|
SEJĦA GĦAL EVIDENZA GĦALL-ISTRATEĠIJA DWAR IT-TISĦIN U T-TKESSIĦ (mingħajr valutazzjoni tal-impatt) |
|
|
Dan id-dokument għandu l-għan li jgħarraf lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback u jipparteċipaw b’mod effettiv f’attivitajiet ta’ konsultazzjoni. Nitolbu lil dawn il-gruppi biex jipprovdu opinjonijiet dwar kif il-Kummissjoni tinterpreta l-problema u s-soluzzjonijiet possibbli, u biex jagħtuna kull informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom. |
|
|
Titolu tal-inizjattiva |
Strateġija dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ |
|
DĠ ewlieni — unità responsabbli |
ENER B2 u C1 |
|
Tip Probabbli ta’ inizjattiva |
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni |
|
Żmien Indikattiv |
L-ewwel trimestru tal-2026 |
|
Informazzjoni Addizzjonali |
https://energy.ec.europa.eu/topics/eus-energy-system/energy-system-integration_en https://energy.ec.europa.eu/topics/energy-efficiency/heating-and-cooling_en |
|
Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil. |
|
|
A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà |
|
Kuntest politiku |
|
L-ittra ta’ missjoni lill-Kummissarju Jørgensen appellat “biex isir avvanz fl-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija”, u b’mod partikolari “t-tisħin u t-tkessiħ jiġi dekarbonizzat u tiżdied l-effiċjenza enerġetika.” Sabiex ikun jaqbel mal-livell ta’ prijorità stabbilit fl-ittra ta’ missjoni għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u jibni fuq is-suċċess tal-pjan REPowerEU, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija Affordabbli ħabbar Strateġija dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ għall-ewwel trimestru tal-2026. L-inizjattiva twieġeb ukoll għall-appelli lill-Kummissjoni min-naħa tal-Kunsill biex tfassal strateġija komprensiva dwar id-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ akkumpanjata minn Pjan ta’ Azzjoni Ġeotermali ddedikat, u min-naħa tal-Parlament Ewropew biex tippreżenta strateġija ġeotermali tal-UE. |
|
Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza |
|
L-użu tal-enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ jirrappreżenta nofs l-użu tal-enerġija tal-UE. Madwar 70 % jiġi mill-fjuwils fossili, prinċipalment il-gass, filwaqt li s-sehem tas-sorsi rinnovabbli qed jikber bil-mod ħafna, u l-biċċa l-kbira tiegħu ġej minn bijomassa solida li tintuża fis-setturi kollha f’sistemi u b’livelli ta’ effiċjenza differenti. Iktar minn nofs il-bijomassa solida tintuża fis-settur residenzjali, fejn il-bijomassa moderna (pellets) tirrappreżenta madwar 14 % u l-bqija għadha assoċjata mal-injam għall-fjuwil li, jekk ma jkunx imnixxef sew, jipproduċi emissjonijiet ta’ partikolati li jkollhom impatt negattiv fuq il-kwalità tal-arja; l-użu tal-bijomassa jkollu impatt ukoll fuq l-emissjonijiet tal-karbonju mis-settur tal-użu tal-art. Il-bejgħ tal-pompi tas-sħana batta wara snin ta’ tkabbir qawwi u jista’ jiġi żvantaġġat minn prezzijiet għoljin tal-elettriku meta mqabbla mal-gass, u l-potenzjal tal-irkupru tas-sħana ġeotermali, termali solari u mormija fil-biċċa l-kbira ma jiġix sfruttat. Is-sistemi tat-tisħin distrettwali, li jippermettu provvista iktar effiċjenti tat-tisħin u tat-tkessiħ fiż-żoni urbani, jeħtieġ li jiddekarbonizzaw, jimmodernizzaw u jespandu malajr biex jippermettu l-inkorporazzjoni ta’ sorsi rinnovabbli u ta’ sħana mormija b’temperatura iktar baxxa. It-tisħin u t-tkessiħ huma direttament tanġibbli għaċ-ċittadini; jirrappreżentaw iktar minn 60 % tal-enerġija użata mill-unitajiet domestiċi u taffettwa kemm il-kumdità tan-nies kif ukoll saħħithom. Barra minn hekk, il-kost tas-sħana u tal-kesħa jaffettwa direttament il-kompetittività: is-sħana tal-proċess tirrappreżenta 60 % tal-enerġija kollha użata mill-industrija tal-UE; u huwa mistenni li l-kost tal-fjuwils fossili għat-tisħin se jiżdied. Bit-temperaturi dejjem jiżdiedu u bil-mewġiet tas-sħana frekwenti, it-tkessiħ qed isir kwistjoni ewlenija tas-sigurtà tal-enerġija għaċ-ċittadini u għas-sistema tal-enerġija kollha kemm hi. Sors ieħor dejjem jikber ta’ domanda għat-tkessiħ huwa ċ-ċentri tad-data. Sabiex l-UE tilħaq l-objettivi tagħha tas-sigurtà tal-enerġija, l-affordabbiltà, il-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni, huwa urġenti li jiġu indirizzati l-ineffiċjenzi tas-sistema tal-enerġija u nuqqasijiet oħra, tiġi eliminata l-ħela tal-enerġija u tiżdied l-integrazzjoni intelliġenti bejn is-setturi tat-tisħin u tat-tkessiħ u tal-enerġija. Il-leġiżlazzjoni tal-UE maqbula reċentement tista’ tipprovdi soluzzjonijiet għal ħafna mill-isfidi tad-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ. Madankollu, biex l-implimentazzjoni tkun effettiva u f’waqtha se jkun meħtieġ appoġġ konsiderevoli fil-livell nazzjonali u lokali minħabba l-kumplessità tal-kwistjonijiet, l-interkonnessjonijiet bejn l-istrumenti ta’ politika u l-importanza tal-aspett lokali. Din il-leġiżlazzjoni jaf tirrikjedi kjarifika ulterjuri, razzjonalizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet u gwida biex jiġu żgurati l-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija, l-interkonnessjonijiet, is-sinerġiji rapidi f’oqsma ta’ politika u f’livelli ta’ governanza differenti sabiex tiġi aċċellerata d-dekarbonizzazzjoni affordabbli tat-tisħin u tat-tkessiħ. Barra minn hekk, mingħajr sforzi addizzjonali, firxa ta’ ostakli jaf ikomplu jxekklu d-dekarbonizzazzjoni. Dawn huma relatati mal-finanzjament (eż. kostijiet għoljin bil-quddiem jew kostijiet operattivi għoljin minħabba l-proporzjon mhux favorevoli tal-prezz tal-gass imqabbel ma’ dak tal-elettriku, il-ħtieġa għat-tneħħija tar-riskji); mal-infrastruttura (l-integrazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ mal-infrastruttura tal-elettriku u tal-gass, il-varar ta’ teknoloġiji ċentrali bħall-ħżin termali, il-kumplessità teknika u amministrattiva tat-tisħin distrettwali effiċjenti, l-impatt tat-tkessiħ fuq is-sistema tal-enerġija); mal-ktajjen tal-valur (appoġġ għall-manifattura Ewropea, ħiliet, inċentivi għall-manifatturi u għall-installaturi, esperjenza tal-konsumaturi diffiċli); u mal-imġiba (sensibilizzazzjoni, mudelli ġodda tan-negozju, soluzzjonijiet kollettivi innovattivi bħall-komunitajiet tas-sħana rinnovabbli). Hija meħtieġa enfasi speċifika biex jiġu indirizzati l-ostakli li jxekklu l-użu mill-ġdid tas-sħana mormija, peress li din tal-aħħar hija ekwivalenti għal kważi 30 % tad-domanda totali għall-enerġija fl-UE. Bl-istess mod, jista’ jkun hemm ostakli għall-varar ta’ tagħmir tat-tkessiħ effiċjenti minħabba s-sikurezza jew restrizzjonijiet oħra relatati mal-bini fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali li ma jqisux il-progress teknoloġiku tat-tagħmir tat-tkessiħ. |
|
Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà) |
|
L-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi l-bażi għall-azzjoni tal-UE biex, fost affarijiet oħra, “tassigura s-sigurtà tal-provvista tal-energija fl-Unjoni” u “tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu tal-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli”. L-Artikolu 192 tat-TFUE jipprovdi wkoll il-bażi legali għad-deċiżjoni dwar azzjonijiet skont il-politika tal-UE dwar l-ambjent. |
|
Bażi legali |
|
L-Artikolu 194 tat-TFUE |
|
Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE |
|
Id-dekarbonizzazzjoni aċċellerata kosteffiċjenti u effiċjenti fl-użu tal-enerġija tat-tisħin u tat-tkessiħ f’sistema tal-enerġija iktar integrata ma tistax tinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom. Minħabba li l-kundizzjonijiet klimatiċi fit-territorju tal-UE qed jisħnu d-doppju tal-medja globali, il-ħolqien ta’ infrastruttura tat-tkessiħ fil-bliet ukoll se jkun essenzjali għas-saħħa taċ-ċittadini u biex jiġi limitat l-impatt ekonomiku tal-mewġiet tas-sħana. Huwa meħtieġ approċċ tal-UE biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, jipprovdi l-għodod u l-gwida t-tajba lill-Istati Membri b’sitwazzjonijiet nazzjonali diversi biex jaċċellera, b’mod ikkoordinat, it-tranżizzjoni tal-enerġija lejn sistema tal-enerġija iktar nadifa, iktar integrata u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Strateġija dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ fil-livell tal-UE se tikkontribwixxi biex tiġi indirizzata din l-isfida. L-ekonomiji ta’ skala fit-teknoloġiji tal-enerġija jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ approċċ komuni fil-livell tal-UE li jwassal għal regoli omoġenji. |
|
B. X’objettivi għandha l-inizjattiva u kif se tiksibhom? |
|
L-Istrateġija dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ għandha l-għan li tikseb tranżizzjoni kosteffettiva lejn tisħin u tkessiħ nodfa billi żżid l-effiċjenza enerġetika inkluż permezz ta’ integrazzjoni aħjar tas-sistema, filwaqt li tiżgura l-affordabbiltà tal-provvista tat-tisħin u tat-tkessiħ — fil-biċċa l-kbira ddominata mill-fjuwils fossili importati. Se tappoġġa l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ politika wiesa’ adottat reċentement. Dan huwa meħtieġ fil-livell nazzjonali u lokali minħabba l-kumplessità tal-kwistjonijiet, l-interkonnessjonijiet bejn l-istrumenti ta’ politika u l-prevalenza tad-dimensjoni lokali. L-aċċellerazzjoni tad-dekarbonizzazzjoni affordabbli tat-tisħin u tat-tkessiħ u l-integrazzjoni intelliġenti fis-settur tal-effiċjenza enerġetika u tas-soluzzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni jaf jirrikjedu kjarifika ulterjuri, razzjonalizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet u gwida biex jiġu żgurati l-interkonnessjonijiet, it-tħaffif u sinerġiji aħjar fl-oqsma ta’ politika u fil-livelli ta’ governanza kollha. L-Istrateġija għandha wkoll l-għan li tindirizza l-ostakli li ma jintlaħqux direttament mill-leġiżlazzjoni l-ġdida u li jirrikjedu sforzi addizzjonali biex jingħelbu. Dawn jinkludu ostakli finanzjarji, ostakli maħluqa mill-ippjanar u mill-iżvilupp tal-infrastruttura u sfidi biex tiġi inċentivata d-domanda u jiġi ssimplifikat l-aċċess tal-konsumaturi għal soluzzjonijiet effiċjenti u affordabbli, biex jiġi indirizzat il-faqar enerġetiku fis-sajf u fix-xitwa, u biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ professjonisti mħarrġin billi tiżdied l-attraenza ta’ dan is-settur. L-Istrateġija se tinkludi azzjonijiet mhux leġiżlattivi u speċifiċi fil-livell tas-sistema biex taġixxi fuq strumenti ta’ effiċjenza bħall-ippjanar u t-tisħin distrettwali; min-naħa tal-provvista biex jiġi aċċellerat il-varar tas-sħana u tal-kesħa nodfa u l-użu mill-ġdid tas-sħana mormija, u min-naħa tad-domanda fuq inċentivi u sfidi għal każijiet ta’ użu speċifiċi, mill-binjiet għas-sħana industrijali. |
|
Impatti probabbli |
|
Il-ksib tal-objettiv ewlieni li tinkiseb dekarbonizzazzjoni affordabbli, reżiljenti u nadifa tat-tisħin u tat-tkessiħ ikollha l-impatti pożittivi li ġejjin: - Tnaqqis tal-konsum tal-fjuwils fossili, inqas importazzjonijiet, sigurtà akbar tal-enerġija u inqas dipendenza fuq fatturi ġeopolitiċi; - Enerġija iktar affordabbli għall-konsumaturi — l-unitajiet domestiċi u n-negozji; - Kwalità tal-arja mtejba għaċ-ċittadini tal-UE minn tnaqqis fl-użu tal-fjuwil solidu u żieda fil-kwalità tal-fjuwils tal-bijomassa solida flimkien ma’ stufi tal-kombustjoni aħjar; - Effiċjenza akbar tas-sistema tal-enerġija, li tirrikjedi inqas inputs biex jiġi ġġenerat l-istess ammont ta’ enerġija, speċifikament permezz tal-użu mill-ġdid tas-sħana mormija biex jinkiseb l-objettiv ta’ 11 % biex id-domanda għas-sħana tal-UE tkun koperta mis-sħana mormija; - Sistema tal-elettriku iktar flessibbli u reżiljenti li trażżan il-kostijiet tas-sistema u l-kontijiet tal-konsumaturi; - Opportunitajiet biex jiġu stabbiliti ktajjen tal-valur estiżi fl-UE għat-teknoloġiji meħtieġa; - Innovazzjoni fil-proċessi industrijali li twassal għal iktar effiċjenza u għal kompetittività akbar; - Iktar investimenti fil-manifattura u fil-varar tal-enerġija nadifa. |
|
Monitoraġġ futur |
|
Hemm żewġ aspetti rilevanti għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva: - Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-diversi azzjonijiet, li jridu jitwettqu mid-diversi partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE; - Il-monitoraġġ tal-iżviluppi tal-indikaturi ewlenin differenti, b’mod partikolari s-sehem tal-użu tal-enerġija rinnovabbli fit-tisħin u fit-tkessiħ, is-sehem tal-irkupru tas-sħana mormija u indikaturi oħra tal-effiċjenza enerġetika. |
|
C. Regolamentazzjoni aħjar |
|
Valutazzjoni tal-impatt |
|
Din l-inizjattiva tistabbilixxi approċċ ta’ politika ġenerali mingħajr impenn għal azzjonijiet li jmorru lil hinn mill-implimentazzjoni aċċellerata tal-leġiżlazzjoni eżistenti. Għalhekk, mhux qed titwettaq valutazzjoni tal-impatt biex tappoġġa t-tħejjija tagħha. |
|
Strateġija ta’ konsultazzjoni |
|
L-attività ewlenija ta’ konsultazzjoni se tkun konsultazzjoni pubblika miftuħa online li ddum 12-il ġimgħa, imnedija fl-istess żmien flimkien ma’ din is-Sejħa għal Evidenza, li għaliha jistgħu jikkontribwixxu ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet kollha. Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa se tkun disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni “Semma’ leħnek”. Rapport fil-qosor se jiġi ppubblikat hemmhekk wara li tkun tlestiet il-konsultazzjoni. |
|
Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni? |
|
L-għan tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa online hu li jinġabar feedback mill-Istati Membri, mill-partijiet ikkonċernati u miċ-ċittadini dwar l-ambitu u l-kontenut proposti tal-istrateġija, kif ukoll dwar elementi addizzjonali li l-istrateġija għandha tkopri. |
|
Udjenza fil-mira |
|
It-tisħin u t-tkessiħ nodfa huma rilevanti għal għadd kbir ħafna ta’ partijiet ikkonċernati fl-UE. Dan jinkludi l-konsumaturi kollha tal-enerġija għat-tisħin u għat-tkessiħ tal-post u għall-proċessi industrijali — mill-unitajiet domestiċi u s-sidien tal-binjiet kollettiv, inkluż l-awtoritajiet pubbliċi u n-negozji, għall-utenti industrijali tas-sħana jew tal-kesħa tal-proċess f’setturi differenti; il-fornituri tas-sħana u l-operaturi tat-tisħin u tat-tkessiħ distrettwali, il-manifatturi tat-tagħmir u tal-apparati jew tal-materjali tal-kostruzzjoni, l-iżviluppaturi tal-proġetti jew l-impriżi relatati mal-ippjanar, il-varar jew l-integrazzjoni tal-installazzjonijiet tat-tisħin u tat-tkessiħ; l-arkitetti u l-kumpaniji fis-settur tal-bini; il-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija; l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi; l-organizzazzjonijiet mhux governattivi; l-organizzazzjonijiet u l-individwi tar-riċerka u tal-innovazzjoni li jipproduċu jew li jikkonsmaw is-sħana u l-kesħa jew sempliċiment interessati fiha; iċ-ċittadini tal-UE minħabba l-impatt qawwi tat-tisħin residenzjali fuq il-kwalità tal-arja. |