|
SEJĦA GĦAL EVIDENZA GĦAL VALUTAZZJONI TAL-IMPATT |
|
|
Dan id-dokument għandu l-għan li jgħarraf lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar il-ħidma tal-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu feedback dwar l-inizjattiva maħsuba u jipparteċipaw b’mod effettiv f’attivitajiet ta’ konsultazzjoni. Nitolbu lil dawn il-gruppi biex jipprovdu opinjonijiet dwar kif il-Kummissjoni tinterpreta l-problema u s-soluzzjonijiet possibbli, u biex jagħtuna kull informazzjoni rilevanti li jista’ jkollhom, inkluż dwar l-impatti possibbli tal-opzjonijiet differenti. |
|
|
Titolu tal-inizjattiva |
It-tikkettar tal-enerġija tal-emittenti tas-sħana b’temperatura baxxa |
|
DĠ ewlieni (unità responsabbli) |
DĠ ENER, B.3 – Bini u Prodotti |
|
Tip probabbli ta’ inizjattiva |
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (it-tikkettar tal-enerġija) |
|
Skeda taż-żmien indikattiva |
Adozzjoni mistennija sar-raba’ trimestru tal-2026 |
|
Informazzjoni addizzjonali |
https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13998-It-tikkettar-tal-energija-tal-emittenti-tas-s%C4%A7ana-btemperatura-baxxa_mt |
|
Dan id-dokument huwa biss għal finijiet ta’ informazzjoni. Ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar jekk din l-inizjattiva hijiex se tiġi segwita jew dwar il-kontenut finali tagħha. L-elementi kollha tal-inizjattiva deskritti f’dan id-dokument, inkluż it-twaqqit tagħha, huma soġġetti għal tibdil. |
|
|
A. Kuntest politiku, definizzjoni tal-problema u analiżi tas-sussidjarjetà |
|
Kuntest politiku |
|
L-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija jgħinu biex jitwettqu l-Patt għal Industrija Nadifa u l-Pjan ta’ Azzjoni għal Enerġija Affordabbli. L-ekodisinn ilu jappoġġa ekonomija ċirkolari u saħħaħ is-suq uniku tal-UE għall-prodotti relatati mal-enerġija. L-implimentazzjoni tiegħu raħħset b’mod sinifikanti l-kontijiet tal-enerġija tal-konsumaturi u tejbet is-sigurtà tal-enerġija tal-UE billi naqqset il-konsum ta’ enerġija primarja u d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet. Ikkontribwiet ukoll għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u dan wassal biex it-tibdil fil-klima jittaffa b’mod kosteffettiv peress li l-ispejjeż relatati mal-enerġija evitati jisbqu l-investimenti meħtieġa. Il-pjan ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija għall-perjodu 2025–2030 1 jinkludi emittenti tas-sħana b’temperatura baxxa bħala grupp ta’ prodotti relatat mal-enerġija riportat mill-pjan ta’ ħidma preċedenti. Huwa maħsub li dan il-grupp ta’ prodotti għandu potenzjal kbir ta’ ffrankar tal-enerġija (madwar 40 TWh ta’ konsum ta’ enerġija primarja fl-2030), li huwa importanti għall-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni u sinifikanti għad-dekarbonizzazzjoni tal-bini. |
|
Problema li l-inizjattiva timmira li tindirizza |
|
Fl-ambjent mibni, l-ogħla volum ta’ enerġija jintuża għat-tisħin tal-post, li fl-2020 ammonta għal madwar 1,510 TWh 2 ta’ konsum annwali ta’ enerġija primarja fl-UE. L-emittenti tas-sħana idroniċi (magħrufa l-aktar bħala radjaturi) huma kruċjali. Dawn jinfluwenzaw bil-kbir kemm it-temperaturi tas-sistema jistgħu jitnaqqsu mingħajr ma jiġi kompromess it-tisħin adegwat tal-bini. Temperatura aktar baxxa tas-sistema tippermetti effiċjenza staġonali tal-ġeneratur tas-sħana ogħla. L-emittenti b’temperatura baxxa huma emittenti tas-sħana idroniċi li, f’temperatura tas-sistema baxxa, jarmu ferm aktar sħana mir-radjaturi tradizzjonali b’dimensjonijiet simili. L-użu ta’ emittenti b’temperatura baxxa flimkien ma’ bojlers tal-kondensazzjoni jista’ jwassal għal iffrankar tal-enerġija li jlaħħaq mal-5 %. L-użu ta’ emittenti b’temperatura baxxa flimkien ma’ pompi tas-sħana jista’ jwassal għal iffrankar tal-enerġija ta’ aktar minn 50 %, skont it-temperatura inizjali tas-sistema. Għalhekk, l-emittenti b’temperatura baxxa jiddeterminaw kif il-pompi tas-sħana (ibridi) jistgħu jintużaw f’bini eżistenti b’mod finanzjarjament vijabbli. Bħalissa ftit li xejn hawn għarfien dwar il-potenzjal ta’ ffrankar mill-użu ta’ emittenti b’temperatura baxxa f’bini eżistenti. L-użi attwali tal-emittenti b’temperatura baxxa jiddependu prinċipalment fuq l-għarfien u l-motivazzjoni tal-installatur responsabbli mill-proġett ta’ rinnovazzjoni/sostituzzjoni. L-emittenti b’temperatura baxxa mhumiex regolati skont id-Direttiva 2009/125/KE dwar l-Ekodisinn jew ir-Regolament (UE) 2017/1369 dwar il-Qafas fir-rigward tat-Tikkettar tal-Enerġija. Id-Direttiva (UE) 2024/1275 dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija 3 (EPBD, Energy Performance of Buildings Directive) tindirizza l-vantaġġi tas-sistemi tat-tisħin b’temperatura baxxa għas-suq tar-rinnovazzjoni iżda ma tipprovdix l-informazzjoni jew l-għodod meħtieġa biex jiġi vvalutat il-potenzjal speċifiku għall-każ tal-emittenti b’temperatura baxxa. Dan iħajjar lil dak li jkun jesplora l-possibbiltà li jiġu żviluppati metriċi tal-effiċjenza, standards tal-ittestjar u tikkettar tal-enerġija xierqa biex id-disinjaturi tas-sistema, l-assessuri tal-EPC, l-installaturi u l-konsumaturi jiġu infurmati kif xieraq. |
|
Bażi għall-azzjoni tal-UE (bażi legali u analiżi tas-sussidjarjetà) |
|
Bażi legali |
|
Ir-Regolament (UE) 2017/1369 dwar it-Tikkettar tal-Enerġija huwa msejjes fuq l-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) 4 , li jipprovdi bażi legali biex kull miżura “tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija”. Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament dwar it-Tikkettar tal-Enerġija, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tistabbilixxi rekwiżiti ta’ tikkettar relatati mal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti relatati mal-enerġija sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar ix-xiri billi jqabblu prodotti differenti. |
|
Ħtieġa prattika li tittieħed azzjoni tal-UE |
|
Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-UE, xi Stati Membri jaf ikollhom ix-xewqa li jistabbilixxu r-regoli tagħhom għall-emittenti b’temperatura baxxa. Dawn x’aktarx ikunu differenti għal kull Stat Membru minħabba l-kumplessità tal-aspetti tekniċi, b’hekk ifixklu l-funzjonament tas-suq intern. L-azzjoni tal-UE tista’ tirriżulta f’approċċ uniformi fis-suq uniku kollu li jgħin biex jonqsu l-ispejjeż u jiġi sfruttat il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija tal-emittenti b’temperatura baxxa. |
|
B. Objettivi u opzjonijiet ta’ politika |
|
L-objettiv ewlieni huwa li jiġu stabbiliti rekwiżiti fil-livell tal-UE li jipprovdu informazzjoni lill-konsumaturi u jwassluhom biex jużaw l-emittenti b’temperatura baxxa aħjar ħalli jiksbu ffrankar kosteffettiv tal-enerġija u jnaqqsu l-impatti ambjentali l-oħra, fosthom l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Il-valutazzjoni tal-impatt se teżamina l-aspetti ġejjin: ·Il-metriċi u l-istandards tal-ittestjar biex jikkaratterizzaw aħjar l-emittenti b’temperatura baxxa u jagħmlu distinzjoni bejniethom. ·L-effetti tas-sostituzzjoni bikrija tal-emittenti tas-sħana standard fl-istokk tal-bini eżistenti. ·L-aspetti relatati mal-effiċjenza tal-materjali u l-ekonomija ċirkolari. Din il-valutazzjoni tindirizza mill-inqas l-opzjonijiet ta’ politika li ġejjin. 1.L-ebda azzjoni min-naħa tal-UE (is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi). 2.Ftehimiet volontarji. 3.L-implimentazzjoni tat-tikkettar tal-enerġija għall-emittenti b’temperatura baxxa, bi skali differenti għal tipi differenti ta’ emittenti. 4.L-integrazzjoni, fl-EPBD, tat-tikkettar tal-enerġija u tal-metodi ta’ valutazzjoni tas-sostituzzjoni tal-emittenti bħala appoġġ għall-ħidma tal-assessur tal-EPC, tal-installaturi u tad-disinjaturi tas-sistemi tat-tisħin. |
|
C. Impatti probabbli |
|
L-impatti ambjentali ewlenin tal-emittenti b’temperatura baxxa jirriżultaw mill-fatt li dawn jikkonsmaw inqas enerġija waqt il-fażi tal-użu għat-tisħin tal-post, meta mqabbla mal-emittenti standard ta’ daqs simili. Użu aktar baxx tal-enerġija se jnaqqas l-impatti ambjentali assoċjati u l-ispejjeż relatati mal-enerġija għall-konsumatur. Dan l-iffrankar tal-ispejjeż mistenni jkopri l-ispejjeż relatati mas-sostituzzjoni fi żmien aċċettabbli tal-ħlas lura. Għal sistemi b’pompi tas-sħana (ibridi), iż-żmien tal-ħlas lura jista’ jkun relattivament qasir. L-iffrankar tal-enerġija se jkun jiddependi bil-kbir fuq kemm l-azzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jirnexxilhom jippromwovu s-sostituzzjoni tal-emittenti. Huwa stmat li jekk f’20 % tal-abitazzjonijiet b’sistemi ta’ pompi tas-sħana idroniċi (ibridi) u emittenti standard wieħed jew tnejn mill-emittenti prinċipali jiġu sostitwiti b’emittenti b’temperatura baxxa, jista’ jinkiseb iffrankar annwali ta’ madwar 20 TWh fl-2030 u 36 TWh fl-2040 (ta’ konsum ta’ enerġija primarja). Jekk jintlaħaq perċentwal simili ta’ sostituzzjoni f’abitazzjonijiet bil-bojlers tal-kondensazzjoni, l-iffrankar jista’ jiżdied b’4.5 u 3.5 TWh rispettivament (ta’ konsum ta’ enerġija primarja). Dawn iċ-ċifri ma jirriflettux il-fatt li l-emittenti b’temperatura baxxa jistgħu jżidu wkoll l-użu tal-pompi tas-sħana (ibridi) billi jżidu l-benefiċċji ekonomiċi tagħhom. Minbarra dawn il-benefiċċji ambjentali, il-manifatturi se jibbenefikaw minn sostituzzjonijiet tal-emittenti tas-sħana permezz ta’ mezzi oħra. Is-suq tal-emittenti tas-sħana qed jiddgħajjef minħabba standards aħjar ta’ iżolazzjoni tal-bini, il-volum dejjem jonqos tal-bini ta’ abitazzjonijiet ġodda, u l-preferenza għas-sistemi tat-tisħin tal-art u tal-ħitan. Is-suq tal-emittenti tas-sħana ta’ sostituzzjoni minn dejjem kien limitat minħabba t-tul ta’ ħajja tagħhom. Jekk il-konsumaturi jingħataw informazzjoni aħjar dwar l-iffrankar tal-enerġija bis-saħħa tal-emittenti b’temperatura baxxa, is-suq tas-sostituzzjoni jista’ jingħata spinta, u b’hekk jiżdied il-fatturat għall-manifatturi, għall-bejjiegħa bl-ingrossa u għall-bejjiegħa bl-imnut. |
|
D. Strumenti għal Regolamentazzjoni Aħjar |
|
Valutazzjoni tal-impatt |
|
Valutazzjoni tal-impatt se tesplora l-opzjonijiet ta’ politika u tikkontribwixxi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Din il-valutazzjoni se tissejjes fuq studju preparatorju estensiv, se tibbaża fuq id-data u se tkun tiddependi fuq l-appoġġ tal-esperti esterni għall-ġbir tal-informazzjoni teknika meħtieġa. Il-valutazzjoni tal-impatt se tiġi ppreżentata lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fir-raba’ trimestru tal-2025. |
|
Strateġija ta’ konsultazzjoni |
|
L-għan tal-konsultazzjoni huwa li tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet ikkonċernati dwar l-inizjattiva ppjanata u tiġbor il-feedback tagħhom dwarha. B’mod partikolari, l-għan huwa li tinġabar data kwalitattiva (l-opinjonijiet tal-manifatturi, tal-konsumaturi u tal-organizzazzjonijiet ambjentali, eċċ.) u kwantitattiva (id-data tas-suq dwar il-bejgħ u l-prezzijiet jew ir-riżultati tat-testijiet) biex tiġi stabbilita bażi għall-analiżi meħtieġa. Il-Forum Konsultattiv dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija (EELCF, Ecodesign and Energy Labelling Consultation Forum) se jiġi kkonsultat f’Settembru 2025 bl-għan li jinforma lill-partijiet ikkonċernati dwar l-opzjonijiet li qed jiġu eżaminati u jagħtihom l-opportunità li jagħtu l-kontribut tagħhom. L-abbozz tar-Regolament se jkun soġġett għal perjodu ta’ feedback ta’ 4 ġimgħat u għan-notifika tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ bħala parti mill-proċeduri regolari tal-adozzjoni. |
|
Għaliex qed nagħmlu din il-konsultazzjoni? |
|
Sabiex nagħtu lill-partijiet ikkonċernati l-opportunità li jikkummentaw dwar l-istudju preparatorju u dwar l-opzjonijiet ewlenin identifikati fil-valutazzjoni tal-impatt, u li jagħtu kontribut ulterjuri, jekk rilevanti, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi jew tas-suq. |
|
Udjenza fil-mira |
|
L-esperti u r-rappreżentanti ta’ kwalunkwe parti interessata, bħall-manifatturi, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija, l-organizzazzjonijiet ambjentali u tal-konsumatur, in-negozji involuti fl-installazzjoni, fil-bejgħ bl-imnut jew fit-tiswija, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri, u l-awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni. |