Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C(2023)1202

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../... dwar proġett pilota għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva relatati mal-professjonijiet regolati stabbiliti fid-Direttivi 2005/36/KE u (UE) 2018/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u għall-integrazzjoni tal-bażi tad-data tal-professjonijiet regolati f’dik is-sistema

C/2023/1202 final

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...

ta’ 24.2.2023

dwar proġett pilota għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni amministrattiva relatati mal-professjonijiet regolati stabbiliti fid-Direttivi 2005/36/KE u (UE) 2018/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u għall-integrazzjoni tal-bażi tad-data tal-professjonijiet regolati f’dik is-sistema

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tiegħu,

Billi:

(1)Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 hija applikazzjoni tas-software online żviluppata mill-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, sabiex tgħin lill-Istati Membri jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-iskambju tal-informazzjoni stabbiliti fl-atti tal-Unjoni billi tipprovdi mekkaniżmu ċentralizzat ta’ komunikazzjoni li jiffaċilita l-iskambju transfruntier tal-informazzjoni u l-assistenza reċiproka.

(2)Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 jippermetti lill-Kummissjoni twettaq proġetti pilota biex tivvaluta jekk l-IMI tkunx strument effettiv fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet għall-kooperazzjoni amministrattiva stabbiliti f’atti tal-Unjoni li ma humiex elenkati fl-Anness ta’ dak ir-Regolament.

(3)Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 tipprevedi r-rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki professjonali ta’ għadd limitat ta’ professjonijiet abbażi ta’ kundizzjonijiet minimi armonizzati ta’ taħriġ, u r-rikonoxximent awtomatiku ta’ kwalifiki professjonali ta’ għadd limitat ta’ professjonijiet fis-snajja’, fil-kummerċ u fl-industrija abbażi tal-esperjenza professjonali, u sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali. Din tistabbilixxi wkoll regoli għall-forniment temporanju u okkażjonali bla ħlas ta’ servizzi. F’konformità mal-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2005/36/KE, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi u żżomm bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku ta’ professjonijiet regolati, li tinkludi deskrizzjoni ġenerali tal-attivitajiet koperti minn kull professjoni regolata.

(4)L-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2005/36/KE jipprevedi l-Istati Membri kellhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni lista tal-professjonijiet regolati eżistenti, filwaqt li jispeċifikaw l-attivitajiet koperti minn kull professjoni; lista ta’ edukazzjoni u taħriġ regolati; u ta’ taħriġ bi struttura speċjali, fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, sat-18 ta’ Jannar 2016. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ukoll kwalunkwe bidla f’dawk il-listi mingħajr dewmien żejjed.

(5)L-Artikolu 59(2) tad-Direttiva 2005/36/KE jipprevedi li sat-18 ta’ Jannar 2016, l-Istati Membri kellhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-lista ta’ professjonijiet li għalihom huma meħtieġa kontrolli minn qabel tal-kwalifiki f’konformità mal-Artikolu 7(4) ta’ dik id-Direttiva.

(6)Skont l-Artikolu 59(3) u (5) tad-Direttiva 2005/36/KE, l-Istati Membri huma meħtieġa jeżaminaw jekk ir-rekwiżiti eżistenti tagħhom għall-professjonijiet regolati humiex kompatibbli mal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità, u sat-18 ta’ Jannar 2016, l-Istati Membri kellhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar dawk ir-rekwiżiti u r-raġunijiet għaliex iqisu li dawk ir-rekwiżiti kienu nondiskriminatorji u proporzjonati. Fi żmien 6 xhur minn meta jadottaw miżura li sussegwentement tintroduċi rekwiżit ġdid jew tagħmel bidliet f’dawk eżistenti, l-Istati Membri huma meħtieġa wkoll jipprovdu informazzjoni dwar ir-rekwiżiti u r-raġunijiet għaliex iqisu li dawk ir-rekwiżiti huma nondiskriminatorji u proporzjonati.

(7)L-Artikolu 59(6) jipprevedi li l-Istati Membri jridu jirrapportaw lill-Kummissjoni kull sentejn dwar ir-rekwiżiti li jkunu tneħħew jew li jkunu saru inqas stretti. L-Artikolu 59(7), l-ewwel sentenza, jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-rapporti tal-Istati Membri l-oħra fi żmien 6 xhur minn meta jirċievu dawn ir-rapporti mill-Kummissjoni.

(8)Id-Direttiva (UE) 2018/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 tistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-proporzjonalità mill-Istati Membri qabel ma jintroduċu regoli ġodda jew jemendaw ir-regoli eżistenti li jirrestrinġu l-aċċess għall-professjonijiet regolati jew l-eżerċitar tagħhom. L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2018/958 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 59(5) tad-Direttiva 2005/36/KE, id-dispożizzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva (UE) 2018/958, u r-raġunijiet tagħhom biex iqisu li dawk id-dispożizzjonijiet huma ġġustifikati u proporzjonati. Dawk il-komunikazzjonijiet għandhom jiġu rreġistrati mill-Istati Membri fil-bażi tad-data tal-professjonijiet regolati msemmija fl-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2005/36/KE u jsiru disponibbli għall-pubbliku mill-Kummissjoni.

(9)L-Artikolu 10 tad-Direttiva (UE) 2018/958 jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jinkoraġġixxu l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet koperti minn dik id-Direttiva, dwar il-mod partikolari kif jirregolaw il-professjonijiet, u dwar l-effetti ta’ tali regolamentazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita tali skambji ta’ informazzjoni.

(10)L-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2005/36/KE jirrikjedi li l-Istati Membri jibagħtu rapporti lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva, li jinkludu osservazzjonijiet ġenerali, sommarju statistiku tad-deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent meħuda u deskrizzjoni tal-problemi ewlenin li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

(11)Jekk ikun teknikament u legalment possibbli, għal raġunijiet ta’ effiċjenza, ikun xieraq li sistemi tal-IT differenti tal-Kummissjoni jiġu integrati f’waħda. L-IMI diġà tappoġġa l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali għat-talba għal informazzjoni għal assistenza reċiproka skont l-Artikolu 56(2a) tad-Direttiva 2005/36/KE u t-trażmissjoni ta’ twissijiet skont l-Artikolu 56a ta’ dik id-Direttiva, kif ukoll il-proċedura tal-Karta Professjonali Ewropea stabbilita fl-Artikoli 4a sa 4e tad-Direttiva 2005/36/KE. Għalhekk, l-integrazzjoni tal-bażi tad-data tal-professjonijiet regolati fl-IMI jenħtieġ li tkun soġġetta għal proġett pilota.

(12)L-IMI tista’ potenzjalment tkun għodda effettiva għall-integrazzjoni tal-bażi tad-data tal-professjonijiet regolati, biex jiġi ffaċilitat l-għoti ta’ informazzjoni u r-rapportar mill-Istati Membri dwar il-professjonijiet regolati u biex jiġu implimentati l-obbligi ta’ trasparenza tal-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 59(1), (2), (5) u (6), fl-Artikolu 59(7), l-ewwel sentenza, u fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2005/36/KE, kif ukoll l-obbligi ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2018/958. Għaldaqstant, dawk id-dispożizzjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għal proġett pilota skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012.

(13)Sabiex jiżguraw li jissodisfaw l-obbligi ta’ trasparenza tagħhom skont id-Direttivi 2005/36/KE u (UE) 2018/958, l-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli biex jinnotifikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 59(1), (2), (5) u (6), fl-Artikolu 59(7), l-ewwel sentenza, u fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2005/36/KE, u fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2018/958. Dan ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jaħtru għal dak il-għan l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(d), u fl-Artikolu 56(3) tad-Direttiva 2005/36/KE, u ċ-ċentri ta’ assistenza msemmija fl-Artikolu 57b ta’ dik id-Direttiva.

(14)In-notifiki fl-IMI huma proċeduri b’żewġ passi. L-ewwel, l-awtoritajiet kompetenti jibdew notifika u jippreżentawha lill-koordinatur tagħhom fl-Istat Membru tagħhom. It-tieni, il-koordinaturi fl-Istati Membri għandhom japprovaw in-notifiki qabel ma jippreżentawhom lill-Kummissjoni. Għal dik ir-raġuni, l-Istati Membri jenħtieġ li jinnominaw koordinaturi fl-IMI. Sabiex tiġi żgurata l-flessibbiltà meħtieġa, jenħtieġ li jkun possibbli li l-awtoritajiet kompetenti jiġu assenjati wkoll il-kompiti ta’ koordinaturi.

(15)Ir-regolamentazzjoni tal-professjonijiet mill-Istati Membri jeħtieġ li tkun konformi mad-dritt applikabbli tal-Unjoni, u jeħtieġ li jkun hemm disponibbli informazzjoni aġġornata dwar il-professjonijiet regolati kemm pubblikament kif ukoll fl-IMI biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. Fl-istess ħin, l-Istati Membri jeħtieġ li jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi ta’ notifika tagħhom b’mezzi elettroniċi bl-użu tal-IMI, li jenħtieġ li tipprovdi l-funzjonalità teknika kollha meħtieġa għal dak il-għan.

(16)Sabiex tittejjeb it-trasparenza u jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, l-IMI jenħtieġ li tipprovdi funzjonalità teknika għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar il-professjonijiet regolati lis-sit web pubbliku ddedikat għall-professjonijiet regolati, inkluż ir-riżultat tat-test tal-proporzjonalità; id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuni ta’ kuntatt, tal-awtoritajiet kompetenti u taċ-ċentri ta’ assistenza; u l-istatistika u r-rapporti.

(17)Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni dwar il-professjonijiet regolati, l-IMI jenħtieġ li tipprovdi funzjonalità teknika għar-reġistrazzjoni tad-data personali ta’ persuni ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-professjonijiet regolati fl-Istati Membri. Il-persuni ta’ kuntatt jenħtieġ li l-ewwel jagħtu l-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom permezz ta’ formola ta’ kunsens. L-atturi tal-IMI jenħtieġ li jirreġistraw fl-IMI d-dettalji ta’ kuntatt kif ukoll il-formola ta’ kunsens iffirmata mill-persuni ta’ kuntatt.

(18)Skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012, il-Kummissjoni trid tippreżenta evalwazzjoni tal-eżitu tal-proġett pilota lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Huwa xieraq li tiġi speċifikata d-data sa meta dik l-evalwazzjoni trid tiġi ppreżentata. Id-dati sa meta għandhom jiġu ppreżentati r-rapporti li jmiss skont l-Artikolu 60(2) tad-Direttiva 2005/36/KE u l-Artikolu 12 tad-Direttiva (UE) 2018/958 ikunu kmieni wisq biex jiġi evalwat l-eżitu tal-proġett pilota. Għalhekk huwa xieraq li d-data tal-31 ta’ Diċembru 2025 tiġi stabbilita bħala l-iskadenza għar-rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-eżitu tal-proġett pilota.

(19)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 , u ta l-opinjoni tiegħu fit-12 ta’ Diċembru 2022.

(20)Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1
Il-proġett pilota

1.Għandu jitwettaq proġett pilota biex jiġi vvalutat jekk is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“IMI”) tkunx għodda effettiva għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ notifika stabbiliti fl-Artikolu 59(1), (2), (5) u (6), fl-Artikolu 59(7), l-ewwel sentenza, u fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2005/36/KE, u fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2018/958, u għall-integrazzjoni tal-bażi tad-data tal-professjonijiet regolati msemmija fl-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2005/36/KE fl-IMI.

2.Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, ir-rapportar, il-komunikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u l-għoti ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 59(1), (5) u (6), l-Artikolu 59(7), l-ewwel sentenza, u l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2005/36/KE, u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2018/958 għandhom jissejħu “notifiki”.

Artikolu 2
Awtoritajiet kompetenti

1.L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli għan-notifika tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 59(1), (2), (5), u (6), fl-Artikolu 59(7), l-ewwel sentenza, u fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2005/36/KE, u fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2018/958.

2.L-awtoritajiet maħtura skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jitqiesu bħala awtoritajiet kompetenti skont it-tifsira tal-Artikolu 5, it-tieni paragrafu, il-punt (f), tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012.

Artikolu 3
Koordinatur

1.Kull Stat Membru għandu jassenja l-kompitu ta’ koordinazzjoni tan-notifiki lil awtorità kompetenti waħda jew aktar (“il-koordinaturi”).

2.Il-koordinaturi għandhom jiżguraw li n-notifiki jiġu approvati u jintbagħtu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.

3.Awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 2 tista’ tiġi maħtura wkoll bħala koordinatur.

Artikolu 4
Kooperazzjoni amministrattiva 

Għall-finijiet tal-Artikolu 59(1), (2), (5) u (6), l-Artikolu 59(7), l-ewwel sentenza, u l-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2005/36/KE, u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2018/958, l-IMI għandha tipprovdi tal-anqas il-funzjonalitajiet tekniċi li ġejjin:

(a)in-notifika ta’ informazzjoni dwar il-professjonijiet regolati, inklużi l-attivitajiet koperti minn kull professjoni, edukazzjoni u taħriġ regolati, u taħriġ bi struttura speċjali, u kwalunkwe bidla għal dik l-informazzjoni;

(b)in-notifika tar-rekwiżiti eżistenti li jirrestrinġu l-aċċess għall-professjonijiet regolati jew l-eżerċitar tagħhom u r-raġunijiet għaliex jitqies li dawk ir-rekwiżiti jikkonformaw mal-Artikolu 59(3) tad-Direttiva 2005/36/KE, u kwalunkwe bidla għal dawk ir-rekwiżiti;

(c)in-notifika ta’ rekwiżiti ġodda jew emendati li jirrestrinġu l-aċċess għal professjoni regolata jew l-eżerċitar tagħha, flimkien mad-dispożizzjonijiet li jintroduċu jew li jemendaw ir-rekwiżiti, li għandhom jiġu vvalutati f’konformità mad-Direttiva (UE) 2018/958, ir-raġunijiet għaliex tali dispożizzjonijiet huma meqjusin iġġustifikati u proporzjonati, u kwalunkwe bidla għal dawk ir-rekwiżiti;

(d)ir-rapportar dwar ir-rekwiżiti li jkunu tneħħew jew li jkunu saru inqas stretti skont l-Artikolu 59(6) tad-Direttiva 2005/36/KE;

(e)il-kummenti dwar in-notifiki msemmija fil-punti (a) sa (d);

(f)l-approvazzjoni tan-notifiki msemmija fil-punti (a) sa (d) mill-koordinatur fl-Istat Membru u t-trażmissjoni tagħhom lill-Kummissjoni;

(g)l-iffaċilitar tal-evalwazzjoni tal-azzjonijiet proċedurali u tat-teħid tagħhom mill-Kummissjoni fir-rigward tan-notifiki msemmija fil-punti (a) sa (d);

(h)l-għoti ta’ tweġiba mill-Istat Membru notifikanti għall-azzjonijiet proċedurali tal-Kummissjoni msemmija fil-punt (g);

(i)ir-reġistrazzjoni ta’ verżjonijiet differenti tan-notifiki stabbiliti fil-punti (a) sa (d);

(j)ir-reġistrazzjoni ta’ data statistika bbażata fuq id-deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent mill-Istati Membri dwar professjonisti li jkunu qed ifittxu li jistabbilixxu ruħhom barra mill-pajjiż jew li jipprovdu servizzi fuq bażi temporanja u okkażjonali, biex tiġi ffaċilitata t-tħejjija tar-rapporti msemmija fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2005/36/KE;

(k)il-provvediment ta’ formola ta’ kunsens għall-persuna ta’ kuntatt li d-data personali tagħha tkun se tiġi rreġistrata fl-IMI u trażmessa lis-sit web pubbliku;

(l)l-aġġornament tan-notifiki;

(m)il-provvediment ta’ repożitorju għall-informazzjoni notifikata dwar il-professjonijiet regolati biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti maħtura kollha rreġistrati fl-IMI għal moduli li jikkonċernaw ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali jkunu jistgħu jivverifikaw ir-rekwiżiti għall-professjonijiet regolati direttament fl-IMI;

(n)il-provvediment ta’ repożitorju għall-informazzjoni notifikata dwar l-awtoritajiet kompetenti, iċ-ċentri ta’ assistenza u r-rapporti kif imsemmi fl-Artikolu 59(2), (5) u (6), u fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2005/36/KE;

(o)it-trażmissjoni ta’ dan li ġej lis-sit web pubbliku:

(i)    informazzjoni dwar il-professjonijiet regolati, inklużi r-riżultati tal-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità;

(ii)    id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuni ta’ kuntatt, tal-awtoritajiet kompetenti u taċ-ċentri ta’ assistenza;

(iii)    data għall-istatistika dwar id-deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent li jikkonċernaw professjonisti li jkunu qed ifittxu li jistabbilixxu ruħhom barra mill-pajjiż jew li jipprovdu servizzi fuq bażi temporanja u okkażjonali;

(iv)    ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 59(2), (5) u (6) u fl-Artikolu 60(1) tad-Direttiva 2005/36/KE.

Artikolu 5
Protezzjoni tad-data

1.Kwalunkwe informazzjoni li jkun fiha data personali rreġistrata fl-IMI jew skambjata permezz tagħha għandha tiġi pproċessata fl-IMI f’konformità mal-Artikoli 14 sa 17 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012.

2.F’konformità mal-Artikolu 6(1)(e), tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , l-Istati Membri jistgħu, fit-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku, jiddeċiedu li jipprovdu dettalji ta’ kuntatt li jkun fihom id-data personali ta’ persuna ta’ kuntatt għall-fini tal-funzjonalità teknika msemmija fl-Artikolu 4, il-punt (o), ta’ din id-Deċiżjoni,

Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jipprovdu data personali tal-persuna ta’ kuntatt, l-informazzjoni li ġejja għandha tiġi rreġistrata u trażmessa lis-sit web pubbliku ddedikat għall-professjonijiet regolati:

(i)    l-isem;

(ii)    il-kunjom;

(iii)    l-indirizz tal-posta elettronika;

(iv)    in-numru tat-telefon;

(v)    l-isem tal-awtorità kompetenti li magħha taħdem il-persuna;

(vi)    il-lingwi mitkellma.

3.Il-persuni ta’ kuntatt li d-data personali tagħhom tiġi rreġistrata u trażmessa skont dan l-Artikolu għandhom jipprovdu kunsens espliċitu għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom permezz tal-formola ta’ kunsens, li għandha tittella’ fl-IMI.

Artikolu 6
Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-evalwazzjoni tal-eżitu tal-proġett pilota lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif meħtieġ mill-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012 sal-31 ta’ Diċembru 2025.

Artikolu 7
Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 24.2.2023

   Għall-Kummissjoni

   Il-President
   Ursula VON DER LEYEN

(1)    ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1.
(2)    Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).
(3)    Id-Direttiva (UE) 2018/958 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 dwar test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni ġdida tal-professjonijiet (ĠU L 173, 9.7.2018, p. 25).
(4)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(5)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
Top