Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document L:2018:214:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 214, 23 ta' Awwissu 2018


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 214

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
23 ta' Awwissu 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1194 tal-21 ta' Ġunju 2018 dwar il-konkluzjoni, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri, tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

1

 

*

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1195 tas-16 ta' Lulju 2018 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (Ftehim Interbus) fir-rigward tat-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank ( 1 )

3

 

 

III   Atti oħrajn

 

 

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

 

*

Deċiżjoni Delegata tal-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA Nru 18/18/COL tad-9 ta' Frar 2018 dwar l-istatus mingħajr mard tan-Norveġja rigward il-Marteilia refringens u l-Bonamia ostreae [2018/1196]

5

 

 

Rettifika

 

*

Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1970 tas-27 ta' Ottubru 2017 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 ( ĠU L 281, 31.10.2017 )

8

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

FTEHIMIET INTERNAZZJONALI

23.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1194

tal-21 ta' Ġunju 2018

dwar il-konkluzjoni, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri, tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91, l-Artikolu 100(2) u l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi

(1)

F'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1567 (1), il-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (“il-Protokoll”) ġie ffirmat fis-17 ta' Lulju 2017, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(2)

Fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-konklużjoni tal-Protokoll hija soġġetta għal proċedura separata.

(3)

Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi approvat f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (2), huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 4(1) tal-Protokoll. (3)

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta' Ġunju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

B. PETKOV


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1567 tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan min-naħa l-oħra, biex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (ĠU L 238. 16.9.2017, p. 1).

(2)  It-test tal-Protokoll ġie ppubblikat fil-ĠU L 238, 16.9.2017 flimkien mad-deċiżjoni dwar il-firma.

(3)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


23.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1195

tas-16 ta' Lulju 2018

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (Ftehim Interbus) fir-rigward tat-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/917/KE (1), il-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (Ftehim Interbus) (2) ġie konkluż, f'isem l-Unjoni, fit-3 ta' Ottubru 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003 (3).

(2)

Fil-5 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati għal Protokoll għall-Ftehim Interbus (il-“Protokoll”) mar-Repubblika tal-Albanija, mal-Bożnija-Ħerzegovina, mal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, mar-Repubblika tal-Moldova, mal-Montenegro, mar-Repubblika tat-Turkija u mal-Ukrajna.

(3)

In-negozjati ġew konklużi b'suċċess matul il-laqgħa tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Interbus li saret fl-10 ta' Novembru 2017.

(4)

Il-Protokoll għandu jiffaċilita l-provvista ta' servizzi regolari jew ta' servizzi regolari speċjali bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Interbus u b'hekk mistenni jagħti lok għal titjib fil-kollegamenti tat-trasport ta' passiġġieri bejniethom.

(5)

Fir-rigward tar-regoli ġenerali, b'mod partikolari l-operat tal-Kumitat Konġunt, u sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tiegħu, l-abbozz tal-Protokoll fil-biċċa l-kbira tiegħu jirrifletti r-regoli stabbiliti fil-Ftehim Interbus.

(6)

Sabiex il-benefiċċji tiegħu ma jiddewmux wisq u b'mod simili għal kif jistipula l-Ftehim Interbus, il-Protokoll jipprevedi d-dħul fis-seħħ tiegħu stess, għall-Partijiet Kontraenti li jkunu approvawh jew irratifikawh, meta erba' Partijiet Kontraenti, inkluża l-Unjoni, ikunu approvawh jew irratifikawh.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll għall-Ftehim dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank (Ftehim Interbus) fir-rigward tat-trasport internazzjonali regolari u regolari speċjali ta' passiġġieri bil-kowċ u bix-xarabank huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu (4).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Lulju 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BOGNER-STRAUSS


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/917/KE tat-3 ta' Ottubru 2002 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Interbus dwar it-trasport okkażjonali internazzjonali tal-passiġġieri bil-coach u bix-xarabank (ĠU L 321, 26.11.2002, p. 11).

(2)  ĠU L 321, 26.11.2002, p. 13.

(3)  ĠU L 321, 26.11.2002, p. 44.

(4)  It-test tal-Protokoll se jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


III Atti oħrajn

ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

23.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/5


DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 18/18/COL

tad-9 ta' Frar 2018

dwar l-istatus mingħajr mard tan-Norveġja rigward il-Marteilia refringens u l-Bonamia ostreae [2018/1196]

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, partikolarment l-Artikolu 109 u Protokoll 1 tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment l-Artikolu 5(2)(d) u l-Protokoll 1 tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att imsemmi fil-punt 8a tal-Parti 3.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim ŻEE, id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar il-ħtiġiet tas-saħħa tal-annimali għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard f'annimali akkwatiċi (1) (“id-Direttiva 2006/88/KE”) hekk kif emendat u adattat permezz tal-Protokoll 1 tal-Ftehim taż-ŻEE, b'mod partikolari l-Artikolu 53 ta' dak l-Att,

Billi:

Bid-deċiżjoni tagħha Nru 291/10/COL tas-7 ta' Lulju 2010, l-Awtorità rrikonoxxiet il-kosta sħiħa tan-Norveġja bħala żona mingħajr mard fir-rigward kemm tal-Marteilia refringens kif ukoll tal-Bonamia ostreae, bl-eċċezzjoni tal-kontea ta' Aust-Agder fin-Nofsinhar tan-Norveġja fir-rigward tal-Bonamia ostreae.

Fit-23 ta' Frar 2017, l-Awtorità tas-Sikurezza tal-Ikel Norveġiża nnotifikat permezz tas-Sistema ta' Twissija Bikrija tal-OIE (l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali) (2) suspett ta' infezzjoni ta' Marteilia refringens ta' molluski blu (Mytilus edulis) misjuba jikbru fis-salvaġġ ġewwa razzett tal-akkwakultura tal-gajdra ċatta (Ostrea edulis) fil-lokalità tal-muniċipalità ta' Bømlo fil-Kontea ta' Hordaland fin-Nofsinhar tan-Norveġja.

Permezz ta' email datata t-28 ta' Frar 2017 (Dok. Nru 844246), l-Awtorità Norveġiża għas-Sikurezza tal-Ikel infurmat lill-Awtorità dwar l-istess suspett u li r-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-molluski blu jew gajdri ċatti barra jew ġewwa r-razzett tal-akkwakultura kienu ġew imposti.

L-Awtorità Norveġiża għas-Sikurezza tal-Ikel infurmat lill-Awtorità b'email datat is-16 ta' Marzu 2017 (Dok Nru 847935), wara notifika permezz tas-Sistema ta' Notifika tal-Mard tal-Annimali (ADNS) fl-istess jum, li l-Laboratorju ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea għall-Mard tal-Molluski kien ikkonferma l-marda u li kienet se tkun stabbilita żona tat-trażżin Fmadwar ir-razzett tal-akkwakultura.

L-Artikolu 53(3) tad-Direttiva 2006/88/KE jipprovdi li fejn investigazzjoni epiżootika tikkonferma probabbiltà sinifikanti li ġrat l-infezzjoni, għandu jiġi rtirat l-istatus mingħajr mard tal-Istat Membru rilevanti, taż-żona jew tal-kompartiment, skont il-proċedura li taħtha kien iddikjarat dak l-istatus.

Il-Ministeru Norveġiż għall-Kummerċ, l-Industrija u s-Sajd kiteb lill-Awtorità fit-28 ta' Settembru (Dok Nru 875660) u inkluda ittra ta' notifika tal-Awtorità Norveġiża għas-Sikurezza tal-Ikel datata t-22 ta' Settembru 2017 (Dok Nru 875658) li tgħid li regolament li jistabbilixxi żona għat-trażżin tal-Marteilia refringens fil-muniċipalità ta' Bømlo fin-Norveġja (3) ġiet adottata u li tikkonferma li, f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti (4), “iż-żona kostali sħiħa tan-Norveġja hija fil-kategorija I għall-Marteilia refringens, bl-eċċezzjoni taż-żona tat-trażżin fil-muniċipalità ta' Bømlo fin-Norveġja”.

L-awtorità tqis li l-kundizzjonijiet tad-dispożizzjoni għall-irtirar tal-istatus mingħajr mard taż-żona ġeografika milquta tal-muniċipalità ta' Bømlo fin-Norveġja huma sodisfatti.

Għalhekk, u fl-interess tas-simplifikazzjoni, id-Deċiżjoni Nru 291/10/COL tas-7 ta' Lulju 2010 għandha tiġi revokata u għandha tinbidel b'deċiżjoni ġdida.

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju tal-EFTA li jassisti l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-istatus mingħajr mard tan-Norveġja fir-rigward il-Marteilia refringens u l-Bonamia ostreae huwa deskritt fl-Anness.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni Nru 291/10/COL qed tiġi revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-8 ta' Frar 2018.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lin-Norveġja.

Artikolu 5

It-test Ingliż biss tad-deċiżjoni hi kkunsidrata bħala awtentika.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Frar 2018.

Għall-awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, li taġixxi taħt id-Deċiżjoni Delegata Nru 494/13/COL,

Högni S. KRISTJÁNSSON

Membru tal-Kulleġġ Responsabbli

Carsten ZATSCHLER

Kontrofirma bħala Direttur, Affarijiet Legali u Eżekuttivi


(1)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.

(2)  NOR 24-02-17 Twissija tal-OIE.

(3)  Forskrift om kontrollområde for å bekjempe sykdommen Marteiliose hos bløtdyr, Bømlo kommune, Hordaland, FOR-2017-09-08-1377 (Regolamenti dwar iż-żona ta' kontroll għall-ġlieda kontra l-marda Marteiliose fil-molluski, muniċipalità ta' Bømlo, Hordaland)

(4)  Forskrift om omsetning av akvakulturdyr og produkter av akvakulturdyr, forebygging og bekjempelse av smittsomme sykdommer hos akvatiske dyr, FOR-2008-06-17-819 (Regolamenti dwar il-bejgħ ta' annimali tal-akkwakultura u prodotti tal-annimali tal-akkwakultura, il-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard li jittieħed fl-annimali akkwatiċi)


ANNESS

1.

Iż-żona kostali sħiħa tan-Norveġja hija żona mingħajr mard fir-rigward tal-Marteilia refringens, bl-eċċezzjoni taż-żona tat-trażżin fil-muniċipalità ta' Bømlo fil-Kontea ta' Hordaland fin-Nofsinhar tan-Norveġja, speċifikament deskritta f'§ 2 tar-Regolamenti Norveġiżi dwar iż-żona ta' kontroll għall-ġlieda tal-marda Marteiliose fil-molluski, il-muniċipalità ta' Bømlo, Hordaland (FOR-2017-09-08-1377) (ir- “Regolament”) (1) li huwa definit b'linja dritta minn:

punt (59° 44.805′ N; 5° 27.560′ E) fuq il-parti t'isfel ta' Stord, fid-direzzjoni lejn in-Nofsinhar

għall-fruntiera muniċipali bejn Bømlo u Sveio u imbagħad f'direzzjoni lejn il-Lbiċ tul il-fruntiera muniċipali għal

punt (59° 34.420′ N; 5° 14.623′ E) fil-baħar u lil hinn fid-direzzjoni tal-Punent għal punt (59° 33.72′ N; 5° 05.46′ E) fil-baħar. Imbagħad fid-direzzjoni tat-Tramuntana lejn il-fruntiera muniċipali bejn Austevoll u Bømlo u imbagħad lejn il-Punent tul il-fruntiera muniċipali għal

punt (59° 59.948′ N; 5° 19.629′ E) fil-baħar u mbagħad fid-direzzjoni tan-Nofsinhar-Lbiċ għal

punt (59° 58.917′ N; 5° 19.114′ E) fil-ponta tat-Tramuntana ta' Stord.

Il-mappa taż-żona ta' kontroll mehmuża mar-Regolament hija riprodotta fl-Appendiċi għal din id-Deċiżjoni.

2.

l-kosta sħiħa tan-Norveġja hija żona mingħajr mard fir-rigward tal-Bonamia ostreae bl-eċċezzjoni ta':

il-kontea ta' Aust-Agder fin-Nofsinhar tan-Norveġja.

Appendiċi

Image

(1)  Forskrift om kontrollområde for å bekjempe sykdommen Marteiliose hos bløtdyr, Bømlo kommune, Hordaland, FOR-2017-09-08-1377.


Rettifika

23.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 214/8


Rettifika tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1970 tas-27 ta' Ottubru 2017 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 281 tal-31 ta' Ottubru 2017 )

It-titolu fil-paġna tal-Werrej u t-titolu fil-paġna 1:

minflok:

“Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1970 tas-27 ta' Ottubru 2017 li jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127”,

aqra:

“Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1970 tas-27 ta' Ottubru 2017 li jiffissa għall-2018 l-opportunitajiet tas-sajd għal ċerti stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127”.


Top