Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2006_340_R_0036_01

2006/813/KE: Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas- 27 ta' April 2006 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004, Sezzjoni V – Qorti ta' l-Awdituri
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew b'kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004, Sezzjoni V – Qorti ta' l-Awdituri

ĠU L 340, 6.12.2006, pp. 36–39 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

6.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

36


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-27 ta' April 2006

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004, Sezzjoni V – Qorti ta' l-Awdituri

(2006/813/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2004, Volum III (N6-0027/2005 – C6-0361/2005),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri għas-sena finanzjarja 2004, akkumpanjat mir-risposti ta' l-istituzzjonijiet li ġew ivverifikati (2),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li tassigura l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom, li għamlet il-Qorti ta' l-Awdituri skond l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (3),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Marzu 2006 (5971/2006 – C6- 0092/2006),

wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10), 275 u 276 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b'mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977, li huwa applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0113/2006),

1.

Jagħti kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti ta' l-Awdituri fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2004;

2.

Jagħmel il-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni ta' hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-riżoluzzjoni li tagħmel parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u sabiex jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Josep BORRELL FONTELLES

Is-Segretarju Ġenerali

Julian PRIESTLEY


(1)  ĠU L 53, 23.2.2004.

(2)  ĠU C 301, 30.11.2005, p. 1.

(3)  ĠU C 301, 30.11.2005, p. 9.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 356, 31.12.1977, p. 1.


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

b'kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004, Sezzjoni V – Qorti ta' l-Awdituri

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2004 (1),

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Komunitajiet Ewropej għas-sena finanzjarja 2004, Volum III (N6-0027/2005 – C6-0361/2005),

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti ta' l-Awdituri għas-sena finanzjarja 2004, akkumpanjat mir-risposti ta' l-istituzzjonijiet li ġew ivverifikati (2),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni li tassigura l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom, li għamlet il-Qorti ta' l-Awdituri skond l-Artikolu 248 tat-Trattat KE (3),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Marzu 2006 (5971/2006 – C6-0092/2006),

wara li kkunsidra l-Artikoli 272(10), 275 u 276 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b'mod partikulari l-Artikoli 50, 86, 145, 146 u 147 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977, li huwa applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 71 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0113/2006),

1.

Jinnota li fl-2004 l-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri (l-ECA) amministrat baġit ta' EUR 96 925 410, b'rata ta' utilizzazzjoni ta' 81,5 %;

2.

Ifakkar li l-kontijiet ta' l-ECA għall-2004 kienu vverifikati minn ditta esterna, il-KPMG (6), li kkonkludiet li

“Fl-opinjoni tagħna, id-data tal-kontabilità u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji jagħtu opinjoni vera u ġusta, skond ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regoli ta' Implimentazzjoni, prinċipji tal-kontabilità aċċettati u r-Regoli Interni tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri, ta' l-assi u l-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti Ewropea sal-31 ta’ Deċembru 2004 u tar-riżultat ekonomiku u d-dħul u l-infiq tas-sena finanzjarja li għalqet.”

3.

Jinnota b'interess it-termini taċ-ċertifikat (7) maħruġ mill-awdituri ta' l-ECA, il-KPMG, li jiġbdu l-attenzjoni għall-ewwel darba:

“rigward l-informazzjoni li tidher fin-nota 1 ta' l-Anness tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji li tgħid illi minħabba l-istandard tal-verifika Nru 12, ‘Benefiċċji għall-Persunal’ adottat permezz ta' Deċiżjoni tat-28 ta’ Diċembru 2004 tal-kontabilita' tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 33 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Qorti stabbiliet għal-ewwel darba, fil-31 ta’ Diċembru 2004, dispożizzjoni għall-pensjonijiet għall-Membri tal-Qorti Ewropea ta' l-Awdituri u dejn għal żmien twil għall-Istati Membri għal ammont ta' EUR 43 689 621. L-ammont tad-dispożizzjoni ġie determinat fuq bażi ta' analiżi attwarja magħmul mill-Kummissjoni Ewropea.”

4.

Jinnota li l-estensjoni tal-bini tal-kwartieri ġenerali ta' l-ECA fil-Lussemburgu, li ilha tinbena mill-2001, ġiet okkupata f'Ottubru 2003, qabel id-data skedata ta' Ġunju 2004; jinnota wkoll li l-kontijiet għall-proġett qegħdin fil-proċess li jingħalqu u li rapport sħiħ se jingħata lill-awtorità baġitarja meta jasal il-waqt;

5.

Barra minn hekk, jinnota referenza fil-parti dwar impenji barra l-karta tal-bilanċ fir-rapport ta' verifika tal-KPMG għal impenn ta' l-ECA biex takkwista art għal estensjoni oħra (il-proġett K3); jinnota li l-proġett K3 huwa maħsub biex jilqa' għall-bżonnijiet li mistennija jkollha l-ECA b'riżultat tad-dħul futur tal-Bulgarija, ir-Rumanija u pajjiż ieħor bi spiża stmata ta' EUR 26 450 000 (8)(prezzijiet ta' April 2003); jinnota x-xewqa ta' l-ECA “li tiddistribwixxi r-riskji assoċjati ma' proġett bħal dan fuq firxa usa', sabiex fl-aħħar mill-aħħar ma jkunx l-Ewropew li jħallas it-taxxa li jkollu jġorr parti daqstant kbira minnhom”; jitlob li jkun mgħarraf dwar kif se jintlaħaq dan l-għan, b'referenza speċjali għar-responsabilità finanzjarja għal spejjeż mhux ippjanati minn qabel;

6.

Japprova li jsiru b'mod regolari sejħiet għall-offerti għall-ħatra ta' ditta esterna biex tivverifika l-kontijiet ta' l-ECA, filwaqt li jesprimi t-tħassib tiegħu għall-pożizzjoni dominanti li għandu għadd żgħir ta' intrapriżi kbar tal-kontabilità fil-Lussemburgu u f'postijiet oħra; jitlob li jkun hemm proċedura għas-sejħa għall-offerti għall-ħatra ta' l-awdituri esterni li tkun trasparenti, ġusta u intelliġibbli għall-Parlament;

7.

Jinnota li wara l-aktar tkabbir riċenti fl-2004 u l-espansjoni tagħha għal 25 Membru, l-ECA organizzat mill-ġdid l-istruttura tagħha f'erba' gruppi tal-verifika u grupp ta' koordinazzjoni; jistaqsi jekk struttura li tinvolvi 25 Membru u l-uffiċċji rispettivi tagħhom hijiex l-aktar waħda effettiva li jista' jkun hemm; jitlob lill-ECA sabiex teżamina l-possibilità li tnaqqas l-għadd ta' membri għal terz ta' l-għadd ta' Stati Membri;

8.

Ifakkar fil-fehma li esprima l-Kumitat appuntat mill-House of Lords dwar l-Unjoni Ewropea fir-rigward tan-negozjati dwar il-Konvenzjoni dwar il-Futur ta' l-Ewropa, li

“L-istruttura attwali ta' l-ECA bi 15-il membru bi stejtus indaqs, wieħed minn kull Stat Membru, li jaħdmu b'kolleġjalità, jeħtieġ li tinbidel u, fil-każ ta' tkabbir, se jkollha tinbidel. Qorti b'aktar minn 20 membru eżekuttiv full-time tkun diżorganizzata, taħdem bil-mod u tkun ineffettiva. Il-proposta għal sistema ta' kmamar, kunċett li issa huwa inkorporat mit-Trattat ta' Nizza, tidher li hi sempliċiment mekkaniżmu biex jassorbi l-membri mingħajr ma titjieb l-effiċjenza u m'hix radikali biżżejjed biex issolvi din il-problema.”

9.

Ifakkar li s-Sur Weber, il-President ta' l-ECA, f'diskors fi Strasburgu fl-14 ta' Novembru 2005, qal lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit li l-ECA kienet qed twettaq evalwazzjoni ta' l-organizzazzjoni u tal-metodi tagħha stess, li warajha kellha ssir “reviżjoni minn pari”; jittama li jkun possibbli li tinħoloq struttura aktar razzjonali għall-ECA qabel ma jseħħ it-tkabbir li jmiss;

10.

Jissuġġerixxi li din ir-reviżjoni tal-metodi ta' kif taħdem l-ECA tkun tinkludi, bħala waħda mill-possibilitajiet, il-proposta tal-House of Lords li l-istruttura attwali tinbidel ma' “kap eżekuttiv ikkwalifikat ħafna li jkun sostnut minn staff qawwi ta' awdituri, u li jkun jirrapporta lil bord part-time, mhux eżekuttiv, magħmul minn rappreżentanti minn kull wieħed mill-Istati Membri”;

11.

Jilqa' l-għoti lill-awtorità tal-kwittanza tar-rapport annwali ta' l-attività, flimkien mad-dikjarazzjoni ffirmata mill-uffiċjal iddelegat bl-awtorizzazzjoni;

12.

Huwa grat għall-fatt li r-Rapport Annwali dwar il-funzjoni tal-verifika interna ġie mgħoddi lill-awtorità tal-kwittanza iżda jiddispjaċih li minkejja t-talba li hemm fil-paragrafu 15 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2005 (9) dan ir-rapport ta' paġna waħda xorta ma jagħtix stampa ċara ta' l-ambjent attwali ta' kontroll;

13.

Ifakkar, fir-rigward ta' karozzi uffiċjali użati mill-Membri ta' l-ECA, li r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2005 (10) titlob lill-ECA sabiex sa l-1 ta' Novembru 2005 temenda d-deċiżjoni amministrattiva tagħha tal-15 ta' Ġunju 2004 b'mod li jiġi eskluż l-użu privat ta' karozzi uffiċjali;

14.

Jistieden lill-ECA sabiex tikkunsidra li tippubblika fis-sit ta' l-ECA fuq l-Internet id-dikjarazzjonijiet tal-Membri dwar l-interessi finanzjarji tagħhom, u b'hekk tikkontribwixxi għal trasparenza akbar ta' l-istituzzjonijiet Ewropej; jemmen li t-trasparenza titjieb jekk tingħata aktar pubbliċità lir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, ECSC) Nru 2290/77 li jiddetermina l-qligħ tal-Membri tal-Qorti ta' l-Awdituri (11), possibbilment billi jiġi ppubblikat fis-sit ta' l-ECA fuq l-Internet;

15.

Ifakkar li, wara investigazzjoni mill-OLAF, proċeduri legali kontra persuna li kienet Membru ta' l-ECA ilhom pendenti quddiem il-qrati tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għal perjodu pjuttost konsiderevoli ta' żmien; jiddispjaċih li ta' spiss wisq ir-rapporti finali tal-każijiet mgħoddija mill-OLAF lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri sempliċiment jiġu arkivjati mingħajr ma tittieħed xi azzjoni ulterjuri; jemmen li d-dewmien ġudizzjali m'hux risposta aċċettabbli għal inkartament li jista' jkun imbarazzanti; se jsegwi b'attenzjoni s-smigħ, min-naħa ta' l-awtoritajiet ġudizzjarja tal-Lussemburgu, tal-każ imsemmi hawn fuq.


(1)  ĠU L 53, 23.2.2004.

(2)  ĠU C 301,30.11.2005, p. 1.

(3)  ĠU C 301, 30,11,2005, p. 9.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 356, 31.12.1977, p. 1.

(6)  Rapport mill-awditur estern dwar il-kontijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri għas-sena finanzjarja 2004 (ĠU C 299, 29.11.2005, p 1).

(7)  Rapport mill-awditur estern dwar il-kontijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri għas-sena finanzjarja 2004 (ĠU C 299, 29.11.2005, p 1).

(8)  Sors: Il-politika ta' l-ECA dwar il-bini, deskrizzjoni fil-qosor u s-sitwazzjoni preżenti, Settembru 2003.

(9)  ĠU L 196, 27.7.2005, p 47.

(10)  Testi Adottati, P6_TA(2005)0410.

(11)  ĠU L 268, 20.10.1977, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1293/2004 (ĠU L 243, 15.7.2004, p. 26).


Top