EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document L:2022:216:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 216, 19 ta' Awwissu 2022


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 216

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 65
19 ta' Awwissu 2022


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

REGOLAMENTI

 

*

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1408 tas-16 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ħlas tal-pagamenti bil-quddiem għal ċerti interventi u miżuri ta’ appoġġ previsti fir-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

1

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1409 tat-18 ta’ Awwissu 2022 li jikkonċerna r-regoli dettaljati dwar il-kundizzjonijiet għall-operar tas-servizz web u r-regoli tas-sigurtà u l-protezzjoni tad-data applikabbli għas-servizz web kif ukoll miżuri għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni teknika tas-servizz web u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1224

3

 

*

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1410 tat-18 ta’ Awwissu 2022 li jipprevedi perjodu mnaqqas ta’ notifika minn qabel, qabel il-wasla fil-port għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar impenjati fis-sajd għal stokkijiet soġġetti għar-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għar-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jiżbarkaw f’portijiet Spanjoli

20

 

 

ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni Nru 1/2022 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar l-emenda għall-Anness XVIII (Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti) tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra [2022/1411]

22

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

REGOLAMENTI

19.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 216/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1408

tas-16 ta’ Ġunju 2022

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-ħlas tal-pagamenti bil-quddiem għal ċerti interventi u miżuri ta’ appoġġ previsti fir-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 44(4),

Billi:

(1)

L-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2021/2116 jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jagħmlu pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji ta’ ċerti interventi u miżuri oħra ta’ appoġġ. Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) diġà jipprevedi dik il-possibbiltà iżda hija biss għall-interventi fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex, l-inbid, iż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda.

(2)

Sabiex jiġi żgurat il-ħlas koerenti u nondiskriminatorju tal-pagamenti bil-quddiem, jenħtieġ li l-possibbiltà li jagħmlu l-pagamenti bil-quddiem tiġi estiża għall-interventi kollha msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III, tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(3)

Għal dik l-istess raġuni, il-possibbiltà li l-Istati Membri jagħmlu l-pagamenti bil-quddiem jenħtieġ li tiġi estiża għall-iskema ta’ għajnuna għall-provvista tal-frott u l-ħxejjex u tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib fl-istabbilimenti edukattivi stabbiliti fil-Parti II, it-Titolu I, il-Kapitolu II, it-Taqsima 1, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Il-ħlas ta’ dawk il-pagamenti bil-quddiem jenħtieġ li jkun soġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 44(5) tar-Regolament (UE) 2021/2116. Peress li l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dik l-iskema ta’ għajnuna huma bbażati fuq is-snin skolastiċi, kif definit fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 (4), is-sistema tal-pagamenti bil-quddiem jenħtieġ li tapplika għall-għajnuna għas-sistema skolastika 2023/2024 u s-snin skolastiċi sussegwenti.

(4)

Il-miżuri eċċezzjonali li jappoġġaw is-swieq agrikoli f’konformità mal-Artikoli 219 sa 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom l-għan li jsolvu problemi speċifiċi jew tfixkil speċifiku fis-suq. Dawk il-miżuri eċċezzjonali jistgħu jieħdu l-għamla ta’ appoġġ finanzjarju straordinarju u temporanju mill-Unjoni għas-setturi milquta. Ir-regoli attwali ma jippermettux li l-Istati Membri jagħmlu l-pagamenti bil-quddiem ta’ tali appoġġ. Madankollu, l-esperjenza turi li l-miżuri eċċezzjoni ta’ appoġġ għas-suq irid ikollhom effett immedjat sabiex jiġi evitat deterjorament irrimedjabbli tas-suq. Għalhekk jixraq li l-Istati Membri jitħallew jagħmlu pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji ta’ dawk il-miżuri eċċezzjonali ta’ appoġġ għas-suq, soġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti skont l-Artikolu 44(5) tar-Regolament (UE) 2021/2116.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/2116 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) 2021/2116, qed jiddaħħlu l-paragrafi 3a, 3b u 3c li ġejjin:

“3a.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji tal-interventi msemmija fit-Titolu III, il-Kapitolu III, tar-Regolament (UE) 2021/2115, soġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti skont il-paragrafu 5.

3b.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu pagamenti bil-quddiem skont l-iskema ta’ għajnuna stabbilita fil-Parti II, it-Titolu I, il-Kapitolu II, it-Taqsima 1, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-għajnuna għas-sena skolastika 2023/2024 u s-snin skolastiċi sussegwenti, soġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti skont il-paragrafu 5.

3c.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji tal-miżuri ta’ appoġġ għas-swieq agrikoli adottati skont l-Artikoli 219, 220 u 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, soġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti skont il-paragrafu 5.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/39 tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna tal-Unjoni għall-provvista ta’ frott u ħxejjex, banana u ħalib fl-istabbilimenti edukattivi (ĠU L 5, 10.1.2017, p. 1).


19.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 216/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1409

tat-18 ta’ Awwissu 2022

li jikkonċerna r-regoli dettaljati dwar il-kundizzjonijiet għall-operar tas-servizz web u r-regoli tas-sigurtà u l-protezzjoni tad-data applikabbli għas-servizz web kif ukoll miżuri għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni teknika tas-servizz web u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1224

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(7), l-Artikolu 13a u l-Artikolu 36, l-ewwel paragrafu, il-punt (h) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir, viżi għal soġġorn twil u permessi ta’ residenza (ir-Regolament (VIS) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 45c(3), ir-raba’ subparagrafu, l-Artikolu 45c(5), it-tieni paragrafu u l-Artikolu 45d(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2017/2226 jistabbilixxi s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ għall-ħżin u r-reġistrazzjoni elettronika tad-data, il-ħin u l-post tad-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jitħallew jew jiġu rifjutati jidħlu għal soġġorn qasir fit-territorju tal-Istati Membri u jikkalkula t-tul ta’ żmien tas-soġġorn awtorizzat tagħhom.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 jistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża għall-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar applikazzjonijiet għal viżi għal soġġorn qasir, viżi għal soġġorn twil u permessi ta’ residenza, u dwar id-deċiżjoni meħuda biex il-viża tiġi annullata, revokata jew estiża.

(3)

L-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) (eu-LISA) hija inkarigata mill-iżvilupp tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, u mill-ġestjoni operattiva tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża.

(4)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1224 (4) stabbilixxa l-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet għall-operat tas-servizz web previsti fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/2226, inklużi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni u s-sigurtà tad-data. Dawk l-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet iqisu wkoll il-vjaġġaturi eżenti mill-viża fis-sens tal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Dawk l-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet jenħtieġ li jiġu adattati billi jitqiesu ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża għal soġġorn qasir, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 45c tar-Regolament (KE) Nru 767/2008. Fl-interess taċ-ċarezza, dak ir-Regolament għandu jiġi sostitwit.

(5)

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 jirrikjedi li t-trasportaturi jużaw is-servizz web biex jivverifikaw jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom viża għal soġġorn qasir maħruġa għal dħul wieħed jew għal żewġ daħliet ikunux diġà użaw l-għadd ta’ daħliet awtorizzati mill-viża tagħhom.

(6)

L-Artikolu 45c(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 jirrikjedi li t-trasportaturi tal-ajru, it-trasportaturi tal-baħar u t-trasportaturi internazzjonali li jittrasportaw gruppi fuq l-art bil-kowċ jużaw il-gateway tat-trasportaturi biex jivverifikaw jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal viża għal soġġorn qasir, viża għal tranżitu fl-ajruport jew li huma meħtieġa li jkollhom viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza jkunux fil-pussess ta’ viża valida għal soġġorn qasir, viża għal tranżitu fl-ajruport, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza.

(7)

Sabiex it-trasportaturi jkunu jistgħu jivverifikaw jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz soġġett għal rekwiżit ta’ viża jew li huwa meħtieġ li jkollu viża għal tranżitu fl-ajruport, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza, huwiex fil-pussess ta’ viża valida jew permess ta’ residenza validu, jenħtieġ li dawn ikollhom aċċess għas-servizz web. It-trasportaturi jenħtieġ li jaċċessaw is-servizz web permezz ta’ skema ta’ awtentikazzjoni u jkunu jistgħu jibagħtu u jirċievu messaġġi f’format li għandu jiġi ddeterminat mill-eu-LISA.

(8)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli tekniċi dwar il-format tal-messaġġi u l-iskema ta’ awtentikazzjoni sabiex it-trasportaturi jkunu jistgħu jikkonnettjaw u jużaw is-servizz web li għandu jiġi speċifikat fil-linji gwida tekniċi, li jkunu parti mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226, li għandhom jiġu adottati mill-eu-LISA.

(9)

It-trasportaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jindikaw li l-passiġġieri jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 u r-Regolament (KE) Nru 767/2008 u f’dan il-każ it-trasportaturi jenħtieġ li jirċievu tweġiba awtomatika “Mhux applikabbli” mis-servizz web, mingħajr ma jressqu talba lill-bażi tad-data li tinqara biss u mingħajr ma jirreġistraw.

(10)

Il-Kummissjoni, l-eu-LISA u l-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu ħilithom biex jinfurmaw lit-trasportaturi kollha magħrufa dwar kif u meta jistgħu jirreġistraw. Wara li titlesta b’suċċess il-proċedura ta’ reġistrazzjoni kif ukoll, fejn rilevanti, wara li jitlesta b’suċċess l-ittestjar, l-eu-LISA jenħtieġ li tqabbad lit-trasportatur mal-interfaċċa tat-trasportaturi.

(11)

Jenħtieġ li t-trasportaturi awtentikati jagħtu aċċess biss għas-servizz web lill-persunal debitament awtorizzat.

(12)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi regoli dwar is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data applikabbli għall-iskema ta’ awtentikazzjoni.

(13)

Sabiex jiġi żgurat li t-talba għal verifika tkun ibbażata fuq informazzjoni, li tkun kemm jista’ jkun aġġornata, jenħtieġ li t-talbiet jiddaħħlu mhux qabel 48 siegħa qabel il-ħin skedat tat-tluq.

(14)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għat-trasportaturi tal-ajru, it-trasportaturi bil-baħar u t-trasportaturi internazzjonali li jittrasportaw gruppi fuq l-art bil-kowċ, li jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri. Il-kontrolli fuq il-fruntiera għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri jistgħu jippreċedu l-imbarkazzjoni. F’każijiet bħal dawn, it-trasportaturi jenħtieġ li jinħelsu mill-obbligu li jivverifikaw l-istatus tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar tal-vjaġġaturi.

(15)

It-trasportaturi jenħtieġ li jkollhom aċċess għal formola tal-web minn sit web pubbliku li tippermettilhom jitolbu assistenza. It-trasportaturi, meta jitolbu assistenza, jenħtieġ li jirċievu konferma tar-riċevuta li jkun fiha n-numru tal-biljett. L-eu-LISA jew l-Unità Ċentrali tal-ETIAS ikunu jistgħu jikkuntattjaw lit-trasportaturi li jkunu rċevew biljett bi kwalunkwe mezz meħtieġ, inkluż bit-telefon, sabiex jipprovdu r-rispons adegwat. Huwa meħtieġ li jiġu adottati regoli dettaljati ulterjuri sabiex din l-assistenza tiġi pprovduta mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS kif previst fl-Artikolu 13a tar-Regolament (UE) 2017/2226.

(16)

Ġaladarba r-Regolament (UE) 2017/2226 u r-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jimxu fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka, f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, innotifikat id-deċiżjoni tagħha li timplimenta r-Regolament (UE) 2021/1134 fil-liġi nazzjonali tagħha. Għalhekk hija marbuta b’dan ir-Regolament.

(17)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom (7). Għalhekk l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(18)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (8), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti A u B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (9).

(19)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti A u B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (11).

(20)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (12), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti A u B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (13).

(21)

Fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, b’rabta mad-dispożizzjonijiet taħt dan l-att li jikkonċernaw ir-Regolament (UE) 2017/2226, id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen iddaħħlu fis-seħħ permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/934 (14); id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża ddaħħlu fis-seħħ permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1908 (15), il-kundizzjonijiet kollha għall-operar tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ stabbiliti fl-Artikolu 66(2), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2017/2226 huma ssodisfati u dawk l-Istati Membri jenħtieġ għalhekk joperaw is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ mill-bidu tal-operazzjonijiet kif deċiż f’konformità mal-Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226. Id-dispożizzjonijiet taħt dan l-att jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 767/2008, jikkostitwixxu att li jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen jew li huwa altrimenti relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005.

(22)

Fir-rigward ta’ Ċipru u l-Kroazja, b’rabta mad-dispożizzjonijiet taħt dan l-att li jirrigwardaw ir-Regolament (UE) 2017/2226, l-operar tas-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ jirrikjedi l-għoti ta’ aċċess passiv għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża u li jitpoġġew fis-seħħ id-dispożizzjonijiet kollha tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill rilevanti. Dawk il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu ssodisfati biss ladarba l-verifika skont il-proċedura ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen applikabbli tkun tlestiet b’suċċess. Jenħtieġ li s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ tiġi operata biss minn dawk l-Istati Membri li jissodisfaw dawk il-kundizzjonijiet fil-bidu tal-operar tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ. L-Istati Membri li ma jkunux qegħdin iħaddmu s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ mill-bidu tal-operazzjonijiet jenħtieġ li jkunu konnessi mas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ f’konformità mal-proċedura stabbilita fir-Regolament 2017/2226 ladarba jiġu ssodisfati dawk il-kundizzjonijiet kollha.

(23)

Fir-rigward ta’ Ċipru, id-dispożizzjonijiet taħt dan ir-Regolament li jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 767/2008, jikkostitwixxu att li jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen jew li huwa altrimenti relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003.

(24)

Fir-rigward tal-Kroazja, id-dispożizzjonijiet taħt dan ir-Regolament li jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 767/2008, jikkostitwixxu att li jimxi fuq il-passi tal-acquis ta’ Schengen jew li huwa altrimenti relatat miegħu, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011.

(25)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u ta l-opinjoni tiegħu fit-22 ta’ Marzu 2022.

(26)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fruntieri Intelliġenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a)

ir-regoli u l-kundizzjonijiet dettaljati għall-operar tas-servizz web u r-regoli tas-sigurtà u tal-protezzjoni tad-data applikabbli għas-servizz web previsti fl-Artikolu 13(1) u (3) u l-Artikolu 36, l-ewwel paragrafu, il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2017/2226 u fl-Artikolu 45c(3), ir-raba’ subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(b)

skema ta’ awtentikazzjoni għat-trasportaturi biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u l-Artikolu 45c(5), it-tieni paragrafu tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 kif ukoll regoli u kundizzjonijiet dettaljati dwar ir-reġistrazzjoni tat-trasportaturi mal-iskema ta’ awtentikazzjoni;

(c)

dettalji tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti fejn ikun teknikament impossibbli għat-trasportaturi li jaċċessaw is-servizz web skont l-Artikolu 45d(3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“interfaċċa tat-trasportaturi” tfisser is-servizz web li għandu jiġi żviluppat mill-eu-LISA f’konformità mal-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226 fejn jintuża għall-finijiet tal-Artikolu 13(3) ta’ dak ir-Regolament u l-gateway tat-trasportaturi msemmija fl-Artikolu 45c(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 u li tikkonsisti minn interfaċċa tal-IT konnessa ma’ bażi tad-data li tinqara biss;

(2)

“linji gwida tekniċi” tfisser il-parti tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, imsemmija fl-Artikolu 37(1) tar-Regolament (UE) 2017/2226, li hija rilevanti għat-trasportaturi għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ awtentikazzjoni u għall-iżvilupp tal-format tal-messaġġi tal-interfaċċa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2), il-punt (a) ta’ dan ir-Regolament;

(3)

“persunal debitament awtorizzat” tfisser impjegati tat-trasportatur jew ingaġġati kuntrattwalment minnu jew minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi oħra li jaġixxu taħt id-direzzjoni jew is-superviżjoni ta’ dan it-trasportatur, inkarigati li jivverifikaw jekk l-għadd ta’ daħliet awtorizzati minn viża jkunx diġà ntuża f’isem it-trasportatur, f’konformità mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, biex jiġi vverifikat jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal viża għal soġġorn qasir jew li huma meħtieġa li jkollhom viża għal soġġorn twil, il-viża għal tranżitu fl-ajruport jew permess ta’ residenza jkunux fil-pussess ta’ viża valida għal soġġorn qasir, viża valida għal soġġorn twil, viża valida għal tranżitu fl-ajruport jew permess ta’ residenza, kif applikabbli, f’konformità mal-Artikolu 45c(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.

Artikolu 3

Obbligi tat-trasportaturi

1.   Mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ sal-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, it-trasportaturi għandhom jibagħtu talba biex jivverifikaw jekk fil-każ ta’ viża għal dħul wieħed jew viża għal dħul doppju, l-għadd ta’ daħliet awtorizzati minn viża jkunx diġà ntuża kif imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/2226 (“talba għal verifika”) permezz tal-interfaċċa tat-trasportaturi.

2.   Mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, it-trasportaturi għandhom jagħtu bidu għal talba permezz tal-interfaċċa tat-trasportaturi, biex jivverifikaw jekk:

(a)

fil-każ ta’ viża għal soġġorn qasir, in-numru ta’ daħliet awtorizzati mill-viża jkunx diġà ntuża jew jekk id-detentur tal-viża jkunx laħaq is-soġġorn massimu awtorizzat, kif imsemmi fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2017/2226;

(b)

fil-każ ta’ viża għal soġġorn twil, viża għal tranżitu fl-ajruport jew permess ta’ residenza, il-viża jew il-permess ikunux validi kif imsemmi fl-Artikolu 45c(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.

3.   Mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, it-trasportaturi għandhom jagħtu bidu għal talba għal verifika għall-viża għal soġġorn twil jew il-permess ta’ residenza għal dawk il-viżi għal soġġorn twil u l-permessi ta’ residenza maħruġa wara l-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża. It-trasportaturi għandhom jiċċekkjaw manwalment il-viżi għal soġġorn twil u l-permessi ta’ residenza maħruġa qabel il-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża.

4.   It-talba għal verifika għandha tintbagħat mhux qabel 48 siegħa qabel il-ħin skedat tat-tluq.

5.   It-trasportaturi għandhom jiżguraw li l-persunal debitament awtorizzat biss ikollu aċċess għall-interfaċċa tat-trasportaturi. It-trasportaturi għandhom jistabbilixxu mill-inqas il-mekkaniżmi li ġejjin:

(a)

mekkaniżmi għall-kontroll tal-aċċess fiżiku u loġiku għall-prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat għall-infrastruttura jew għas-sistemi użati mit-trasportaturi;

(b)

l-awtentikazzjoni;

(c)

l-irreġistrar biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-aċċess;

(d)

ir-rieżami regolari tad-drittijiet ta’ aċċess.

Artikolu 4

Konnessjoni u aċċess għall-interfaċċa tat-trasportaturi

1.   It-trasportaturi għandhom jikkonnettjaw mal-interfaċċa tat-trasportaturi permezz ta’ waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

konnessjoni man-network dedikat;

(b)

konnessjoni tal-Internet.

2.   It-trasportaturi għandhom jaċċessaw l-interfaċċa tat-trasportaturi permezz ta’ waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

interfaċċa ta’ bejn is-sistemi (Interfaċċa għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet);

(b)

interfaċċa tal-web (browser);

(c)

applikazzjoni għal apparati mobbli.

Artikolu 5

Talbiet

1.   Sabiex tintbagħat talba għal verifika, it-trasportatur għandu jipprovdi d-data li ġejja dwar il-vjaġġatur:

(a)

il-kunjom (isem il-familja); l-ewwel isem jew ismijiet (l-ismijiet mogħtija);

(b)

id-data tat-twelid; is-sess; in-nazzjonalità;

(c)

it-tip u n-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument tal-ivvjaġġar;

(d)

id-data tal-iskadenza tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar;

(e)

id-data skedata tal-wasla fil-fruntiera ta’ Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ jew ta’ Stat Membru li ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ iżda li jopera s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ;

(f)

waħda minn dawn li ġejjin:

(1)

l-Istat Membru tad-dħul skedat li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ

(2)

meta jkun jista’ jiġi identifikat l-Istat Membru tad-dħul skedat, l-ajruport fl-Istat Membru tad-dħul li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ;

(3)

l-Istat Membru tad-dħul skedat li ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ iżda li jopera s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ;

(4)

meta jkun jista’ jiġi identifikat l-Istat Membru tad-dħul skedat, l-ajruport fl-Istat Membru tad-dħul li ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ iżda li jopera s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ;

(5)

mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, fil-każ ta’ tranżitu fl-ajruport, l-Istat Membru ta’ tranżitu għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża għal tranżitu fl-ajruport f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17), fejn applikabbli;

(g)

id-dettalji (id-data u l-ħin lokali tat-tluq skedat, in-numru ta’ identifikazzjoni, fejn disponibbli, jew mezzi oħra għall-identifikazzjoni tat-trasport) tal-mezzi tat-trasport użati għall-aċċess tat-territorju ta’ Stat Membru li japplika l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ jew tal-Istat Membru li ma japplikax l-acquis ta’ Schengen b’mod sħiħ iżda li jopera s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ.

It-trasportatur jista’ jipprovdi wkoll in-numru tal-viża għal soġġorn qasir, tal-viża għal soġġorn twil jew tal-permess ta’ residenza.

2.   Mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, meta d-destinazzjoni ma tkunx tista’ tintlaħaq b’viża ta’ dħul wieħed, it-trasportatur, meta jissottometti t-talba għal verifika, għandu jipprovdi informazzjoni li l-itinerarju jinkludi żewġ daħliet fl-Istati Membri.

Mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, meta d-destinazzjoni ma tkunx tista’ tintlaħaq b’viża ta’ dħul wieħed, it-trasportatur, meta jissottometti t-talba għal verifika, għandu jipprovdi informazzjoni li l-itinerarju jinkludi żewġ daħliet jew aktar fl-Istati Membri.

3.   Għall-finijiet li tingħata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti minn (a) sa (d), it-trasportaturi għandhom jitħallew jiskennjaw il-parti tad-dokument tal-ivvjaġġar li tinqara minn magna.

4.   Mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ sal-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, meta l-passiġġier ikun eżenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament jew ikun fi tranżitu fl-ajruport, it-trasportatur għandu jkun jista’ jispeċifika dan fit-talba għal verifika.

Mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, it-trasportatur għandu jkun jista’ jispeċifika fit-talba għal verifika, meta:

(a)

il-passiġġier ikun eżenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, għajr għad-detenturi ta’ permess ta’ residenza skont l-Artikolu 2(3), il-punt (c) u d-detenturi ta’ viżi għal soġġorn twil skont l-Artikolu 2(3), il-punt (e), jew

(b)

fil-każ ta’ tranżitu fl-ajruport, meta l-passiġġier ma jkunx meħtieġ li jkollu viża għal tranżitu fl-ajruport skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009.

5.   It-trasportaturi għandhom ikunu jistgħu jibagħtu talba għal verifika għal passiġġier wieħed jew aktar. L-interfaċċa tat-trasportaturi għandha tinkludi t-tweġiba msemmija fl-Artikolu 6 għal kull passiġġier inkluż fit-talba.

Artikolu 6

Tweġiba

1.   Mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ sal-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, meta l-passiġġier ikun eżenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, ikun fi tranżitu fl-ajruport jew ikun detentur ta’ viża nazzjonali għal soġġorn qasir fis-sens tal-Artikolu 3(1), il-punt 10 ta’ dak ir-Regolament, it-tweġiba għandha tkun “Mhux applikabbli”. Fil-każijiet l-oħra kollha, it-tweġiba għandha tkun “OK” jew “Mhux OK”.

2.   Mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża:

(a)

meta l-passiġġier ikun eżenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2226 f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament, għajr għad-detenturi ta’ permess ta’ residenza skont l-Artikolu 2(3), il-punt (c) u d-detenturi ta’ viżi għal soġġorn twil skont l-Artikolu 2(3), il-punt (e), ta’ dak ir-Regolament, it-tweġiba għandha tkun “Mhux applikabbli”;

(b)

fil-każ ta’ tranżitu fl-ajruport, meta l-passiġġier ma jkunx meħtieġ li jkollu viża għal tranżitu fl-ajruport skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, it-tweġiba għandha tkun “Mhux applikabbli”;

(c)

fil-każijiet l-oħra kollha, meta l-passiġġier ikun detentur ta’ viża għal soġġorn qasir, viża għal soġġorn twil, permess ta’ residenza jew viża għal tranżitu fl-ajruport, it-tweġiba għandha tkun “OK” jew “Mhux OK”.

Meta talba għal verifika jkollha t-tweġiba “Mhux OK”, l-interfaċċa tat-trasportaturi għandha tispeċifika li t-tweġiba tkun ġejja mis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ jew mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża.

3.   Mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ sal-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, it-tweġibiet għat-talbiet għal verifika għandhom jiġu ddeterminati skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

meta l-vjaġġatur ikun id-detentur ta’ viża uniformi għal soġġorn qasir:

(1)

meta l-għadd awtorizzat ta’ daħliet (waħda jew tnejn) fuq il-viża jkun għadu ma ntlaħaqx: OK;

(2)

meta l-għadd awtorizzat ta’ daħliet (waħda jew tnejn) fuq il-viża jkun diġà ntlaħaq: Mhux OK;

(3)

meta l-viża tkun skadiet, jew tkun ġiet revokata nkella annullata: Mhux OK;

(b)

meta l-vjaġġatur ikun soġġett għall-obbligu tal-viża u ma tkun disponibbli l-ebda informazzjoni dwar il-viża: Mhux OK;

(c)

meta t-trasportatur jispeċifika li l-itinerarju jeħtieġ viża għal dħul doppju:

(1)

meta l-vjaġġatur ikun fil-pussess ta’ viża għal dħul doppju, valida għad-data tal-wasla u l-ebda waħda mid-daħliet ma tkun intużat: OK;

(2)

meta l-vjaġġatur ma jkunx fil-pussess ta’ viża għal dħul doppju: Mhux OK;

(3)

meta l-vjaġġatur ikun fil-pussess ta’ viża għal dħul doppju iżda tkun intużat mill-inqas daħla waħda: Mhux OK;

(4)

meta l-vjaġġatur ikun fil-pussess ta’ viża għal dħul doppju iżda mill-inqas daħla waħda ma tkunx valida għad-data tal-wasla: Mhux OK;

4.   Mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, it-tweġibiet għat-talbiet għal verifika fil-każ li t-trasportatur jindika l-Istat Membru ta’ tranżitu f’konformità mal-Artikolu 5(1)(f), il-punt (5), għandhom jiġu ddeterminati skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

meta l-vjaġġatur ikun id-detentur ta’ viża għal tranżitu fl-ajruport:

(1)

meta l-viża għal tranżitu fl-ajruport tikkorrispondi għaż-żona ta’ tranżitu tal-ajruport tal-Istat Membru: OK;

(2)

meta l-viża tkun skadiet, jew tkun ġiet revokata nkella annullata: Mhux OK;

(3)

meta l-viża tkun viża waħda għal tranżitu fl-ajruport u l-viża ma tkunx intużat: OK;

(4)

meta l-viża tkun viża doppja għal tranżitu fl-ajruport u l-viża tkun intużat darba biss: OK; jew

(b)

meta l-vjaġġatur ikun id-detentur ta’ viża għal soġġorn qasir:

(1)

meta l-għadd awtorizzat ta’ daħliet fuq il-viża jkun għadu ma ntlaħaqx u jkun fadal mill-inqas jum wieħed ta’ soġġorn awtorizzat: OK;

(2)

meta l-għadd awtorizzat ta’ daħliet fuq il-viża jkun diġà ntlaħaq jew ma jkun fadal l-ebda jum ta’ soġġorn awtorizzat: Mhux OK;

(3)

meta l-viża tkun skadiet, jew tkun ġiet revokata nkella annullata: Mhux OK; jew

(c)

meta l-vjaġġatur ikun id-detentur ta’ viża għal soġġorn qasir b’validità territorjali limitata:

(1)

meta l-għadd awtorizzat ta’ daħliet fuq il-viża jkun għadu ma ntlaħaqx u jkun fadal mill-inqas jum wieħed ta’ soġġorn awtorizzat, u meta l-Istat Membru ta’ tranżitu jkun jikkorrispondi għal wieħed mill-Istati Membri li għalih tkun valida l-viża b’validità territorjali limitata: OK;

(2)

meta l-għadd awtorizzat ta’ daħliet fuq il-viża jkun għadu ma ntlaħaqx u jkun fadal mill-inqas jum wieħed ta’ soġġorn awtorizzat, u meta l-Istat Membru ta’ tranżitu ma jkunx jikkorrispondi għal wieħed mill-Istati Membri li għalih tkun valida l-viża b’validità territorjali limitata: Mhux OK;

(3)

Meta l-għadd awtorizzat ta’ daħliet fuq il-viża jkun diġà ntlaħaq jew ma jkun fadal l-ebda jum ta’ soġġorn awtorizzat, u meta l-Istat Membru ta’ tranżitu jkun jikkorrispondi għal wieħed mill-Istati Membri li għalih tkun valida l-viża b’validità territorjali limitata: Mhux OK;

(4)

Meta l-għadd awtorizzat ta’ daħliet fuq il-viża jkun diġà ntlaħaq jew ma jkun fadal l-ebda jum ta’ soġġorn awtorizzat, u meta l-Istat Membru ta’ tranżitu; ma jkunx jikkorrispondi għal wieħed mill-Istati Membri li għalih il-viża b’validità territorjali limitata tkun valida: MHUX OK;

(5)

Tkun skadiet, jew tkun ġiet revokata nkella annullata: Mhux OK; jew

(d)

meta l-vjaġġatur ikun id-detentur ta’ viża għal soġġorn twil:

(1)

meta l-viża tkun skadiet, jew tkun ġiet revokata nkella annullata: Mhux OK;

(2)

inkella: OK; jew

(e)

meta l-vjaġġatur ikun id-detentur ta’ permess ta’ residenza:

(1)

meta l-permess ta’ residenza jkun skada, jew ikun ġie revokat inkella annullat: Mhux OK;

(2)

inkella: OK.

5.   Mill-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, it-tweġibiet għat-talbiet għal verifika fil-każ li t-trasportatur jindika l-Istat Membru tad-destinazzjoni f’konformità mal-Artikolu 5(1)(f)(1)-(4), għandhom jiġu ddeterminati skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

meta l-vjaġġatur ikun id-detentur ta’ viża għal soġġorn qasir:

(1)

meta l-għadd awtorizzat ta’ daħliet fuq il-viża jkun għadu ma ntlaħaqx u jkun fadal mill-inqas jum wieħed ta’ soġġorn awtorizzat: OK;

(2)

meta l-għadd awtorizzat ta’ daħliet fuq il-viża jkun diġà ntlaħaq jew ma jkun fadal l-ebda jum ta’ soġġorn awtorizzat: Mhux OK;

(3)

meta l-viża tkun skadiet, jew tkun ġiet revokata nkella annullata: Mhux OK; jew

(b)

meta l-vjaġġatur ikun id-detentur ta’ viża għal soġġorn qasir b’validità territorjali limitata:

(1)

meta l-għadd awtorizzat ta’ daħliet fuq il-viża jkun għadu ma ntlaħaqx u jkun fadal mill-inqas jum wieħed ta’ soġġorn awtorizzat, u meta l-Istat Membru ta’ dħul ikun jikkorrispondi għal wieħed mill-Istati Membri li għalih tkun valida l-viża b’validità territorjali limitata: OK;

(2)

meta l-għadd awtorizzat ta’ daħliet fuq il-viża jkun għadu ma ntlaħaqx u jkun fadal mill-inqas jum wieħed ta’ soġġorn awtorizzat, u meta l-Istat Membru ta’ dħul ma jkunx jikkorrispondi għal wieħed mill-Istati Membri li għalih tkun valida l-viża b’validità territorjali limitata: Mhux OK;

(3)

meta l-għadd awtorizzat ta’ daħliet fuq il-viża jkun diġà ntlaħaq jew ma jkun fadal l-ebda jum ta’ soġġorn awtorizzat, u meta l-Istat Membru ta’ dħul ikun jikkorrispondi għal wieħed mill-Istati Membri li għalih tkun valida l-viża b’validità territorjali limitata: Mhux OK;

(4)

meta l-għadd awtorizzat ta’ daħliet fuq il-viża jkun diġà ntlaħaq jew ma jkun fadal l-ebda jum ta’ soġġorn awtorizzat, u meta l-Istat Membru ta’ dħul ma jkunx jikkorrispondi għal wieħed mill-Istati Membri li għalih il-viża b’validità territorjali limitata tkun valida: MHUX OK;

(5)

tkun skadiet, jew tkun ġiet revokata nkella annullata: Mhux OK;

(c)

meta l-vjaġġatur ikun id-detentur ta’ viża għal soġġorn twil:

(1)

meta l-viża tkun skadiet, jew tkun ġiet revokata nkella annullata: Mhux OK;

(2)

inkella: OK;

(d)

meta l-vjaġġatur ikun id-detentur ta’ permess ta’ residenza:

(1)

meta l-permess ta’ residenza jkun skada, jew ikun ġie revokat inkella annullat: Mhux OK;

(2)

inkella: OK;

(e)

meta l-vjaġġatur ikun soġġett għall-obbligu tal-viża u ma tkun disponibbli l-ebda informazzjoni dwar il-viża: Mhux OK;

(f)

meta t-trasportatur jispeċifika li l-itinerarju ma jistax jitwettaq b’viża għal dħul wieħed:

(1)

meta l-vjaġġatur ikun fil-pussess ta’ viża għal dħul doppju, valida għad-data tal-wasla u l-ebda waħda mid-daħliet ma tkun intużat: OK;

(2)

meta l-vjaġġatur ikun fil-pussess ta’ viża għal dħul wieħed: Mhux OK;

(3)

meta l-vjaġġatur ikun fil-pussess ta’ viża għal dħul doppju iżda tkun intużat mill-inqas daħla waħda: Mhux OK;

(4)

meta l-vjaġġatur ikun fil-pussess ta’ viża għal dħul doppju iżda mill-inqas daħla waħda ma tkunx valida għad-data tal-wasla: Mhux OK;

(5)

Meta l-vjaġġatur ikun fil-pussess ta’ viża għal dħul multiplu: OK.

6.   Meta l-vjaġġatur ikun eżenti mill-viża jew il-vjaġġatur jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1240, japplikaw id-dispożizzjonijiet definiti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022) 4550 (18).

Artikolu 7

Format tal-messaġġi

L-eu-LISA għandha tispeċifika l-formati tad-data u l-istruttura tal-messaġġi li għandhom jintużaw għat-trażmissjoni ta’ talbiet għal verifika u t-tweġibiet għal dawn it-talbiet permezz tal-interfaċċa tat-trasportaturi fil-linji gwida tekniċi. L-eu-LISA għandha tipprevedi l-użu ta’ minn tal-inqas il-formati tad-data li ġejjin:

(a)

UN/EDIFACT;

(b)

PAXLST/CUSRES;

(c)

XML;

(d)

JSON.

Artikolu 8

Rekwiżiti tal-estrazzjoni tad-data għall-interfaċċa tat-trasportaturi u s-servizz web għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-kwalità tad-data

1.   Id-data fuq viżi għal soġġorn qasir, viżi għal soġġorn twil, viżi għal tranżitu fl-ajruport, permessi ta’ residenza u awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar maħruġa, annullati u revokati għandha tiġi estratta awtomatikament mis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar u s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ u tiġi trażmessa minn tal-inqas kuljum lill-bażi tad-data li tinqara biss.

2.   L-estrazzjonijiet kollha tad-data fil-bażi tad-data li tinqara biss skont il-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati.

3.   L-eu-LISA għandha tkun responsabbli mis-sigurtà tas-servizz web u tad-data personali li jkun fiha, u mill-proċess tal-estrazzjoni u t-trażmissjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1 fil-bażi tad-data li tinqara biss. Id-dettalji tal-implimentazzjoni teknika għandhom jinsiltu mill-pjan ta’ sigurtà, wara l-proċess ta’ valutazzjoni tar-riskju.

4.   Ma għandux ikun possibbli li d-data mill-bażi tad-data li tinqara biss tiġi trażmessa lis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ jew lis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża.

Artikolu 9

Skema ta’ awtentikazzjoni

1.   L-eu-LISA għandha tiżviluppa skema ta’ awtentikazzjoni, filwaqt li tqis l-informazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà u l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data mit-tfassil u b’mod prestabbilit u l-prinċipji ta’ kontroll fuq l-aċċess inkluż l-obbligu ta’ rendikont, u li tippermetti li min jitlob il-verifika jiġi ntraċċat.

2.   Id-dettalji tal-iskema ta’ awtentikazzjoni għandhom jiġu stabbiliti fil-linji gwida tekniċi.

3.   L-iskema ta’ awtentikazzjoni għandha tiġi ttestjata f’konformità mal-Artikolu 12.

4.   Meta t-trasportaturi jaċċessaw l-interfaċċa tat-trasportaturi bl-użu tal-Interfaċċa għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), l-iskema ta’ awtentikazzjoni għandha tiġi implimentata permezz tal-awtentikazzjoni reċiproka.

Artikolu 10

Reġistrazzjoni mal-iskema ta’ awtentikazzjoni

1.   It-trasportaturi msemmija fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u fl-Artikolu 45c(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 li joperaw u jittrasportaw passiġġieri fit-territorju tal-Istati Membri għandu jkollhom l-obbligu li jirreġistraw qabel ma jiksbu aċċess għall-iskema ta’ awtentikazzjoni.

2.   L-eu-LISA għandha tagħmel disponibbli formola ta’ reġistrazzjoni fuq sit web pubbliku li għandha timtela online. Is-sottomissjoni tal-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tkun possibbli biss meta l-kampijiet tad-data kollha jkunu mtlew b’mod korrett.

3.   Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tinkludi kampijiet tad-data li jirrikjedu li t-trasportaturi jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem legali tat-trasportatur kif ukoll id-dettalji ta’ kuntatt tiegħu (l-indirizz tal-posta elettronika, in-numru tat-telefon u l-indirizz postali);

(b)

id-dettalji ta’ kuntatt tar-rappreżentant legali tal-kumpanija li titlob ir-reġistrazzjoni u tal-punti ta’ kuntatt ta’ riżerva (l-ismijiet, in-numri tat-telefon, l-indirizzi tal-posta elettronika u postali) kif ukoll l-indirizz tal-posta elettronika funzjonali u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni li t-trasportatur ikun beħsiebu juża għall-finijiet tal-Artikoli 13 u 14;

(c)

l-Istat Membru jew il-pajjiż terz li jkun ħareġ ir-reġistrazzjoni uffiċjali tal-kumpanija msemmija fil-paragrafu 6 u kwalunkwe numru ta’ reġistrazzjoni disponibbli;

(d)

meta t-trasportatur ikun hemeż, skont il-paragrafu 6, ir-reġistrazzjoni uffiċjali ta’ kumpanija maħruġa minn pajjiż terz, l-Istati Membri li fihom it-trasportatur jopera jew ikun beħsiebu jopera sas-sena ta’ wara.

4.   Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tinforma lit-trasportaturi dwar ir-rekwiżiti minimi tas-sigurtà. It-trasportaturi għandhom jiżguraw il-konformità mal-objettivi li ġejjin:

(a)

l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji għas-sigurtà relatati mal-konnessjoni mal-interfaċċa tat-trasportaturi;

(b)

il-protezzjoni tal-ambjenti u tal-apparati konnessi mal-interfaċċa tat-trasportaturi;

(c)

id-detezzjoni u l-analiżi tal-inċidenti taċ-ċibersigurtà, ir-rispons għalihom u l-irkupru minnhom.

5.   Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tirrikjedi li t-trasportaturi jiddikjaraw:

(a)

li huma joperaw u jittrasportaw passiġġieri fit-territorju tal-Istati Membri jew li biħsiebhom jagħmlu dan fis-sitt xhur li ġejjin;

(b)

li huma se jaċċessaw u jagħmlu użu mill-interfaċċa tat-trasportaturi skont ir-rekwiżiti minimi tas-sigurtà stabbiliti fil-formola ta’ reġistrazzjoni, skont il-paragrafu 4;

(c)

li l-persunal debitament awtorizzat biss ikollu aċċess għall-interfaċċa tat-trasportaturi.

6.   Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tirrikjedi li t-trasportaturi jehmżu kopja elettronika tal-istrumenti tat-twaqqif tagħhom, inklużi fejn applikabbli, l-istatuti, kif ukoll kopja elettronika ta’ estratt tar-reġistrazzjoni uffiċjali tal-kumpanija tagħhom minn tal-anqas Stat Membru wieħed, fejn applikabbli, jew minn pajjiż terz, b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni jew bl-Iżlandiż jew in-Norveġiż, jew tradotti uffiċjalment f’waħda minnhom. Kopja elettronika ta’ awtorizzazzjoni sabiex kumpanija topera fi Stat Membru wieħed jew aktar, bħaċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru, tista’ tissostitwixxi r-reġistrazzjoni uffiċjali tal-kumpanija.

7.   Il-formola ta’ reġistrazzjoni għandha tinnotifika lit-trasportaturi:

(a)

li huma meħtieġa jinformaw lill-eu-LISA bi kwalunkwe bidla rigward l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu jew f’każ ta’ bidliet tekniċi li jaffettwaw il-konnessjoni tagħhom, “minn sistema għal oħra”, mal-interfaċċa tat-trasportaturi u li jistgħu jirrikjedu ttestjar addizzjonali f’konformità mal-Artikolu 12, permezz ta’ dettalji ta’ kuntatt speċifiċi tal-eu-LISA li għandhom jintużaw għal dan il-għan;

(b)

li huma awtomatikament jiġu dereġistrati mill-iskema ta’ awtentikazzjoni jekk ir-reġistrazzjonijiet juru li t-trasportatur ma jkunx uża l-interfaċċa tat-trasportaturi matul perjodu ta’ sena;

(c)

li jistgħu jiġu dereġistrati mill-iskema ta’ awtentikazzjoni f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, tar-rekwiżiti tas-sigurtà msemmija fil-paragrafu 4 jew tal-linji gwida tekniċi, inkluż f’każ ta’ abbuż tal-interfaċċa tat-trasportaturi;

(d)

li huma obbligati jinformaw lill-eu-LISA dwar kwalunkwe ksur ta’ data personali li jista’ jseħħ u jirrieżaminaw regolarment id-drittijiet ta’ aċċess tal-persunal apposta tagħhom.

8.   Meta l-formola ta’ reġistrazzjoni tkun ġiet ippreżentata b’mod korrett, l-eu-LISA għandha tirreġistra t-trasportatur u tinnotifika lit-trasportatur li jkun ġie rreġistrat. Meta l-formola ta’ reġistrazzjoni ma tkunx ġiet ippreżentata b’mod korrett, l-eu-LISA għandha tirrifjuta r-reġistrazzjoni u tinnotifika lit-trasportatur bir-raġunijiet.

L-eu-LISA għandha żżomm reġistru aġġornat tat-trasportaturi rreġistrati. Id-data personali tar-reġistrazzjoni tat-trasportaturi għandha titħassar mhux aktar tard minn sena wara li t-trasportatur ikun ġie dereġistrat.

Artikolu 11

Dereġistrazzjoni mill-iskema ta’ awtentikazzjoni

1.   Meta trasportatur jinforma lill-eu-LISA li ma għadux jopera jew jittrasporta passiġġieri fit-territorju tal-Istati Membri, l-eu-LISA għandha tneħħi r-reġistrazzjoni tat-trasportatur.

2.   Meta r-reġistrazzjonijiet juru li t-trasportatur ma jkunx uża l-interfaċċa tat-trasportaturi matul perjodu ta’ sena, dan għandu jiġi awtomatikament dereġistrat.

3.   Meta trasportatur ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(5), jew ikun altrimenti kiser id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 10(4) jew il-linji gwida tekniċi, inkluż f’każ ta’ abbuż tal-interfaċċa tat-trasportaturi, l-eu-LISA tista’ tneħħi r-reġistrazzjoni tat-trasportatur.

4.   L-eu-LISA għandha tinforma lit-trasportatur bl-intenzjoni tagħha li tneħħilu r-reġistrazzjoni skont il-paragrafi 1, 2 jew 3, flimkien mar-raġuni għad-dereġistrazzjoni, xahar qabel ma tneħħilu r-reġistrazzjoni. Qabel ma tneħħi r-reġistrazzjoni, l-eu-LISA għandha tagħti lit-trasportatur l-opportunità li jipprovdi kummenti bil-miktub.

5.   F’każ ta’ tħassib urġenti dwar is-sigurtà tal-IT, inkluż meta t-trasportatur ma jkunx qiegħed jikkonforma mar-rekwiżiti tas-sigurtà msemmija fl-Artikolu 10(4) jew mal-linji gwida tekniċi, l-eu-LISA tista’ minnufih tneħħi l-konnessjoni tat-trasportatur. L-eu-LISA għandha tinforma lit-trasportatur li neħħietlu l-konnessjoni filwaqt li tagħtih ir-raġuni għal dan.

6.   Sa fejn ikun xieraq, l-eu-LISA għandha tassisti lit-trasportaturi li jkunu rċevew notifika ta’ dereġistrazzjoni jew ta’ skonnessjoni biex jirrimedjaw għan-nuqqasijiet li wasslu għan-notifika u, fejn possibbli, għal żmien limitat u taħt kundizzjonijiet stretti, tipprovdi l-opportunità lit-trasportaturi skonnessi li jibagħtu t-talbiet għal verifika b’mezzi oħra differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 4.

7.   It-trasportaturi skonnessi jistgħu jerġgħu jiġu konnessi mal-interfaċċa tat-trasportaturi wara li t-tħassib dwar is-sigurtà li jkun ta lok għall-iskonnessjoni jiġi eliminat b’suċċess. It-trasportaturi dereġistrati jistgħu jippreżentaw talba ġdida għar-reġistrazzjoni.

8.   Fi kwalunkwe ħin wara r-reġistrazzjoni tat-trasportaturi skont l-Artikolu 10, l-eu-LISA tista’, b’mod partikolari fejn ikun hemm suspett motivat li trasportatur wieħed jew aktar qegħdin jabbużaw mill-interfaċċa tat-trasportaturi, jew li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(4), titlob informazzjoni mingħand l-Istati Membri jew mingħand pajjiżi terzi.

9.   Meta l-formola ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) ma tkunx disponibbli għal perjodu ta’ żmien twil, l-eu-LISA għandha tiżgura li r-reġistrazzjoni, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, tkun possibbli permezz ta’ mezzi oħra.

Artikolu 12

L-iżvilupp, l-ittestjar u l-konnessjoni tal-interfaċċa tat-trasportaturi

1.   L-eu-LISA għandha tagħmel il-linji gwida tekniċi disponibbli għat-trasportaturi sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw u jittestjaw l-interfaċċa tat-trasportaturi.

2.   Meta t-trasportaturi jagħżlu li jikkonnettjaw permezz tal-Interfaċċa għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2), il-punt (a), għandha tiġi ttestjata l-implimentazzjoni tal-format tal-messaġġi msemmi fl-Artikolu 7 tal-iskema ta’ awtentikazzjoni msemmija fl-Artikolu 9.

3.   Meta t-trasportaturi jagħżlu li jikkonnettjaw permezz tal-interfaċċa web (browser) jew tal-applikazzjoni għal apparati mobbli msemmija fl-Artikolu 4(2), il-punti (b) u (c) rispettivament, huma għandhom jinnotifikaw lill-eu-LISA li ttestjaw b’suċċess il-konnessjoni tagħhom mal-interfaċċa tat-trasportaturi u li l-persunal debitament awtorizzat tagħhom ġie mħarreġ b’suċċess fl-użu tal-interfaċċa tat-trasportaturi.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-eu-LISA għandha tiżviluppa u tagħmel disponibbli pjan ta’ ttestjar, ambjent ta’ ttestjar u simulatur li jippermettu lill-eu-LISA u lit-trasportaturi jittestjaw il-konnessjoni tat-trasportaturi mal-interfaċċa tat-trasportaturi. Għall-finijiet tal-paragrafu 3, l-eu-LISA għandha tiżviluppa u tagħmel disponibbli ambjent tal-ittestjar li jippermetti li t-trasportaturi jħarrġu lill-persunal tagħhom.

5.   Malli tirnexxi l-proċedura ta’ reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 kif ukoll malli jirnexxi l-ittestjar imsemmi fil-paragrafu 2 jew mal-wasla tan-notifika msemmija fil-paragrafu 3, l-eu-LISA għandha tikkonnettja lit-trasportatur mal-interfaċċa tat-trasportaturi.

Artikolu 13

Impossibbiltà teknika

1.   Meta jkun teknikament impossibbli li tintbagħat talba għal verifika minħabba ħsara f’komponent tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ jew tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, għandu japplika dan li ġej:

(a)

jekk in-nuqqas jiġi identifikat minn trasportatur, hekk kif isir jaf bih, dan għandu jinnotifika lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS permezz tal-mezzi msemmija fl-Artikolu 14;

(b)

jekk il-ħsara tiġi identifikata jew ikkonfermata mill-eu-LISA, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tinforma lill-Istati Membri u lit-trasportaturi kkonċernati b’din il-ħsara permezz tal-posta elettronika jew b’mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, hekk kif issir taf b’dan, kif ukoll dwar meta tissewwa l-ħsara u tinstab soluzzjoni.

2.   Meta jkun teknikament impossibbli li tintbagħat talba għal verifika għal raġunijiet oħra għajr minħabba ħsara f’xi komponent tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ jew tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, it-trasportatur għandu jinnotifika lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS permezz tal-mezzi msemmija fl-Artikolu 14.

3.   It-trasportatur għandu jinforma lill-Unità Ċentrali tal-ETIAS, permezz tal-mezzi msemmija fl-Artikolu 14, hekk kif il-kwistjoni tkun ġiet solvuta.

L-unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-impossibbiltà li dan it-trasportatur jibgħat it-talba għal verifika.

4.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikolu 14, l-eu-LISA għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Unità Ċentrali tal-ETIAS għodda għall-ħruġ tal-biljetti. Din l-għodda għandha toffri aċċess għar-reġistru tat-trasportaturi.

5.   L-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tirrikonoxxi l-wasla tan-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 14

Għajnuna lit-trasportaturi

1.   Bħala parti mill-għodda għall-ħruġ tal-biljetti, għandha tkun disponibbli formola tal-web għat-trasportaturi fuq sit web pubbliku sabiex it-trasportaturi jkunu jistgħu jitolbu assistenza.

Il-formola tal-web għandha tippermetti li t-trasportaturi jipprovdu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-dettalji ta’ identifikazzjoni tat-trasportatur;

(b)

sommarju tat-talba;

(c)

jekk it-talba hijiex ta’ natura teknika u, f’każ bħal dan, id-data u l-ħin ta’ meta nqalgħet il-kwistjoni teknika.

2.   It-trasportaturi għandhom jirċievu konferma tal-wasla tat-talba mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS. Din il-wasla tat-talba għandu jkun fiha n-numru tal-biljett.

3.   Jekk it-talba għall-assistenza tkun ta’ natura teknika, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tibgħat it-talba lill-eu-LISA. L-eu-LISA għandha tkun responsabbli biex tipprovdi l-assistenza teknika lit-trasportaturi.

4.   Jekk it-talba għall-assistenza ma tkunx ta’ natura teknika, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tassisti lit-trasportaturi billi tindikalhom l-informazzjoni rilevanti.

5.   Fejn ikun teknikament impossibbli li tintalab assistenza f’konformità mal-paragrafu 1 bl-użu tal-formola tal-web, it-trasportatur għandu jkun jista’ juża linja tat-telefon ta’ emerġenza mqabbda mal-Unità Ċentrali tal-ETIAS jew mal-eu-LISA.

6.   L-assistenza pprovduta mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS u mill-eu-LISA għandha tkun disponibbli 24/7 u pprovduta bl-Ingliż.

7.   L-unità Ċentrali tal-ETIAS għandha tagħmel disponibbli online lista ta’ mistoqsijiet u tweġibiet frekwenti rilevanti għat-trasportaturi. Din il-lista għandha tkun disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Għandha tkun separata mill-mistoqsijiet u t-tweġibiet rilevanti għall-vjaġġaturi.

Artikolu 15

Aċċess għas-servizz web minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi

1.   Meta jivverifikaw il-bqija tal-jiem tas-soġġorn awtorizzat permezz ta’ aċċess sigur għall-Internet għas-servizz web, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jindikaw l-Istat Membru tad-destinazzjoni.

2.   Iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jdaħħal id-data li ġejja fis-servizz web:

(a)

it-tip u n-numru tad-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar u l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż li jkun ħareġ id-dokument jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar;

(b)

b’mod fakultattiv, id-data maħsuba tad-dħul jew tal-ħruġ jew it-tnejn, issettjata bħala l-Ħin tal-Ewropa Ċentrali b’mod prestabbilit, li tista’ tiġi editjata mill-utent;

(c)

l-Istat Membru tad-destinazzjoni.

3.   Is-servizz web għandu jipprovdi waħda mit-tweġibiet li ġejjin:

(a)

“OK” u l-jiem li jifdal tas-soġġorn awtorizzat;

(b)

“MHUX OK” u l-ebda jum ta’ soġġorn awtorizzat li jifdal;

(c)

“Mhux disponibbli”.

4.   Fejn jiġi pprovdut l-għadd ta’ jiem ta’ soġġorn awtorizzat li jifdal, is-servizz web għandu jindika li l-għadd ta’ jiem ġie kkalkulat abbażi tad-data prevista tad-dħul ipprovduta miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u li l-għadd effettiv ta’ jiem li jifdal jista’ jvarja skont id-data effettiva tad-dħul.

5.   Fejn ma tkun ġiet ipprovduta l-ebda data prevista tad-dħul miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, is-soġġorn awtorizzat li jifdal għandu jiġi kkalkulat abbażi tad-data kalendarja tat-talba. F’dan il-każ, is-servizz web għandu jindika li l-għadd ta’ jiem li jifdal għal soġġorn awtorizzat ġie kkalkulat abbażi tad-data kalendarja tat-talba.

6.   Matul il-perjodu tranżitorju previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2017/2226, meta ma tkun teżisti l-ebda data fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, it-tweġibiet għat-talbiet għal verifika għandhom jiġu ddeterminati skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

Soġġorn awtorizzat: OK;

(b)

Jiem li fadal: informazzjoni mhux disponibbli, inkluża nota li tiddikjara li s-soġġorni li seħħew qabel ma bdiet topera s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ ma ġewx ikkunsidrati.

7.   Wara l-perjodu tranżitorju previst fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2017/2226, it-tweġibiet għat-talbiet għal verifika għandhom jiġu ddeterminati skont ir-regoli li ġejjin:

(a)

meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun fadallu jiem suffiċjenti ta’ soġġorn awtorizzat, it-tweġiba għandha tkun:

(i)

Soġġorn awtorizzat: OK;

(ii)

Jiem li fadal: il-jiem li jifdal tas-soġġorn awtorizzat ikkalkulati mis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ;

(b)

meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun eżawrixxa parti mis-soġġorn awtorizzat u jkun beħsiebu jibqa’ għal soġġorn itwal mis-soġġorn awtorizzat, it-tweġiba għandha tkun:

(i)

Soġġorn awtorizzat: MHUX OK;

(ii)

Jiem li fadal: 0;

(c)

meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun eżawrixxa l-jiem kollha tas-soġġorn awtorizzat, it-tweġiba għandha tkun:

(i)

Soġġorn awtorizzat: MHUX OK;

(ii)

Jiem li fadal: 0;

(d)

meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun soġġett għal obbligu ta’ viża u ma jkollux viża valida jew il-viża tkun skadiet, jew tkun ġiet revokata nkella annullata, jew ikollu viża b’validità territorjali limitata li ma tikkorrispondix għall-Istat Membru tad-destinazzjoni inserit, it-tweġiba għandha tkun:

(i)

Soġġorn awtorizzat: MHUX OK;

(ii)

Jiem li fadal: 0;

(e)

meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx soġġett għal obbligu ta’ viża u ma jkollu l-ebda awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida jew ikollu awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar li tkun skadiet, jew tkun ġiet revokata nkella annullata, it-tweġiba għandha tkun:

(i)

Soġġorn awtorizzat: MHUX OK;

(ii)

Jiem li fadal: 0;

(f)

meta ma jkun hemm l-ebda dħul fis-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ għal ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun detentur ta’ viża għal soġġorn qasir, l-għadd ta’ jiem li jifdal għandu jkun limitat skont id-data ta’ skadenza tal-viża għal soġġorn qasir. Fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżenti mill-viża, wara l-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar, l-għadd ta’ jiem li jifdal għandu jkun limitat skont id-data ta’ skadenza tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar, filwaqt li jitqiesu l-perjodu tranżitorju u l-perjodu ta’ konċessjoni msemmija fl-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) 2018/1240.

8.   Is-servizz web għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kif ġej:

(a)

f’post prominenti, l-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli l-kalkolu tas-soġġorn;

(b)

qrib il-kamp tad-data fejn għandu jiddaħħal in-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar, li d-dokument tal-ivvjaġġar li għandu jintuża għall-finijiet tas-servizz web għandu jkun wieħed mid-dokumenti tal-ivvjaġġar użati għal soġġorni preċedenti;

(c)

il-lista tal-Istati Membri;

(d)

ir-raġunijiet kollha possibbli għaliex tiġi riċevuta t-tweġiba: “Informazzjoni mhux disponibbli”;

(e)

għandu jkun hemm dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà ġenerali li tiddikjara b’mod ċar li t-tweġiba “OK/NOT OK” ma tistax tiġi interpretata bħala deċiżjoni li tippermetti jew tirrifjuta d-dħul fiż-Żona Schengen;

(f)

ir-reġim applikabbli għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) jew ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu d-dritt ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dak ta’ ċittadini tal-Unjoni skont ftehim bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u pajjiż terz, min-naħa l-oħra u li ma jkollhomx karta ta’ residenza skont id-Direttiva 2004/38/KE jew permess ta’ residenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 (20).

Artikolu 16

Żamma ta’ reġistrazzjonijiet għall-operazzjonijiet ta’ proċessar tad-data

Għall-finijiet tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2017/2226 u tal-Artikolu 45c(8) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008, l-Unità Nazzjonali tal-ETIAS għandu jkollha aċċess għar-reġistrazzjonijiet meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwim li jinżammu mill-eu-LISA.

Artikolu 17

Tħassir tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1224

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1224 jitħassar.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li ġejjin li għandhom japplikaw mid-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-VIS skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/1134:

(a)

l-Artikolu 1 sa fejn jirrigwarda r-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(b)

l-Artikolu 2 sa fejn jirrigwarda r-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(c)

l-Artikolu 3(2), (3);

(d)

l-Artikolu 5(1)(f)(5);

(e)

l-Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu; (2) it-tieni subparagrafu; (4) it-tieni subparagrafu;

(f)

l-Artikolu 6(2), (4), (5);

(g)

l-Artikolu 8(1), (4) sa fejn jirrigwarda r-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(h)

l-Artikolu 10(1) sa fejn jirrigwarda r-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(i)

l-Artikolu 13(1) sa fejn jirrigwarda r-Regolament (KE) Nru 767/2008;

(j)

l-Artikolu 16 sa fejn jirrigwarda r-Regolament (KE) Nru 767/2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20.

(2)  ĠU L 218,13.8.2008, p. 60.

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1224 tas-27 ta’ Lulju 2021 dwar ir-regoli dettaljati dwar il-kundizzjonijiet għall-operat tas-servizz web u r-regoli tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà applikabbli għas-servizz web kif ukoll miżuri għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni teknika tas-servizz web previsti mir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2019)1230 (ĠU L 269, 28.7.2021, p. 46).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1134 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (KE) Nru 810/2009, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861, (UE) 2019/817 u (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI, għall-fini tar-riforma tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (ĠU L 248, 13.7.2021, p. 11).

(7)  Dan ir-Regolament ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(8)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(10)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(12)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/934/UE tal-25 ta’ Ġunju 2018 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fadal tal-acquis ta’ Schengen marbuta mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Bulgarija u fir-Rumanija (ĠU L 165, 2.7.2018, p. 37).

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2017/1908/UE tat-12 ta’ Ottubru 2017 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li jirrigwardaw is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża fir-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija (ĠU L 269, 19.10.2017, p. 39).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(17)  Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

(18)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2022) 4550 li jistabbilixxi r-regoli u l-kundizzjonijiet għat-talbiet għal verifika mit-trasportaturi, id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tal-iskema ta’ awtentikazzjoni tat-trasportaturi, kif ukoll il-proċeduri ta’ riżerva f’każ ta’ impossibbiltà teknika.

(19)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

(20)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta’ residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz (ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1).


19.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 216/20


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1410

tat-18 ta’ Awwissu 2022

li jipprevedi perjodu mnaqqas ta’ notifika minn qabel, qabel il-wasla fil-port għal bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar impenjati fis-sajd għal stokkijiet soġġetti għar-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għar-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jiżbarkaw f’portijiet Spanjoli

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, il-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar, impenjati fis-sajd għal stokkijiet soġġetti għal pjan multiannwali, li għandhom l-obbligu li jirreġistraw b’mod elettroniku d-data tal-ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd, għandhom ukoll jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera tagħhom bl-intenzjoni li jiżbarkaw fil-port, mill-inqas erba’ sigħat qabel il-ħin mistenni tal-wasla fil-port.

(2)

Fit-28 ta’ Mejju 2021, Spanja talbet li l-perjodu ta’ notifika mnaqqas stabbilit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1188/2013 (2) jiġi estiż għall-bastimenti tas-sajd kollha tal-Unjoni li huma impenjati fis-sajd għal stokkijiet soġġetti għar-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u għar-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) fil-Baħar tal-Kantabrija, fil-Golf ta’ Cadiz u fil-Punent tal-Baħar Mediterran, u li jiżbarkaw f’portijiet Spanjoli.

(3)

Id-data ġeografika pprovduta minn Spanja biex issostni dik it-talba turi li l-flotot speċifiċi rilevanti li jtajru l-bandiera ta’ Spanja joperaw, bħala regola ġenerali, f’żoni tas-sajd li huma inqas minn erba’ sigħat ’il bogħod mill-portijiet tal-iżbark tagħhom. Minbarra dan, dawk il-portijiet tal-iżbark dejjem ikunu inqas minn sagħtejn u nofs ’il bogħod mill-uffiċċji tal-awtoritajiet ta’ kontroll Spanjoli. Għalhekk, jekk il-bastimenti kkonċernati jintgħażlu għal spezzjoni meta jiżbarkaw, perjodu ta’ notifika minn qabel ta’ mill-inqas sagħtejn u nofs jippermetti lill-awtoritajiet ta’ kontroll Spanjoli kkonċernati jaslu fil-port tal-iżbark fil-ħin biex iwettqu l-ispezzjoni korrispondenti.

(4)

Għal raġunijiet ta’ trattament ugwali, l-istess perjodu mnaqqas ta’ notifika minn qabel jenħtieġ li japplika għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jiżbarkaw fi kwalunkwe port Spanjol u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni kkonċernati jingħataw id-dritt li jippreżentaw notifika minn qabel ta’ sagħtejn u nofs qabel il-wasla stmata f’port Spanjol.

(6)

Jenħtieġ li Spanja tivvaluta l-impatt tal-perjodu mnaqqas ta’ notifika minn qabel previst b’dan ir-Regolament sabiex tiżgura r-rieżami xieraq tiegħu u tippreżenta rapport lill-Kummissjoni.

(7)

Peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1188/2013 jikkoinċidi ma’ dak ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jitħassar.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-perjodu minimu ta’ notifika minn qabel previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 għandu jitnaqqas għal sagħtejn u nofs għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni b’tul totali ta’ 12-il metru jew aktar, u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

huma impenjati fis-sajd għal stokkijiet soġġetti għall-pjanijiet pluriennali stabbiliti bir-Regolamenti (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022;

(b)

joperaw esklużivament f’żoni tas-sajd li minnhom jistgħu jaslu fil-port tal-iżbark f’inqas minn erba’ sigħat;

(c)

jiżbarkaw f’portijiet Spanjoli.

Artikolu 2

Spanja għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni li jikkonċerna l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament sas-26 ta’ Awwissu 2024.

Dak ir-rapport għandu jinkludi analiżi ta’ kwalunkwe impatt tal-perjodu mnaqqas ta’ notifika minn qabel dwar il-kapaċità tal-awtoritajiet Spanjoli għall-kontroll tas-sajd li jimmonitorjaw b’mod effettiv l-attivitajiet tas-sajd ta’ dawk il-bastimenti li jibbenefikaw minn dak il-perjodu mnaqqas ta’ notifika minn qabel stabbilit fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1188/2013 huwa mħassar.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Awwissu 2022.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President

Virginijus SINKEVIČIUS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1188/2013 tal-21 ta’ Novembru 2013 li jipprovdi perjodu mnaqqas ta’ notifika qabel il-wasla fil-port tal-bastimenti tal-Unjoni impenjati fis-sajd ta’ stokkijiet tal-merluzz u tal-iskampu fil-Baħar tal-Kantabrija u l-peniżola tal-Iberja tal-Punent li jiżbarkaw fil-portijiet Spanjoli (ĠU L 313, 22.11.2013, p. 47).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2019/472 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet mistada fl-Ilmijiet tal-Punent u fl-ilmijiet tal-madwar, u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/1139 u (UE) 2018/973, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007 u (KE) Nru 1300/2008 (ĠU L 83, 25.3.2019, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 508/2014 (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 1).


ATTI ADOTTATI MINN KORPI STABBILITI PERMEZZ TA' FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

19.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 216/22


DEĊIŻJONI Nru 1/2022 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-AMERIKA ĊENTRALI

tat-23 ta' Ġunju 2022

dwar l-emenda għall-Anness XVIII (“Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti”) tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra [2022/1411]

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-AMERIKA ĊENTRALI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra ("il-Ftehim"), u b'mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Amerika Ċentrali, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim") (1) ġie applikat b'mod proviżorju mill-1 ta' Awwissu 2013 fir-rigward tal-Honduras, tan-Nikaragwa u tal-Panama, mill-1 ta' Ottubru 2013 fir-rigward tal-Costa Rica u ta' El Salvador, u mill-1 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-Gwatemala.

(2)

L-Artikolu 247 tal-Ftehim jipprevedi l-possibbiltà li jiżdiedu indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda fl-Anness XVIII ("Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti") tal-Ftehim wara li titlesta l-proċedura ta' oġġezzjoni u wara li l-indikazzjonijiet ġeografiċi jkunu ġew eżaminati b'suċċess mill-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali kompetenti f'konformità mar-regoli u l-proċeduri rilevanti għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

(3)

Fit-2 ta' Lulju 2020, il-Costa Rica ppreżentat lill-Unjoni t-talba tagħha biex tiżdied indikazzjoni ġeografika ġdida fl-Anness XVIII (Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti) tal-Ftehim skont l-Artikolu 247 tal-Ftehim. L-Unjoni lestiet il-proċedura ta' oġġezzjoni, ippubblikata fis-6 ta' Diċembru 2021 (2), u eżaminat l-indikazzjoni ġeografika l-ġdida tal-Costa Rica.

(4)

Fis-7 ta' Ġunju 2021, El Salvador ressaq quddiem l-Unjoni t-talba tiegħu biex jiżdiedu għaxar indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda fl-Anness XVIII (Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti) tal-Ftehim skont l-Artikolu 247 tal-Ftehim. L-Unjoni lestiet il-proċedura ta' oġġezzjoni, ippubblikata fit-28 ta' Diċembru 2021 (3), u eżaminat l-indikazzjonijiet ġeografiċi ġodda ta' El Salvador.

(5)

Fit-13 ta' Ġunju 2022, skont l-Artikolu 274(2) tal-Ftehim, is-Sottokumitat dwar il-Proprjetà Intellettwali, f'laqgħa konġunta bejn l-UE u l-partijiet tal-Amerika Ċentrali, ikkonkluda, wara valutazzjoni minn qabel tal-informazzjoni pprovduta fir-rigward tal-indikazzjonijiet ġeografiċi l-ġodda tal-Costa Rica u ta' El Salvador, li jirrakkomanda lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni biex jimmodifika l-Anness XVIII tal-Ftehim skont dan.

(6)

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu s-setgħa li jieħu d-deċiżjoni bi ftehim reċiproku f'konformità mal-Artikolu 11 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness XVIII tal-Ftehim jiġi modifikat kif deskritt f'din id-deċiżjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-entrati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni jiżdiedu mat-tabella fil-Parti B tal-Anness XVIII "Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti" tal-Ftehim, kif stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 5/2014 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali (4).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni, magħmula f'żewġ kopji, għandha tiġi ffirmata mir-rappreżentanti tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali li huma awtorizzati jaġixxu f'isem il-Partijiet għall-finijiet tal-modifika tal-Ftehim.

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva mill-jum li fiha tkun saret l-aħħar waħda minn dawn il-firem.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ġunju 2022.

 

 

 


(1)  ĠU L 346, 15.12.2012, p. 3.

(2)  AVVIŻ TA' INFORMAZZJONI – KONSULTAZZJONI PUBBLIKA Indikazzjonijiet Ġeografiċi mill-Costa Rica li għandhom jiġu protetti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 489, 6.12.2021, p. 10).

(3)  AVVIŻ TA' INFORMAZZJONI – KONSULTAZZJONI PUBBLIKA Indikazzjonijiet Ġeografiċi minn El Salvador li għandhom jiġu protetti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 522, 28.12.2021, p. 20) u Rettifika għall-AVVIŻ TA' INFORMAZZJONI – KONSULTAZZJONI PUBBLIKA – Indikazzjonijiet Ġeografiċi minn El Salvador li għandhom jiġu protetti bħala Indikazzjonijiet Ġeografiċi fl-Unjoni Ewropea (ĠU C 30, 20.1.2022, p. 2).

(4)  Id-Deċiżjoni Nru 5/2014 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Amerika Ċentrali tas-7 ta' Novembru 2014 dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li għandhom jiġu inklużi fl-Anness XVIII tal-Ftehim (ĠU L 196, 24.7.2015, p. 59).


ANNESS

Pajjiż

Isem

Prodotti

Il-Costa Rica

Tarrazú

Kafè

El Salvador

Café Alotepec

Kafè

El Salvador

Café Bálsamo Quezaltepec

Kafè

El Salvador

Café Cacahuatique

Kafè

El Salvador

Café Chichontepec

Kafè

El Salvador

Café Tecapa Chinameca

Kafè

El Salvador

Camarón Bahía de Jiquilisco

Gambli

El Salvador

Chaparro

Xorb spirituż distillat b'bażi ta' qmuħ

El Salvador

Jocote Barón Rojo San Lorenzo

Frott frisk

El Salvador

Loroco San Lorenzo

Ħaxix frisk

El Salvador

Pupusa de Arroz de Olocuilta

Ħobż ċatt tond u oħxon (tortilla) magħmul mir-ross


Top