Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2010_288_R_0001_01

2010/666/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 3 ta’ Ġunju 2010 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru

OJ L 288, 5.11.2010, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 288/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-3 ta’ Ġunju 2010

dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru

(2010/666/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tiegħu tal-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi terzi dwar il-bdil ta’ ċerti dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali eżistenti bi ftehim fil-livell tal-Unjoni.

(2)

F’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim mal-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) b’konformità mal-mekkaniżmi u d-direttivi fl-Anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2003.

(3)

Il-Ftehim innegozjat mill-Kummissjoni għandu jiġi ffirmat u applikat provviżorjament, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar ’il quddiem,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill b’dan huwa awtorizzat jaħtar il-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Sa meta jidħol fis-seħħ, il-Ftehim għandu jiġi applikat provviżorjament mill-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin li tlestew il-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan (1).

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 7(2) tal-Ftehim.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

A. PÉREZ RUBALCABA


(1)  Id-data li minnha l-Ftehim ser ikun provviżorjament applikat ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar ċerti aspetti tas-servizzi bl-ajru

L-UNJONI EWROPEA

minn naħa waħda, u

IL-GVERN TAR-REPUBBLIKA SOĊJALISTA TAL-VJETNAM

min-naħa l-oħra

(minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Partijiet”),

FILWAQT LI JINNUTAW li ġew konklużi ftehimiet bilaterali dwar servizzi bl-ajru bejn sbatax-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam li fihom dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea;

FILWAQT LI JINNUTAW li l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva fir-rigward ta’ bosta aspetti li jistgħu jiġu inklużi ftehimiet bilaterali dwar servizzi bl-ajru bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi;

FILWAQT LI JINNUTAW li skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea t-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni Ewropea stabbiliti f’xi wieħed mill-Istati Membri għandhom id-dritt għal aċċess mhux diskriminatorju għar-rotot tal-ajru bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi;

WARA LI KKUNSIDRAW il-ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti pajjiżi terzi li jipprovdu l-possibbiltà għaċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi terzi li jiksbu sehem f’kumpaniji tal-ajru liċenzjati b’mod konformi mal-liġi tal-Unjoni Ewropea;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li ċerti dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet bilaterali dwar servizzi bl-ajru bejn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, li huma kontra l-liġi tal-Unjoni Ewropea, għandhom jinġiebu b’mod konformi sħiħ magħha sabiex tiġi stabbilita bażi legali tajba għas-servizzi bl-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u biex tiġi ppreservata t-tkomplija ta’ servizzi bl-ajru bħal dawn;

FILWAQT LI JINNUTAW li taħt il-liġi tal-Unjoni Ewropea l-kumpanniji tal-ajru fil-prinċipju ma jistgħux jikkonkludu ftehimiet li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u li għandhom bħala għan jew effett tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li d-dispożizzjonijiet fi ftehimiet bilaterali dwar servizzi bl-ajru konklużi bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam li (i) jirrikjedu jew jiffavorixxu l-adozzjoni ta’ akkordji bejn impriżi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew prattiċi miftiehma li jipprevjenu, joħolqu distorsjoni jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn il-kumpanniji tal-ajru dwar rotot rilevanti, jew (ii) isaħħu l-effetti ta’ kwalunkwe tali akkordju, deċiżjoni jew prattika miftiehma, jew (iii) jiddelegaw ir-responsabbiltà lill-kumpaniji tal-ajru jew operaturi ekonomiċi privati oħra biex jittieħdu miżuri li jipprevjenu, joħolqu distorsjoni, jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni bejn il-kumpanniji tal-ajru fir-rotot rilevanti jistgħu jagħmlu ineffettivi r-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi;

FILWAQT LI JINNUTAW li mhuwiex għan tal-Unjoni Ewropea, bħala parti minn dawn in-negozjati, li jiżdied il-volum totali ta’ traffiku tal-ajru bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, li jiġi affettwat il-bilanċ bejn kumpanniji tal-ajru tal-Unjoni Ewropea u kumpanniji tal-ajru tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, jew li jiġu nnegozjati emendi għad-dispożizzjonijiet li diġà jeżistu ta’ ftehimiet bilaterali dwar servizzi bl-ajru li jikkonċernaw drittijiet tat-traffiku,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, “Stati Membri” għandha tfisser l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u “Trattati tal-UE” għandha tfisser it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

2.   Ir-referenzi f’kull ftehim elenkat fl-Anness 1 liċ-ċittadini tal-Istat Membru li huwa Parti għal dak il-ftehim għandhom jinftiehmu bħala li jirriferu għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

3.   Ir-referenzi f’kull ftehim elenkat fl-Anness 1 għat-trasportaturi bl-ajru jew linji tal-ajru tal-Istat Membru li huwa Parti għal dak il-ftehim għandhom jinftiehmu bħala li jirriferu għat-trasportaturi bl-ajru jew linji tal-ajru ddenominati minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 2

Denominazzjoni minn Stat Membru

1.   Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jipprevalixxu fuq id-dispożizzjonijiet korrispondenti għalihom fl-artikoli elenkati fl-Anness 2(a) u (b) rispettivament, fir-rigward tad-denominazzjoni ta’ trasportatur bl-ajru mill-Istat Membru kkonċernat, tal-awtorizzazzjonijiet u permessi tiegħu mogħtija mill-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, u tar-rifjut, revoka, sospensjoni jew limitazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet jew permessi tat-trasportatur bl-ajru, rispettivament.

2.   Malli jirċievi denominazzjoni minn Stat Membru, il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam għandu jagħti l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi meħtieġa bl-anqas dewmien proċedurali, bil-kondizzjoni li:

(i)

it-trasportatur bl-ajru jkun stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru denominanti skont it-Trattati tal-UE u jkollu Liċenza Operattiva valida skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea; u

(ii)

isir u jinżamm kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur bl-ajru mill-Istat Membru responsabbli mill-ħruġ taċ-Ċertifikat tal-Operaturi tal-Ajru tiegħu u l-awtorità aeronawtika rilevanti tkun identifikata b’mod ċar fid-denominazzjoni; u

(iii)

it-trasportatur bl-ajru jkun il-proprjetà, direttament jew permezz tal-akbar sehem azzjonarju, u jkun ikkontrollat effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini tal-Istati Membri, u/jew mill-Istati l-oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati l-oħra.

3.   Il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam jista’ jirrifjuta, jirrevoka, jissospendi jew jillimita l-awtorizzazzjonijiet jew il-permessi ta’ kumpannija tal-ajru minn Stat Membru fejn:

(i)

it-trasportatur bl-ajru ma jkunx stabbilit fit-territorju tal-Istat Membru denominanti skont it-Trattati tal-UE jew ma jkollux Liċenza Operattiva valida skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea; jew

(ii)

ma jkunx eżerċitat jew miżmum kontroll regolatorju effettiv tat-trasportatur bl-ajru mill-Istat Membru responsabbli għall-ħruġ taċ-Ċertifikat Operattiv tal-Ajru tiegħu, jew l-awtorità aeronawtika rilevanti ma tkunx identifikata biċ-ċar fid-denominazzjoni; jew

(iii)

it-trasportatur bl-ajru ma jkunx il-proprjetà, direttament jew permezz tal-akbar sehem azzjonarju, jew ma jkunx ikkontrollat effettivament mill-Istati Membri u/jew miċ-ċittadini tal-Istati Membri, u/jew mill-Istati l-oħra elenkati fl-Anness 3 u/jew miċ-ċittadini ta’ Stati oħra bħal dawn.

Fl-eżerċizzju tad-dritt tiegħu taħt dan il-paragrafu, il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam m’għandhux jiddiskrimina bejn it-trasportaturi bl-ajru tal-Unjoni Ewropea fuq il-bażi tan-nazzjonalità.

Artikolu 3

Sikurezza

1.   Id-dispożizzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jikkomplementaw l-artikoli elenkati fl-Anness 2(c).

2.   Fejn Stat Membru ikun iddenomina trasportatur bl-ajru li l-kontroll regolatorju tiegħu huwa eżerċitat u miżmum minn Stat Membru ieħor, id-drittijiet tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam taħt id-dispożizzjonijiet ta’ sikurezza tal-ftehim bejn l-Istat Membru li ddenomina t-trasportatur bl-ajru u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam għandhom japplikaw ugwalment fir-rigward tal-adozzjoni, l-eżerċizzju jew il-manteniment ta’ standards tas-sikurezza minn dak l-Istat Membru l-ieħor u fir-rigward tal-awtorizzazzjoni għall-operazzjoni ta’ dak it-trasportatur bl-ajru.

Artikolu 4

Kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni

1.   Il-ftehimiet bilaterali konklużi bejn l-Istati Membri u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Partijiet.

2.   Id-dispożizzjonijiet elenkati fl-Anness 2(d) b’dan ma jibqgħux ikollhom effett.

Artikolu 5

Annessi mal-Ftehim

L-Annessi ma’ dan il-Ftehim għandhom jifformaw parti integrali minnu.

Artikolu 6

Reviżjoni jew emendament

Il-Partijiet jistgħu, f’kull waqt, jirrivedu jew jemendaw dan il-Ftehim b’kunsens reċiproku.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni provviżorja

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub li tlestew il-proċeduri interni rispettivi meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Partijiet jaqblu biex japplikaw b’mod provviżorju dan il-Ftehim mill-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan.

3.   Il-ftehimiet u arranġamenti oħra bejn l-Istati Membri u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam li, fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, għadhom ma daħlux fis-seħħ u li mhumiex qed jiġu applikati provviżorjament huma elenkati fl-Anness 1(b). Dan il-Ftehim għandu japplika għal kull Ftehim u arranġament ta’ dan it-tip mad-dħul fis-seħħ jew applikazzjoni provviżorja tiegħu.

Artikolu 8

Terminazzjoni

1.   Fil-każ li ftehim elenkat fl-Anness 1 jiġi tterminat, id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-Ftehim relatati mal-ftehim konċernat elenkat fl-Anness 1 għandhom jiġu tterminati fl-istess waqt.

2.   Fil-każ li l-ftehimiet kollha elenkati fl-Anness 1 jiġu tterminati, dan il-Ftehim għandu jittermina fl-istess waqt.

B’xhieda ta’ dan, il-firmatarji, debitament awtorizzati, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell duplikatament, fl-4 ta’ Ottubru 2010 fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, Ungeriża u f’dik Vjetnamita.

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sajungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

Image

Image

За правителството на Социалистическа република Виетнам

Por el Gobierno de la República Socialista de Vietnam

Za vládu Vietnamské socialistické republiky

For regeringen for Den Socialistiske Republik Vietnam

Für die Regierung der Sozialistischen Republik Vietnam

Vietnami Sotsialistliku Vabariigi valitsuse nimel

Για την κυβέρνηση της Σοσιαλιστικής Δημοκρατίας του Βιετνάμ

For the Government of the Socialist Republic of Vietnam

Pour le gouvemement de la République socialiste du Viêt Nam

Per il govemo della Repubbhca socialista del Vietnam

Vjetnamas Sociālistiskās Republikas valdības vārdā –

Vietnamo Socialistinės Respublikos Vyriausybės vardu

A Vietnami Szocialista Köztársaság kormánya részéről

Ghall-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam

Voor de Regering van de Socialistische Republiek Vietnam

W imieniu Rządu Socjalistycznej Republiki Wietnamu

Pelo Govemo da República Socialista do Vietname

Pentru Guvernul Republicii Socialiste Vietnam

Za vládu Vietnamskej socialistickej republiky

Za vlado Socialistične republike Vietnam

Vietnamin sosialistisen tasavallan hallituksen puolesta

För Socialistiska republiken Vietnams regering

Image

Image

ANNESS 1

Lista ta’ ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim

(a)

Il-Ftehimiet dwar servizzi bl-ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li, fid-data tal-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, kienu ġew konklużi, iffirmati u/jew qed jiġu applikati provviżorjament:

Ftehim dwar is-Servizzi bl-Ajru bejn il-Gvern Federali Awstrijak u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam magħmul f’Hanoi fis-27 ta’ Marzu 1995, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Awstrija” fl-Anness 2;

Modifikat l-aħħar bil-Minuti ta’ Qbil magħmula f’Hanoi fil-5 ta’ April 2006;

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Renju tal-Belġju u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam magħmul fi Brussell fil-21 ta’ Ottubru 1992, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Belġju” fl-Anness 2;

Ftehim dwar Servizzi bl-Ajru, bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu tal-Bulgarija u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, magħmul f’Sofia fl-1 ta’ Ottubru 1979, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Bulgarija” fl-Anness 2;

Ftehim dwar is-Servizzi bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Ċeka u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam magħmul fi Praga fit-23 ta’ Mejju 1997, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Repubblika Ċeka” fl-Anness 2;

Ftehim dwar is-Servizzi bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Renju tad-Danimarka u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam magħmul f’Hanoi fil-25 ta’ Settembru 1997, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Danimarka” fl-Anness 2;

Għandu jinqara flimkien mal-Memorandum ta’ Ftehim bejn ir-Renji tad-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetman, magħmul f’Hanoi fil-25 ta’ Settembru 1997;

Ftehim dwar is-Servizzi bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Renju tal-Finlandja u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam iffirmat f’Hanoi fis-26 ta’ Ottubru 2000, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Finlandja” fl-Anness 2;

Ftehim dwar is-Servizzi bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika ta’ Franza u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam magħmul f’Pariġi fl-14 ta’ April 1977, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Franza” fl-Anness 2;

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam magħmul f’Bonn fis-26 ta’ Awwissu 1994, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Ġermanja” fl-Anness 2;

Ftehim dwar is-Servizzi bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Ungerija u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam magħmul f’Hanoi fl-4 ta’ Frar 1998, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Ungerija” fl-Anness 2;

Ftehim dwar is-Servizzi bl-Ajru bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam magħmul fil-Lussemburgu fis-26 ta’ Ottubru 1994, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Lussemburgu” fl-Anness 2;

Ftehim dwar is-Servizzi bl-Ajru bejn ir-Renju tal-Olanda u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam bejn u lil hinn mit-territorji rispettivi tagħhom, magħmul f’Hanoi fl-1 ta’ Ottubru 1993, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Olanda” fl-Anness 2;

Ftehim dwar it-Trasport Ċivili bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu tal-Polonja u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam magħmul f’Varsavja fil-11 ta’ Settembru 1976, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Polonja” fl-Anness 2;

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Portugiża u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam magħmul f’Lisbona fit-3 ta’ Frar 1998, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Portugall” fl-Anness 2;

Ftehim relattiv għat-Trasport Ċivili bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tar-Rumanija u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam magħmul f’Hanoi fis-26 ta’ Ġunju 1979, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Rumanija” fl-Anness 2;

Ftehim dwar is-Servizzi bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Renju tal-Isvezja u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam magħmul f’Hanoi fil-25 ta’ Settembru 1997, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Svezja” fl-Anness 2;

Għandu jinqara flimkien mal-Memorandum ta’ Ftehim bejn ir-Renji tad-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, magħmul f’Hanoi fil-25 ta’ Settembru 1997;

Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Repubblika Slovakka u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam magħmul f’Hanoi fis-6 ta’ Novembru 1997, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Vjetnam – Repubblika Slovakka” fl-Anness 2;

Ftehim dwar is-Servizzi bl-Ajru bejn il-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam magħmul f’Londra fid-19 ta’ Awwissu 1994, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Il-Ftehim Vjetnam - Renju Unit” fl-Anness 2;

Emendat l-aħħar bi Skambju ta’ Noti magħmul f’Hanoi fit-8 u fis-26 ta’ Settembru 2000;

(b)

Ftehimiet dwar is-servizzi bl-ajru u arranġamenti oħra inizjalati jew iffirmati bejn il-Gvern tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li, fid-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim, kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ u mhumiex qed jiġu applikati provviżorjament.

ANNESS 2

Lista ta’ Artikoli fil-ftehimiet elenkati fl-Anness 1 u msemmija fl-Artikoli 2 sa 4 ta’ dan il-Ftehim

(a)

Desinjazzjoni minn Stat Membru:

l-Artikolu 3, il-paragrafu 5, tal-Ftehim Vjetnam - Awstrija;

l-Artikolu 3, il-paragrafu 4, tal-Ftehim Vjetnam – Bulgarija;

l-Artikolu 3, il-paragrafu 4, tal-Ftehim Vjetnam - Danimarka;

l-Artikolu 4, il-paragrafu 4, tal-Ftehim Vjetnam – Repubblika Ċeka;

l-Artikolu 4, il-paragrafu 5, tal-Ftehim Vjetnam - Finlandja;

l-Artikolu 7, il-paragrafu 4, tal-Ftehim Vjetnam - Franza;

l-Artikolu 3, il-paragrafu 4, tal-Ftehim Vjetnam - Ġermanja;

l-Artikolu 3, il-paragrafu 4, tal-Ftehim Vjetnam - Ungerija;

l-Artikolu 3, il-paragrafu 4, tal-Ftehim Vjetnam - Lussemburgu;

l-Artikolu 4, il-paragrafu 4, tal-Ftehim Vjetnam - Olanda;

l-Artikolu 3, il-paragrafu 2, tal-Ftehim Vjetnam – Polonja;

l-Artikolu 3, il-paragrafu 4, tal-Ftehim Vjetnam - Portugall;

l-Artikolu 3, tal-Ftehim Vjetnam - Rumanija;

l-Artikolu 3, il-paragrafu 4, tal-Ftehim Vjetnam - Svezja;

l-Artikolu 3, il-paragrafu 4, tal-Ftehim Vjetnam – Repubblika Slovakka;

l-Artikolu 4, il-paragrafu 4, tal-Ftehim Vjetnam – Renju Unit.

(b)

Rifjut, revoka, sospensjoni jew limitazzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet jew permessi:

l-Artikolu 4, il-paragrafu 1 (a), tal-Ftehim Vjetnam - Awstrija;

l-Artikolu 5, il-paragrafu 1 (d), tal-Ftehim Vjetnam - Belġju;

l-Artikolu 4 (a) tal-Ftehim Vjetnam – Bulgarija;

l-Artikolu 5, il-paragrafu 1 (a), tal-Ftehim Vjetnam – Repubblika Ċeka;

l-Artikolu 4, il-paragrafu 1 (a), tal-Ftehim Vjetnam - Danimarka;

l-Artikolu 5, il-paragrafu 1 (a), tal-Ftehim Vjetnam - Finlandja;

l-Artikolu 9, il-paragrafu 1 (a), tal-Ftehim Vjetnam - Franza;

l-Artikolu 4, il-paragrafu 1, tal-Ftehim Vjetnam - Ġermanja;

l-Artikolu 4, il-paragrafu 1 (a), tal-Ftehim Vjetnam - Ungerija;

l-Artikolu 4, il-paragrafu 1 (c), tal-Ftehim Vjetnam - Lussemburgu;

l-Artikolu 5, il-paragrafu 1 (c), tal-Ftehim Vjetnam - Olanda;

l-Artikolu 4, il-paragrafu 1, tal-Ftehim Vjetnam – Polonja;

l-Artikolu 4, il-paragrafu 1 (a), tal-Ftehim Vjetnam – Portugall;

l-Artikolu 4, tal-Ftehim Vjetnam – Rumanija;

l-Artikolu 4, il-paragrafu 1 (a), tal-Ftehim Vjetnam - Svezja;

l-Artikolu 4, il-paragrafu 1 (a), tal-Ftehim Vjetnam – Repubblika Slovakka;

l-Artikolu 5, il-paragrafu 1 (a), tal-Ftehim Vjetnam – Renju Unit.

(c)

Sikurezza:

l-Artikolu 6a tal-Ftehim Vjetnam - Awstrija;

l-Artikolu 7 tal-Ftehim Vjetnam – Belġju;

l-Artikolu 11 tal-Ftehim Vjetnam – Repubblika Ċeka;

l-Artikolu 18 tal-Ftehim Vjetnam – Finlandja;

l-Artikolu 4 tal-Ftehim Vjetnam – Franza;

l-Artikolu 9 tal-Ftehim Vjetnam – Ungerija;

l-Artikolu 6 tal-Ftehim Vjetnam – Lussemburgu;

l-Artikolu 14 tal-Ftehim Vjetnam – Olanda;

l-Artikolu 9 tal-Ftehim Vjetnam – Rumanija;

l-Artikolu 7 tal-Ftehim Vjetnam – Repubblika Slovakka;

l-Artikolu 9a tal-Ftehim Vjetnam – Renju Unit.

(d)

Kompatibbiltà mar-regoli tal-kompetizzjoni:

l-Artikolu 13, il-paragrafi 1 u 7, tal-Ftehim Vjetnam – Belġju;

l-Artikolu 9, il-paragrafi 3 sa 8, tal-Ftehim Vjetnam – Bulgarija;

l-Artikolu 7, il-paragrafu 2, tal-Ftehim Vjetnam – Repubblika Ċeka;

l-Artikolu 11, il-paragrafu 2, tal-Ftehim Vjetnam – Danimarka;

l-Artikolu 12, il-paragrafi 2 sa 7, tal-Ftehim Vjetnam – Franza;

l-Artikolu 6, il-paragrafi 1 u 4 sa 6, tal-Ftehim Vjetnam – Ungerija;

l-Artikolu 11, il-paragrafi 2 sa 4, tal-Ftehim Vjetnam – Lussemburgu;

l-Artikolu 6, il-paragrafi 2 sa 6, tal-Ftehim Vjetnam – Olanda;

l-Artikolu 20, il-paragrafi 2 u 4, tal-Ftehim Vjetnam – Polonja;

l-Artikolu 16, il-paragrafi 2 sa 6, tal-Ftehim Vjetnam – Portugall;

l-Artikolu 14, il-paragrafi 1 sa 6, tal-Ftehim Vjetnam – Rumanija;

l-Artikolu 12, il-paragrafi 3 u 5 sa 6, tal-Ftehim Vjetnam – Repubblika Slovakka;

l-Artikolu 11, il-paragrafu 2, tal-Ftehim Vjetnam – Svezja;

l-Artikolu 7, il-paragrafi 3 u 4, tal-Ftehim Vjetnam – Renju Unit.

ANNESS 3

Lista ta’ Stati oħra msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim

(a)

Ir-Repubblika tal-Islanda (skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea);

(b)

Il-Prinċipat ta’ Liechtenstein (skont il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

(c)

Ir-Renju tan-Norveġja (skont il-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea);

(d)

Il-Konfederazzjoni Svizzera (skont il-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera).


Top