Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2005_299_R_0061_01

Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 20 ta’ Settembru 2005 dwar l-iffirmar, f' isem il-Komunita', tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka disposdwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali

OJ L 299, 16.11.2005, p. 61–70 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 173M , 27.6.2006, p. 127–136 (MT)

27.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

127


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Settembru 2005

dwar l-iffirmar, f' isem il-Komunita', tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka disposdwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali

(2005/790/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 61 (ċ) tiegħu flimkien ma' l-ewwel sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix marbuta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (1), u ma hix soġġetta għall-applikazzjoni tagħhom.

(2)

Bid-Deċiżjoni tat-8 ta' Mejju, 2003, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni, b' mod eċċezzjonali, biex tinnegozja ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka, biex id-dispożizzjonijiet tar-Regolament hawn fuq imsemmi jiġu estiżi għad-Danimarka;

(3)

Il-Kummissjoni innegozjat tali ftehim f'isem il-Komunità, mar-Renju tad-Danimarka.

(4)

Ir-Renju Unit u l-Irlanda, bis-saħħa ta' l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea, qed jipparteċipaw fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(5)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll fuq imsemmi dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, id-Danimarka mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u ma hix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(6)

Il-Ftehim, inizjalat fi Brussel, fis-17 ta' Jannar, 2005, għandu jiġi iffirmat.

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn il-Komunita' Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f' materji ċivili u kummerċjali qiegħed hawn jiġi approvat f' isem il-Komunita', bla ħsara għad-Deċżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' l-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar il-persuna/i bis-setgħa li jiffirma(w) il-Ftehim f'isem il-Komunità bla ħsara għall-konklużjoni tiegħu.

Magħmula fi Brussel, 20 ta’ Settembru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BECKETT


(1)  ĠU L 12, 16.1.2001, p.1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2004 (ĠU L 381, 28.12.2004, p. 10).


FTEHIM

bejn il-Komunità Ewropea u r-renju tad-danimarka, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f' materji ċivili u kummerċjali

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn issa ’l quddiem imsejħa “il-Komunità”,

fuq naħa, u

IR-RENJU TAD-DANIMARKA, minn issa ’l quddiem imsejjaħ “id-Danimarka”,

fuq in-naħa l-oħra

XEWQANA li jgħaqqdu r-regoli ta' kunflitt ta' ġurisdizzjoni f' materji ċivili u kummerċjali u jissimplifikaw il-formalitajiet bil-ħsieb li jaslu għal rikonoxximent rapidu u sempliċi u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi ħdan il-Komunità,

BILLI fis-27 ta’ Settembru 1968 l-Istati Membri, filwaqt li mxew skond l-Artikolu 293, ir-raba’ inċiż, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ikkonkludew il-Konvenzjoni ta’ Brussel dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi f' Materji Ċivili u Kummerċjali, (il-“Konvenzjoni ta’ Brussel”) (1). Fis-16 ta’ Settembru 1998 l-Istati Membri u l-Istati ta’ l-EFTA ikkonkludew il-Konvenzjoni ta’ Lugano dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f' Materji Ċivili u Kummerċjali (2), li hija Konvenzjoni parallela mal-Konvenzjoni ta’ Brussel.

BILLI l-kontenut ewlieni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel ittieħed fir-Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f' materji ċivili u kummerċjali (3) (“Ir-Regolament Brussel I”)

WAQT LI JIRREFERU għall-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (“il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka”) li bis-saħħa tiegħu ir-Regolament Brussel I m' għandux jorbot lil jew ikun applikabbli fid-Danimarka,

WAQT LI JENFASIZZAW li soluzzjoni għas-sitwazzjoni legali mhux sodisfaċenti li tirriżulta minn differenzi fir-regoli applikabbli dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fi ħdan il-Komunità għandha tinstab,

XEWQANA li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussel I, emendi futuri ta’ hawnhekk u l-miżuri ta’ implimentazzjoni relatati miegħu għandhom skond il-liġi internazzjonali japplikaw għar-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-fatt li d-Danimarka hija Stat Membru li għandha pożizzjoni speċjali fir-rigward tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

WAQT LI JENFASSIZZAW li l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussel u dan il-Ftehim għandha tkun żgurata, u li dispożizzjonijiet tranżitorji bħal dawk fir-Regolament Brussel I għandhom jiġu applikati wkoll għal dan il-Ftehim. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussel mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u l-Protokoll dwar l-interpretazzjoni ta' dik il-Konvenzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (4) li għandu wkoll jibqa’ applikabbli għal każijiet li jinsabu diġà pendenti meta dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ,

WAQT LI JENFASIZZAW li l-Konvenzjoni ta’ Brussel tibqa’ wkoll tapplika għat-territorji ta’ l-Istati Membri li jaqgħu fil-firxa territorjali ta’ dik il-Konvenzjoni u li huma esklużi minn dan il-Ftehim,

WAQT LI JENFASIZZAW l-importanza ta’ koordinazzjoni xierqa bejn il-Komunità u d-Danimarka fir-rigward tan-negozjati u l-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali li jistgħu jaffetwaw jew ibiddlu l-firxa tar-Regolament Brussel I,

WAQT LI JENFASIZZAW li d-Danimarka għandha tfittex li tingħaqad f'atti ta' ftehim li tkun ikkonkludiet il-Komunità li fihom il-parteċipazzjoni Daniża tkun rilevanti għall-applikazzjoni koerenti tar-Regolament Brussel I u ta' dan il-Ftehim,

WAQT LI JISTQARRU li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandha jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiżgura l-applikazzjoni uniformi u l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim, inklużi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussel I u kwalunkwe miżuri Komunitarji ta' implimentazzjoni li jiffurmaw parti minn dan il-Ftehim,

WAQT LI JIRREFERU għall-ġurisdizzjoni mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu 68(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li tagħti deċiżjonijiet dwar mistoqsijiet preliminari rigward il-validità u l-interpretazzjoni ta' atti ta' l-istituzzjoniiet tal-Komunità bbażati fuq it-Titolu IV tat-Trattat, inkluża l-validità u l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim, u dwar iċ-ċirkostanza li din id-dispożizzjoni ma torbotx lil u mhijiex applikabbli għad-Danimarka, kif jirriżulta mill-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka,

WARA LI KKUNSIDRAW li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha ġurisdizzjoni taħt l-istess kundizzjonijiet sabiex tagħti deċiżjonijiet preliminari fuq mistoqsijiet dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim imqajma minn qorti jew tribunal Daniż/a, u li għaldaqstant il-qrati jew it-tribunali Daniżi għandhom jitolbu li jingħataw deċiżjonijiet preliminari taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-qrati u t-tribunali ta' Stati Membri oħra rigward l-interpretazzjoni tar-Regolament Brussel I u l-miżuri tal-implimentazzjoni tiegħu,

WAQT LI JIRREFERU għad-dispożizzjoni li, skond l-Artikolu 68(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta' atti ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità fuq il-bażi tat-Titolu IV tat-Trattat, inkluża l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim, u ċ-ċirkostanza li din id-dispożizzjoni ma torbotx lil u mhijiex applikabbli għad-Danimarka, kif jirriżulta mill-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka

WARA LI KKUNSIDRAW li d-Danimarka għandha, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal Stati Membri oħra fir-rigward tar-Regolament Brussel I u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu, tingħata l-fakultà li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej sabiex tagħti deċiżjonijiet dwar mistoqsijiet rigward l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim,

WAQT LI JENFASIZZAW li skond il-liġi Daniża il-qrati fid-Danimarka għandhom - meta jinterpretaw dan il-Ftehim inklużi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussel I dwar kwalunkwe miżuri Komunitarji ta' implimentazzjoni li jiffurmaw parti minn dan il-Ftehim - jikkunsidraw id-deċiżjonijiet li jiffurmaw parti mill-ġurisprudenza sew tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej kif ukoll tal-qrati ta' l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej dwar id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussel, ir-Regolament Brussel I u kwalunkwe miżuri Komunitarji ta' implimentazzjoni tiegħu,

WARA LI KKUNSIDRAW li għandu jkun possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tintalab tagħti deċiżjonijiet rigward kwistjonijiet ta’ konformità ma' l-obbligi taħt dan il-Ftehim skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li jirregolaw il-proċeduri fil-Qorti,

BILLI, skond l-Artikolu 300(7) tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, dan il-Ftehim jorbot lill-Istati Membri; jixraq għalhekk li d-Danimarka, fil-każ ta' nuqqas ta' konformità minn xi Stat Membru, tkun tista' tirreferi għall-Kummissjoni bħala għassiesa tat-Trattat,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

1.   L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li japplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussel I u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet bejn il-Komunità u d-Danimarka, skond l-Artikolu 2(1) hawnekk.

2.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom l-għan li jilħqu applikazzjoni u interpretazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussel I u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu fl-Istati Membri kollha.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 3(1), 4(1) u 5(1) ta’ dan il-Ftehim jirriżultaw mill-Protokoll fuq il-pożizzjoni tad-Danimarka.

Artikolu 2

Il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f' materji ċivili u kummerċjali

1.   Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussel I, li huwa mehmuż ma' dan il-Ftehim u jifforma parti minnu, flimkien mal-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu li ġew adottati skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament u - fil-każ ta' miżuri ta' implimentazzjoni adottati wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim - implimentati mid-Danimarka kif jissemma' fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim, u l-miżuri adottati skond l-Artikolu 74(1) ta’ dan ir-Regolament, taħt il-liġi internazzjonali japplikaw għar-relazzjonijiet bejn il-Komunità u d-Danimarka.

2.   Minkejja dan, għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament għandha tinbidel kif ġej:

(a)

L-Artikolu 1(3) m' għandux japplika.

(b)

L-Artikolu 50 għandu jiġi supplimentat bil-paragrafu li jmiss (bħala l-paragrafu 2):

“2.   Madankollu, applikant li jitlob l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija minn awtorità amministrattiva fid-Danimarka fir-rigward ta’ ordni ta’ manteniment jista’, fl-Istat Membru indirizzat, jagħmel talba għall-benefiċċji li ssemmew fl-ewwel paragrafu jekk jippreżenta dikjarazzjoni mill-Ministeru tal-Ġustizzja Daniż li tgħid li jilħaq il-kondizzjonijiet finanzjarji mitluba sabiex jikkwalifika għall-għotja ta’ għajnuna sħiħa jew parzjali jew għall-eżenzjoni mill-ispejjeż jew in-nefqa.”

(ċ)

L-Artikolu 62 għandu jiġi supplimentat mill-paragrafu li jmiss (bħala l-paragrafu 2):

“2.   F' materji relatati mal-manteniment, l-espressjoni ’il-qorti’ tinkludi l-awtoritajiet amministrattivi Daniżi.”

(d)

L-Artikolu 64 għandu japplika għal vapuri ta’ tbaħħir irreġistrati fid-Danimarka kif ukoll fil-Greċja u l-Portugall.

(e)

Id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim għandha tapplika minflok id-data ta’ dħul fis-seħħ tar-Regolament imsemmi fl-Artikoli 70(2), 72 u 76 tiegħu.

(f)

Id-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw minflok l-Artikolu 66 tar-Regolament.

(g)

Fl-Anness I għandu jiżdied dan li ġej: “fid-Danimarka: l-Artikolu 246(2) u (3) ta’ l-Att ta’ l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja(lov om rettens pleje)”.

(h)

Fl-Anness II għandu jiżdied dan li ġej:“fid-Danimarka, il-‘byret’”.

(i)

Fl-Anness III għandu jiżdied dan li ġej:“fid-Danimarka, il-‘landsret’”.

(j)

Fl-Anness IV għandu jiżdied dan li ġej: “fid-Danimarka, appell lil ‘Højesteret’ bil-permess tal-‘Procesbevillingsnævnet’”.

Artikolu 3

Emendi lir-Regolament Brussel I

1.   Id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta' emendi għar-Regolament Brussel I u l-ebda emenda ta' dan it-tip ma tkun torbot lil jew tapplika għad-Danimarka.

2.   Kull meta jiġu adottati emendi għar-Regolament id-Danimarka għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk twettaqx jew le il-kontenut ta' dawn l-emendi. In-notifika għandha tingħata fid-data ta' l-adozzjoni ta' l-emendi jew fi żmien 30 jum minn dik id-data.

3.   Jekk id-Danimarka tiddeċiedi li se twettaq il-kontenut ta' l-emendi n-notifika għandha tindika jekk l-implimentazzjoni tistax isir amministrattivament jew jekk jeħtiġlux il-kunsens tal-parlament.

4.   Jekk in-notifika tindika li l-implimentazzjoni jista' jseħħ amministrattivament, in-notifika għandha, barra minn hekk, tistqarr li l-miżuri amministrattivi kollha meħtieġa jidħlu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' l-emendi għar-Regolament jew li daħlu fis-seħħ fid-data tan-notifika, skond liema tkun l-aktar reċenti.

5.   Jekk in-notifika tindika li l-implimentazzjoni jeħtieġlu l-kunsens tal-parlament fid-Danimarka, ikunu japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

Miżuri leġiżlattivi fid-Danimarka għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' l-emendi għar-Regolament jew fi żmien 6 xhur wara n-notifika, skond liema tkun l-aktar reċenti;

(b)

Id-Danimarka għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bid-data li fiha l-miżuri ta’ implimentazzjoni leġiżlattivi jidħlu fis-seħħ.

6.   Notifika Daniża li l-kontenut ta' l-emendi twettaq fid-Danimarka, skond il-paragrafi 4 u 5, toħloq obbligi rispettivi taħt il-liġi internazzjonali bejn id-Danimarka u l-Komunità. L-emendi għar-Regolament imbagħad ikunu jikkostitwixxu emendi għal dan il-Ftehim u jitqiesu li huma annessi miegħu.

7.   Fil-każ li:

(a)

Id-Danimarka tinnotifika d-deċiżjoni tagħha li ma twettaqx il-kontenut ta’ l-emendi; jew

(b)

Id-Danimarka ma tagħmilx notifika fil-limitu ta’ żmien ta’ 30 jum stipulat fil-paragrafu 2; jew

(ċ)

Il-miżuri leġiżlattivi fid-Danimarka ma jidħlux fis-seħħ fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 5;

dan il-Ftehim jitqies li jkun inġieb fi tmiemu sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor fi żmien 90 jum jew, fil-qagħda msemmija f' (ċ), sakemm ma jidħlux fis-seħħ fl-istess perjodu miżuri leġiżlattivi fid-Danimarka. It-tmiem iseħħ tliet xhur wara li jiskadi l-perjodu ta' 90 jum.

8.   Proċeduri legali li nbdew u dokumenti li tfasslu b’mod formali jew li ġew irreġistrati bħala għodod awtentiċi qabel id-data ta’ tmiem tal-Ftehim kif stipulat fil-paragrafu 7 mhumiex hawnhekk affetwati.

Artikolu 4

Il-miżuri ta' implimentazzjoni

1.   Id-Danimarka m'għandhiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta' opinjonijiet mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 75 tar-Regolament Brussel I. Miżuri ta’ implimentazzjoni adottati skond l-Artikolu 74(2) ta' dak ir-Regolament ma jorbtux lil u mhumiex applikabbli għad-Danimarka.

2.   Kull meta jiġu adottati miżuri ta' implimentazzjoni skond l-Artikolu 74(2) tar-Regolament, il-miżuri ta' implimentazzjoni jiġu kkomunikati lid-Danimarka. Id-Danimarka għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk timplimentax jew le l-kontenut tal-miżuri ta' implimentazzjoni In-notifika għandha tingħata fid-data meta tasal il-komunikazzjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni jew fi żmien 30 jum wara dik id-data.

3.   In-notifika għandha tistqarr li l-miżuri amministrattivi kollha meħtieġa fid-Danimarka jidħlu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-miżuri ta' implimentazzjoni jew li jkunu daħlu fis-seħħ fid-data tan-notifika, skond liema tkun l-aktar reċenti.

4.   Notifika Daniża li l-kontenut tal-miżuri ta' implimentazzjoni ikun ġie implimentat fid-Danimarka taħt il-liġi internazzjonali toħloq obbligi reċiproċi taħt il-liġi internazzjonali bejn id-Danimarka u l-Komunità. Il-miżuri ta' implimentazzjoni imbagħad se jiffurmaw parti minn dan il-Ftehim.

5.   Fil-każ li:

(a)

id-Danimarka tinnotifika d-deċiżjoni tagħha li ma timplimentax il-kontenut tal-miżuri ta’ implimentazzjoni; jew

(b)

Id-Danimarka ma tagħmilx notifika fil-limitu ta’ żmien ta’ 30 jum stipulat fil-paragrafu 2;

dan il-Ftehim jitqies li jkun inġieb fi tmiemu sakemm il-partijiet ma jiddeċidux mod ieħor fi żmien 90 jum. It-tmiem iseħħ tliet xhur wara li jiskadi l-perjodu ta' 90 jum.

6.   Proċeduri legali li nħolqu u dokumenti li tfasslu b’mod formali jew li ġew irreġistrati bħala għodod awtentiċi qabel id-data ta’ tmiem tal-Ftehim kif stipulat fil-paragrafu 5 mhumiex hawnhekk affetwati.

7.   Jekk f'każijiet eċċezzjonali l-implimentazzjoni ikun jeħtieġlu l-kunsens tal-parlament fid-Danimarka, in-notifika Daniża skond il-paragrafu 2 għandha tindika dan u jkunu jgħoddu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3(5) sa (8).

8.   Id-Danimarka għandha tinnotifika lill-Kummissjoni bit-testi li jemendaw il-punti stipulati fl-Artikolu 2(2)(g) sa (j) ta’ dan il-Ftehim. Il-Kummissjoni għandha tadatta l-Artikolu 2(2)(g) sa (j) skond dan.

Artikolu 5

Atti ta’ ftehim internazzjonali li jaffetwaw ir-Regolament Brussel I

1.   Atti ta' ftehim internazzjonali li tidħol għalihom il-Komunità msejsa fuq ir-regoli tar-Regolament Brussel I ma jorbtux lil u mhumiex applikabbli għad-Danimarka

2.   Id-Danimarka żżomm lura milli tidħol għal atti ta' ftehim internazzjonali li jistgħu jaffettwaw jew jibdlu l-ambitu tar-Regolament Brussel I kif anness ma' dan il-Ftehim sakemm dan ma jsirx bi qbil mal-Komunità u sakemm ma jkunux saru arranġamenti sodisfaċenti rigward ir-relazzjoni bejn dan il-Ftehim u l-ftehim internazzjonali kkonċernat.

3.   Fin-negozjar ta' atti ta' ftehim internazzjonali li jistgħu jaffettwaw jew jibdlu l-ambitu tar-Regolament Brussel I kif anness ma' dan il-Ftehim, id-Danimarka għandha tikkoordina l-pożizzjoni tagħha mal-Komunità u żżomm lura mit-teħid ta' kwalunkwe azzjoni li tkun tista' tipperikola l-miri ta' pożizzjoni tal-Komunità fl-isfera ta' kompetenza tagħha f'negozjati simili

Artikolu 6

Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej rigward l-interpretazzjoni tal-Ftehim

1.   Fejn titqajjem mistoqsija dwar il-validità jew l-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim waqt kawża pendenti quddiem qorti jew tribunal Daniż/a, il-qorti jew tribunal ikkonċernat/a jitlob/titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni fuq din il-mistoqsija kull meta taħt l-istess ċirkostanzi qorti jew tribunal ta' Stat Membru ieħor ta' l-Unjoni Ewropea jkun jeħtieġlu/jeħtiġilha li tagħmel dan fir-rigward tar-Regolament Brussel I u tal-miżuri ta' implimentazzjoni imsemmija fl-Artikolu 2(1) hawnekk.

2.   Skond il-liġi Daniża, il-qrati fid-Danimarka għandhom, meta jinterpretaw dan il-Ftehim, jikkunsidraw id-deċiżjonijiet li jiffurmaw parti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Brussel u kwalunkwe miżura Komunitarja ta' implimentazzjoni.

3.   Id-Danimarka tista', bħalma jistgħu l-Kunsill, il-Kummissjoni u kwalunkwe Stat Membru, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti deċiżjoni dwar kwistjoni ta' interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim. Id-deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja bi tweġiba għal talba bħal din ma tkunx tapplika għall-ġudizzji ta' qrati jew tribunali fl-Istati Membri li jkunu saru res judicata.

4.   Id-Danimarka jkollha d-dritt li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja f’każijiet meta tkun saritilha mistoqsija minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1).

5.   Il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u r-Regoli ta' Proċedura tagħha għandhom japplikaw.

6.   Jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea dwar deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġu emendati b'tali mod li jkun hemm konsegwenzi fir-rigward ta' deċiżjonijiet fuq ir-Regolament Brussel I, id-Danimarka tista' tinnotifika lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li ma tapplikax l-emendi skond dan il-Ftehim. In-notifika għandha tingħata fid-data ta' dħul fis-seħħ ta' l-emendi jew fi żmien 60 jum minn dik id-data.

F'każ bħal dan, dan il-Ftehim jitqies li jkun ġie mitmum. It-tmiem iseħħ tliet xhur wara d-data tan-notifika.

7.   Proċeduri legali li nħolqu u dokumenti li tfasslu b’mod formali jew li ġew irreġistrati bħala għodod awtentiċi qabel id-data ta’ tmiem tal-Ftehim kif stipulat fil-paragrafu 6 mhumiex hawnhekk affetwati.

Artikolu 7

Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej rigward il-konformità mal-Ftehim

1.   Il-Kummissjoni tista' tiftaħ kawżi kontra d-Danimarka quddiem il-Qorti ta' Ġustizzja dwar nuqqas ta' konformità ma' kwalunkwe obbligu ta' dan il-Ftehim.

2.   Id-Danimarka tista' tressaq ilment lill-Kummissjoni dwar nuqqas ta' konformità min-naħa ta' Stat Membru ma' l-obbligi tiegħu skond dan il-Ftehim.

3.   Id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li jiggvernaw il-proċeduri fil-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u r-Regoli ta’ Proċedura tagħha għandhom japplikaw.

Artikolu 8

L-applikazzjoni territorjali

1.   Dan il-Ftehim għandu japplika fit-territorji msemmija fl-Artikolu 299 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

2.   Jekk il-Komunità tiddeċiedi li testendi l-applikazzjoni tar-Regolament Brussel I għal territorji li bħalissa huma ggvernati mill-Konvenzjoni ta’ Brussel, il-Komunità u d-Danimarka għandhom jikooperaw sabiex jiżguraw li din it-tip ta’ applikazzjoni testendi wkoll għad-Danimarka.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan il-Ftehim għandu japplika biss għal proċeduri legali li nbdew u dokumenti li tfasslu b’ mod formali jew li huma reġistrati bħala strumenti awtentiċi wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.   Minkejja dan, jekk il-proċeduri fl-Istat Membru ta’ oriġini ngħataw bidu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, deċiżjonijiet li ngħataw wara dik id-data għandhom ikunu rikonoxxuti u infurzati skond dan il-Ftehim,

(a)

jekk il-proċeduri fl-Istat Membru ta’ oriġini ngħataw bidu wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Brussel jew ta’ Lugano kemm fl-Istat Membru ta’ oriġini kif ukoll fl-Istat Membru indirizzat;

(b)

fil-każijiet l-oħra kollha, jekk il-ġurisdizzjoni kienet imsejsa fuq regoli li kienu jaqblu ma dawk previsti jew f’dan il-Ftehim inkella f’konvenzjoni konkluża bejn l-Istat Membru ta’ oriġini u l-Istat Membru indirizzat li kienu fis-seħħ meta ngħataw bidu l-proċeduri.

Artikolu 10

Relazzjoni mar-Regolament Brussel I

1.   Dan il-Ftehim m' għandux jippreġudika l-applikazzjoni minn Stati Membri tal-Komunità tar-Regolament Brussel I minbarra d-Danimarka.

2.   Minkejja dan, dan il-Ftehim għandu fi kwalunkwe każ jiġi applikat:

(a)

f' materji ta’ ġurisdizzjoni, meta l-konvenut għandu domiċilju fid-Danimarka, jew fejn l-Artikolu 22 jew 23 tar-Regolament, li huma applikabbli għar-relazzjonijiet bejn il-Komunità u d-Danimarka skond l-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim, jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tad-Danimarka;

(b)

fir-rigward ta’ lis pendens jew ta’ azzjonijiet relatati kif previst fl-Artikoli 27 u 28 tar-Regolament Brussel I, li huwa applikabbli għar-relazzjoniiet bejn il-Komunità u d-Danimarka skond l-Artikolu 2 ta’ dan il-Ftehim, meta l-proċeduri jingħataw bidu fi Stat Membru apparti d-Danimarka u fid-Danimarka;

(ċ)

f' materji ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni, fejn id-Danimarka hija jew l-Istat ta’ oriġini jew l-Istat indirizzat.

Artikolu 11

Tmiem tal-Ftehim

1.   Dan il-Ftehm jinġieb fi tmiemu jekk id-Danimarka tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra li ma tkunx trid tagħmel użu aktar mid-dispożizzjonijiet tal-Parti I tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka skond l-Artikolu 7 ta' dak il-Protokoll.

2.   Dan il-Ftehim jista' jiġi mitmum billi wieħed mill-Partijiet Kontraenti jinnotifika lill-Parti Kontraenti l-oħra. It-tmiem iseħħ sitt xhur wara d-data ta' din in-notifika.

3.   Proċeduri legali li nħolqu u dokumenti li tfasslu b’mod formali jew li ġew irreġistrati bħala għodod awtentiċi qabel id-data ta’ tmiem tal-Ftehim kif stipulat fil-paragrafu 2 jew 3 mhumiex hawnhekk affetwati.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

1.   Il-Ftehim għandu jiġi adottat mill-Partijiet Kontraenti skond il-proċeduri rispettivi tagħhom.

2.   Dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tas-sitt xahar wara n-notifika mill-Partijiet Kontraenti li jkunu temmew il-proċeduri rispettivi meħtieġa għal dan il-għan.

Artikolu 13

Awtentiċità tat-testi

Dan il-Protokoll huwa mfassal f'kopji bil-lingwa Ċeka, Daniża, Estona, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Slovena, Slovakka, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Svediża, b'kull wieħed minn dawk it-testi jkun awtentiku b' mod indaqs.

Hecho en Bruselas, el diecinueve de octubre del dos mil cinco.

V Bruselu dne devatenáctého října dva tisíce pět.

Udfærdiget i Bruxelles den nittende oktober to tusind og fem.

Geschehen zu Brüssel am neunzehnten Oktober zweitausendfünf.

Kahe tuhande viienda aasta oktoobrikuu üheksateistkümnendalpäeval Brüsselis.

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις δέκα εννέα Οκτωβρίου δύο χιλιάδες πέντε.

Done at Brussels on the nineteenth day of October in the year two thousand and five.

Fait à Bruxelles, le dix-neuf octobre deux mille cinq.

Fatto a Bruxelles, addì diciannove ottobre duemilacinque.

Briselē, divtūkstoš piektā gada deviņpadsmitajā oktobrī.

Priimta du tūkstančiai penktų metų spalio devynioliktą dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kettőezer ötödik év október tizenkilencedik napján.

Magħmul fi Brussel, fid-dsatax jum ta' Ottubru tas-sena elfejn u ħamsa.

Gedaan te Brussel, de negentiende oktober tweeduizend vijf.

Sporządzono w Brukseli dnia dziewiętnastego października roku dwa tysiące piątego.

Feito em Bruxelas, em dezanove de Outubro de dois mil e cinco.

V Bruseli dňa devätnásteho októbra dvetisícpäť.

V Bruslju, devetnajstega oktobra leta dva tisoč pet.

Tehty Brysselissä yhdeksäntenätoista päivänä lokakuuta vuonna kaksituhattaviisi.

Som skedde i Bryssel den nittonde oktober tjugohundrafem.

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólonoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

På Europeiska gemenskapens vägnar

Image

Por el Reino de Dinamarca

Za Dánské království

For Kongeriget Danmark

Für das Königreich Dänemark

Taani Kuningriigi nimel

Για το Βασίλειο της Δανίας

For the Kingdom of Denmark

Pour le Royaume de Danemark

Per il Regno di Danimarca

Dānijas Karalistes vārdā

Danijos Karalystės vardu

A Dán Királyság részéről

Għar-Renju tad-Danimarka

Voor het Koninkrijk Denemarken

W imieniu Królestwa Danii

Pelo Reino da Dinamarca

Za Dánske kráľovstvo

Za Kraljevino Dansko

Tanskan kuningaskunnan puolesta

På Konungariket Danmarks vägnar

Image


(1)  ĠU L 299, 31.12.1972, p. 32. ĠU L 304, 30.10.1978, p. 1. ĠU L 388, 31.12.1982, p. 1. ĠU L 285, 3.10.1989, p. 1. ĠU C 15, 15.1.1997, p. 1. Għal test konsolidat, ara ĠU C 27, tas-26.1.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 319, tal-25.11.1988, p. 9.

(3)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2004 (ĠU L 381, 28.12.2004, p. 10).

(4)  ĠU L 204, 2.8.1975, p. 28, ĠU L 304, 30.10.1978, p. 1, ĠU L 388, 31.12.1982, p. 1, ĠU L 285, 3.10.1989, p. 1, ĠU C 15, 15.1.1997, p. 1. Għal test konsolidat, ara ĠU C 27, 26.1.1998, p. 28.

ANNESS

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f' materji ċivili u kummerċjali, kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1496/2002 tal-21 ta’ Awwissu 2002 li jemenda l-Anness I (ir-regoli tal-ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4(2) u l-Anness II (il-lista tal-qrati u awtoritajiet kompetenti) lir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f' materji ċivili u kummerċjali u bir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1937/2004 tad-9 ta’ Novembru 2004 li jemenda l-Annessi I, II, III u IV għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f' materji ċivili u kummerċjali.


Top