EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2010_287_R_0050_01

2010/649/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirresjedu mingħajr awtorizzazzjoni
Ftehim bejn il- Komunità Ewropea u r- Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirresjedu mingħajr awtorizzazzjoni

OJ L 287, 4.11.2010, p. 50–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 287/50


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Ottubru 2010

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirresjedu mingħajr awtorizzazzjoni

(2010/649/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(3), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

F’isem il-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim mar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirresjedu mingħajr awtorizzazzjoni (minn issa msejjaħ ‘il-Ftehim’);

(2)

Il-Ftehim ġie ffirmat, f’isem il-Komunità Ewropea, fis-26 ta’ Ottubru 2009 soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

(3)

B’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea.

(4)

Il-Ftehim għandu jiġi approvat.

(5)

Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni li jista’ jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu. Hu xieraq li tiġi provduta proċedura simplifikata għat-twaqqif tal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan il-każ.

(6)

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat fir-rigward tal-Qasam tal-Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(7)

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness mat-Trattat fir-rigward tal-Qasam tal-Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat x-xewqa tagħha li ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

(8)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirresjedu mingħajr awtorizzazzjoni (minn issa ‘il-Ftehim’) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

It-test tal-Ftehim hu anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika provduta fl-Artikolu 20(2) tal-Ftehim (1), u għandu jagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja:

“B’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea issostitwiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea u minn dik id-data teżerċita d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea. Għalhekk, referenzi għall-‘Komunità Ewropea’ jew għall-‘Komunità’ fit-test tal-Ftehim, fejn meħtieġ, għandhom jinqraw bħala referenzi għall-‘Unjoni Ewropea’.”

Artikolu 3

Il-Kummissjoni, megħjuna minn esperti mill-Istati Membri mistiedna fuq talba tal-Kummissjoni, għandha tirrapreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni stabbilit bl-Artikolu 16 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli tal-proċedura tagħhom kif meħtieġ taħt l-Artikolu 16(2) tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

M. WATHELET


(1)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar Ir-Riammissjoni se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


FTEHIM

bejn il- Komunità Ewropea u r- Repubblika Iżlamika tal-Pakistan dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirresjedu mingħajr awtorizzazzjoni

IL-PARTIJIET KONTRAENTI GĦOLJA,

IL-KOMUNITÀ EWROPEA,

minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Komunità”,

u

IR-REPUBBLIKA IŻLAMIKA TAL-PAKISTAN,

minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “Pakistan”,

minn hawn ’il quddiem imsejħa wkoll individwalment bħala “Parti” u b’mod kollettiv bħala “il-Partijiet”,

XEWQANA li jsaħħu l-kooperazzjoni ta’ bejniethom sabiex jiġġieldu l-immigrazzjoni illegali b’mod effettiv,

XEWQANA li jistabbilixxu, permezz ta’ dan il-Ftehim u fuq il-bażi tar-reċiproċità, proċeduri rapidi u effettivi għall-identifikazzjoni u r-ritorn sigur u bl-ordni ta’ persuni li ma jkunux, jew ma jkunux għadhom, jissodisfaw il-kondizzjonijiet tad-dħul, tal-preżenza, jew tar-residenza fit-territorji tal-Pakistan jew f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u biex jiffaċilitaw it-tranżitu ta’ dawn il-persuni fi spirtu ta’ kooperazzjoni,

FILWAQT LI JENFASIZZAW li dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Pakistan taħt il-Liġi Internazzjonali,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-atti kollha adottati fuq il-bażi ta’ dak it-Titolu, ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“Stat Membru” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, minbarra r-Renju tad-Danimarka;

(b)

“Ċittadin ta' Stat Membru” għandha tfisser kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza, kif imfissra għall-finijiet tal-Komunità, ta’ Stat Membru;

(c)

“Ċittadin tal-Pakistan” għandha tfisser kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza tal-Pakistan;

(d)

“Ċittadin ta’ pajjiż terz” għandha tfisser kull persuna li għandha ċittadinanza oħra minbarra dik tal-Pakistan jew ta’ wieħed mill-Istati Membri;

(e)

“Persuna apolida” għandha tfisser kull persuna li m’għandhiex ċittadinanza;

(f)

“Awtorizzazzjoni għar-residenza” għandha tfisser permess ta’ kull tip maħruġ mill-Pakistan jew minn wieħed mill-Istati Membri li jagħti permess lill-persuna biex tirresjedi fit-territorju tal-Istat emittenti;

(g)

“Viża” għandha tfisser awtorizzazzjoni maħruġa jew deċiżjoni meħuda mill-Pakistan jew minn wieħed mill-Istati Membri li hija meħtieġa għad-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-transitu minn ġo fih. Din m’għandhiex tinkludi viża għal tranżitu minn ajruport;

(h)

“Stat li jagħmel it-talba” għandha tfisser l-Istat (il-Pakistan jew wieħed mill-Istati Membri), li jissottometti applikazzjoni għar-riammissjoni skont l-Artikoli 2 jew 3 jew applikazzjoni ta’ transitu skont l-Artikolu 12;

(i)

“Stat mitlub” għandha tfisser l-Istat (il-Pakistan jew wieħed mill-Istati Membri) li fih tiġi sottomessa applikazzjoni għar-riammissjoni skont l-Artikoli 2 u 3 jew applikazzjoni ta’ transitu skont l-Artikolu 12.

TAQSIMA I

OBBLIGI TAR-RIAMMISSJONI

Artikolu 2

Riammissjoni taċ-ċittadini

1.   L-Istat Mitlub għandu jagħmel riammissjoni, wara li ċ-ċittadinanza tkun ġiet ippruvata skont l-Artikolu 6, meta ssir applikazzjoni mill-Istat li jagħmel it-Talba taċ-ċittadini tiegħu li ma jissodisfawx, jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, għall-preżenza, jew għar-residenza fit-territorju tal-Istat li jagħmel it-Talba.

2.   L-Istat Mitlub għandu, skont il-ħtieġa u mingħajr dewmien, joħroġ lill-persuna li fil-konfront tagħha ir-riammissjoni tkun ġiet aċċettata, id-dokument tal-ivvjaġġar meħtieġ għar-riammissjoni tagħha, li għandu jkun validu għal mill-inqas sitt xhur. Jekk, għal raġunijiet legali jew fattwali, il-persuna kkonċernata ma tistax tiġi trasferita fil-perjodu tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar, l-Istat Mitlub għandu joħroġ dokument tal-ivvjaġġar ġdid bl-istess perjodu tal-validità fi żmien 14-il jum.

Artikolu 3

Riammissjoni ta’ Ċittadini ta’ terzi pajjiżi u Persuni apolidi

1.   L-Istat Mitlub għandu jagħmel riammissjoni, meta ssir applikazzjoni mill-Istat li jagħmel it-Talba u mingħajr iżjed formalitajiet minbarra dawk previsti f’dan il-Ftehim, għal kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li ma jissodisfax, jew m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, għall-preżenza, jew għar-residenza fit-territorju tal-Istat li jagħmel it-Talba, bil-kondizzjoni li dawn il-persuni:

(a)

ikollhom, fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni tar-riammissjoni, viża valida jew awtorizzazzjoni tar-residenza maħruġa mill-Istat Mitlub; jew

(b)

daħlu fit-territorju tal-Istat li jagħmel it-talba b’mod illegali u jkunu ġejjin direttament mit-territorju tal-Istat Mitlub. Persuna tiġi direttament mit-territorju tal-Istat Mitlub fi ħdan it-tifsira ta’ dan is-subparagrafu jekk hi waslet fit-territorju tal-Istat li jagħmel it-talba, jew, fejn l-Istat Mitlub ikun il-Pakistan, fit-territorju tal-Istati Membri, bl-ajru jew bil-baħar mingħajr ma tkun daħlet f’pajjiżi oħra f’dan it-traġitt.

2.   L-obbligu tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 m’għandux japplika jekk:

(a)

iċ-Ċittadin ta’ pajjiż terz jew Persuna apolida kienu biss fi transitu bl-ajru permezz tal-ajruport Internazzjonali tal-Istat Mitlub; jew

(b)

l-Istat li jagħmel it-talba jkun ħareġ liċ-Ċittadin ta’ pajjiż terz jew lil Persuna apolida, viża jew awtorizzazzjoni tar-residenza qabel jew wara li jkunu daħlu fit-territorju tiegħu sakemm dik il-persuna ma jkollhiex fil-pussess tagħha viża jew permess ta’ residenza, maħruġa mill-Istat Mitlub, li għandhom perjodu ta’ validità itwal.

3.   Jekk l-Istat Mitlub ikun Stat Membru, l-obbligu tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 ikun fuq l-Istat Membru li ħareġ il-viża jew l-awtorizzazzjoni tar-residenza. Jekk żewġ Stati Membri jew iżjed ikunu ħarġu viża jew awtorizzazzjoni tar-residenza, l-obbligu tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 ikun fuq l-Istat Membru li ħareġ id-dokument b’perjodu ta’ validità itwal jew, jekk wieħed jew iżjed minnhom ikunu diġà skadew, id-dokument li jkun għadu validu. Jekk id-dokumenti kollha jkunu diġà skadew, l-obbligu tar-riammissjoni fil-paragrafu 1 ikun fuq l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument bl-iżjed data tal-iskadenza riċenti.

4.   L-Istat Mitlub għandu, skont kif meħtieġ u mingħajr dewmien, joħroġ id-dokument tal-ivvjaġġar meħtieġ għar-ritorn tagħha lill-persuna li r-riammissjoni tagħha tkun ġiet aċċetatta, liema dokument għandu jkun validu għal mill-inqas sitt xhur. Jekk, għal raġunijiet legali jew fattwali, il-persuna kkonċernata ma tistax tiġi trasferita fil-perjodu tal-validità tad-dokument tal-ivvjaġġar, l-Istat Mitlub għandu joħroġ dokument tal-ivvjaġġar ġdid fl-istess perjodu tal-validità fi żmien 14-il jum kalendarju.

TAQSIMA II

PROĊEDURA TA’ RIAMMISSJONI

Artikolu 4

Prinċipji

1.   Soġġett għall-paragrafu 2, kull trasferiment ta’ persuna li għandha tiġi riammessa fuq il-bażi tal-obbligi misjuba fl-Artikoli 2 u 3 għandha titlob is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għar-riammissjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Mitlub.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2(1) u 3(1), l-ebda applikazzjoni għar-riammissjoni m’hija meħtieġa meta l-persuna li għandha tiġi riammessa jkollha fil-pussess tagħha dokument tal-ivvjaġġar validu u, fejn applikabbli, viża jew awtorizzazzjoni tar-residenza validi tal-Istat Mitlub.

3.   L-ebda persuna m’għandha tiġi riammessa biss fuq il-bażi ta’provi prima facie taċ-ċittadinanza.

Artikolu 5

Applikazzjoni tar-riammissjoni

1.   L-applikazzjoni tar-riammissjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-dettalji tal-persuna li għandha tiġi riammessa (eż. l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, il-post tat-twelid, u l-aħħar post ta’ residenza);

(b)

indikazzjoni tal-mezzi għall-provi taċ-ċittadinanza, it-transitu, il-kondizzjonijiet għar-riammissjoni ta’ Ċittadini ta’ pajjiżi terzi u Persuni apolidi u d-dħul u r-residenza illegali.

2.   L-applikazzjoni għar-riammissjoni, safejn possibbli, għandu jkun fiha wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dikjarazzjoni li tindika li l-persuna li għandha tiġi riammessa jista’ jkollha bżonn l-għajnuna jew il-kura, bil-kondizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun tat il-kunsens espliċitu tagħha għad-dikjarazzjoni;

(b)

kull miżura oħra ta’ protezzjoni jew sigurtà li tista’ tkun meħtieġa fil-każ tar-riammissjoni individwali.

3.   Formula komuni li għandha tintuża għall-applikazzjonijiet għar-riammissjoni hija mehmuża bħala Anness V għal dan il-Ftehim.

Artikolu 6

Mezzi ta’ prova dwar iċ-ċittadinanza

1.   Il-provi taċ-ċittadinanza ma jistgħux jingħataw permezz ta’ dokumenti foloz.

2.   Il-prova taċ-ċittadinanza skont l-Artikolu 2(1) tista’ tingħata permezz ta’ xi wieħed mid-dokumenti elenkati fl-Anness I għal dan il-Ftehim, anke jekk il-perjodu tal-validità tagħhom ikun skada. Jekk dawn id-dokumenti jiġu preżentati, l-Istat Mitlub u dak li jagħmel it-Talba għandhom jirrikonoxxu reċiproċikament iċ-ċittadinanza mingħajr bżonn ta’ iżjed investigazzjoni.

3.   Il-prova taċ-ċittadinanza, kif meħtieġa taħt l-Artikolu 2(1), tista’ tingħata wkoll permezz ta’ xi wieħed mid-dokumenti elenkati fl-Anness II għal dan il-Ftehim, anke jekk il-perjodu tal-validità tagħhom ikun skada. Jekk dawn id-dokumenti jiġu preżentati, l-Istat Mitlub għandu jibda l-proċess biex tiġi stabbilita ċ-ċittadinanza tal-persuna kkonċernata.

4.   Jekk l-ebda mid-dokumenti elenkati fl-Annessi I jew II ma jistgħu jiġu preżentati, l-awtorità kompetenti tal-Istat li jagħmel it-Talba u r-rappreżentant diplomatiku jew konsulari għandhom, meta jiġu mitluba, jagħmlu arranġamenti sabiex tiġi intervistata l-persuna li għaliha l-applikazzjoni għar-riammissjoni ġiet sottomessa, u mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 7

Mezzi ta’ prova dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi

1.   Il-provi tal-kondizzjonijiet għar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi stabbiliti fl-Artikolu 3(1) għandhom b’mod partikolari jingħataw permezz tal-mezzi ta’ prova elenkati fl-Anness III għal dan il-Ftehim. Dawn ma jistgħux jiġu provduti permezz ta’ dokumenti foloz. Il-provi ta’ din ix-xorta għandhom ikunu bbażati fuq elementi li huma rikonoxxuti reċiproċikament mill-Istat Mitlub u dak li jagħmel it-Talba.

2.   Il-provi tal-kondizzjonijiet għar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi stabbiliti fl-Artikolu 3(1) jistgħu jingħataw ukoll permezz tal-mezzi ta’ prova elenkati fl-Anness IV għal dan il-Ftehim. Meta jiġu preżentati dawn il-mezzi ta’ prova, l-Istat Mitlub iqishom xierqa biex tinbeda investigazzjoni.

3.   L-illegalità tad-dħul, tal-preżenza jew tar-residenza għandha tiġi stabbilita permezz tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-persuna kkonċernata li fihom ikun hemm nieqsa l-viża jew l-awtorizzazzjoni tar-residenza meħtieġa għat-territorju tal-Istat li jagħmel it-Talba. Dikjarazzjoni mill-Istat li jagħmel it-Talba li l-persuna kkonċernata tkun instabet li m’għandhiex id-dokumenti tal-ivvjaġġar, il-viża jew l-awtorizzazzjoni tar-residenza meħtieġa, tista’ tipprovdi provi prima facie tad-dħul, il-preżenza jew ir-residenza illegali.

Artikolu 8

Limiti taż-żmien

1.   L-applikazzjoni għar-riammissjoni għandha tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti tal-Istat Mitlub fi żmien massimu ta’ sena wara li l-awtorità kompetenti tal-Istat li jagħmel it-Talba tkun saret taf li Ċittadin ta’ pajjiż terz jew Persuna apolida ma tissodisfax, jew m’għadhiex tissodisfa l-kondizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, il-preżenza jew ir-residenza. Meta jkun hemm ostakli legali jew fattwali biex l-applikazzjoni tiġi sottomessa fil-ħin, il-limitu taż-żmien għandu, fuq talba, jiġi estiż iżda biss sakemm l-ostakli ma jkunux għadhom jeżistu.

2.   Għandha tingħata risposta għall-applikazzjoni għar-riammissjoni mingħajr dewmien żejjed, u f’kull każ fi żmien massimu ta’ 30 jum kalendarju; għandhom jingħataw raġunijiet għar-rifjut tal-applikazzjoni għar-riammissjoni. Dan il-limitu taż-żmien jibda mid-data tal-irċevuta tal-applikazzjoni tar-riammissjoni. Meta jkun hemm ostakli legali jew fattwali biex ir-risposta għall-applikazzjoni ssir fil-ħin, il-limitu taż-żmien jista’, fuq talba u raġunijiet mogħtija, jiġi estiż sa 60 jum kalendarju, minbarra jekk il-perjodu massimu taż-żamma fil-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat li jagħmel it-Talba jkun inqas minn, jew daqs 60 jum. Fejn ma kienx hemm risposta f’dan il-limitu taż-żmien, għandu jitiqies li kien hemm qbil dwar it-trasferiment.

3.   Wara li jkun sar ftehim, jew fejn xieraq, mal-iskadenza tal-limitu taż-żmien imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-persuna kkonċernata għandha tiġi trasferita fi żmien tliet xhur. Meta ssir talba, dan il-limitu taż-żmien jista’ jiġi estiż biż-żmien li jkun ittieħed minħabba l-ostakli legali jew prattiċi.

Artikolu 9

Modalitajiet tat-trasferiment u mezzi ta’ trasport

Qabel ma jirritornaw persuna, l-awtoritajiet kompetenti tal-Pakistan u l-Istat Membru kkonċernat, għandhom jagħmlu l-arranġamenti bil-miktub bil-quddiem, dwar id-data tat-trasferiment, il-punt tal-qsim tal-fruntieri, l-iskorti possibbli u l-mezzi tat-trasport.

Artikolu 10

Riammissjoni bi żball

Il-Pakistan għandu jieħu lura mingħajr dewmien kwalunkwe persuna riammessa minn Stat Membru, u Stat Membru għandu jieħu lura mingħajr dewmien persuna riammessa mill-Pakistan, jekk ikun stabbilit fi żmien tliet xhur wara t-trasferiment tal-persuna kkonċernata li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3 ta’ dan il-Ftehim ma jkunux ġew sodisfatti. F’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet kompetenti tal-Pakistan u tal-Istat Membru kkonċernat għandhom ukoll jiskambjaw kull informazzjoni disponibbli dwar l-identità, iċ-ċittadinanza jew ir-rotta ta’ tranżitu reali tal-persuna li tkun ser tintbagħat lura.

TAQSIMA III

OPERAZZJONIJIET TAT-TRANŻITU

Artikolu 11

Prinċipji

1.   L-Istat Mitlub jista’ jippermetti t-tranżitu ta’ Ċittadin ta’ pajjiż terz jew ta’ Persuna apolida meta dan iċ-ċittadin jew persuna ma jistgħux jiġu rritornati fl-Istat tad-destinazzjoni direttament wara li jkun sodisfatt, fuq il-bażi ta’ provi bil-miktub, li l-Istat destinatarju obbliga ruħu li jagħmel riammissjoni taċ-ċittadin jew tal-persuna skont x’ikun il-każ.

2.   L-Istat Mitlub jista’ jirrevoka l-kunsens tiegħu jekk il-vjaġġ fi Stati tat-tranżitu possibbli jew ir-riammissjoni mill-Istat destinatarju ma jkunx għadu jista’ jiġi żgurat. F’dawn il-każijiet, l-Istat li jagħmel it-Talba għandu jieħu lura ċ-Ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-Persuna apolida bl-ispejjeż għalih.

Artikolu 12

Proċedura ta’ transitu

1.   Applikazzjoni għal operazzjonijiet ta’ transitu għandha tiġi sottomessa lill-awtoritajiet kompetenti bil-miktub u għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

it-tip ta’ transitu, Stati oħra ta’ transitu possibbli u d-destinazzjoni finali;

(b)

id-dettalji tal-persuna kkonċernata (eż. l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid u – fejn ikun possibbli – il-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, it-tip u n-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar);

(c)

il-post tal-qsim tal-fruntieri, il-ħin tat-trasferiment u l-użu possibbli tal-iskorti previsti;

Formula komuni li tista’ tintuża għall-applikazzjonijiet ta’ transitu ġiet mehmuża bħala l-Anness VI għal dan il-Ftehim.

2.   L-Istat Mitlub għandu, fi żmien 14-il jum kalendarju u bil-miktub, jinforma lill-Istat li jagħmel it-Talba bid-deċiżjoni tiegħu, u jekk jippermetti li jsir it-transitu, jikkonferma l-post tal-qsim tal-fruntieri u l-ħin tat-transitu previst.

3.   Jekk l-operazzjoni tat-transitu ssir bl-ajru, il-persuna li tkun fi transitu u l-iskorti possibbli għandhom ikunu eżentati milli jiksbu viża tat-transitu tal-ajruport.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Mitlub għandhom, soġġett għal konsultazzjonijiet reċiproċi, jappoġġjaw l-operazzjonijiet ta’ transitu, b’mod partikolari permezz tas-sorveljanza tal-persuni inkwistjoni u l-provvista ta’ strutturi adatti għal dak l-għan, skont il-liġijiet u r-regoli tiegħu.

TAQSIMA IV

SPEJJEŻ

Artikolu 13

Spejjeż tat-trasport u tat-transitu

Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li jagħmel it-talba li jirkupraw l-ispejjeż assoċjati mar-riammissjoni mill-persuna li għandha tiġi riammessa jew minn partijiet terzi, l-ispejjeż kollha tat-trasport li jsiru b’rabta mal-operazzjonijiet tar-riammissjoni u tat-tranżitu skont dan il-Ftehim sal-fruntiera tal-Istat tad-destinazzjoni finali għandhom jitħallsu mill-Istat li jagħmel it-Talba. F’każ ta’ riammissjoni bi żball, taħt l-Artikolu 10, dawn l-ispejjeż għandhom jitħallsu mill-Istat li għandu jieħu lura l-persuna kkonċernata.

TAQSIMA V

PROTEZZJONI TAD-DATA U KONSISTENZA MA’ OBBLIGI LEGALI OĦRA

Artikolu 14

Data personali

1.   L-ipproċessar tad-data personali għandu jseħħ biss jekk dan l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Pakistan u l-Istati Membri. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, japplikaw id-definizzjonijiet misjuba fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE (1). Meta l-kontrollur ikun awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, dan l-ipproċessar għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE u tal-leġislazzjoni nazzjonali adottata skont din id-Direttiva, inklużi r-regoli dwar it-trasferiment tad-data personali lil pajjiżi terzi.

2.   Barra minn dan, l-ipproċessar ta’ data personali għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, u b’mod partikolari l-komunikazzjoni tad-data personali mill-Pakistan lil Stat Membru u viċi versa, għandu jkun soġġett għal dawn il-prinċipji li ġejjin:

(a)

id-data personali għandha tiġi proċessata b’mod ġust u skont il-liġi;

(b)

id-data personali għandha tinġabar għall-għan speċifikat, espliċitu u leġittimu tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u ma tiġix iżjed ipproċessata la mill-awtorità li tikkomunika u lanqas mill-awtorità li tirċievi b’mod li ma jkunx jaqbel ma’ dan il-għan;

(c)

id-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva meta mqabbla mal-għan li għalih tinġabar u/jew tkompli tiġi proċessata, b’mod partikolari, id-data personali komunikata tista’ tikkonċerna biss dan li ġej:

id-dettalji tal-persuna li għandha tiġi trasferita (eż. l-isem, il-kunjom, ismijiet, laqmijiet jew psewdonomi li kellha qabel, is-sess, iċ-ċittadinanza preżenti u li kellha qabel);

il-passaport jew il-karta tal-identità (in-numru, il-perjodu tal-validità, id-data tal-ħruġ, l-awtorità tal-ħruġ, il-post tal-ħruġ);

il-postijiet ta’ waqfien temporanji u l-itinerarji;

informazzjoni oħra meħtieġa biex tiġi identifikata l-persuna li tkun ser tiġi trasferita jew biex jiġu eżaminati r-rekwiżiti għar-riammissjoni skont dan il-Ftehim;

(d)

id-data personali għandha tkun preċiża u, fejn meħtieġ, għandha tinżamm aġġornata;

(e)

id-data personali għandha tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ suġġetti tad-data għal mhux iżjed milli meħtieġ għall-għan li għalih tkun inġabret id-data jew li għalih id-data tkun qed tkompli tiġi proċessata;

(f)

kemm l-awtorità li tikkomunika u kemm l-awtorità li tkun qed tirċievi għandhom jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli biex jassiguraw kif ikun xieraq ir-rettifikazzjoni, it-tħassir jew l-ibblukkar tad-data personali fejn l-ipproċessar ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari minħabba li d-data ma tkunx adegwata, rilevanti, preċiża, jew tkun eċċessiva fir-rigward tal-għan tal-ipproċessar. Dan jinkludi n-notifika ta’ kwalunkwe rettifikazzjoni, tħassir jew ibblukkar lill-Parti l-oħra;

(g)

meta ssir talba, l-awtorità li tirċievi għandha tinforma lill-awtorità li tikkomunika bl-użu tad-data komunikata u bir-riżultati miksuba minnhom;

(h)

id-data personali tista’ tiġi komunikata biss lill-awtoritajiet kompetenti. Komunikazzjoni ulterjuri ma’ korpi oħra tirrikjedi l-kunsens minn qabel tal-awtorità tal-komunikazzjoni;

(i)

l-awtoritajiet li jikkomunikaw u li jirċievu huma obbligati li jagħmlu reġistrazzjoni bil-miktub tal-komunikazzjoni u l-irċevuta tad-data personali.

Artikolu 15

Konsistenza ma’ Obbligi Legali oħra

1.   Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-Komunità, l-Istati Membri u l-Pakistan li joħorġu mil-Liġi Internazzjonali, u t-Trattati Internazzjonali li tagħhom huma Partijiet.

2.   Xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jwaqqaf ir-ritorn ta’ persuna taħt arranġementi bilaterali oħra.

3.   Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rimedji u d-drittijiet disponibbli lill-persuna kkonċernata taħt il-liġijiet tal-pajjiż ospitanti inkluża l-Liġi Internazzjonali.

TAQSIMA VI

IMPLIMENTAZZJONI U APPLIKAZZJONI

Artikolu 16

Kumitat Konġunt ta’ Riammissjoni

1.   Il-Partijiet għandhom jipprovdu lil xulxin b’assistenza reċiproka fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Għal dan il-għan, għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt tar-Riammissjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Kumitat’) li b’mod partikolari, ikollu l-kompitu li:

(a)

iwettaq monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

(b)

jiddeċiedi dwar arranġamenti tekniċi meħtieġa għall-eżekuzzjoni uniformi tiegħu, inklużi emendi għall-Annessi III u IV;

(c)

jara li jkun hemm skambju ta’ informazzjoni regolari dwar il-Protokolli ta’ implimentazzjoni mfassla mill-Istati Membri individwali u l-Pakistan skont l-Artikolu 17;

(d)

jipproponi emendi għal dan il-Ftehim u l-Annessi I sa II.

2.   Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat għandhom jittieħdu b’unanimità u jiġu implimentati kif meħtieġ.

3.   Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità u tal-Pakistan. Il-Komunità għandha tkun rappreżentata mill-Komunità Ewropea, assistita minn esperti mill-Istati Membri.

4.   Il-Kumitat għandu jiltaqa’ fejn meħtieġ fuq talba ta’ wieħed mill-Partijiet, normalment fuq bażi annwali.

5.   Tilwimiet li ma jistgħux jiġu riżolti mill-Kumitat għandhom jissolvew permezz ta’ konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.

6.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu, fosthom li jistabbilixxi lingwa tal-ħidma komuni għaż-żewġ Partijiet.

Artikolu 17

Protokolli ta’ Implimentazzjoni

1.   Il-Pakistan u Stat Membru jistgħu jfasslu Protokoll ta’ implimentazzjoni li għandu jkun fih regoli dwar:

(a)

il-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti, il-postijiet ta’ qsim tal-fruntieri u l-iskambju tal-punti tal-kuntatt;

(b)

il-kondizzjonijiet għal ritorni bl-iskorta, inklużi t-transitu ta’ Ċittadini ta’ pajjiżi terzi u Persuni Apolidi taħt skorta;

(c)

il-mezzi u d-dokumenti minbarra dawk imniżżla fl-Annessi I sa IV għal dan il-Ftehim.

2.   Il-Protokolli ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jidħlu fis-seħħ biss wara li l-Kumitat, imsemmi fl-Artikolu 16, ikun ġie nnotifikat.

Artikolu 18

Relazzjoni ma’ ftehimiet jew arranġamenti bilaterali dwar ir-riammissjoni ta’ Stati Membri

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandu jkollhom preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kull ftehim jew arranġament bilaterali dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni li ġew jew li setgħu ġew, taħt l-Artikolu 17, konklużi bejn l-Istati Membri individwali u l-Pakistan, fejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar huma inkompatibbli ma’ dawk ta’ dan il-Ftehim.

TAQSIMA VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

Applikazzjoni territorjali

1.   Soġġett għall-paragrafu 2, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju li fih it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea huwa applikabbli u t-territorju tal-Pakistan.

2.   Dan il-Ftehim m’għandux japplika fit-territorju tar-Renju tad-Danimarka.

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ, Tul ta’ żmien u Terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom.

2.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija f’paragrafu 1 ikunu tlestew.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi eżistenti tal-Partijiet taħt il-Liġi Internazzjonali konswetudinarja li jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom, dan il-Ftehim, u l-Protokolli ta’ Implimentazzjoni, għandhom japplikaw għall-persuni li jkunu daħlu fit-territorji tal-Pakistan u l-Istati Membri wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

4.   Kull Parti tista’ tittermina dan il-Ftehim fi kwalunkwe żmien billi tinnotifika uffiċjalment lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim m’għandux jibqa’ japplika sitt xhur wara d-data tan-notifika tiegħu.

Artikolu 21

Annessi

Annessi I sa VI għandhom jifformaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell fis- 26 jum ta’ Ottubru fis-sena 2009 f’żewġ kopji fil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwanjana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

За Европейската общност

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Pentru Comunitatea Europeană

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

För Europeiska gemenskapen

Image

Image

За Ислямска република Пакистан

Por la República Islámica de Pakistán

Za Pákistánskou islámskou republiku

For Den Islamiske Republik Pakistan

Für die Islamische Republik Pakistan

Pakistani Islamivabariigi nimel

Για την Ισλαμική Δημοκρατία του Πακιστάν

For the Islamic Republic of Pakistan

Pour la République islamique du Pakistan

Per la Repubblica islamica del Pakistan

Pakistānas Islāma Republikas vārdā

Pakistano Islamo Respublikos vardu

A Pakisztáni Iszlám Köztársaság részéről

Għar-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan

Voor de Islamitische Republiek Pakistan

W imieniu Islamskiej Republiki Pakistanu

Pela República Islâmica do Paquistão

Pentru Republica Islamică Pakistan

Za Pakistanskú islamskú republiku

Za Islamsko republiko Pakistan

Pakistanin islamilaisen tasavallan puolesta

För Islamiska republiken Pakistan

Image


(1)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

ANNESS I

Lista komuni ta’ dokumenti li meta jiġu ppreżentati jitqiesu bħala prova taċ-ċittadinanza (artikolu 2(1) flimkien mal-artikolu 6(2))

Passaporti ġenwini ta’ kull għamla (passaporti nazzjonali, passaporti diplomatiċi, passaporti tas-servizz, passaporti kollettivi u passaporti alternattivi inklużi passaporti tat-tfal);

Karti tal-identità nazzjonali kompjuterizzati;

Ċertifikati taċ-ċittadinanza ġenwini.

ANNESS II

Lista komuni ta’ dokumenti li meta jiġu ppreżentati għandhom jagħtu bidu għall-proċess biex tiġi stabbilita ċ-ċittadinanza (artikolu 2(1) flimkien mal-artikolu 6 (3))

Marki tas-swaba’ diġitali jew data oħra bijometrika;

karti tal-identità nazzjonali temporanji u provviżorji, karti tal-identità militari u ċertifikati tat-twelid maħruġa mill-Gvern tal-Parti Mitluba;

Fotokopji (*) ta’ xi wieħed mid-dokumenti elenkati fl-Anness I għal dan il-Ftehim;

liċenzji tas-sewqan jew fotokopji (*) tagħhom;

fotokopji (*) ta’ dokumenti uffiċjali oħra li jsemmu jew jindikaw iċ-ċittadinanza (eż. ċertifikati tat-twelid);

karti tas-servizz, karti tar-reġistrazzjoni tal-baħħara, karti tas-servizz tal-kaptani jew fotokopji (*) tagħhom;

dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonċernata;


(*)  Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, it-terminu “fotokopji” għandu jfisser fotokopji awtentikati uffiċjalment mill-awtoritajiet tal-Pakistan jew l-Istati Membri.

ANNESS III

Lista komuni ta’ dokumenti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala mezzi ta’ prova tal-kondizzjonijiet għar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (artikolu 3(1) flimkien mal-artikolu 7(1))

timbri/marki tal-aċċettazzjonijiet tad-dħul u/jew tal-ħruġ fid-dokument tal-ivvjaġġar tal-persuna kkonċernata;

viża valida u/jew awtorizzazzjoni tar-residenza maħruġa mill-Istat Mitlub.

ANNESS IV

Lista komuni ta’ dokumenti li għandhom jiġu kkunsidrati bħala mezzi ta’ prova biex jinbdew l-investigazzjonijiet għar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi (artikolu 3 flimkien mal-artikolu 7(2))

dikjarazzjonijiet uffiċjali magħmula, b’mod partikolari, mill-persunal tal-awtorità tal-fruntiera jew xhieda oħra uffiċjali jew bona fide (eż. persunal tal-linja tal-ajru) li jistgħu jixhdu fil-konfront tal-persuna kkonċernata li tkun qed taqsam il-fruntiera;

deskrizzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li jagħmel it-Talba, tal-post u ċ-ċirkostanzi li fihom il-persuna kkonċernata ġiet interċettata wara li tkun daħlet fit-territorju tal-Istat li jagħmel it-Talba;

informazzjoni relatata mal-identità u/jew is-soġġorn tal-persuna li tkun ġiet ipprovduta minn Organizzazzjoni Internazzjonali (eż. UNHCR);

rapporti/konfermi tal-informazzjoni minn membri tal-familja;

dikjarazzjoni mill-persuna kkonċernata;

biljetti bl-ismijiet kif ukoll ċertifikati u kontijiet ta’ kull xorta (eż. kontijiet tal-lukandi, biljetti tal-appuntamenti għal tobba/dentisti, karti tad-dħul għal istituzzjonijiet pubbliċi/privati, eċċ.) li juru biċ-ċar li l-persuna kkonċernata kienet fit-territorju tal-Istat Mitlub;

biljetti bl-ismijiet u/jew listi tal-passiġġieri tal-ajru jew tal-passaġġi bil-baħar li juru l-itinerarju fit-territorju tal-Istat Mitlub;

informazzjoni li turi li l-persuna kkonċernata użat is-servizzi ta’ kurrier jew aġenzija tal-ivvjaġġar.

ANNESS V

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS VI

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU 1(f)

Għall-finijiet tal-Artikolu 1(f), il-Partijiet jaqblu li l-awtorizzazzjoni tar-residenza m’għandhiex tinkludi permessi temporanji biex persuna tibqa’ fit-territorji tagħhom b’rabta mal-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-ażil jew applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tar-residenza.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU 2(1)

Il-Partijiet jieħdu nota li, skont l-Att preżenti dwar iċ-Ċittadinanza Pakistana, 1951, u r-Regoli magħmula taħtu, ċittadin tal-Pakistan ma jistax jirrinunzja ċ-ċittadinanza mingħajr ma jkun akkwista jew mingħajr ma jkun ingħata dokument validu li jassigura l-għoti taċ-ċittadinanza ta’ Stat ieħor.

Il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw flimkien jekk u meta jkun hemm bżonn.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU 3

Fir-rigward tal-Artikolu 3, il-Partijiet ser jagħmlu ħilithom sabiex jirritornaw, bħala punt ta’ prinċipju, kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li ma jissodisfawx, jew m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, għall-preżenza, jew għar-residenza fit-territorju ta’ kull Parti, lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU 3(1)(b)

Il-Partijiet jaqblu li waqfiet bl-ajruplan fi transitu f’pajjiż terz m’għandhomx jitqiesu li jammontaw għal “ma tkun daħlet f’pajjiżi oħra f’dan it-traġitt” skont it-tifsir ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU 8(2)

Il-Partijiet jaqblu li, fir-rigward tal-applikazzjonijiet tar-riammissjoni sottomessi mill-Istati Membri li l-perjodu tad-detenzjoni massima tagħhom fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom hi inqas minn, jew ugwali għal, 30 jum, il-limitu taż-żmien ta’ 30 jum kalendarji msemmi fl-Artikolu 8(2) jinkludi, fil-każ ta’ risposta pożittiva għall-applikazzjoni tar-riammissjoni, il-ħruġ tad-dokument tal-ivvjaġġar meħtieġ għar-riammissjoni tiegħu jew tagħha fir-rigward tal-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 3(4) tal-Ftehim.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-PAKISTAN DWAR IL-MIGRAZZJONI LEGALI

B’kont meħud tal-interess tal-Pakistan li jibbenefika mill-opportunitajiet għall-migrazzjoni legali eżistenti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-Partijiet qablu li l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim ser tkun strumentali sabiex l-Istati Membri jiġu nkoraġġuti joffru opportunitajiet ta’ migrazzjoni legali liċ-ċittadini Pakistani. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea tappella lill-Istati Membri sabiex jidħlu f’diskussjonijiet mal-Pakistan, skont il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, dwar il-possibiltajiet ta’ migrazzjoni legali taċ-ċittadini Pakistani.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ASSISTENZA TEKNIKA

Il-Partijiet huma impenjati li jimplimentaw dan il-Ftehim fuq il-bażi tar-responsabbiltà kondiviża u sħubija bbilanċjata fi spirtu ta’ solidarjetà dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Pakistan.

F’dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea ser tappoġġja lill-Pakistan, permezz ta’ programmi ta’ assistenza Komunitarji, notevolment il-Programm Aeneas, fil-implimentazzjoni tal-komponenti kollha ta’ dan il-Ftehim, inkluż appoġġ indirizzat għas-sistemazzjoni mill-ġdid u l-benesseri tal-persuni riammessi.

Dan l-appoġġ jista’ bħala prinċipju jkopri wkoll it-trawwim tal-konnessjonijiet bejn il-migrazzjoni u l-iżvilupp, l-organizzazzjoni u l-promozzjoni tal-migrazzjoni ekonomika legali, il-ġestjoni tal-migrazzjoni illegali, u l-protezzjoni tal-migranti mill-isfruttament u l-esklużjoni.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR ID-DANIMARKA

Il-Partijiet jieħdu nota li dan il-Ftehim ma japplikax la għat-territorju tar-Renju tad-Danimarka, u lanqas għaċ-ċittadini tar-Renju tad-Danimarka. F’dawn iċ-ċirkostanzi huwa xieraq li l-Pakistan u d-Danimarka jikkonkludu ftehim dwar ir-riammissjoni fuq l-istess termini ta’ dan il-Ftehim.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ISLANDA U N-NORVEĠJA

Il-Partijiet jieħdu nota tar-relazzjoni mill-qrib li teżisti bejn il-Komunità Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja, b’mod partikolari permezz tal-Ftehim tat-18 ta’ Mejju 1999 li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen. F’dawn iċ-ċirkostanzi hu xieraq li l-Pakistan jikkonkludi ftehim dwar ir-riammissjoni mal-Islanda u n-Norveġja fuq l-istess termini ta’ dan il-Ftehim.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR DJALOGU KOMPRENSIV DWAR IL-ĠESTJONI TAL-MIGRAZZJONI

Il-Partijiet huma impenjati sabiex jinvolvu ruħhom fi djalogu komprensiv dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni fil-qafas tal-Kummissjoni Konġunta li għandha tiġi stabbilita taħt il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tat-Tielet Ġenerazzjoni bejn il-KE u l-Pakistan. Dan id-djalogu ser jinkludi l-politika tal-viżi, bil-għan li jiġu ffaċilitati l-iskambji bejn in-nies.


Top