Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document L:2018:211:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, L 211, 22 ta' Awwissu 2018


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1977-074X

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

L 211

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Leġiżlazzjoni

Volum 61
22 ta' Awwissu 2018


Werrej

 

II   Atti mhux leġiżlattivi

Paġna

 

 

DEĊIŻJONIJIET

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1192 tal-11 ta' Lulju 2018 dwar l-attivazzjoni ta' sorveljanza msaħħa għall-Greċja (notifikata bid-dokument C(2018) 4495)

1

 

*

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1193 tal-21 ta' Awwissu 2018 tmiem tal-proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet tas-siliċju li joriġinaw mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-Brażil

5

MT

L-Atti li t-titoli tagħhom huma stampati b'tipa ċara huma dawk li għandhom x'jaqsmu mal-maniġment ta' kuljum ta' materji agrikoli, u li ġeneralment huma validi għal perijodu limitat.

It-titoli ta'l-atti l-oħra kollha huma stampati b'tipa skura u mmarkati b'asterisk quddiemhom.


II Atti mhux leġiżlattivi

DEĊIŻJONIJIET

22.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/1


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1192

tal-11 ta' Lulju 2018

dwar l-attivazzjoni ta' sorveljanza msaħħa għall-Greċja

(notifikata bid-dokument C(2018) 4495)

(It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Sa mill-2010, il-Greċja bdiet tirċievi assistenza finanzjarja mill-Istati Membri taż-żona tal-euro. Speċifikament, b'appoġġ għall-ewwel Programm ta' Aġġustament Makroekonomiku, bejn Mejju 2010 u Diċembru 2011 il-Greċja rċeviet EUR 52 900 miljun ta' self bilaterali mill-Istati Membri taż-żona tal-euro li l-munita tagħhom hija l-euro, miġbura mill-Kummissjoni taħt il-Faċilità ta' Self Griega; b'appoġġ għat-tieni Programm ta' Aġġustament Makroekonomiku, bejn Marzu 2012 u Frar 2015 il-Greċja rċeviet self addizzjonali pprovdut mill-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja ta' EUR 130 900 miljun (2); u bejn Awwissu 2015 u Ġunju 2018 il-Greċja rċeviet ammont addizzjonali ta' EUR 59 900 miljun (3) f'forma ta' self mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà. B'kollox, l-obbligazzjonijiet pendenti tal-Greċja lejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, il-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà jammontaw għal total ta' EUR 243 700 miljun. Barra minn hekk, b'appoġġ għall-ewwel u t-tieni Programmi ta' Aġġustament Ekonomiku, il-Greċja rċeviet ukoll għajnuna finanzjarja mill-Fond Monetarju Internazzjonali, li jammontaw għal EUR 32 100 miljun.

(2)

L-assistenza finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà se tiskadi fl-20 ta' Awwissu 2018.

(3)

Il-kundizzjonijiet ta' politika għall-assistenza finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà ġew stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/544 (4), li sussegwentement ġiet emendata mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1226 (5). Il-kondizzjonalità tal-politika kienet ulterjorment dettaljata fil-Memorandum ta' Qbil tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u fil-Kondizzjonalità tal-Politika (“Memorandum ta' Qbil”) iffirmata mill-Kummissjoni, f'isem il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, u mill-Greċja fid-19 ta' Awwissu 2015 u l-erba' emendi sussegwenti tagħha.

(4)

Fil-qafas tal-assistenza finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, il-Greċja implimentat għadd kbir ta' riformi li jkopru firxa wiesgħa ta' oqsma ta' politika ta' (i) sostenibbiltà fiskali; (ii) stabbiltà finanzjarja; (iii) riformi strutturali biex jitjiebu l-kompetittività u t-tkabbir; u (iv) l-amministrazzjoni pubblika. Filwaqt li jibnu fuq l-għadd sostanzjali ta' azzjonijiet implimentati taħt il-programm, jenħtieġ li riformi istituzzjonali u strutturali ewlenin jitkomplew fuq perjodu medju ta' żmien sabiex jiġu żgurati t-tlestija u l-effikaċja sħiħa tagħhom.

(5)

B'riżultat tal-azzjonijiet meħuda mill-gvern Grieg, żbilanċi fiskali u tal-fluss esterni fil-biċċa l-kbira ġew ikkoreġuti. Il-bilanċ ġenerali tal-amministrazzjoni pubblika kien wieħed pożittiv fl-2016 u fl-2017 u l-Greċja tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira ta' surplus primarju ta' 3,5 % tal-Prodott Gross Domestiku fl-2018 u tul it-terminu medju. Is-self nett estern qaleb għall-pożittiv fl-2015, u wera biss defiċits żgħar minn hemm 'il quddiem. L-ekonomija bdiet tirkupra, bi tkabbir ta' 1,4 % fl-2017, u l-qgħad qed jonqos. Il-Greċja tejbet il-pożizzjoni tagħha fl-ordni tal-komponenti strutturali ta' indikaturi tal-prestazzjoni li jqabblu bejn il-pajjiżi.

(6)

Minkejja din ir-riforma, il-Greċja għadha qed tesperjenza żbilanċi u vulnerabbiltajiet sinjifikanti fl-istokk akkumulat. B'mod partikolari, kif ġie identifikat ukoll mir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija tal-2018 tal-Kummissjoni (imħejji skont l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6)), il-Greċja qed tiffaċċja dawn id-diffikultajiet. Wara l-quċċata ta' 180,8 % tal-Prodott Domestiku Gross fi tmiem l-2016, id-dejn pubbliku baqa' 178,6 % tal-Prodott Gross Domestiku fi tmiem l-2017, l-ogħla livell fl-Unjoni. Il-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta ta' qrib – 140 % tal-Prodott Gross Domestiku fl-2016 tibqa' wkoll għolja ħafna; barra minn hekk, minkejja li l-kont attwali qiegħed qrib il-bilanċ, għadu mhuwiex suffiċjenti biex jappoġġa tnaqqis tal-pożizzjoni ta' investiment internazzjonali netta kbira għal livelli prudenti b'ritmu sodisfaċenti. Il-qgħad, filwaqt li naqas mill-quċċata tiegħu ta' 27,9 % fl-2013, għadu 20,1 % f'Marzu 2018. Il-qgħad fuq terminu twil (15,3 % fi tmiem l-2017) u l-qgħad fost iż-żgħażagħ (43,8 % f'Marzu 2018) ukoll għadhom għoljin ħafna. L-ambjent tan-negozju għadu jeħtieġ aktar titjib konsiderevoli peress li l-Greċja xorta għadha lura ħafna mil-livell minimu tal-aħjar prestazzjoni f'diversi oqsma tal-komponenti strutturali tal-indikaturi ta' prestazzjoni ekonomika komparattivi (pereż. l-infurzar tal-kuntratti, ir-reġistrazzjoni ta' proprjetà, ir-riżoluzzjoni tal-insolvenza, eċċ.).

(7)

Filwaqt li s-settur bankarju jibqa' kapitalizzat biżżejjed, jibqa' jiffaċċja sfidi marbuta ma' livelli baxxi ta' profittabbiltà, stokkijiet kbar ta' skoperturi improduttivi; jibqgħu rabtiet b'saħħithom mal-Istat. Fl-aħħar ta' Marzu 2018, l-istokk ta' skoperturi improduttivi kien għadu għoli ħafna b'EUR 92,4 biljun jew 48,5 % tal-iskoperturi totali fil-karta tal-bilanċ. Il-Greċja adottat leġiżlazzjoni ewlenija taħt l-assistenza finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà biex tiffaċilita t-tindif tal-karti tal-bilanċ tal-banek, iżda huma meħtieġa sforzi kontinwi biex il-proporzjon ta' skoperturi improduttivi jinġieb għal livelli sostenibbli, u l-istituzzjonijiet finanzjarji jitħallew jissodisfaw il-funzjoni ta' intermedjazzjoni u ta' ġestjoni tar-riskju f'kull ħin. Barra minn hekk, jeżisti pjan direzzjonali għat-tnaqqis tal-kontrolli fuq il-kapital, bl-objettiv li jirrestawra l-fiduċja tad-depożitanti. Filwaqt li xi kontrolli fuq il-kapital ġew illaxkati, jenħtieġ li jsir iktar xogħol abbażi ta' punti ta' referenza miftiehma.

(8)

Minħabba li nqatgħet mis-self tas-suq finanzjarju mill-2010 ‘l hawn, il-Greċja bdiet terġa’ takkwista aċċess għas-suq permezz ta' ħruġ ta' bonds tal-gvern minn Lulju 2017. Madankollu, fost episodji ta' volatilità fis-swieq finanzjarji, id-dħul mill-bonds Griegi jibqgħu f'livelli għolja meta mqabbla ma' Stati Membri oħra taż-żona tal-euro, u l-kundizzjonijiet ta' self tal-Greċja jibqgħu fraġli fl-isfond ta' riskji ekonomiċi esterni. Iktar sforzi huma meħtieġa biex ikun żgurat aċċess kontinwu u stabbli għaas-suq għad-dejn sovran.

(9)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Greċja għadha qed tħabbat wiċċha ma' riskji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħha li, jekk jimmaterjalizzaw, jista' jkollhom effetti negattivi sekondarji fuq Stati Membri oħra taż-żona tal-euro. Jekk jimmaterjalizzaw xi effetti negattivi sekondarji, dawn jistgħu jseħħu indirettament billi jkollhom impatt fuq il-fiduċja tal-investituri u b'hekk fuq l-ispejjeż ta' rifinanzjament għall-banek u s-sovrani fi Stati Membri oħra taż-żona tal-euro.

(10)

Fit-22 ta' Ġunju 2018, il-Grupp tal-Euro politikament qabel li jimplimenta miżuri addizzjonali biex jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn. Il-Greċja għandha stokk għoli ta' dejn ġenerali tal-amministrazzjoni pubblika f'livell ta' 178,6 % tal-Prodott Domestiku Gross fi tmiem l-2017. Il-Greċja diġà bbenefikat minn sostenn finanzjarju ġeneruż minn sħab Ewropej fuq termini konċessjonali u miżuri speċifiċi biex id-dejn jitqiegħed fuq bażi aktar sostenibbli ġew adottati fl-2012 u għal darb'oħra mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà fl-2017. L-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn ta' Ġunju 2018 li saret mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew u f'kooperazzjoni mal-Mekkaniżmu Ewropew sabet li, jekk ma jittiħdux iktar miżuri, kien hemm riskji sinifikanti għas-sostenibbiltà tad-dejn, peress li l-Ħtiġijiet ta' Finanzjament Gross tal-Greċja kienu pproġettati li jitilgħu iktar minn 20 % tal-Prodott Domestiku Gross fuq żmien twil, limitu minimu li ġie stabbilit mill-Grupp tal-Euro bħala punt ta' riferiment li miegħu jiġu vvalutati r-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn. Il-miżuri miftiehma mill-Grupp tal-Euro fit-22 ta' Ġunju 2018 fuq dik il-bażi jinkludu l-estensjoni tal-maturitajiet medja ponderata b'għaxar snin oħra, ir-riportar ta' interessi u l-amortizzament b'żieda b'għaxar snin oħra kif ukoll l-implimentazzjoni ta' miżuri oħra ta' dejn. Flimkien mal-iżborż ta' EUR 15 000 miljun, li permezz tiegħu ir-riżervi ta' flus huma mistennija li jkopru l-ħtiġijiet ta' finanzjament tad-dejn sovran għal madwar 22 xahar wara tmiem il-programm, skont is-suppożizzjonijiet tax-xenarju bażi tal-Kummissjoni dawn il-miżuri huma mistennija li jkunu biżżejjed biex jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn u jiżguraw li l-Ħtiġijiet ta' Finanzjament Gross se jibqgħu taħt l-20 % tal-Prodott Domestiku Gross sal-2060. Skont xenarju avvers, il-miżuri għal terminu medju maqbula mill-Grupp tal-Euro jkunu ta' kontribut pożittiv għas-sostenibbiltà tad-dejn għal xi żmien u jiżguraw li l-proporzjonijiet ta' ħtiġijiet ta' finanzjament gross jibqgħu taħt il-livelli limiti miftiehma sal-2036. Il-Grupp tal-Euro qabel li jirrevedi fi tmiem il-perjodu ta' grazzja tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja fl-2032, jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali tad-dejn sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-miri miftiehma għal ħtiġijiet ta' finanzjament gross, ġaladarba l-qafas fiskali tal-Unjoni Ewropea jkun rispettat, u jittieħdu azzjonijiet xierqa, jekk ikun meħtieġ.

(11)

Madankollu, fuq medda medja ta' żmien, il-Greċja teħtieġ li tkompli tadotta miżuri biex jindirizzaw is-sorsi jew is-sorsi potenzjali tad-diffikultajiet u timplimenta riformi strutturali biex tappoġġa rkupru ekonomiku robust u sostenibbli, fid-dawl tal-effetti li jintirtu ta' diversi fatturi. Dawn il-fatturi jinkludu daqqa serja u twila 'l isfel fl-ekonomija tul il-kriżi; id-daqs tal-piż tad-dejn tal-Greċja; il-vulnerabbiltajiet tas-settur finanzjarju tagħha; l-interkonnessjonijiet relattivament b'saħħithom u kontinwi bejn is-settur finanzjarju u l-finanzi pubbliċi Griegi, inkluż permezz ta' sjieda mill-Istat; ir-riskju ta' kontaġju ta' tensjonijiet qawwija f'wieħed minn dawk is-setturi lil Stati Membri oħra, kif ukoll l-esponiment tal-Istati Membri taż-żona tal-euro għad-dejn sovran Grieg.

(12)

Għal dak il-għan, il-Greċja impenjat ruħha fil-Grupp tal-Euro biex tkompli u tlesti r-riformi ewlenin kollha adottati taħt l-assistenza finanzjarja tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u tiżgura li l-objettivi tar-riformi importanti adottati taħt il-programmi ta' assistenza finanzjarja jkunu salvagwardjati.

(13)

Il-Greċja impenjat ruħha wkoll biex timplimenta azzjonijiet speċifiċi fl-oqsma ta' politiki fiskali u fiskali-strutturali, tal-benessri soċjali, tal-istabbiltà finanzjarja, tas-swieq tax-xogħol u tal-prodotti, tal-privatizzazzjoni u tal-amministrazzjoni pubblika. Dawk l-azzjonijiet speċifiċi, li huma stipulati f'anness tad-dikjarazzjoni tal-Grupp tal-Euro tat-22 ta' Ġunju 2018, se jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati s-sorsi potenzjali ta' diffikultajiet ekonomiċi.

(14)

Sabiex jiġu indirizzati r-riskji residwi u jiġi ssorveljat l-issodisfar tal-impenji mmirati għalihom, jidher li huwa meħtieġ u xieraq li l-Greċji tiġi soġġetta għal sorveljanza msaħħa skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013.

(15)

Il-Greċja ġiet ikkonsultata uffiċjalment, anki permezz ta' ittra formali mibgħuta fl-4 ta' Lulju 2018, u ngħata l-opportunità li tesprimi fehmietha dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Fir-risposta tagħha tas-6 ta' Lulju 2018, il-Greċja qablet mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-isfidi ekonomiċi li l-pajjiż qed iħabbat wiċċu magħhom, li hija l-bażi għall-attivazzjoni ta' sorveljanza msaħħa.

(16)

Il-Greċja se tkompli tibbenifika mill-appoġġ tekniku taħt il-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (kif stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7)) għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' riformi, inkluż għat-tkomplija u t-tlestija ta' riformi ewlenin f'konformità mal-impenji ta' politika ssorveljati taħt sorveljanza msaħħa.

(17)

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tikkollabora mill-qrib mal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà fil-kuntest tas-Sistema ta' Twissija Bikrija tagħha, fl-implimentazzjoni ta' sorveljanza msaħħa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Greċja għandha tkun soġġetta għal sorveljanza msaħħa taħt l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 għal perjodu ta' sitt xhur, li jibda mill-21 ta' Awwissu 2018.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni

Pierre MOSCOVICI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

(2)  Ammont nett ta' bonds tal-EFSF b'valur ta' EUR 10 900 miljun ġew trasferiti lill-Faċilità għall-Istabbiltà Finanzjarja Ellenika f'Marzu 2012 u rritornati fi Frar 2015.

(3)  Ammont nett ta' EUR 2 000 miljun f'self għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek li kienu mħallsa lura fi Frar 2017.

(4)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/544 tal-15 ta' Frar 2015 li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Greċja (2015/1411) (ĠU L 91, 7.4.2016, p. 27).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1226 tat-30 ta' Ġunju 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/544 li tapprova l-programm ta' aġġustament makroekonomiku tal-Greċja (2015/1411) (ĠU L 174, 7.7.2017, p. 22).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi, sakemm dawn l-emendi jitqiesu meħtieġa biex jgħinu fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2017/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-istabbiliment tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali għall-perjodu 2017 sa 2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 (ĠU L 129.19.5.2017, p. 1).


22.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 211/5


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1193

tal-21 ta' Awwissu 2018

tmiem tal-proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet tas-siliċju li joriġinaw mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-Brażil

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,

Billi:

A.   BIDU U PROĊEDURA

(1)

Fid-19 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' siliċju li joriġina mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-Brażil u ppubblikat notifika ta' bidu f'Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2).

(2)

L-investigazzjoni bdiet wara lment ippreżentat minn Ferroatlántica u Ferropem (“l-ilmentaturi”), li jirrappreżentaw aktar minn 85 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tas-silikon. L-ilment kellu evidenza prima facie ta' dumping dannuż li kien biżżejjed biex jiġġustifika l-bidu.

(3)

Il-Kummissjoni infurmat lill-ilmentatur, lill-produtturi esporaturi magħrufa fil-Bożnija-Ħerzegovina u l-Brażil, lill-importaturi u utenti magħrufa u lil kwalunkwe parti oħra li kienet magħrufa li kienet ikkonċernata, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-Bożnja-Ħerzegovina u l-Brażil dwar il-bidu tal-investigazzjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jispjegaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-Notifika ta' Bidu.

B.   IRTIRAR TAL-ILMENT U TMIEM TAL-PROĊEDIMENT

(4)

Permezz ta' email tas-7 ta' Mejju 2018, l-ilmentaturi informaw lill-Kummissjoni li huma rtiraw l-ilment tiegħu.

(5)

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, il-proċedimenti jistgħu jintemmu meta jiġi rtirat l-ilment, sakemm dan it-tmiem ma jkunx imur kontra l-interess tal-Unjoni.

(6)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kunsiderazzjoni li turi li dan it-tmiem imur kontra l-interess tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li jenħtieġ li l-investigazzjoni dwar importazzjonijiet fl-Unjoni ta' siliċju li joriġinaw mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-Brażil tintemm.

(7)

Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b'dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. Madankollu, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kummentili jiġġustifikaw li dan it-tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

(8)

Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li jenħtieġ li l-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-aċidu tartariku li joriġina mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-Brażil jintemm mingħajr l-impożizzjoni tal-miżuri,

(9)

Din id-Deċiżjoni hija f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet ta' siliċju b'kontenut ta' siliċju ta' inqas minn 99,99 % skont il-piż attwali, li joriġina mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-Brażil, li attwalment jaqa' fil-kodiċi tan-NM 2804 69 00, qiegħed b'dan jintemm.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Awwissu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Notifika ta' bidu ta' proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet tas-siliċju li joriġina mill-Bożnija-Ħerzegovina u mill-Brażil (ĠU C 438, 19.12.2017, p. 39).


Top