jenħtieġ li tqis il-mudelli tad-data diġà żviluppati u, meta fattibbli, tistabbilixxi rabtiet tekniċi biex tiffaċilita l-konnessjoni tal-awtoritajiet kompetenti li diġà jużaw networks eżistenti oħra (RESPER 7   jew EUCARIS 8 ) mal-OOTS għall-forniment tal-evidenza fil-proċeduri koperti mill-OOTS. Jenħtieġ li jitħaddem approċċ simili fir-rigward ta’ sistemi oħra bħal, iżda mhux limitati għal: il-Grupp tal-Utenti tal-Emrex (EUG) 9 fil-qasam tal-edukazzjoni, l-Iskambju Elettroniku ta’ Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI) skont ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 fil-qasam tas-sigurtà soċjali, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI 11 għall-finijiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, u l-eCertis 12 użata fil-proċeduri tal- akkwist pubbliku. Il-kooperazzjoni bejn dawn is-sistemi u l-OOTS jenħtieġ li tiġi definita skont il-każ.

(7)Għall-finijiet tal-awtentikazzjoni transfruntiera ta’ utent, l-arkitettura tal-OOTS jenħtieġ li tiġi allinjata mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 . Fit-3 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar Sett ta’ għodod komuni tal-Unjoni għal approċċ ikkoordinat lejn Qafas Ewropew tal-Identità Diġitali 14 . Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi proċess strutturat għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u, meta rilevanti, l-operaturi tas-settur privat biex jaħdmu fuq l-aspetti tekniċi tal-Qafas Ewropew tal-Identità Diġitali. Biex ikun żgurat l-allinjament meħtieġ bejn dak il-proċess u l-OOTS, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura koordinazzjoni xierqa, b’mod partikolari fil-Grupp ta’ Kuntatt dwar is-Sinerġiji u l-Interoperabbiltà, bejn in-Network ta’ Kooperazzjoni stabbilit bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/296 15   u l-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway.

(8)Biex jiżguraw is-sigurtà tas-servizzi transfruntieri elettroniċi tal-konsenja għall-finijiet tal-OOTS, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li dawn is-servizzi jkunu konformi mar-rekwiżiti għas-servizzi elettroniċi tal-konsenja rreġistrati, stabbiliti fl-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014. Għal dak il-għan, l-OOTS jixraq tuża Punti ta’ Aċċess tal-eDelivery biex toħloq network ta’ nodi għall-iskambju sigur tad-data diġitali. Minbarra li tippermetti konsenja transfruntiera sigura, l-eDelivery tipprovdi funzjonalitajiet ta’ servizz tal-metadata li jistgħu jappoġġaw verżjonijiet futuri tal-OOTS b’iżjed nodi siguri għall-iskambju tad-data. F’dak il-qafas, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħżlu l-fornituri tas-software tal-eDelivery tagħhom.

(9)Biex tkun żgurata l-flessibbiltà fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu li jkollhom Punt ta’ Aċċess wieħed jew aktar tal-eDelivery, bħala parti mill-OOTS. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jimplimentaw Punt ta’ Aċċess uniku li jimmaniġġa l-messaġġi kollha tal-eDelivery relatati mal-OOTS għar-rikjedenti tal-evidenza jew għall-fornituri tal-evidenza tramite pjattaforma intermedjarja, meta applikabbli, jew inkella jimplimentaw diversi Punti ta’ Aċċess f’xi livell ġerarkiku jew għal dominji jew setturi jew livelli ġeografiċi speċifiċi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom.

(10)Skont il-liġi tal-Unjoni, inkluż id-Direttivi 2005/36/KE, 2006/123/KE, 2014/24/UE, 2014/25/UE u r-Regolament (UE) 2018/1724, ċerti proċeduri amministrattivi jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-utenti online. Peress li dawk il-proċeduri u l-evidenza meħtieġa mhumiex armonizzati skont il-liġi tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti servizzi komuni li jippermettu l-iskambju transfruntier tal-evidenza meħtieġa għal dawn il-proċeduri tramite l-OOTS.

(11)Meta ma jkun hemm l-ebda tip ta’ evidenza miftiehem li jkun armonizzat mal-Unjoni kollha u li l-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jipprovdu, jenħtieġ li s-sensar tal-evidenza jgħin biex jiġi ddeterminat liema tipi ta’ evidenza jistgħu jiġu aċċettati għal proċedura partikolari.

(12)Jenħtieġ li s-sensar tal-evidenza jkun ibbażat fuq il-kontenut tar-regola pprovdut mill-Istati Membri u jenħtieġ li jipprovdi mekkaniżmu online biex l-Istati Membri jfittxu r-rekwiżiti tal-informazzjoni u s-settijiet tat-tip ta’ evidenza tagħhom. Jenħtieġ li s-sensar tal-evidenza jippermetti lill-Istati Membri jimmaniġġjaw u jikkondividu l-informazzjoni dwar ir-regoli relatati mat-tipi ta’ evidenza.

(13)Meta tkun meħtieġa l-interoperabbiltà bejn il-portal tal-proċedura u s-servizzi tad-data u s-servizzi komuni, din jenħtieġ li tkun appoġġata b’dokumenti ta’ disinn tekniku.

(14)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika meta biċċiet tal-evidenza strutturati u mhux strutturati li huma meħtieġa għall-proċeduri elenkati fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2018/1724 jitqiesu li nħarġu legalment b’format elettroniku li jippermetti skambju awtomatiku. Biċċiet tal-evidenza mhux strutturati maħruġa b’format elettroniku jistgħu jiġu skambjati tramite l-OOTS jekk ikunu supplimentati bl-elementi tal-metadata tal-mudell tal-metadata ġeneriku tal-OOTS li hemm fir-repożitorju semantiku msemmi fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament. Biċċiet tal-evidenza strutturati jistgħu jiġu skambjati tramite l-OOTS jekk ikunu supplimentati bl-elementi tal-metadata tal-mudell tal-metadata ġenerika tal-OOTS imsemmi fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament, u jew ikunu konformi mal-mudell tad-data tal-OOTS għat-tip ta’ evidenza rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament, jew ikunu akkumpanjati b’verżjoni li tista’ tinqara mill-bniedem.

(15)Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jiddeterminaw meta jikkonvertu biċċiet tal-evidenza għal format elettroniku li jippermetti l-iskambju awtomatizzat tagħhom tramite l-OOTS. Iżda biex tissaħħaħ l-utilità tal-OOTS għall-utenti tagħha, u peress li l-użu tal-mudelli tad-data u tal-iskema tal-metadata, għall-formati strutturati u mhux strutturati, hu ġeneralment rakkomandat ħafna, il-Kummissjoni jenħtieġ li tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jaħdmu għal dan il-għan.

(16)Biex tkun evitata d-duplikazzjoni, ikunu żgurati sinerġiji, u l-utenti jingħataw l-għażla, l-iżvilupp tal-mudelli tad-data tal-OOTS għat-tipi ta’ evidenza strutturata u l-istandardizzazzjoni tal-każijiet tal-użu għall-forniment ta’ kredenzjali f’konformità mal-proċess strutturat previst fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ġunju 2021 dwar Sett ta’ Għodod komuni tal-Unjoni għal approċċ koordinat lejn Qafas Ewropew għall-Identità Diġitali jenħtieġ li jsir b’kooperazzjoni mill-qrib u b’allinjament ma’ xulxin sa fejn tkun ikkonċernata l-evidenza koperta bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2018/1724, inkluż billi jiġu identifikati każijiet tal-użu komuni. L-allinjament tal-mudelli tad-data tal-OOTS u l-każijiet tal-użu standardizzati skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq jenħtieġ li jippermettu lill-utenti jiddependu fuq mezzi alternattivi għall-forniment tal-evidenza koperta bl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2018/1724, b’mod indipendenti mill-OOTS jew flimkien magħha. Meta jsiru bidliet fil-mudelli tad-data u fl-iskema tal-metadata għal biċċiet tal-evidenza li jkun hemm fir-repożitorju semantiku, l-Istati Membri jenħtieġ li jingħataw 12-il xahar mill-adozzjoni ta’ aġġornament biex japplikaw il-bidliet fil-biċċiet tal-evidenza kkonċernati.

(17)Biex jiġi minimizzat l-ammont tad-data skambjat, fil-każ tal-evidenza strutturata, jekk fit-talba għall-evidenza jintalab biss subsett tad-data, il-fornitur tal-evidenza jew il-pjattaforma intermedjarja, meta applikabbli, jistgħu jippermettu filtrazzjoni awtomatizzata tad-data u, meta meħtieġ għat-trasferiment, trasformazzjoni tad-data f’isem il-kontrollur tad-data responsabbli biex tiġi skambjata biss id-data mitluba.

(18)Meta l-Istati Membri jimmaniġġjaw ir-reġistri u s-servizzi nazzjonali li jaqdu l-istess rwol, jew rwol ekwivalenti bħad-direttorju tas-servizzi tad-data jew tas-sensar tal-evidenza, jenħtieġ li dawn ma jintalbux jidduplikaw xogħolhom billi jikkontribwixxu għas-servizzi komuni rilevanti. Iżda f’dan il-każ, jenħtieġ li jiżguraw li s-servizzi nazzjonali tagħhom ikunu konnessi mas-servizzi komuni b’tali mod li jkunu jistgħu jintużaw minn Stati Membri oħra. Inkella, dawk l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkupjaw id-data rilevanti mir-reġistri jew mis-servizzi nazzjonali, għad-direttorju tas-servizzi tad-data jew is-sensar tal-evidenza.

(19)Fid-Dikjarazzjoni ta’ Tallinn tal-2017 dwar il-gvern elettroniku 16 , l-Istati Membri affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jagħmlu progress fir-rabtiet tas-servizzi elettroniċi pubbliċi tagħhom u fl-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ darba biss biex jipprovdu servizzi pubbliċi diġitali effiċjenti u siguri li jiffaċilitaw il-ħajja taċ-ċittadini u tan-negozji. Id-Dikjarazzjoni ta’ Berlin tal-2020 dwar is-Soċjetà Diġitali u l-Gvern Diġitali Bbażat fuq il-Valur 17 bniet fuq il-prinċipji tal-utent fiċ-ċentru u l-faċilità tal-użu, u fasslet bosta prinċipji ewlenin oħrajn li fuqhom jenħtieġ li jiġu bbażati s-servizzi pubbliċi diġitali, fosthom il-fiduċja u s-sigurtà fl-interazzjonijiet tal-gvern diġitali u s-sovranità u l-interoperabbiltà diġitali. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jimplimenta dawk l-impenji billi jqiegħed lill-utenti fiċ-ċentru tas-sistema u jeżiġi li l-utenti jiġu mgħarrfa dwar l-OOTS, il-passi tagħha u l-konsegwenzi tal-użu tas-sistema.

(20)Hu importanti li jkun hemm fis-seħħ sistema xierqa li tippermetti lill-utenti jidentifikaw lilhom infushom għall-finijiet tal-iskambju tal-evidenza. L-uniku qafas ta’ rikonoxximent reċiproku tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika nazzjonali fil-livell tal-Unjoni hu stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 910/2014. Għaldaqstant, il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa bi skemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati f’konformità ma’ dak ir-Regolament jenħtieġ li jintużaw mir-rikjedenti tal-evidenza biex qabel ma utent jitlob b’mod espliċitu l-użu tal-OOTS, dawn jawtentikaw l-identità tiegħu. Meta l-identifikazzjoni tal-fornitur tal-evidenza rilevanti tkun teħtieġ il-forniment ta’ attributi lil hinn mill-attributi obbligatorji tas-sett ta’ data minima elenkati fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1501, jenħtieġ li anki dawn l-attributi addizzjonali jintalbu mingħand l-utent mir-rikjedent tal-evidenza, u jingħataw lill-fornitur tal-evidenza jew lill-pjattaforma intermedjarja, meta applikabbli, bħala parti mit-talba għall-evidenza.

(21)Uħud mill-proċeduri elenkati fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2018/1724 jirrikjedu li l-evidenza tista’ tintalab f’isem persuna ġuridika jew fiżika. Pereżempju, ċerti proċeduri huma rilevanti għan-negozji u għalhekk, l-imprendituri jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu l-iskambju tal-evidenza f’isimhom stess jew permezz ta’ rappreżentant. Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 jipprovdi qafas legali fdat għall-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa għal persuni ġuridiċi jew għal persuni fiżiċi li jirrappreżentaw lil persuni ġuridiċi. Ir-rikonoxximent reċiproku tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika nazzjonali skont dak ir-Regolament japplika għal dawn il-każijiet ta’ rappreżentazzjoni. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistrieħ fuq ir-Regolament (UE) Nru 910/2014, u fuq kull att ta’ implimentazzjoni adottat abbażi tiegħu, għall-identifikazzjoni tal-utenti f’każijiet ta’ rappreżentazzjoni. Jenħtieġ li l-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway u s-sottogruppi tiegħu jikkooperaw mill-qrib mal-istrutturi ta’ governanza stabbiliti skont ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 biex jgħinu fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għas-setgħat ta’ rappreżentazzjoni u mandati. Minħabba d-dipendenza ta’ wħud mill-proċeduri koperti bl-OOTS fuq il-qafas maħluq mir-Regolament (UE) Nru 910/2014, jenħtieġ li anki l-biċċiet tal-evidenza mitluba mir-rappreżentanti jkunu jistgħu jiġu pproċessati tramite l-OOTS meta, u sa fejn, dawn is-soluzzjonijiet ikunu nstabu.

(22)Biex jitnaqqsu l-ħin u l-kost għall-implimentazzjoni tal-OOTS, u biex igawdu mill-esperjenza tal-implimentazzjoni ta’ xulxin, jenħtieġ li l-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri u trawwem il-kollaborazzjoni bejniethom b’rabta mal-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet u komponenti tekniċi riutilizzabbli li jistgħu jintużaw għall-implimentazzjoni tal-portali tal-proċedura nazzjonali, l-ispazji tal-preview u s-servizzi tad-data.

(23)Biex ikun żgurat li l-utenti jibqa’ jkollhom kontroll fuq id-data personali tagħhom f’kull ħin meta jkunu qed jużaw l-OOTS, kif previst fir-Regolament (UE) 2018/1724, jenħtieġ li l-OOTS tippermetti lill-utenti jesprimu d-deċiżjoni tagħhom fir-rigward ta’ din id-data f’żewġ istanzi. L-ewwel nett, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-utenti jirċievu biżżejjed informazzjoni biex ikunu jistgħu jagħmlu talba informata u espliċita ħalli t-talba tagħhom għall-evidenza tiġi pproċessata tramite l-OOTS f’konformità mal-Artikolu 14(3), il-punt (a), u l-Artikolu 14(4), tar-Regolament (UE) 2018/1724. Imbagħad, jenħtieġ li jkun żgurat li dawn ikunu jistgħu jaraw l-evidenza li tkun se tiġi skambjata fi spazju tal-preview sigur qabel ma jiddeċiedu jekk jipproċedux jew le bl-iskambju tal-evidenza f’konformità mal-Artikolu 14(3), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2018/1724, għajr fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 14(5) ta’ dak ir-Regolament.

(24)Ir-responsabbiltà għall-istabbiliment tal-OOTS hi kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, u għalhekk jenħtieġ li l-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway jaqdi rwol ċentrali fil-governanza tas-sistema. Fid-dawl tan-natura teknika ta’ ħidmitu u biex teħfief l-implimentazzjoni fis-sistemi nazzjonali eżistenti tad-dokumenti ta’ disinn tekniku, jenħtieġ li l-ħidma tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway tiġi appoġġata u mħejjija minn esperti miġbura f’sottogrupp wieħed jew aktar, maħluqa f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tiegħu. Jenħtieġ li l-funzjonament ta’ din il-governanza tal-OOTS jiġi vvalutat fir-rapport li l-Kummissjoni jeħtieġ tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-12 ta’ Diċembru 2022 skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2018/1724.

(25)Biex ikun żgurat rispons malajr għal xi inċidenti u ħsarat possibbli li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tal-OOTS, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ li jistabbilixxu network ta’ punti ta’ kuntatt għall-appoġġ tekniku. Biex ikun żgurat il-funzjonament xieraq tal-OOTS, jenħtieġ li dawk il-punti ta’ kuntatt għal appoġġ tekniku jkollhom is-setgħat u biżżejjed riżorsi umani u finanzjarji biex jaqdu dmirhom.

(26)Biex ikunu żgurati funzjonament u manutenzjoni effiċjenti tal-OOTS, ir-responsabbiltajiet b’rabta mal-komponenti differenti tagħha jenħtieġ li jitqassmu b’mod ċar. Il-Kummissjoni, bħala s-sid u l-operatur tas-servizzi komuni, jenħtieġ li tkun responsabbli għall-manutenzjoni, l-ospitar u s-sigurtà tagħhom. Jenħtieġ li kull Stat Membru jkun responsabbli li jiżgura l-manutenzjoni u s-sigurtà ta’ dawk il-komponenti tal-OOTS li jkun sid tagħhom u li għalihom hu responsabbli, bħan-nodi eIDAS, il-Punti ta’ Aċċess tal-eDelivery jew ir-reġistri nazzjonali, f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali.

(27)Biex tkun żgurata l-protezzjoni xierqa tad-data personali, kif jeżiġi r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 , jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika r-rwol tal-Istati Membri, b’mod partikolari tal-awtoritajiet kompetenti rispettivi fil-kapaċità tagħhom bħala rikjedent tal-evidenza jew il-fornitur tal-evidenza, u tal-pjattaformi intermedjarji, meta applikabbli, fir-rigward tad-data personali li jkun hemm fl-evidenza skambjata tramite l-OOTS.

(28)Biex ikun żgurat li s-servizzi komuni jitħarsu mit-theddid potenzjali li jagħmel ħsara lill-kunfidenzjalità, lill-integrità jew lid-disponibbiltà tas-sistemi tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni tal-Kummissjoni, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 19 jenħtieġ li tkun tapplika għal dawn is-servizzi.

(29)L-Artikolu 14(1) sa (8) u (10) tar-Regolament (UE) 2018/1724 japplika mit-12 ta’ Diċembru 2023. Għaldaqstant, jenħtieġ li anki r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament japplikaw minn dik id-data.

(30)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 20 u pprovda l-Kummenti Formali tiegħu fis-6 ta’ Mejju 2021 21 .

(31)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar il-Gateway Diġitali Unika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Taqsima 1
Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“sistema teknika ta’ darba biss” (“OOTS”) tfisser is-sistema teknika għall-iskambju awtomatizzat transfruntier tal-evidenza kif imsemmi fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2018/1724;

(2)“fornitur tal-evidenza” tfisser awtorità kompetenti kif imsemmi fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2018/1724 li toħroġ legalment evidenza strutturata jew mhux strutturata;

(3)“rikjedent tal-evidenza” tfisser awtorità kompetenti responsabbli għal waħda jew aktar mill-proċeduri msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2018/1724;

(4)“Punt ta’ Aċċess tal-eDelivery” tfisser komponent tal-komunikazzjoni li hu parti mis-servizz tal-konsenja elettronika tal-eDelivery ibbażat fuq speċifikazzjonijiet u standards tekniċi, inkluż il-protokoll tal-messaġġi tal-AS4 u s-servizzi anċillari żviluppati fil-programm tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li kompla fil-programm Ewropa Diġitali, sal-punt li dawn l-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tekniċi jikkoinċidu mal-istandard ISO 15000-2;

(5)“nodu eIDAS” tfisser nodu kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1501 u nodu konformi mar-rekwiżiti tekniċi u operazzjonali stabbiliti f’dak ir-Regolament u abbażi tiegħu;

(6)“pjattaforma intermedjarja” tfisser soluzzjoni teknika li taġixxi fil-kapaċità tagħha stess jew f’isem entitajiet oħra bħal fornituri tal-evidenza jew rikjedenti tal-evidenza, skont l-organizzazzjoni amministrattiva tal-Istati Membri fejn topera l-pjattaforma intermedjarja, u li l-fornituri tal-evidenza jew ir-rikjedenti tal-evidenza jikkollegaw tramite tagħha mas-servizzi komuni msemmija fl-Artikolu 4(1) jew mal-fornituri tal-evidenza jew mar-rikjedenti tal-evidenza minn Stati Membri oħra;

(7)“direttorju tas-servizzi tad-data” tfisser reġistru li jkun fih il-lista tal-fornituri tal-evidenza u t-tipi ta’ evidenza li joħorġu flimkien mal-informazzjoni rilevanti li takkumpanjahom;

(8)“sensar tal-evidenza” tfisser servizz li bih rikjedent tal-evidenza jkun jista’ jiddetermina liema tip ta’ evidenza mingħand Stat Membru ieħor tissodisfa r-rekwiżit tal-evidenza għall-finijiet ta’ proċedura nazzjonali;

(9)“mezz ta’ identifikazzjoni elettronika” tfisser unità materjali u/jew immaterjali li jkun fiha data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna, u li tintuża għall-awtentikazzjoni ta’ servizz online;

(10)“repożitorju tad-data” tfisser ġabra ta’ speċifikazzjonijiet semantiċi, marbuta mas-sensar tal-evidenza u mad-direttorju tas-servizzi tad-data, magħmula minn definizzjonijiet ta’ ismijiet, tipi ta’ data u elementi tad-data assoċjati ma’ tipi ta’ evidenza speċifiċi biex ikun żgurat fehim reċiproku u interpretazzjoni multilingwi għall-fornituri tal-evidenza, għar-rikjedenti tal-evidenza u għall-utenti, meta jiskambjaw evidenza tramite l-OOTS;

(11)“dokumenti ta’ disinn tekniku” tfisser sett ta’ dokumenti tekniċi dettaljati u mhux vinkolanti, imfassla mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri fil-qafas tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway imsemmi fl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2018/1724 jew f’xi sottogrupp imsemmi fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, li jinkludi, iżda mhux limitat għal, arkitettura ta’ livell għoli, protokolli ta’ skambju, standards u servizzi anċillari li jappoġġaw lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-fornituri tal-evidenza, lir-rikjedenti tal-evidenza, lill-pjattaformi intermedjarji u lil entitajiet oħra kkonċernati fl-istabbiliment tal-OOTS f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(12)“servizz tad-data” tfisser servizz tekniku li bih fornitur tal-evidenza jittratta t-talbiet għall-evidenza u jibgħat l-evidenza;

(13)“mudell tad-data” tfisser astrazzjoni li torganizza elementi tad-data, tistandardizza kif dawn jirrelataw ma’ xulxin, u tispeċifika l-entitajiet, l-attributi tagħhom u r-relazzjoni bejn tali entitajiet;

(14)“spazju tal-preview” tfisser funzjonalità li biha l-utent ikun jista’ jagħmel preview tal-evidenza mitluba kif imsemmi fl-Artikolu 15(1), il-punt (b)(ii);

(15)“evidenza strutturata” tfisser evidenza b’format elettroniku meħtieġa għall-proċeduri elenkati fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2018/1724 li tkun organizzata f’elementi jew f’entrati predefiniti li jkollhom tifsira speċifika u b’format tekniku li jippermetti l-ipproċessar mis-sistemi tas-software, issupplimentata bl-elementi tal-metadata tal-mudell tal-metadata ġeneriku tal-OOTS imsemmi fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament u jew f’konformità mal-mudell tad-data tal-OOTS għat-tip ta’ evidenza rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament, jew akkumpanjata b’verżjoni li tista’ tinqara mill-bniedem;

(16)“evidenza mhux strutturata” tfisser evidenza b’format elettroniku meħtieġa għall-proċeduri elenkati fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2018/1724 li mhix organizzata f’elementi jew f’entrati predefiniti li jkollhom tifsira speċifika u format tekniku, iżda ssupplimentata bl-elementi tal-metadata tal-mudell tal-metadata ġeneriku tal-OOTS imsemmi fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-Regolament;

(17)“tip ta’ evidenza” tfisser kategorija ta’ evidenza strutturata jew mhux strutturata b’fini jew kontenut komuni;

(18)“inċident” tfisser sitwazzjoni meta l-OOTS ma tkunx qed taħdem, tfalli milli tibgħat l-evidenza jew tibgħat evidenza li ma tkunx intalbet, jew meta l-evidenza tkun inbidlet jew tkun ġiet żvelata waqt it-trażmissjoni, u xi ksur tas-sigurtà kif imsemmi fl-Artikolu 29;

(19)“portal tal-proċedura” tfisser paġna web jew app mobbli fejn l-utent jista’ jaċċessa u jlesti proċedura online kif imsemmi fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2018/1724.

Artikolu 2
Struttura tal-OOTS

L-OOTS għandha tikkonsisti minn dan li ġej:

(a)il-portali tal-proċedura tar-rikjedenti tal-evidenza u s-servizzi tad-data tal-fornituri tal-evidenza;

(b)il-pjattaformi intermedjarji, meta rilevanti;

(c)l-ispazji tal-preview imsemmija fl-Artikolu 15(1), il-punt (b)(ii);

(d)ir-reġistri u s-servizzi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 8, meta rilevanti;

(e)in-nodi eIDAS għall-awtentikazzjoni tal-utenti u għat-tqabbil tal-identità;

(f)il-Punti ta’ Aċċess tal-eDelivery;

(g)is-servizzi komuni msemmija fl-Artikolu 4(1);

(h)l-elementi u l-interfaċċi ta’ integrazzjoni meħtieġa biex jiġu konnessi l-komponenti msemmija fil-punt (a) sa (g).

Taqsima 2
Servizzi tal-OOTS

Artikolu 3
Nodi eIDAS u Punti ta’ Aċċess tal-eDelivery

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rikjedenti tal-evidenza jkunu konnessi ma’ nodu eIDAS biex ikunu jistgħu jagħmlu awtentikazzjoni tal-utenti skont l-Artikolu 11, direttament jew permezz ta’ pjattaforma intermedjarja.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Punti ta’ Aċċess tal-eDelivery jiġu installati, konfigurati u integrati fil-portali tal-proċedura tar-rikjedenti tal-evidenza, fis-servizzi tad-data tal-fornituri tal-evidenza u fil-pjattaformi intermedjarji.

3.L-Istati Membri jistgħu jagħżlu l-għadd ta’ Punti ta’ Aċċess tal-eDelivery li jużaw għall-OOTS.

Artikolu 4
Servizzi komuni

1.Il-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri għandha tistabbilixxi s-servizzi li ġejjin tal-OOTS (“servizzi komuni”):

(a)id-direttorju tas-servizzi tad-data msemmi fl-Artikolu 5;

(b)is-sensar tal-evidenza msemmi fl-Artikolu 6;

(c)ir-repożitorju semantiku msemmi fl-Artikolu 7.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konnessjoni teknika bejn il-portali tal-proċedura tar-rikjedenti tal-evidenza, direttament jew permezz tal-pjattaformi intermedjarji, mas-servizzi komuni, u r-reġistrazzjoni xierqa tas-servizzi tad-data tagħhom fis-servizzi komuni. Fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-konnessjonijiet, l-Istati Membri għandhom jiġu ggwidati mid-deskrizzjonijiet li hemm fid-dokumenti ta’ disinn tekniku.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rikjedenti tal-evidenza biss ikunu konnessi, direttament jew permezz tal-pjattaformi intermedjarji, mas-servizzi komuni, u r-rikjedenti tal-evidenza u l-fornituri tal-evidenza biss ikunu jistgħu jużaw l-OOTS. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-funzjonament tal-konnessjonijiet mas-servizzi komuni f’intervalli regolari.

Artikolu 5
Direttorju tas-servizzi tad-data

1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri tal-evidenza u t-tipi ta’ evidenza kollha maħruġa minnhom li huma rilevanti għall-proċeduri online msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2018/1724 jiġu rreġistrati fid-direttorju tas-servizzi tad-data.

2.Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-interfaċċi li permezz tagħhom, il-koordinaturi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1724, l-awtoritajiet kompetenti, il-pjattaformi intermedjarji, meta applikabbli, u l-Kummissjoni, ilkoll fl-ambitu tar-responsabbiltajiet tagħhom u l-limiti tad-drittijiet tal-aċċess definiti mill-Kummissjoni, ikunu jistgħu:

(a)jirreġistraw, ineħħu reġistrazzjoni u jwettqu xi aġġornament ieħor fl-informazzjoni tad-direttorju tas-servizzi tad-data;

(b)imexxu d-drittijiet tal-aċċess tal-persuni awtorizzati biex jagħmlu r-reġistrazzjonijiet u l-bidliet fid-data rreġistrata.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-koordinaturi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti u l-pjattaformi intermedjarji jkunu jistgħu jagħżlu bejn l-interfaċċi grafiċi tal-utenti għall-persuni awtorizzati u l-interfaċċi programmatiċi għall-uploads awtomatizzati.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull tip ta’ evidenza rreġistrata fid-direttorju tas-servizzi tad-data tkun akkumpanjata bi:

(a)il-livell ta’ assigurazzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati mill-Istati Membri f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014; u

(b)meta applikabbli, attributi addizzjonali, speċifikati biex teħfief l-identifikazzjoni tal-fornitur tal-evidenza rilevanti u li jmorru lil hinn mill-attributi obbligatorji tas-sett ta’ data minima stabbiliti f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1501, skambjati bil-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014, meħtieġa għall-iskambju tagħha tramite l-OOTS.

4.Id-direttorju tas-servizzi tad-data għandu jagħmel distinzjoni ċara bejn l-attributi addizzjonali msemmija fil-paragrafu 3, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu u l-attributi skambjati bil-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 imsemmija fl-Artikolu 13(1), il-punt (f), ta’ dan ir-Regolament.

5.Il-livell ta’ assigurazzjoni msemmi fil-paragrafu 3, il-punt (a), meħtieġ għall-utenti transfruntieri ma għandux jaqbeż il-livell ta’ assigurazzjoni meħtieġ għall-utenti mhux transfruntieri.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni fid-direttorju tas-servizzi tad-data tinżamm aġġornata.

Artikolu 6
Sensar tal-evidenza

1.Is-sensar tal-evidenza għandu jippermetti lir-rikjedenti tal-evidenza jiddeterminaw liema tipi ta’ evidenza maħruġa fi Stati Membri oħra jikkorrispondu għat-tipi ta’ evidenza meħtieġa fil-kuntest tal-proċeduri li għalihom ir-rikjedent tal-evidenza jkun kompetenti.

2.L-Istati Membri għandhom, permezz tal-interfaċċa msemmija fl-Artikolu 5(2), jikkumplimentaw il-lista tat-tipi ta’ evidenza fid-direttorju tas-servizzi tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 5(1) bil-fatti jew bil-konformità mar-rekwiżiti proċedurali li jagħtu prova tagħhom, possibbilment b’mod konġunt ma’ tipi oħra ta’ evidenza, jekk ikun meħtieġ. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-informazzjoni tkun eżatta u tinżamm aġġornata.

3.Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-interfaċċi li permezz tagħhom il-koordinaturi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti, il-pjattaformi intermedjarji, meta applikabbli, u l-Kummissjoni, ilkoll fl-ambitu tar-responsabbiltajiet tagħhom u fil-limiti tad-drittijiet tal-aċċess definiti mill-Kummissjoni, ikunu jistgħu:

(a)iżidu, jbiddlu u jaġġornaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2;

(b)imexxu d-drittijiet tal-aċċess tal-persuni awtorizzati biex iżidu u jagħmlu l-bidliet fl-informazzjoni rreġistrata.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-koordinaturi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti u l-pjattaformi intermedjarji jkunu jistgħu jagħżlu bejn l-interfaċċi grafiċi tal-utenti għall-persuni awtorizzati u l-interfaċċi programmatiċi għall-uploads awtomatizzati.

4.Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-immappjar tat-tipi ta’ evidenza maħruġa fi Stat Membru wieħed għall-fatti jew għall-konformità mar-rekwiżiti proċedurali li jridu jiġu pprovati fi proċedura fi Stat Membru ieħor billi tistruttura d-diskussjoni u torganizza l-ħidma fis-sottogrupp rilevanti msemmi fl-Artikolu 19. Is-sottogrupp għandu jistabbilixxi lingwa formali speċifika għad-dominju, u kull meta jkun possibbli, jirreferenzja l-istandards internazzjonali rilevanti, u jipproponi dik il-lingwa lill-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway f’konformità mal-Artikolu 18, il-punt (f).

Artikolu 7
Repożitorju semantiku u mudelli tad-data

1.Ir-repożitorju semantiku għandu jipprovdi aċċess għall-mudell tal-metadata ġenerika tal-OOTS, li tfassal biex juri metadata li tidentifika b’mod uniku l-evidenza u l-fornitur tal-evidenza, u li tinkludi entrati addizzjonali mfassla biex juru l-metadata msemmija fl-Artikolu 13(1), il-punti (a), (b) u (c).

2.Għat-tipi ta’ evidenza strutturata miftiehma fil-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway, ir-repożitorju semantiku għandu jkun fih mudell tad-data tal-OOTS li tal-anqas ikollu l-komponenti li ġejjin:

(a)rappreżentazzjoni ta’ dak il-mudell tad-data:

(i)dijagramma tal-mudell tad-data viżwali; u

(ii)deskrizzjoni testwali tal-entitajiet kollha tal-mudell tad-data, li tikkonsisti minn definizzjoni u l-lista tal-attributi tal-entità; u, għal kull attribut, it-tip mistenni (eż. Boolean, Identifikatur, Data), definizzjoni, il-kardinalità u l-użu fakultattiv ta’ lista tal-kodiċijiet;

(b)distribuzzjonijiet f’XML abbażi tad-definizzjoni ta’ skema XML (XSD), jew b’format ekwivalenti, ikkumplimentati b’formati ta’ serjalizzazzjoni oħrajn użati b’mod mifrux, meta fattibbli;

(c)listi tal-kodiċijiet biex ikun żgurat l-ipproċessar awtomatizzat tal-evidenza, disponibbli b’format strutturat;

(d)mekkaniżmu għall-konverżjoni b’format li jista’ jinqara mill-bniedem, bħal .XSLT jew ekwivalenti.

3.Għal kull tip ta’ evidenza, ir-repożitorju semantiku għandu joffri kontroll tal-verżjoni u reġistru tal-bidliet biex jinżamm rekord tal-verżjonijiet differenti.

4.Ir-repożitorju semantiku għandu jinkludi metodoloġija għall-iżvilupp ta’ mudelli ġodda tad-data tal-OOTS għat-tipi ta’ evidenza skambjati tramite l-OOTS, li tikkonsisti minn eżempji u materjali tat-tagħlim.

5.L-iskedi għall-aġġornamenti u l-adattamenti tal-mudelli tal-metadata ġeneriċi tal-OOTS u tal-mudelli tad-data tal-OOTS għandhom jiġu diskussi regolarment mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fil-qafas ta’ wieħed mis-sottogruppi tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway imsemmi fl-Artikolu 19 u jiġu adottati mill-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway. Il-fornituri tal-evidenza jew il-pjattaformi intermedjarji, meta applikabbli, għandhom japplikaw dawk l-aġġornamenti u l-adattamenti fi żmien 12-il xahar mill-pubblikazzjoni tagħhom fir-repożitorju semantiku.

6.Il-Kummissjoni għandha tipprovdi għodda tal-IT lill-Istati Membri biex tgħinhom jivverifikaw il-konformità tal-evidenza mal-mudell tal-metadata ġenerika tal-OOTS u mal-mudelli tad-data tal-OOTS.

7.Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-repożitorju semantiku disponibbli għall-pubbliku fuq sit web iddedikat tal-Kummissjoni.

Artikolu 8
Reġistri u servizzi nazzjonali

1.L-Istati Membri li għandhom reġistri jew servizzi nazzjonali ekwivalenti għad-direttorju tas-servizzi tad-data jew għas-sensar tal-evidenza jistgħu jagħżlu li ma jirreġistrawx il-fornituri tal-evidenza, it-tipi ta’ evidenza li joħorġu, u l-fatti jew il-konformità mar-rekwiżiti proċedurali li jipprovaw, possibbilment b’mod konġunt ma’ tipi oħra ta’ evidenza, u l-livell ta’ assigurazzjoni tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika meħtieġa għall-aċċess ta’ kull tip ta’ evidenza kif previst fl-Artikoli 5 u 6. F’każ bħal dan, minflok għandhom jagħmlu wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)jippermettu lil Stati Membri oħra jfittxu fir-reġistri nazzjonali tagħhom għall-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu;

(b)jikkupjaw l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu mir-reġistri jew mis-servizzi nazzjonali għad-direttorju tas-servizzi tad-data jew lis-sensar tal-evidenza.

2.Meta jimplimentaw il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom ikunu ggwidati mid-deskrizzjonijiet li hemm fid-dokumenti ta’ disinn tekniku.

Taqsima 3
Rikjedenti tal-evidenza

Artikolu 9
Spjegazzjoni lill-utenti 

1.Ir-rikjedenti tal-evidenza għandhom jiżguraw li l-portali tal-proċedura tagħhom ikun fihom spjegazzjoni tal-OOTS u tal-karatteristiċi tagħha, inkluż l-informazzjoni li:

(a)l-użu tal-OOTS hu volontarju;

(b)l-utenti ikunu jistgħu jagħżlu li jagħmlu preview tal-evidenza fl-ispazju tal-preview imsemmi fl-Artikolu 15(1), il-punt (b)(ii), u jiddeċiedu jekk jużawhiex jew le għall-proċedura;

(c)l-utenti jistgħu jaġixxu f’isimhom jew jiġu rrappreżentati minn persuna ġuridika jew fiżika oħra, meta u sa liema punt ikunu nstabu soluzzjonijiet għal rappreżentanzzjoni, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u kull att ta’ implimentazzjoni adottat abbażi tiegħu.

L-informazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandhiex tkun meħtieġa fil-każ tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2018/1724.

2.L-obbligu li jingħataw l-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu li s-suġġetti tad-data jkollhom l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 10
Għażla tat-tip ta’ evidenza

1.Ir-rikjedenti tal-evidenza għandhom jagħtu l-possibbiltà lill-utenti biex jitolbu t-tipi ta’ evidenza li jikkorrispondu, abbażi tal-informazzjoni rreġistrata mas-sensar tal-evidenza, għal tipi li jkunu aċċettabbli skont il-liġi applikabbli fil-proċedura rilevanti permezz ta’ sottomissjoni diretta, diment li l-fornituri tal-evidenza jagħmlu dawn it-tipi ta’ evidenza disponibbli tramite l-OOTS f’konformità mal-Artikolu 5(1).

2.Jekk ikunu jistgħu jintalbu diversi biċċiet tal-evidenza, ir-rikjedenti tal-evidenza għandhom jiżguraw li l-utenti jkunu jistgħu jagħżlu l-evidenza kollha, subsett tagħha, jew tip speċifiku tagħha.

Artikolu 11
Awtentikazzjoni tal-utenti

1.Ir-rikjedenti tal-evidenza għandhom jiddependu fuq il-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika maħruġa bi skemi ta’ identifikazzjoni elettronika notifikati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 biex jawtentikaw lill-utenti, li jaġixxu f’isimhom stess jew permezz ta’ rappreżentant, meta u sa liema punt ikunu nstabu soluzzjonijiet għal rappreżentanza f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 910/2014 u xi att ta’ implimentazzjoni adottat abbażi tiegħu.

2.Ladarba l-utent ikun għażel it-tip ta’ evidenza li trid tiġi skambjata tramite l-OOTS, ir-rikjedenti tal-evidenza għandhom jinformaw lill-utenti:

(a)meta applikabbli, dwar kull attribut addizzjonali msemmi fl-Artikolu 5(3), il-punt (b), ta’ dan ir-Regolament li għandhom jipprovdu; u

(b)li se jiġu ridirezzjonati lejn il-fornitur tal-evidenza rilevanti, il-fornituri tal-evidenza jew, meta applikabbli, il-pjattaforma jew il-pjattaformi intermedjarji, biex jagħmlu preview tal-evidenza magħżula.

3.Meta l-preview ma tkunx meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2018/1724, il-paragrafu 2, il-punt (b), ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika. F’dak il-każ, il-fornitur tal-evidenza, il-fornituri tal-evidenza jew, meta applikabbli, il-pjattaforma jew il-pjattaformi intermedjarji jistgħu jitolbu lir-rikjedent tal-evidenza biex jirridirezzjona lill-utent ħalli jerġa’ jagħmel identifikazzjoni u jerġa’ jagħmel awtentikazzjoni għall-fini ta’ tqabbil tal-identità u tal-evidenza. L-utent jista’ jagħżel li ma jiġix ridirezzjonat. F’dak il-każ, ir-rikjedent tal-evidenza għandu jinforma lill-utent li l-proċess ta’ tqabbil tal-identità u tal-evidenza mwettaq mill-fornitur tal-evidenza jaf ma wasalx għal riżultat kif imsemmi fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 12
Talba espliċita

Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9, ir-rikjedent tal-evidenza għandu jipprovdi lill-utent dan li ġej:

(a)l-isem/ismijiet tal-fornitur(i) tal-evidenza;

(b)it-tip(i) ta’ evidenza jew l-entrati tad-data li jridu jiġu skambjati.

Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għas-sitwazzjonijiet meta l-użu tal-OOTS hu permess mingħajr talba espliċita f’konformità mal-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2018/1724.

Artikolu 13
Talba għall-evidenza

1.Ir-rikjedent tal-evidenza għandu jiżgura li t-talba għall-evidenza tintbagħat lill-fornitur tal-evidenza jew lill-pjattaforma intermedjarja, meta applikabbli, u jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)l-identifikatur uniku tat-talba;

(b)it-tip ta’ evidenza mitluba;

(c)id-data u l-ħin meta saret it-talba espliċita;

(d)l-identifikazzjoni tal-proċedura li għaliha tkun meħtieġa l-evidenza;

(e)l-isem u l-metadata li jidentifikaw b’mod uniku lir-rikjedent tal-evidenza u lill-pjattaforma intermedjarja, meta applikabbli;

(f)l-attributi tal-utent, jew tal-utent u tar-rappreżentant meta applikabbli, skambjati bil-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika msemmija fl-Artikolu 11(1);

(g)il-livell ta’ assigurazzjoni, kif definit fir-Regolament (UE) Nru 910/2014, tal-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika użati mill-utent;

(h)l-attributi addizzjonali, imsemmija fl-Artikolu 5(3), il-punt (b), ipprovduti mill-utent għall-finijiet tat-talba;

(i)l-identifikazzjoni tal-fornitur tal-evidenza kif irreġistrat fid-direttorju tas-servizzi tad-data;

(j)jekk it-talba espliċita tal-utent kinitx meħtieġa f’konformità mal-Artikolu 14(4) tar-Regolament (UE) 2018/1724;

(k)jekk ikunx hemm bżonn tingħata l-possibbiltà ta’ preview tal-evidenza f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2018/1724.

2.Ir-rikjedent tal-evidenza għandu jagħmel distinzjoni ċara bejn l-attributi addizzjonali msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (h), u l-attributi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (f).

Artikolu 14
Ridirezzjonar tal-utenti lejn il-fornitur tal-evidenza

1.Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri msemmija fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2018/1724, ir-rikjedenti tal-evidenza għandhom jiżguraw li l-utenti, wara li jagħżlu l-evidenza li tkun se tiġi skambjata tramite l-OOTS fil-portal tal-proċedura f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, u wara li jiddikjaraw it-talba espliċita tagħhom f’konformità mal-Artikolu 12 ta’ dan ir-Regolament, jiġu ridirezzjonati lejn il-fornitur tal-evidenza, il-fornituri tal-evidenza jew il-pjattaforma jew il-pjattaformi intermedjarji, meta applikabbli, biex ikunu jistgħu jagħmlu preview tal-evidenza.

2.Għall-proċeduri msemmija fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2018/1724, l-utenti jistgħu jiġu ridirezzjonati lejn il-fornitur tal-evidenza, il-fornituri tal-evidenza jew il-pjattaforma jew il-pjattaformi intermedjarji, meta applikabbli, f’konformità mal-Artikolu 11(3) ta’ dan ir-Regolament.

Taqsima 4
Fornituri tal-evidenza

Artikolu 15
Rwol fl-iskambju tal-evidenza

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-fini tal-iskambju tal-evidenza tramite l-OOTS, il-fornituri tal-evidenza jew il-pjattaformi intermedjarji, meta applikabbli, għandhom jużaw servizzi ta’ applikazzjonijiet li kapaċi jagħmlu dan li ġej:

(a)jirċievu u jinterpretaw it-talbiet għall-evidenza mibgħuta bil-Punt ta’ Aċċess tal-eDelivery, li għandhom jitqiesu bħala l-input għas-servizzi tad-data;

(b)soġġetti għal identifikazzjoni u awtentikazzjoni b’suċċess f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament:

(i)jirkupraw kull biċċa tal-evidenza li taqbel mat-talba;

(ii)għajr fil-każ tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2018/1724, li skonthom l-utenti jkunu jistgħu jispeċifikaw ta’ liema biċċiet tal-evidenza minn dawn jixtiequ jagħmlu preview, u jagħtuhom il-possibbiltà ta’ preview tal-biċċiet hekk speċifikati fl-ispazju tal-preview;

(iii)jippermettu lill-utenti jindikaw liema, jekk ikun hemm, biċċiet tal-evidenza li jaqblu għandhom jiġu ritornati lir-rikjedent tal-evidenza biex jużahom fil-proċedura;

(c)jirritonaw ir-risponsi tal-evidenza lir-rikjedent tal-evidenza permezz ta’ Punt ta’ Aċċess tal-eDelivery, soġġetti għad-deċiżjoni tal-utent li juża l-evidenza fil-proċedura wara l-possibbiltà ta’ preview, għajr fil-każ tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2018/1724, ir-rapporti tal-erruri, inkluż fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(3), il-punt (a), ta’ dan ir-Regolament, jew ir-rapporti dwar evidenza fil-proċess ta’ konverżjoni.

2.Jekk ir-rispons għall-evidenza jiġi ritornat, dan għandu jinkludi l-evidenza mitluba u jkun akkumpanjat minn:

(a)il-metadata li tidentifika b’mod uniku r-rispons għall-evidenza;

(b)il-metadata li tidentifika b’mod uniku t-talba għall-evidenza;

(c)il-metadata li tindika d-data u l-ħin meta jkun ġie ġġenerat ir-rispons;

(d)il-metadata li tidentifika b’mod uniku l-evidenza u l-fornitur tal-evidenza;

(e)meta l-evidenza strutturata ma tkunx konformi mal-mudell tad-data tal-OOTS rilevanti għat-tip ta’ evidenza kkonċernat, verżjoni tal-evidenza li tista’ tinqara mill-bniedem.

3.Ir-rispons għall-evidenza jista’ jinkludi wkoll il-metadata li tidentifika b’mod uniku l-lingwa/i tal-evidenza mitluba.

4.Jekk jiġi ritornat rapport tal-errur, dan għandu jinkludi l-metadata li tidentifika b’mod uniku t-talba għall-evidenza, id-data u l-ħin meta tkun ġiet iġġenerata t-talba, u deskrizzjoni tal-errur li seħħ.

5.Meta l-evidenza tkun għadha mhix disponibbli għal skambju tramite l-OOTS iżda tkun fil-proċess ta’ konverżjoni lejn evidenza strutturata jew mhux strutturata kif definit fl-Artikolu 1, il-punti (16) u (17), għandu jiġi ritornat rapport kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (c) ta’ dan l-Artikolu. Dak ir-rapport għandu jinkludi l-metadata li tidentifika b’mod uniku t-talba għall-evidenza, id-data u l-ħin meta tkun ġiet iġġenerata t-talba, u messaġġ li l-evidenza kkonċernata qiegħda fil-proċess ta’ konverżjoni lejn evidenza strutturata jew mhux strutturata kif definit fl-Artikolu 1, il-punti (16) u (17), u li fil-futur se tkun lesta għal trażmissjoni tramite l-OOTS. Fir-rapport, il-fornitur tal-evidenza għandu jinkludi d-data u l-ħin preliminari meta se tkun disponibbli l-evidenza.

Artikolu 16
Tqabbil tal-identità u tal-evidenza

1.Il-fornituri tal-evidenza jew il-pjattaformi intermedjarji, meta applikabbli, jistgħu jitolbu lill-utenti jerġgħu jidentifikaw u jerġgħu jawtentikaw lilhom infushom, għall-finijiet ta’ tqabbil tal-identità u tal-evidenza, inkluż billi jipprovdu attributi addizzjonali.

2.Il-fornituri tal-evidenza, jew il-pjattaformi intermedjarji, meta applikabbli, għandhom jiżguraw li l-evidenza tiġi skambjata biss tramite l-OOTS jekk l-attributi tal-identità tal-utent, u tar-rappreżentant, meta applikabbli, skambjati bil-mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika msemmija fl-Artikolu 11(1) u l-attributi addizzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 11(2), il-punt (a) u pprovduti mill-utent biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni mill-fornitur tal-evidenza rilevanti, ikunu jaqblu mal-attributi miżmuma minnhom.

3.Meta l-proċess ta’ tqabbil tal-identità u tal-evidenza ma jasalx għal riżultat, jew it-tqabbil tal-identità jiġġenera żewġ riżultati jew aktar, l-utent jew ir-rappreżentant, meta applikabbli, ma għandux jitħalla jagħmel preview tal-evidenza mitluba u l-evidenza ma għandhiex tiġi skambjata. Fin-nuqqas ta’ riżultat tat-tqabbil:

(a)għandu jintbagħat messaġġ tal-errur lir-rikjedent tal-evidenza;

(b)l-utent għandu jirċievi messaġġ awtomatizzat li jispjega li l-evidenza ma tistax tingħata.

Taqsima 5
Sistema ta’ reġistru tal-OOTS

Artikolu 17
Sistema ta’ reġistru

1.Għal kull talba għall-evidenza trażmessa tramite l-OOTS, ir-rikjedent tal-evidenza, il-fornitur(i) tal-evidenza jew il-pjattaforma/i intermedjarja/i, meta applikabbli, għandhom jirreġistraw l-elementi li ġejjin:

(a)it-talba għall-evidenza msemmija fl-Artikolu 13(1);

(b)l-informazzjoni inkluża fir-rispons għall-evidenza, għajr l-evidenza nnifisha, jew ir-rapport tal-erruri msemmi fl-Artikolu 15(1), il-punt (c), u fl-Artikolu 16(3), il-punt (a);

(c)id-data tal-avveniment tal-eDelivery relatata ma’ xi waħda minn dawn li ġejjin:

(i)l-iskambju ta’ talbiet għall-evidenza;

(ii)ir-rispons għall-evidenza;

(iii)ir-rapporti tal-erruri.

2.Għal kull biċċa tal-evidenza skambjata tramite l-OOTS, il-fornitur tal-evidenza jew il-pjattaforma intermedjarja, meta applikabbli, għandhom jirreġistraw id-deċiżjoni tal-utent wara li jkun għamel preview tal-evidenza biex japprovaw jew le l-użu tal-biċċa tal-evidenza għall-proċedura, jew meta applikabbli, il-fatt li l-utent jitlaq mill-ispazju tal-preview jew mill-portal tal-proċedura mingħajr ma jieħu deċiżjoni speċifika.

3.Il-Kummissjoni u, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(1), il-punt (a), l-Istati Membri rilevanti, għandhom jirreġistraw l-interazzjonijiet kollha mas-servizzi komuni msemmija fl-Artikolu 4(1).

4.Mingħajr preġudizzju għal perjodi ta’ żamma itwal meħtieġa skont il-liġi nazzjonali għas-sistemi tar-reġistrar imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għall-finijiet tal-OOTS jew għal finijiet oħra, il-Kummissjoni u r-rikjedenti tal-evidenza, il-fornituri tal-evidenza jew il-pjattaformi intermedjarji, meta applikabbli, għandhom iżommu dawk ir-reġistrazzjonijiet għal perjodu ta’ 12-il xahar.

5.F’każ ta’ suspett ta’ inċidenti u għall-finijiet ta’ awditjar u kontrolli aleatorji tas-sigurtà mwettqa fl-oqsma rispettivi ta’ responsabbiltà tagħhom imsemmija fl-Artikolu 26, ir-rikjedenti tal-evidenza, il-fornituri tal-evidenza u l-pjattaformi intermedjarji, meta applikabbli, għandhom jagħmlu disponibbli lil xulxin, meta jintalbu, ir-reġistrazzjonijiet rilevanti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu permezz tal-panell tal-appoġġ tekniku msemmi fl-Artikolu 22. Għal dawk l-istess finijiet u bl-istess mod, l-Istati Membri u l-Kummissjoni, meta applikabbli, għandhom jagħmlu disponibbli għar-rikjedenti tal-evidenza, għall-fornituri tal-evidenza u għall-pjattaformi intermedjarji rilevanti, meta applikabbli, ir-reġistri rilevanti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

Taqsima 6
Governanza tal-OOTS

Artikolu 18
Grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway

Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri fil-qafas tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway stabbilit bl-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2018/1724, għandha:

(a)tissorvelja l-istabbiliment u t-tnedija tal-OOTS f’konformità mal-Artikolu 31(3) ta’ dan ir-Regolament;

(b)tistabbilixxi l-prijoritajiet għal aktar żviluppi u titjib fl-OOTS;

(c)tiddetermina skeda indikattiva għall-aġġornamenti regolari tad-dokumenti ta’ disinn tekniku, u għall-manutenzjoni u l-adattament tagħhom;

(d)tirrakkomanda bidliet fid-dokumenti ta’ disinn tekniku;

(e)torganizza rieżamijiet bejn il-pari biex tippromwovi skambji tal-esperjenzi u tal-prattika tajba bejn l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-Istati Membri;

(f)tapprova jew tiċħad il-modalitajiet operazzjonali ppreżentati minn xi wieħed mis-sottogruppi stabbiliti f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway, u meta meħtieġ tagħti gwida speċifika, u tissorvelja l-ħidma tagħhom.

Artikolu 19 
Sottogruppi tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway

1.Biex ikunu żgurati l-iżvilupp u l-operazzjoni kkoordinati tal-OOTS, is-sottogruppi msemmija fl-Artikolu 18, il-punt (f), għandhom jiddiskutu u, meta meħtieġ, ifasslu proposti tal-modalitajiet operazzjonali li jridu jiġu ppreżentati lill-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway dwar l-oqsma li ġejjin, b’mod partikolari:

(a)l-istandardizzazzjoni tal-mudelli tad-data tal-OOTS;

(b)l-immappjar tal-evidenza;

(c)ir-rieżami, il-manutenzjoni u l-interpretazzjoni tad-dokumenti ta’ disinn tekniku;

(d)il-governanza operazzjonali, b’mod partikolari l-arranġamenti operazzjonali u l-ftehimiet fil-livell tas-servizz;

(e)is-sigurtà tal-OOTS, inkluż it-tfassil ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju biex jiġu identifikati r-riskji, jiġi vvalutat l-impatt potenzjali tagħhom u jiġi ppjanat rispons tekniku u organizzazzjonali xieraq f’każ ta’ inċidenti;

(f)l-ittestjar u t-tnedija tal-komponenti tal-OOTS, inkluż l-interoperabbiltà bejn il-komponenti nazzjonali tal-OOTS imsemmija fl-Artikolu 2, il-punti (a) sa (f) u (h), u s-servizzi komuni msemmija fl-Artikolu 4(1).

Il-modalitajiet operazzjonali għandhom jinkludu t-tfassil u l-proponimenti ta’ standards meħtieġa għall-interoperabbiltà fl-oqsma rispettivi tas-sottogruppi, skont standards internazzjonali, kull meta jkun possibbli. Ladarba jiġu approvati mill-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway, dawn l-istandards għandhom jiġu inklużi fid-dokumenti ta’ disinn tekniku.

2.Is-sottogruppi għandhom jadottaw il-proposti tagħhom għall-modalitajiet operazzjonali b’kunsens, kull meta jkun possibbli. Meta jidher li ma jistax jinstab kunsens, il-president jista’ jiddeċiedi, jekk ikollu l-appoġġ ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri tas-sottogrupp preżenti fil-laqgħa, li proposta tas-sottogrupp tista’ tiġi ppreżentata lill-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway.

Taqsima 7
Appoġġ tekniku

Artikolu 20
Punt uniku ta’ kuntatt tal-Kummissjoni għall-appoġġ tekniku 

1.Il-Kummissjoni għandha tiddeżinja punt uniku ta’ kuntatt għall-appoġġ tekniku li jiżgura l-operat u l-manutenzjoni tas-servizzi komuni msemmija fl-Artikolu 4(1).

2.Il-punt uniku ta’ kuntatt għall-appoġġ tekniku għandu jikkoordina ma’ punti ta’ kuntatt rilevanti oħra tal-Kummissjoni u jikkoordina s-soluzzjoni tal-problemi mal-Punti ta’ Aċċess tal-eDelivery jew man-nodi eIDAS.

3.Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-punt uniku ta’ kuntatt tagħha għall-appoġġ tekniku jiġi organizzat b’tali mod li jkun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu fiċ-ċirkostanzi kollha u jirreaġixxi fi żmien qasir.

Artikolu 21
Punt uniku ta’ kuntatt nazzjonali għall-appoġġ tekniku

1.Kull Stat Membru għandu jiddeżinja punt uniku ta’ kuntatt għall-appoġġ tekniku biex jiżgura l-operat u l-manutenzjoni tal-komponenti rilevanti tal-OOTS li għalihom ikun responsabbli skont it-Taqsima 9.

2.Il-punti uniċi ta’ kuntatt għall-appoġġ tekniku għandhom:

(a)jipprovdu għarfien espert u pariri lill-fornituri tal-evidenza u lir-rikjedenti tal-evidenza għall-problemi tekniċi kollha li jiltaqgħu magħhom b’rabta mat-tħaddim tal-OOTS u, meta meħtieġ, jikkoordinaw mal-punt ta’ kuntatt tekniku tal-Kummissjoni u ma’ punti ta’ kuntatt nazzjonali oħra għall-appoġġ tekniku;

(b)jinvestigaw u jsolvu l-ħsarat possibbli fil-Punti ta’ Aċċess tal-eDelivery, il-ksur possibbli tas-sigurtà u inċidenti oħra;

(c)jinformaw lill-punti ta’ kuntatt għall-appoġġ tekniku b’kull attività li tista’ tikkawża ksur jew suspett ta’ ksur tas-sigurtà tas-sistemi elettroniċi.

3.Meta jiġi informat minn fornitur tal-evidenza dwar dubji tal-legalità ta’ xi talba għall-evidenza, waħda jew aktar, il-punt uniku ta’ kuntatt għall-appoġġ tekniku għandu:

(a)jirrieżamina t-talbiet għall-evidenza jew il-kampjuni tat-talbiet għall-evidenza li ntbagħtu fil-passat mill-istess rikjedent tal-evidenza;

(b)juża l-panell ta’ appoġġ tekniku msemmi fl-Artikolu 22 biex lill-punt uniku ta’ kuntatt għall-appoġġ tekniku deżinjat mill-Istat Membru tar-rikjedent tal-evidenza jitolbu jibgħat ir-reġistri tal-iskambji magħżula msemmija fl-Artikolu 17;

(c)Iressaq il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-koordinatur nazzjonali jekk il-problema tippersisti.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-punt uniku ta’ kuntatt rispettiv tagħhom għall-appoġġ tekniku jiġi organizzat b’tali mod li jkun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu fiċ-ċirkostanzi kollha u jkun jista’ jirreaġixxi fi żmien qasir.

Artikolu 22 
Panell ta’ appoġġ tekniku

1.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi panell biex tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn il-punti ta’ kuntatt kollha għall-appoġġ tekniku.

2.L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jirreġistraw id-dettalji ta’ kuntatt tal-punti ta’ kuntatt għall-appoġġ tekniku fil-panell u jżommuhom aġġornati.

3.Il-punti ta’ kuntatt għandhom, permezz tal-panell:

(a)jirrapportaw kull inċident meqjus sostanzjali;

(b)jirrapportaw kull miżura temporanja jew permanenti meħuda wara l-inċidenti;

(c)jitolbu r-reġistri tal-iskambji magħżula mingħand il-punti ta’ kuntatt rilevanti għall-appoġġ tekniku, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 17(5) u, f’każ ta’ dubju tal-legalità tat-talba għall-evidenza msemmija fl-Artikolu 21(3);

(d)jitolbu assistenza oħra meħtieġa f’każ ta’ inċidenti.

4.Il-koordinaturi nazzjonali u l-president tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway għandu jkollhom aċċess għall-panell.

5.Il-Kummissjoni u l-koordinaturi nazzjonali għandhom jużaw il-panell biex jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 27 u fl-Artikolu 28(2).

Taqsima 8
Kooperazzjoni ma’ strutturi oħra ta’ governanza

Artikolu 23
Ambitu tal-kooperazzjoni 

Il-Kummissjoni, flimkien mal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway u s-sottogruppi tiegħu, għandha tikkoopera mal-istrutturi ta’ governanza rilevanti stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni jew bi ftehimiet internazzjonali f’oqsma rilevanti għall-OOTS biex jinħolqu sinerġiji u jintużaw mill-ġdid, sa fejn possibbli, is-soluzzjonijiet żviluppati f’dawk il-fora l-oħra.

Taqsima 9
Responsabbiltà għall-manutenzjoni u l-operat tal-komponenti tal-OOTS

Artikolu 24
Responsabbiltajiet tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tkun is-sid tas-servizzi komuni u tal-panell ta’ appoġġ tekniku u tkun responsabbli għall-iżvilupp, id-disponibbiltà, il-monitoraġġ, l-aġġornament, il-manutenzjoni u l-ospitar tagħhom.

Artikolu 25
Responsabbiltajiet tal-Istati Membri

Rigward il-komponenti nazzjonali rispettivi tal-OOTS imsemmija fl-Artikolu 2, il-punti (a) sa (f) u (h), kull Stat Membru għandu jitqies bħala s-sid u li hu responsabbli għall-istabbiliment, meta applikabbli, u l-iżvilupp, id-disponibbiltà, il-monitoraġġ, l-aġġornament, il-manutenzjoni u l-ospitar.

Artikolu 26
Bidliet u aġġornamenti

1.Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar il-bidliet u l-aġġornamenti tas-servizzi komuni.

2.L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-bidliet u l-aġġornamenti tal-komponenti fir-responsabbiltà tagħhom li jistgħu jħallu riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tal-OOTS.

3.L-informazzjoni dwar l-aġġornamenti kritiċi għandha tingħata mingħajr dewmien żejjed. Fil-każ ta’ aġġornamenti mhux kritiċi oħra li aktarx jaffettwaw il-komponenti tal-OOTS li huma l-proprjetà ta’ Stati Membri oħra jew tas-servizzi komuni, il-perjodu ta’ tlestija għandu jiddeċidih il-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway abbażi ta’ proposta tas-sottogrupp rilevanti.

Artikolu 27
Disponibbiltà tal-OOTS

1.Il-perjodu taż-żmien operattiv tal-OOTS għandu jkun 24 siegħa kuljum, sebat (7) ijiem fil-ġimgħa, b’rata ta’ disponibbiltà tal-Punti ta’ Aċċess tal-eDelivery, tal-ispazji tal-preview u tas-servizzi komuni ta’ mill-anqas 98%, għajr meta jkun hemm manutenzjoni skedata f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Il-miri fil-livell tas-servizz tal-komponenti tal-OOTS li jifdal għandhom jiġu speċifikati fil-ftehimiet fil-livell tas-servizz imsemmija fl-Artikolu 19(1), il-punt (d).

2.L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinnotifikaw l-attivitajiet tal-manutenzjoni skedati relatati mal-komponenti rilevanti tal-OOTS kif ġej:

(a)ħamest (5) ijiem tax-xogħol bil-quddiem għall-operazzjonijiet ta’ manutenzjoni li jistgħu jikkawżaw perjodu ta’ waqfien sa erba’ (4) sigħat;

(b)għaxart (10) ijiem tax-xogħol bil-quddiem għall-operazzjonijiet ta’ manutenzjoni li jistgħu jikkawżaw perjodu ta’ waqfien sa 12-il siegħa;

(c)30 jum tax-xogħol bil-quddiem għall-manutenzjoni tal-kamra tal-infrastruttura tal-kompjuters, li tista’ tikkawża perjodu ta’ waqfien sa sitt (6) ijiem kull sena.

Sa fejn ikun possibbli, l-operazzjonijiet tal-manutenzjoni għandhom jiġu ppjanati barra mill-ħinijiet tax-xogħol.

3.Meta l-Istati Membri jkollhom ħinijiet tas-servizz fissi kull ġimgħa, dawn għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-ħin u l-jum meta jkunu ppjanati dawn il-perjodi tas-servizz. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2, il-punti (a), (b) u (c), jekk is-sistemi tal-Istati Membri ma jkunux disponibbli f’dan il-perjodu fiss tas-servizz, l-Istati Membri huma eżentati mill-obbligu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni kull darba.

4.Fil-każ ta’ ħsara teknika għal għarrieda fil-komponenti tal-OOTS tal-Istati Membri, l-Istat Membru rilevanti għandu jinforma mingħajr dewmien lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar il-waqfien tagħhom u, jekk ikun magħruf, dwar ir-ritorn tal-funzjonament previst tal-komponenti.

5.Fil-każ ta’ ħsara għal għarrieda fis-servizzi komuni, il-Kummissjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-Istati Membri dwar il-waqfien ta’ servizz komuni wieħed jew aktar u, jekk ikun magħruf, dwar ir-ritorn tal-funzjonament previst tas-servizz.

6.In-notifiki msemmija f’dan l-Artikolu għandhom isiru bil-panell ta’ appoġġ tekniku msemmi fl-Artikolu 22.

Taqsima 10
Sigurtà

Artikolu 28
Sigurtà tas-servizzi komuni u tal-komponenti nazzjonali 

1.Il-Kummissjoni għandha tiżgura s-sigurtà tas-servizzi komuni msemmija fl-Artikolu 4(1) u l-elementi u l-interfaċċi ta’ integrazzjoni msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (h), li għalihom hija responsabbli.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sigurtà tal-komponenti nazzjonali tal-OTS u l-elementi u l-interfaċċi ta’ integrazzjoni msemmija fl-Artikolu 2, il-punt (h), li għalihom huma responsabbli.

3.Għall-finijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom, mill-anqas, jieħdu l-miżuri meħtieġa, ilkoll għall-komponenti li huma responsabbli għalihom, biex:

(a)iwaqqfu lil kull persuna mhux awtorizzata milli tikseb aċċess għall-komponenti li għalihom huma responsabbli;

(b)jevitaw l-inklużjoni ta’ data u kull konsultazzjoni, modifika jew tħassir ta’ data minn persuni mhux awtorizzati;

(c)jaqbdu kull waħda mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) u (b); u

(d)jiżguraw ir-reġistrar tal-avvenimenti tas-sigurtà skont standards tas-sigurtà internazzjonali rikonoxxuti għat-teknoloġija tal-informazzjoni.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mod partikolari:

(a)li l-konnessjonijiet li joperaw ġol-Punti ta’ Aċċess tal-eDelivery u ’l barra minnhom, u kull komunikazzjoni interna bejn awtoritajiet nazzjonali differenti jkunu jissodisfaw mill-anqas l-istess livell ta’ rekwiżiti tas-sigurtà bħas-servizz tal-konsenja elettronika tal-eDelivery, ħalli jipproteġu s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-iskambju u l-integrità tal-evidenza skambjata tramite l-OOTS;

(b)in-nonripudju tal-oriġini tat-talba għall-evidenza trażmessa mill-punt ta’ aċċess tar-rikjedent tal-evidenza, u tar-rispons għall-evidenza skambjata jew tal-messaġġ tal-errur trażmess mill-punt ta’ aċċess tal-fornitur tal-evidenza.

5.F’konformità mal-paragrafu 4, l-Istat Membru tal-fornitur tal-evidenza waqt xi skambju ta’ evidenza partikolari għandu jkun responsabbli għall-kwalità, il-kunfidenzjalità, l-integrità u d-disponibbiltà tal-evidenza mitluba sakemm tasal għand il-Punt ta’ Aċċess tal-eDelivery tar-rikjedent tal-evidenza jew tal-pjattaforma intermedjarja, meta applikabbli. L-Istat Membru tar-rikjedent tal-evidenza waqt xi skambju ta’ evidenza partikolari għandu jkun responsabbli għall-kunfidenzjalità u l-integrità tal-evidenza mitluba mill-mument meta tasal għand il-Punt ta’ Aċċess tal-eDelivery tiegħu.

6.L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità, l-integrità u d-disponibbiltà tar-reġistri msemmija fl-Artikolu 17(1), (2) u (3) permezz ta’ miżuri tas-sigurtà xierqa u proporzjonati, ilkoll għar-reġistri li jkunu rreġistraw.

Artikolu 29
Monitoraġġ tas-sistemi elettroniċi

1.L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iwettqu kontrolli regolari tal-komponenti tal-OOTS li għalihom huma responsabbli.

2.Il-punti uniċi ta’ kuntatt għall-appoġġ tekniku msemmija fl-Artikoli 20 u 21 għandhom jużaw il-panell ta’ appoġġ tekniku msemmi fl-Artikolu 22 biex jinformaw lil xulxin dwar il-problemi skoperti waqt il-kontrolli li jistgħu jwasslu għal ksur jew suspett ta’ ksur tas-sigurtà tal-OOTS.

Artikolu 30
Sistema ta’ ġestjoni tal-amministrazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema ta’ ġestjoni tal-amministrazzjoni għall-ġestjoni tar-regoli ta’ awtentikazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni għall-validazzjoni tad-data ta’ identifikazzjoni biex jingħata aċċess għas-servizzi komuni u għal-panell ta’ appoġġ tekniku.

Taqsima 11
Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 31
Ittestjar tal-OOTS

1.L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom, fil-qafas tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-gateway, jadottaw skeda tal-ittestjar u sett ta’ indikaturi li skonthom ir-riżultati tal-ittestjar jistgħu jitkejlu u jitqiesu bħala pożittivi.

2.Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi tal-ittestjar li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jittestjaw il-konformità tas-soluzzjonijiet tekniċi mal-indikaturi msemmija fil-paragrafu 1.

3.L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jittestjaw il-funzjonament ta’ kull wieħed mill-komponenti tal-OOTS u jivverifikaw li dawn jistgħu jaħdmu sew skont l-indikaturi msemmija fil-paragrafu 1. Għall-utenti għandhom ikunu disponibbli biss dawk il-komponenti tal-OOTS li t-testijiet jagħtu riżultati pożittivi għalihom.

Artikolu 32 
Assistenza tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi tim ta’ esperti bħala parti mill-punt ta’ kuntatt għall-appoġġ tekniku tal-Kummissjoni biex jassisti lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali għall-appoġġ tekniku, u lill-koordinaturi nazzjonali fl-aspetti kollha relatati mal-funzjonament tal-OOTS minn perspettiva teknika, b’mod partikolari:

(a)jipprovdi linji gwida;

(b)jorganizza sessjonijiet ta’ ħidma u dimostrazzjoni;

(c)iwieġeb il-mistoqsijiet individwali.

Artikolu 33
Ipproċessar tad-data personali

Rigward l-ipproċessar tad-data personali li jkun hemm fl-evidenza soġġetta għal skambju tramite l-OOTS u li ssir fil-komponenti tal-OOTS li huma sidien tagħhom skont l-Artikolu 25 ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti rispettivi tal-Istati Membri, fil-kapaċitajiet tagħhom bħala rikjedent tal-evidenza jew fornitur tal-evidenza, għandhom jaġixxu bħala kontrolluri kif definit fl-Artikolu 4, il-punt 7, tar-Regolament (UE) 2016/679, u kif speċifikat f’aktar dettall fl-Artikoli 34 u 35 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 34
Responsabbiltajiet tar-rikjedent tal-evidenza bħala l-kontrollur tad-data 

1.Għal kull skambju tal-evidenza tramite l-OOTS, ir-rikjedent tal-evidenza jew il-pjattaforma intermedjarja rilevanti, meta applikabbli, għandhom ikunu responsabbli unikament għall-kompletezza u l-legalità tat-talba għall-evidenza. Ir-rikjedent tal-evidenza għandu jiżgura, b’mod partikolari, li l-evidenza tkun meħtieġa għall-proċedura partikolari li għaliha tintalab mill-utent.

2.Ladarba l-evidenza skambjata tramite l-OOTS issir disponibbli għar-rikjedent tal-evidenza jew għall-pjattaforma intermedjarja, meta applikabbli, wara l-għażla tal-utent li jipproċedi bl-iskambju tal-evidenza f’konformità mal-Artikolu 14(3), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2018/1724 jew fil-każ tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2018/1724, ir-rikjedent tal-evidenza jew il-pjattaforma intermedjarja, meta applikabbli, għandhom jiżguraw l-istess livell ta’ protezzjoni tad-data personali f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 daqslikieku l-utent ikun qed jippreżenta jew itella’ l-evidenza bla ma jirrikorri għall-OOTS.

Artikolu 35
Responsabbiltajiet tal-fornitur tal-evidenza bħala l-kontrollur tad-data

1.Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679, għal kull skambju tal-evidenza tramite l-OOTS, il-fornitur tal-evidenza jew il-pjattaforma intermedjarja rilevanti, meta applikabbli, għandhom ikunu unikament responsabbli jivverifikaw li:

(a)l-evidenza mitluba li għandhom tista’ titqabbel mal-utent f’konformità mal-Artikolu 16;

(b)l-utent hu intitolat juża l-evidenza mitluba.

2.Meta pjattaforma intermedjarja tipprovdi l-ispazju tal-preview f’konformità mal-Artikolu 15(1), il-punt (b)(ii), ta’ dan ir-Regolament, din għandha titqies bħala proċessur li qed jaġixxi f’isem il-fornitur tal-evidenza f’konformità mal-Artikolu 4(8) tar-Regolament (UE) 2016/679.

Artikolu 36
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mit-12 ta’ Diċembru 2023.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 5.8.2022

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1.
(2)    Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).
(3)    Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).
(4)    Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
(5)    Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).
(6)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1501 tat-8 ta’ Settembru 2015 dwar il-qafas tal-interoperabbiltà skont l-Artikolu 12(8) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 235, 9.9.2015, p. 1).
(7)    In-Network tal-liċenzji tas-sewqan stabbilit abbażi tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU L 403, 30.12.2006, p. 18).
(8)    It-Trattat dwar Sistema tal-Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (EUCARIS), adottat fil-Lussemburgu fid-29 ta’ Ġunju 2000.
(9)    Il-Grupp tal-Utenti tal-Emrex (EUG) hu network indipendenti u internazzjonali li jgħaqqad lil diversi atturi interessati fit-tisħiħ tal-portabbiltà tad-data tal-istudenti; https://emrex.eu/
(10)    Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI tas-6 ta’ April 2009 dwar l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/315/ĠAI (ĠU L 93, 7.4.2009, p. 33).
(12)    https://ec.europa.eu/tools/ecertis/#/homePage
(13)    Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).
(14)    Ir-Rakkomandazzjoni A trusted and secure European e-ID - Shaping Europe’s digital future (europa.eu)
(15)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/296 tal-24 ta’ Frar 2015 li tistabbilixxi arranġamenti proċedurali għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-identifikazzjoni elettronika skont l-Artikolu 12(7) tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (ĠU L 53, 25.2.2015, p. 14).
(16)    Iffirmata fis-6 ta’ Ottubru 2017; https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/news/ministerial-declaration-egovernment-tallinn-declaration
(17)    Iffirmata fit-8 ta’ Diċembru 2020; https://digital-strategy.ec.europa.eu/en/news/berlin-declaration-digital-society-and-value-based-digital-government
(18)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(19)    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2017/46 tal-10 ta’ Jannar 2017 dwar is-sigurtà tas-sistemi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni fil-Kummissjoni Ewropea (ĠU L 6, 11.1.2017, p. 40).
(20)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(21)     https://edps.europa.eu/data-protection/our-work/publications/formal-comments/draft-commission-implementing-regulation-4_en
Top