EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2007_334_R_0168_01

2007/827/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 22 ta' Novembru 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi
Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi

OJ L 334, 19.12.2007, p. 168–179 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 334/168


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta' Novembru 2007

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi

(2007/827/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-punti (i) u (ii) ta’ l-Artikolu 62(2)(b), flimkien ma’ l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300 (2) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni nnegozjat f’isem il-Komunità Ewropea Ftehim mar-Repubblika tal-Moldova dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi.

(2)

Il-Ftehim ġie ffirmat, f’isem il-Komunità Ewropea, fl-10 ta’ Ottubru 2007 suġġett għall-konklużjoni eventwalment possibbli tiegħu f’data aktar tard, skond Deċiżjoni tal-Kunsill adottata fid-9 ta’ Ottubru 2007.

(3)

Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat.

(4)

Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt għall-amministrazzjoni tal-Ftehim, li jista’ jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Huwa xieraq li tiġi prevista proċedura simplifikata għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Komunità f’dan il-każ.

(5)

Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jipparteċipawx fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhumiex marbuta biha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(6)

Skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunitajiet Ewropej, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni (1).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 15 tal-Ftehim (2).

Artikolu 3

Il-Kummissjoni, assistita minn esperti mill-Istati Membri, għandha tirrappreżenta lill-Komunità fil-Kumitat Konġunt ta’ esperti stabbilit mill-Artikolu 12 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Il-pożizzjoni tal-Komunità fi ħdan il-Kumitat Konġunt ta’ esperti rigward l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu kif meħtieġ taħt l-Artikolu 12(4) tal-Ftehim għandha tittieħed mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 22 ta' Novembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

M. PINHO


(1)  Ara paġna 169 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi publikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Komunità”;

u

IR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA,

minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-Partijiet;

FILWAQT LI JQISU li, mill-1 ta’ Jannar 2007, ċittadini ta’ l-UE huma eżenti mill-ħtieġa tal-viża meta jivvjaġġaw fir-Repubblika tal-Moldova għal perjodu ta’ żmien li ma jaqbiżx id-90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum jew meta jaqsmu mit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova;

BIL-ĦSIEB li jiżviluppaw aktar ir-relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejn il-Partijiet u x-xewqa li jiffaċilitaw il-kuntatt tal-persuni bħala kundizzjoni importanti għal żvilupp solidu tar-rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u rabtiet oħra, billi jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ viżi għal ċittadini tal-Moldova;

WARA LI KKUNSIDRAW il-Pjan ta’ Azzjoni PEV UE-Moldova kurrenti, li nnota li jiġi stabbilit djalogu kostruttiv dwar il-kooperazzjoni dwar il-viża bejn l-UE u l-Moldova, inkluż skambju ta’ opinjonijiet fuq possibbiltajiet ta’ ffaċilitar tal-viża skond l-acquis;

FILWAQT li jagħrfu d-dħul ta’ reġim ta’ vvjaġġar ħieles mill-viża għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova bħala perspettiva għat-tul;

FILWAQT li jgħarfu li jekk ir-Repubblika tal-Moldova ddaħħal mill-ġdid il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ l-UE, l-istess iffaċilitar mogħti b’dan il-ftehim liċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova jkun awtomatikament, fuq bażi ta’ reċiproċità, japplika għaċ-ċittadini ta’ l-UE;

FILWAQT li jagħrfu li dan l-iffaċilitar m’għandux iwassal għal migrazzjoni illegali u jagħtu attenzjoni speċjali lis-sigurtà u l-ammissjoni mill-ġdid;

FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta’ Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda;

FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat ta’ Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan u ambitu ta’ applikazzjoni

L-għan ta’ dan il-Ftehim hu li jiffaċilita l-ħruġ ta’ viżi għal żjara intiża ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum għaċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova.

Artikolu 2

Klawżola Ġenerali

1.   L-iffaċilitar tal-viża previst f’dan il-Ftehim għandu japplika għal ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Moldova biss sakemm ma jkunux eżenti mill-ħtieġa tal-viża bil-liġijiet u r-regolamenti tal-Komunità jew ta’ l-Istati Membri, ta’ dan il-Ftehim jew ftehimiet internazzjonali oħra.

2.   Il-liġi nazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova, jew ta’ l-Istati Membri jew il-liġi Komunitarja għandhom japplikaw fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, bħaċ-ċaħda milli tinħareġ viża, rikonoxximent ta’ dokumenti ta’ vvjaġġar, prova ta’ mezzi ta’ għejxien suffiċjenti u ċ-ċaħda tad-dħul u miżuri ta’ espulsjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“Stat Membru” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Komunità Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, u r-Renju Unit;

(b)

“Ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea” għandha tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif deskritt fil-punt (a);

(ċ)

“Ċittadin tar-Repubblika tal-Moldova” għandha tfisser persuni biċ-ċittadinanza tar-Repubblika tal-Moldova;

(d)

“Viża” għandha tfisser awtorizzazzjoni maħruġa jew deċiżjoni meħuda minn Stat Membru li tkun meħtieġa bil-ħsieb ta’:

dħul għal soġġorn intenzjonat f’dak l-Istat Membru jew f’diversi Stati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum,

dħul għal tranżitu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew diversi Stati Membri.

(e)

“persuna legalment residenti” għandha tfisser ċittadin tar-Repubblika tal-Moldova awtorizzat jew intitolat li joqgħod għal aktar minn 90 jum fit-territorju ta’ Stat Membru, fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali.

Artikolu 4

Xiehda ċertifikata dwar l-għan tal-vjaġġ

1.   Għall-kategoriji li ġejjin ta’ ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova, id-dokumenti li ġejjin għandhom ikunu biżżejjed sabiex jiġġustifikaw l-għan tal-vjaġġ lejn il-Parti l-oħra:

(a)

għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċċjali li, wara stedina uffiċċjali indirizzata lir-Repubblika tal-Moldova, se jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi:

ittra maħruġa minn awtorità tal-Moldova li tikkonferma li l-applikant hu membru tad-delegazzjoni tagħha li qed tivvjaġġa lejn il-Parti l-oħra sabiex tipparteċipa fl-avvenimenti msemmija qabel, akkumpanjata b’kopja ta’ l-istedina uffiċċjali;

(b)

għal membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożja, seminars jew attivitajiet simili oħra li jsiru fit-territorju ta’ l-Istati Membri:

talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tkun qed tospita sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-attività;

(ċ)

għal nies tan-negozju jew rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju:

talba bil-miktub minn persuna legali jew kumpanija li qed tospita, jew uffiċċju jew il-fergħat tagħhom, awtoritajiet statali u lokali ta’ l-Istati Membri jew kumitati organizzattivi ta’ wirjiet ta’ kummerċ u industrija, konferenzi u simpożja li jsiru fit-territorji ta’ l-Istati Membri, approvata uffiċjalment mill-Kamra tar-Reġistrazzjonijiet ta’ l-Istat tar-Repubblika tal-Moldova;

(d)

għal sewwieqa li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri lejn it-territorji ta’ l-Istati Membri f’vetturi reġistrati fir-Repubblika tal-Moldova:

talba bil-miktub mill-assoċjazzjoni nazzjonali ta’ min iwassal fir-Repubblika tal-Moldova li tipprovdi għal trasport internazzjonali bit-triq, li tistqarr l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

(e)

għal membri ta’ l-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali, li jivvjaġġaw bejn it-territorji ta’ l-Istati Membri:

talba bil-miktub mill-kumpanija ferrovjarja kompetenti tar-Repubblika tal-Moldova li tistqarr l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

(f)

għall-ġurnalisti:

ċertifikat jew dokument ieħor maħruġ minn organizzazzjoni professjonali li jixhed li l-persuna konċernata hi ġurnalist/a kwalifikati u dokument maħruġ minn min iħaddmu/iħaddimha li jistqarr li l-għan tal-vjaġġ hu li jitwettaq xogħol ġurnalistiku;

(g)

għal persuni li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ skambju:

talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tkun qed tospita sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw f’dawk l-attivitajiet;

(h)

għal studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż il-qafas ta’ programmi ta’ skambju kif ukoll attivitajiet oħra marbuta ma’ l-iskola:

talba bil-miktub jew ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mill-università, akkademja, istitut, kulleġġ jew skola li tospita, jew karti ta’ l-istudenti jew ċertifikati tal-korsijiet li jkunu ser jattendu;

(i)

għal parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali:

talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tospita, awtoritajiet kompetenti, Federazzjonijiet sportivi nazzjonali u Kumitati Olimpiċi Nazzjonali ta’ l-Istati Membri;

(j)

għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn bliet ġemellati u lokalitajiet oħra:

talba bil-miktub mill-Kap ta’ Tmexxija/mis-Sindku ta’ dawn l-ibliet jew lokalitajiet oħra;

(k)

għal qraba — konjugi, ulied (inklużi dawk adottati), ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u neputijiet — li jżuru ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova legalment residenti fit-territorju ta’ l-Istati Membri:

talba bil-miktub mill-persuna li tospita;

(l)

għar-rappreżentanti ta’ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jivvjaġġaw għal raġunijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju:

talba mill-miktub maħruġa mill-organizzazzjoni li tospita, konferma li l-persuna qiegħda tirrappreżenta l-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u ċ-ċertifikat dwar l-istabbiliment ta’ tali organizzazzjoni mir-Reġistru rilevanti maħruġ minn awtorità ta’ l-Istat skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(m)

qraba li jżuru għal ċerimonji ta’ dfin:

dokument uffiċjali li jikkonferma l-fatt ta’ mewt kif ukoll ir-relazzjoni familjari jew oħra bejn l-applikant u l-persuna li mietet;

(n)

għal żjarat ta’ ċimiterji militari u ċivili:

dokument uffiċjali li jikkonferma l-eżistenza u l-preservazzjoni tal-qabar kif ukoll tar-relazzjoni familjari jew oħra bejn l-applikant u l-midfun;

(o)

għal persuni li jżuru għal raġunijiet mediċi u persuni neċessarji biex jakkumpanjawhom:

dokument uffiċjali ta’ l-istituzzjoni medika li jikkonferma l-ħtieġa ta’ kura medika f’din l-istituzzjoni, in-neċessità ta’ l-akkompanjament, u evidenza ta’ mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex jitħallas it-trattament mediku.

2.   It-talba bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha l-elementi li ġejjin:

(a)

għall-persuna mistiedna: isem u kunjom, data tat-twelid, sess, ċittadinanza, numru tal-passaport, ħin u għan tal-vjaġġ, numru ta’ daħliet u fejn rilevanti l-isem tal-konjugi u tat-tfal li qed jakkumpanjaw lill-persuna mistiedna;

(b)

għall-persuna li tistieden: isem, kunjom u indirizz;

(ċ)

għall-persuna, kumpanija jew organizzazzjoni legali li tistieden: l-isem u l-indirizz sħaħ u

jekk it-talba ssir minn organizzazzjoni jew awtorità, l-isem u l-pożizzjoni tal-persuna li tiffirma t-talba;

jekk il-persuna li tistieden hi persuna legali jew kumpanija jew uffiċċju jew il-fergħa tagħhom li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, jinħtieġ in-numru tar-reġistrazzjoni kif mitlub mil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru in kwistjoni.

3.   Għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 1, il-kategoriji kollha tal-viżi jinħarġu skond il-proċedura simplifikata mingħajr ma tkun tinħtieġ aktar ġustifikazzjoni, stedina jew validazzjoni dwar l-għan tal-vjaġġ, kif previst mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri.

Artikolu 5

Ħruġ Ta’ Viżi Għal Dħul Aktar Minn Darba

1.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri għandhom joħorġu viżi b’terminu ta’ validità sa massimu ta’ ħames snin għal dawn il-kategoriji ta’ persuni:

(a)

membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, Qorti Kostituzzjonali u Qorti Suprema, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti, fil-qadi ta’ dmirijiethom, b’terminu ta’ validità limitat għall-mandat tagħhom jekk dan ikun inqas minn 5 snin;

(b)

għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali permanenti li, wara stedina uffiċjali indirizzata lir-Repubblika tal-Moldova, se jipparteċipaw regolarment f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi:

(ċ)

konjuġi u tfal (inklużi dawk adottati), li jkunu taħt l-età ta’ 21 jew ikunu dipendenti, u li jkunu qed iżuru ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova li jkunu legalment residenti fit-territorju ta’ l-Istati Membri bit-terminu ta’ validità limitat għat-tul tal-validità ta’ l-awtorizzazzjoni tagħhom għal residenza legali;

(d)

persuni fin-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju li jivvjaġġaw regolarment fl-Istati Membri;

(e)

ġurnalisti.

2.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri għandhom joħorġu viżi ta’ dħul aktar minn darba b’terminu ta’ validità sa massimu ta’ sena għal dawn il-kategoriji ta’ persuni, jekk kemm-il darba matul is-sena ta’ qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda, ikunu użawha skond il-liġijiet ta’ dħul u residenza fit-territorju ta’ l-Istat li żaru u jekk ikun hemm raġunijiet għall-ħtieġa ta’ viża ta’ dħul aktar minn darba:

(a)

għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lir-Repubblika tal-Moldova, se jipparteċipaw regolarment f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi:

(b)

għar-rappreżentanti ta’ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jivvjaġġaw regolarment għal raġunijiet ta’ taħriġ edukattiv, seminars, konferenzi, inkluż fil-qafas ta’ programmi ta’ skambju;

(ċ)

għal membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożja, seminars jew avvenimenti simili oħra li jivvjaġġaw regolarment fl-Istati Membri;

(d)

għal sewwieqa li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri lejn it-territorji ta’ l-Istati Membri f’vetturi reġistrati fir-Repubblika tal-Moldova;

(e)

membri ta’ l-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali li jivvjaġġaw bejn it-territorji ta’ l-Istati Membri;

(f)

persuni li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ skambju, li jivvjaġġaw regolarment fil-Istati Membri;

(g)

studenti gradwati li jivvjaġġaw regolarment għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż il-qafas ta’ programmi ta’ skambju;

(h)

parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;

(i)

għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn bliet ġemellati u lokalitajiet oħra.

3.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri għandhom joħorġu viżi għal dħul aktar minn darba b’terminu ta’ validità ta’ minimu ta’ sentejn u massimu ta’ 5 snin għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jekk kemm-il darba fis-sentejn ta’ qabel ikunu użaw tajjeb il-viżi ta’ dħul aktar minn darba għal sena, skond il-liġijiet dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju ta’ l-Istat li żaru u li r-raġunijiet għall-ħtieġa ta’ viża għal dħul aktar minn darba jkunu għadhom validi.

4.   Il-perjodu totali ta’ residenza ta’ persuni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu m’għandux jaqbeż id-90 jum għal kull perjodu ta’ 180 fit-territorju ta’ l-Istati Membri.

Artikolu 6

Ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża

1.   Il-ħlas tal-viża għall-ipproċessar ta’ l-applikazzjonijiet ta’ ċittadini mill-Moldova għandu jammonta għal EUR 35.

L-ammont imsemmi qabel jista’ jkun rivedut skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 15(4).

2.   Il-ħlasijiet għall-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni għall-viża għandhom jitneħħew għal dawn il-kategoriji ta’ persuni:

(a)

għal qraba — konjuġi, ulied (inklużi dawk adottati), ġenituri (inklużi kustodji), nanniet u neputijiet — li jżuru ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova legalment residenti fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

(b)

membri ta Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, Qorti Kostituzzjonali u Qorti Suprema, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża b’dan il-Ftehim;

(ċ)

membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lir-Repubblika tal-Moldova, se jipparteċipaw f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ skambju, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri minn organizzazzjonijiet intergovernattivi:

(d)

għal studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż il-qafas ta’ programmi ta’ skambju kif ukoll attivitajiet oħra marbuta ma’ l-iskola;

(e)

persuni b’diżabilità u l-persuna li takkumpanjahom, jekk meħtieġ;

(f)

persuni li jkunu ppreżentaw dokumenti li jixhdu għall-ħtieġa ta’ l-ivvjaġġar tagħhom għal skopijiet umanitarji, inkluża l-ħtieġa li jirċievu trattament mediku urġentii, u l-persuna li takkumpanja lil dawn il-persuni, jew sabiex jattendu funeral ta’ qarib/a, jew biex iżuru qarib/a morda serjament;

(g)

parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;

(h)

persuni li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ skambju;

(i)

parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ skambju organizzati minn bliet ġemellati u lokalitajiet oħra;

(j)

ġurnalisti;

(k)

tfal taħt l-età ta’ 18-il sena u tfal dipendenti taħt l-età ta’ 21;

(l)

pensjonanti;

(m)

għal sewwieqa li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri lejn it-territorji ta’ l-Istati Membri f’vetturi reġistrati fir-Repubblika tal-Moldova;

(n)

membri ta’ l-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji li jivvjaġġaw bejn it-territorji ta’ l-Istati Membri;

(o)

membri tal-professjonijiet li jipparteċipaw f’wirjiet internazzjonali, konferenzi, simpożja, seminars jew avvenimenti simili oħra li jsiru fit-territorju ta’ l-Istati Membri.

3.   B’deroga għall-paragrafu 1, il-Bulgarija u r-Rumanija li huma marbutin bl-acquis ta’ Schengen iżda li għadhom ma joħorġux viżi ta’ Schengen, jistgħu jirrinunċjaw il-ħlasijiet għall-ipproċessar ta’ viża nazzjonali għal żjarat qosra għaċ-ċittadini tal-Repubblika tal-Moldova, sal-jum li għandu jiġi ddeterminat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill għall-implimentazzjoni sħiħa tagħhom ta’ l-acquis ta’ Schengen dwar il-politika tal-viża.

Artikolu 7

Tul tal-proċeduri għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża

1.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni fuq it-talba li tinħareġ viża fi żmien għaxart ijiem mid-data ta’ meta tasal l-applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa għall-ħruġ tal-viża.

2.   Il-perjodu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jkun estiż sa 30 jum f’każijiet individwali, notevolment meta jkun jinħtieġ aktar skrutinju ta’ l-applikazzjoni.

3.   Il-perjodu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jitnaqqas għal jumejn jew inqas f’każijiet urġenti.

Artikolu 8

Tluq f’każ ta’ dokumenti mitlufa jew misruqa

Ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Moldova li jkunu tilfu d-dokumenti ta’ identità tagħhom, jew li jkunu nsterqulhom dawn id-dokumenti waqt iż-żjara tagħhom fit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova jew l-Istati Membri, jistgħu jħallu dak it-territorju fuq il-bażi ta’ dokumenti ta’ identità validi li jippermettu l-qsim tal-fruntiera, maħruġa minn missjonijiet diplomatiċi jew pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri jew tar-Repubblika tal-Moldova mingħajr viża jew awtorizzazzjoni oħra.

Artikolu 9

Estensjoni tal-viża f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni

Ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova li m’għandhomx il-possibblità li jħallu t-territorju ta’ l-Istati Membri fiż-żmien stabbilit fil-viżi tagħhom minħabba raġunijiet ta’ force majeure għandu jkollhom it-terminu tal-viżi tagħhom estiż mingħajr ħlas skond il-leġiżlazzjoni applikata mill-Istat li qed jilqa’, għall-perjodu meħtieġ għar-ritorn tagħhom lejn l-Istat ta’ residenza tagħhom.

Artikolu 10

Passaporti diplomatiċi

1.   Ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova li huma titulari ta’ passaporti diplomatiċi validi jistgħu jidħlu, iħallu jew jivvjaġġaw fit-territorji ta’ l-Istati Membri mingħajr viżi.

2.   Persuni msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu joqogħdu fit-territorji ta’ l-Istati Membri għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum.

Artikolu 11

Validità Territorjali tal-viżi

Soġġetti għar-regoli u r-regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà nazzjonali ta’ l-Istati Membri u soġġetti għar-regoli ta’ l-UE dwar viżi b’validità territorjali limitata, iċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova għandhom ikunu intitolati sabiex jivvjaġġaw fit-territorju ta’ l-Istati Membri fuq bażi ugwali maċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

Kumitat Konġunt għall-ġestjoni ta’ dan il-Ftehim

1.   Il-Partijiet għandhom iwaqqfu Kumitat Konġunt ta’ esperti (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità Ewropea u tar-Repubblika tal-Moldova. Il-Komunità għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, assistita minn esperti mill-Istati Membri.

2.   Il-Kumitat għandu jkollu, b’mod partikolari, dawn l-impenji:

(a)

li jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim;

(b)

li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;

(ċ)

li jsolvi tilwimiet li jqumu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f’dan il-Ftehim.

3.   Il-Kumitat għandu jiltaqa’ kull meta jkun meħtieġ fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet u mill-anqas darba fis-sena

4.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

Artikolu 13

Ir-relazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma’ Ftehimiet bilaterali bejn Stati Membri u r-Repubblika tal-Moldova

Sa mid-dħul tiegħu fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehimiet bilaterali jew multilaterali jew arranġamenti mwettqa bejn l-Istati Membri individwali u r-Repubblika tal-Moldova, safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehimiet jew arranġamenti jkopru kwistjonijiet li huma indirizzati minn dan il-Ftehim.

Artikolu 14

Klawżola ta’ reċiproċità

Jekk ir-Repubblika tal-Moldova ddaħħal mill-ġdid il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ l-UE jew għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ l-UE, l-istess iffaċilitar mogħti b’dan il-ftehim liċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova jkun awtomatikament, fuq bażi ta’ reċiproċità, japplika għaċ-ċittadini ta’ l-UE ikkonċernati;

Artikolu 15

Klawżoli finali

1.   Dan il-Ftehim għandu jkun ratifikat jew approvat mill-Partijiet skond il-proċeduri rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet javżaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn fuq tlestew.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ biss fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar ammissjoni mill-ġdid ta’ persuni jekk din id-data tkun wara d-data prevista fil-paragrafu 1.

3.   Dan il-Ftehim għandu jkun konkluż għal perjodu ta’ żmien indefinit, sakemm ma jkunx terminat skond il-paragrafu 6.

4.   Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet ikunu avżaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan l-għan.

5.   Kull Parti tista’ tissospendi dan il-Ftehim parzjalment jew bis-sħiħ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tkun notifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel id-dħul tiegħu fis-seħħ. Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tgħarraf lill-Parti l-oħra immedjatament ladarba r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux japplikaw aktar.

6.   Kull Parti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jieqaf milli jibqa’ fis-seħħ 90 jum wara d-data ta’ din in-notifika.

Magħmul fi Brussell, f’żewġ kopji, fl-għaxar jum ta’ Ottubru tas-sena elfejn u sebgħa bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan, l-Ungeriż u l-Moldovan, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

За Европейската общност

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunitá Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Pentru Comunitatea Europeană

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

För Europeiska gemenskapen

Pentru Comunitatea Europeană

Pentru Comunitatea Europeană

Image

Image

За Република Молдова

Por la República de Moldova

Za Moldavskou republiku

For Republikken Moldova

Für die Republik Moldau

Moldova Vabariigi nimel

Για τη Δημοκρατία της Μολδαβίας

For the Republic of Moldova

Pour la République de Moldova

Per la Repubblica di Moldova

Moldovas Republikas vārdā

Moldovos Respublikos vardu

A Moldovai Köztársaság részéről

Għar-Repubblika tal-Moldova

Voor de Republiek Moldavië

W imieniu Republiki Mołdowy

Pela República da Moldávia

Pentru Republica Moldova

Za Moldavskú republiku

Za Republiko Moldavijo

Moldovan tasavallan puolesta

För Republiken Moldavien

Pentru Republica Moldova

Image

ANNESS

PROTOKOLL TAL-FTEHIM DWAR L-ISTATI MEMBRI LI MA JAPPLIKAWX BIS-SĦIĦ L-ACQUIS TA’ SCHENGEN

Dawk l-Istati Membri li huma marbuta bl-acquis ta’ Schengen imma li għadhom ma joħorġux viżi ta’ Schengen, filwaqt li jistennew id-deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill għal dak l-għan, għandhom joħorġu viżi nazzjonali li l-validità tagħhom tkun limitata għat-territorju tagħhom.

Dawn l-Istati Membri jistgħu jirrikonoxxu unilaterlament il-viżi u l-permessi ta’ residenza ta’ Schengen għat-tranżitu fit-territorju tagħhom, skond id-Deċiżjoni Nru 895/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Ġunju 2006.

Minħabba li d-Deċiżjoni Nru 895/2006/KE ta’ l-14 ta’ Ġunju 2006 ma tapplikax għar-Rumanija u l-Bulgarija, ser ikunu proposti dispożizzjonijiet simili mill-Kummissjoni Ewropea sabiex jippermettu lil dawn il-pajjiżi biex jirrikonoxxu unilateralment il-viżi ta’ Schengen u l-permess ta’ residenza u dokumenti simili oħrajn maħruġa minn Stati Membri oħra li għadhom mhux kompletament integrati fiż-żona ta’ Schengen għall-għanijiet ta’ tranżitu mit-territorju tagħhom.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA LID-DANIMARKA

Il-Partijiet jinnotaw li l-Ftehim ma japplikax għall-proċeduri għall-ħruġ ta’ viżi mill-missjonijiet diplomatiċi u l-pożizzjonijiet konsulari tar-Renju tad-Danimarka.

F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun xieraq li l-awtoritajiet tad-Danimarka u tar-Repubblika tal-Moldova jikkonkludu, bla dewmien, ftehim bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra f’termini simili għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IR-RENJU UNIT U L-IRLANDA

Il-Partijiet jinnotaw li dan il-Ftehim ma japplikax fit-territorju tar-Renju Unit u fl-Irlanda.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun xieraq li l-awtoritajiet tar-Renju Unit, l-Irlanda u r-Repubblika tal-Moldova jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ tal-viżi.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA LILL-IŻLANDA U N-NORVEĠJA

Il-Partijiet jinnotaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn il-Komunità Ewropea u l-Iżlanda u n-Norveġja, partikolarment bis-saħħa tal-Ftehim tat-18 ta’ Mejju 1999 li jikkonċerna l-assoċazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-progress ta’ l-acquis ta’ Schengen.

F’ċirkustanzi bħal dawn, ikun xieraq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda u r-Repubblika tal-Moldova jikkonkludu, bla dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra f’termini simili għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

Jekk il-Ftehim bejn l-UE, il-KE u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera bl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen u l-Protokolli għal dan il-Ftehim dwar il-Liechtenstein ikun daħal fis-seħħ sakemm jiġu konklużi n-negozjati mar-Repubblika tal-Moldova, għandha ssir ukoll dikjarazzjoni simili fir-rigward ta’ l-Iżvizzera u l-Liechtenstein.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-AĊĊESS TA’ APPLIKANTI GĦALL-VIŻA U L-ARMONIZZAZZJNI TA’ INFORMAZZJONI DWAR PROĊEDURI GĦALL-ĦRUĠ TA’ VIŻI GĦAL ŻJARAT QOSRA U DOKUMENTI LI GĦANDHOM JITRESSQU META SSIR L-APPLIKAZZJONI GĦAL VIŻI GĦAL ŻJARAT QOSRA

Waqt li tirrikonoxxi l-importanza tat-trasparenza għal applikanti għall-viża, il-Komunità Ewropea tfakkar li l-proposta leġiżlattiva dwar il-bixra l-ġdida ta’ l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar il-viżi għal missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari adottata fid-19 ta’ Lulju 2006 mill-Kummissjoni Ewropea u li bħalissa qed tiġi diskussa bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, tindirizza l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess ta’ applikanti għall-viża għal missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri.

Dwar l-informazzjoni li għandha tkun ipprovduta lil applikanti għall-viża, il-Komunità Ewropea tikkunsidra li għandhom jittieħdu miżuri xierqa, b’mod ġenerali, sabiex jitfassal tagħrif bażiku għall-applikanti dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni għal viżi u dwar il-validità tagħhom,

Il-Komunità Ewropea ser tfassal lista ta’ ħtiġiet minimi sabiex tiżgura li l-applikanti mir-Repubblika tal-Moldova jingħataw informazzjoni bażika koerenti u uniformi u jkunu meħtieġa li jressqu, fil-prinċipju, l-istess dokumenti ta’ appoġġ.

It-tagħrif imsemmi hawn fuq għandu jinfirex ħafna (fuq it-tabelli ta’ tagħrif ta’ konsulati, f’fuljetti, fuq siti ta’ l-Internet eċċ.).

Il-missjonijiet diplomatiċi u l-pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri għandhom jipprovdu tagħrif dwar il-possibbiltajiet eżistenti taħt l-acquis ta’ Schengen għall-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għal żjarat qosra fuq bażi ta’ każ b’każ, u partikolarment għal applikanti in bona fide.

DIKJARAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA DWAR IR-RAPPREŻENTAZZJONI U Ċ-ĊENTRU TA’ APPLIKAZZJONI KOMUNI F’CHISINAU

Waqt li tirrikonoxxi d-diffikultajiet taċ-ċittadini tal-Moldova meta japplikaw għall-viżi ta’ Schengen minħabba l-preżenza Konsulari limitata ta’ l-Istati Membri ta’ Schengen, il-Kummissjoni Ewropea tinkoraġġixxi lill-Istati Membri, — u partikolarment dawk l-Istati Membri li joħorġu viżi ta’ Schengen — biex itejbu l-preżenza tagħhom fir-Repubblika tal-Moldova, billi jagħmlu użu sħiħ tal-possibbiltajiet eżistenti: l-istabbiliment ta’ rappreżentazzjoni tagħhom, li jkunu rrappreżentati minn Stat Membru ieħor jew bl-użu sħiħ ta’ bosta għażliet li għandhom ikunu pprovduti permezz taċ-Ċentru ta’ Applikazzjoni Komuni f’Chisinau.

DIKJARAZZJONIJIET DWAR IT-TRAFFIKU LOKALI FUQ IL-FRUNTIERI

DIKJARAZZJONI POLITIKA MIR-RUMANIJA DWAR IT-TRAFFIKU LOKALI FUQ IL-FRUNTIERA

Ir-Rumanija tiddikkjara r-rieda tagħha li tidħol f’negozjati għal ftehim bilaterali tar-Repubblika tal-Moldova għall-implimentazzjoni tar-reġim tat-traffiku lokali fuq il-fruntiera stabbilit bir-Regolament KE Nru 1931/2006 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 li jistipula regoli dwar it-traffiku lokali fuq il-fruntiera fil-fruntieri ta’ l-art esterni ta’ l-Istati Membri u li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Schengen.

DIKJARAZZJONI POLITIKA MIR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA DWAR IT-TRAFFIKU LOKALI FUQ IL-FRUNTIERA

Ir-Repubblika tal-Moldova tiddikkjara r-rieda tagħha biex tidħol f’negozjati għal ftehim bilaterali mar-Rumanija għall-implimentazzjoni ta’ tali reġim tat-traffiku lokali fuq il-fruntiera.


Top