Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C:2016:032:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, C 32, 28 ta' Jannar 2016


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 32

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 59
28ta' Jannar 2016


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

511 Sessjoni Plenarja tal-KESE fis-6, is-7 u t-8 ta' Ottubru 2015

2016/C 032/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Edukazzjoni u taħriġ kontinwi (CVET) fiż-żoni rurali (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

2016/C 032/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-enerġija, fattur ta’ żvilupp u approfondiment tal-adeżjoni tal-Balkani tal-Punent (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

8


 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

511 Sessjoni Plenarja tal-KESE fis-6, is-7 u t-8 ta' Ottubru 2015

2016/C 032/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi [COM(2015) 366 final]

12

2016/C 032/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi għall-Greċja[COM(2015) 365 final – 2015/0160 (COD)]

20

2016/C 032/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f’ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta’ Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (Riformulazzjoni)[COM(2015) 282 final – 2015/0128 (COD)]

23


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

511 Sessjoni Plenarja tal-KESE fis-6, is-7 u t-8 ta' Ottubru 2015

28.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Edukazzjoni u taħriġ kontinwi (CVET) fiż-żoni rurali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 032/01)

Relatur ġenerali:

is-Sur Brendan BURNS

Korelatur:

is-Sur Pavel TRANTINA

Nhar l-10 ta’ Lulju 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Edukazzjoni u taħriġ kontinwi (CVET) fiż-żoni rurali

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Lulju 2015.

Minħabba t-tiġdid tal-mandat tal-Kumitat, l-Assemblea Plenarja ddeċidiet li tivvota dwar din l-Opinjoni fis-sessjoni plenarja tagħha ta’ Ottubru u li taħtar lis-Sur Burns bħala relatur ġenerali u lis-Sur Trantina bħala korelatur b’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura.

Matul il-511-il sessjoni plenarja tiegħu tas-6, is-7 u t-8 ta’ Ottubru 2015 (seduta tat-8 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’139 vot favur, vot 1 kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1.

Jirrikonoxxi li l-UE ma għandhiex setgħat diretti fl-oqsma tal-edukazzjoni jew it-taħriġ vokazzjonali u li s-sistemi edukattivi jvarjaw bejn l-Istati Membri; il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni dwar problema Ewropea komuni li tikkonċerna l-provvediment ta’ Edukazzjoni u Taħriġ (Vokazzjonali) Kontinwi (CVET) fiż-żoni rurali u remoti madwar l-Ewropa, li hemm bżonn tiġi trattata fil-livelli Ewropej, nazzjonali u lokali.

1.2.

Hija meħtieġa aġenda Pan-Ewropea ġdida biex tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali, flimkien man-negozji, it-trejdjunjins u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, biex itejbu l-kooperazzjoni sabiex is-CVET ikunu disponibbli għall-impjegati li jkunu qed jitħarrġu u l-impjegaturi tagħhom. Dan għandu jseħħ qrib il-post tal-impjieg u f’ambjent kompatibbli miegħu. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippromwovu u jinkoraġġixxu din il-kooperazzjoni, u jiżguraw li tkun iffinanzjata tajjeb.

1.3.

Is-soċjetà u l-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ jirrikonoxxu li l-mikrointrapriżi u n-negozji ż-żgħar mhumiex verżjonijiet iżgħar ta’ kumpaniji kbar. Din is-suppożizzjoni wriet li hija falza u hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għalfejn għandna “nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet” fl-edukazzjoni u l-impjieg.

1.4.

Hemm bżonn li jiġu żviluppati Kwalifiki tas-CVET u Vokazzjonali ġodda għall-mikrointrapriżi u n-negozji ż-żgħar ibbażati fuq evidenza empirika tal-kompiti li fil-fatt jitwettqu f’dawn in-negozji.

1.5.

It-taħriġ għal negozji rurali għandu jitwassal lokalment permezz tal-ICT u mekkaniżmi oħra ta’ provvista tal-broadband. Biex jinkiseb dan, l-aċċess universali għal broadband mobbli ta’ veloċità għolja u tal-linja tal-art fiż-żoni rurali u remoti għandu jitqies bħala “infrastruttura essenzjali”. Il-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-UE għaldaqstant m’għandhomx jitħallew iwaqqfu lill-gvernijiet nazzjonali jew reġjonali milli jiżviluppaw broadband ta’ veloċità għolja fiż-żoni rurali.

1.6.

Il-gvernijiet nazzjonali u lokali jeħtieġ jirrikonoxxu li l-investiment fl-iżvilupp ta’ mikrointrapriżi tal-familja u negozji żgħar fiż-żoni rurali u remoti huwa investiment fit-tul tajjeb li ser jgħin biex titwaqqaf il-migrazzjoni, jitnaqqsu l-pressjonijiet fuq is-servizzi fl-irħula u fl-ibliet, terġa’ tinkiseb s-sostenibbiltà ekonomika għall-komunitajiet lokali u jiġi preservat l-ambjent rurali.

1.7.

L-appoġġ finanzjarju fit-tul għal gruppi lokali mill-gvernijiet nazzjonali/reġjonali se jgħin jikkoordina l-proċess fejn il-bżonnijiet lokali jiġu identifikati u moqdija. Tali appoġġ se jgħin ukoll biex il-komunitajiet jieħdu sehem fit-trattament dirett tal-problemi tal-eżodu miż-żoni rurali, filwaqt li l-appoġġ finanzjarju mill-fondi strutturali, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, għandu jippermetti l-għoti ta’ taħriġ kontinwu li jikkorrispondi għall-bżonnijiet tal-atturi kkonċernati

2.   Kuntest

2.1.

L-għan ta’ din l-opinjoni huwa li tenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata sistema aħjar ta’ Edukazzjoni u Taħriġ Kontinwi (CVET) u żvilupp professjonali kontinwu f’żoni rurali, partikolarment żoni muntanjużi u insulari (RM&I).

2.2.

Skont id-definizzjoni mis-Cedefop (1), CVET tfisser “edukazzjoni jew taħriġ wara l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali – jew wara d-dħul fil-ħajja tax-xogħol bil-għan li l-individwi jiġu megħjuna jtejbu jew jaġġornaw l-għarfien u/jew il-ħiliet tagħhom; jiksbu ħiliet ġodda għal bidla fil-karriera jew taħriġ mill-ġdid; ikomplu l-iżvilupp personali jew professjonali tagħhom. L-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwi huma parti mit-tagħlim tul il-ħajja u jistgħu jinkludu kwalunkwe tip ta’ edukazzjoni (ġenerali, speċjalizzata jew vokazzjonali, formali jew mhux formali, eċċ.). Din hija kruċjali għall-impjegabbiltà tal-individwi.”

2.3.

Il-problemi marbuta mas-CVET fiż-żoni rurali u remoti ġew identifikati f’għadd ta’ opinjonijiet tal-KESE (2) dwar l-agrikoltura u f’laqgħat pubbliċi. Din l-opinjoni ser tipprovdi analiżi dettaljata tal-kwistjonijiet u tipproponi tweġibiet għal uħud mill-mistoqsijiet ewlenin.

2.4.

Madwar l-UE, hemm differenzi konsiderevoli bejn iż-żoni RM&I. Biswit reġjuni estremament għonja fejn ir-rata tal-qgħad hija baxxa u t-tkabbir huwa sod, jinsabu reġjuni li għandhom problemi ekonomiċi dejjem jiżdiedu, emigrazzjoni u popolazzjoni li qed tixjieħ. Barra minn hekk, mhux dejjem ikun hemm opportunitajiet ta’ aċċess f’distanzi raġonevoli għal edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali.

2.5.

Hekk kif l-istandards tal-għajxien tjiebu fl-ibliet, ħafna żgħażagħ f’żoni RM&I emigraw, u dan jikkawża xejra spirali ekonomika u soċjali negattiva li tieħu spinta hekk kif jemigraw aktar persuni. It-telf tal-popolazzjoni jnaqqas l-ammont ta’ flus li jiċċirkolaw fi ħdan il-komunità, li mbagħad jaffettwa l-vijabbiltà ta’ negozji lokali, ħwienet, u konnessjonijiet ta’ trasport. Dan isir aktar ikkumplikat minħabba t-telf eventwali ta’ servizzi mediċi, banek, skejjel u faċilitajiet oħra.

2.6.

Iż-żoni RM&I tal-Ewropa jipprovdulna ħafna mill-ikel lokali u l-materji prima tagħna. Dawn jipprovdu wkoll post fejn in-nies jistgħu jirrilassaw u jgawdu rikreazzjoni, sports u attivitajiet oħra iżda, mingħajr impjegati lokali kompetenti u mħarrġa tajjeb għat-tmexxija tal-irziezet, il-foresti, il-barrieri, il-lukandi, in-negozji tal-arti u l-artiġjanat ħafna minn dawn il-faċilitajiet mhux se jibqgħu jeżistu.

2.7.

Il-kapaċità tan-negozji biex joperaw f’dawn il-postijiet diffiċli hija kwistjoni ewlenija, u biex l-impjegaturi jiksbu dan jeħtieġu persunal kompetenti u mħarreġ sew. Dan jirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib ma’ impjegaturi u skejjel lokali, kulleġġi tekniċi u universitajiet.

2.8.

Ir-reġjuni huma l-livell li fih tiġi introdotta u żviluppata bl-aħjar mod il-kooperazzjoni bejn iċ-ċentri ta’ taħriġ u n-negozji. L-awtoritajiet, fil-livelli kollha, għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa u speċifika għall-introduzzjoni u l-iżvilupp ta’ CVET fiż-żoni rurali u periferali, u/jew żoni ta’ densità baxxa fil-popolazzjoni, li jinkludu investiment suffiċjenti, iżda wkoll appoġġ, inkoraġġiment u assistenza għal inizjattivi lokali li jippromwovu l-kooperazzjoni bejn iċ-ċentri ta’ taħriġ u n-negozji.

2.9.

Kif enfasizza diversi drabi l-KESE, iridu jiġu implimentati konsulenza u gwida dwar il-karriera personalizzati (3).

2.10.

L-aċċess għas-CVET huwa fundamentali għall-iżvilupp ta’ impjieg indipendenti u forza tax-xogħol kompetenti. Sfortunatament, ħafna mill-faċilitajiet tat-taħriġ vokazzjonali huma bbażati f’żoni b’popolazzjoni kbira, u b’hekk il-persuni li jkunu qed jitħarrġu minn żoni RM&I jkunu żvantaġġati minħabba l-bżonn tagħhom li jivvjaġġaw distanzi twal biex jaslu sa dawn iċ-ċentri. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dan jinvolvi spejjeż addizzjonali u inkonvenjenza konsiderevoli, speċjalment fil-każ ta’ attendenza għal korsijiet qosra jew fuq bażi ta’ day-release.

2.11.

Li t-taħriġ isir f’żoni RM&I hija problema li ġiet rikonoxxuta f’diversi pajjiżi tal-UE. Sfortunatament, l-iskemi biex tiġi indirizzata din il-problema kienu bbażati l-aktar fuq “soluzzjonijiet urbani” li mhumiex rilevanti għaż-żoni RM&I.

2.12.

Is-sistemi tal-edukazzjoni madwar l-Ewropa tant ivarjaw bejn l-Istati Membri (uħud minnhom organizzati ċentralment, oħrajn fil-livell federali, bir-responsabbiltà f’idejn ir-reġjuni) li huwa diffiċli li nipprevedu “soluzzjoni Ewropea”. Madankollu, waqt li s-soluzzjonijiet jistgħu jvarjaw, xorta huwa ta’ min jidentifika l-problemi komuni u jfittex soluzzjonijiet komuni, li jippermettu tagħlim reċiproku mill-aħjar prattika. Il-KESE jenfasizza li jqis li s-sistema ta’ taħriġ doppju, b’responsabbiltà kondiviża bejn l-iskejjel u n-negozji biex jipprovdu t-taħriġ bl-involviment tal-imsieħba soċjali, hija prattika tajba ħafna.

2.13.

Is-CVET rurali jistgħu joffru taħriġ speċjalizzat f’ċerti żoni li huma direttament relatati mal-attivitajiet ekonomiċi rurali u l-karatteristiċi naturali tagħhom, inkluż is-sajd, il-forestrija, l-ambjent, il-biedja, eċċ. Dan it-taħriġ speċjalizzat għandu jissodisfa l-istandards tal-kwalità meħtieġa biex il-programmi speċjalizzati jsiru mezz biex jattiraw il-persuni li jitgħallmu, li jippermetti l-kwalifikazzjoni rilevanti tal-persuni li segwew dan it-taħriġ u b’hekk jingħata kontribut għall-irkupru soċjoekonomiku lokali.

3.   Il-perspettiva tan-negozju żgħir

3.1.

L-impjieg fil-mikrointrapriżi u n-negozji żgħar mhuwiex dejjem mifhum mill-istituzzjonijiet edukattivi li jipprovdu taħriġ. Ħafna mill-korsijiet tal-ETV ġew żviluppati biex jaqdu l-ħtiġijiet ta’ kumpaniji ta’ daqs medju u ikbar, fejn il-post tax-xogħol huwa organizzat f’diversi dipartimenti u fejn l-impjegati jiġu reklutati biex jitgħallmu xogħol speċifiku. Dan it-tip ta’ xogħol ta’ produzzjoni tal-massa industrijali jserraħ fuq il-fatt li kull persuna twettaq kompiti definiti tajjeb u proċeduri li jistgħu jiġu evalwati faċilment, u fejn kull kwalifika tkun assoċjata ma’ xogħol speċifiku.

3.2.

F’kuntrast ma’ dan, ħafna mikrointrapriżi u negozji żgħar jeħtieġu li l-impjegati jkollhom ħafna ħiliet u jkunu aktar flessibbli. Aktar milli jkunu impjegati biex iwettqu xogħol partikolari, dawn l-impjegati jaħdmu f’timijiet żgħar, li bejniethom, iwettqu l-kompiti kollha meħtieġa għat-tmexxija tan-negozju. Għalhekk, l-impjegati f’dawn in-negozji jridu jwettqu kompiti li f’kumpaniji ikbar isiru minn impjegati f’diversi karigi.

3.3.

Dan il-proċess operattiv mhuwiex dejjem mifhum mill-istituzzjonijiet edukattivi orjentati lejn il-bliet. Ir-rikonoxximent tal-problema jgħin lill-edukaturi jifhmu kif il-mikrointrapriżi u n-negozji żgħar joperaw u għaliex it-taħriġ u l-kwalifiki “ffukati fuq l-impjieg” attwali mhumiex adatti għal kif joperaw il-mikrointrapriżi u n-negozji żgħar. Dan jgħin ukoll biex intrapriżi żgħar jiżviluppaw u jappoġġaw edukazzjoni u taħriġ interni bbażati fuq ix-xogħol.

3.4.

Ħafna mikrointrapriżi u negozji żgħar joperaw ukoll skont ir-rekwiżiti differenti tal-klijenti, li ħafna drabi jitlob soluzzjonijiet innovattivi ta’ darba. Pereżempju, negozju żgħir mekkaniku jkollu bżonn ħiliet prattiċi ta’ “tiswija u użu mill-ġdid”. Dan huwa differenti mill-parti kbira tan-negozji kbar li ma jagħmlux tiswija iżda “jneħħu u jwaħħlu mill-ġdid” partijiet ġodda, filwaqt li jirritornaw il-parti miksura lura lill-manifattur. Dan l-eżempju sempliċi jispjega għaliex l-impjegati f’negozji żgħar jeħtieġu ħiliet addizzjonali li mhumiex meħtieġa f’kumpaniji akbar. Din hija r-raġuni għaliex għandna “nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet” u għaliex ħafna mikrointrapriżi u negozji żgħar Ewropej jirrifjutaw l-ETV u l-Kwalifiki Vokazzjonali attwali li ġew żviluppati għas-setturi tagħhom.

3.5.

Il-mikrointrapriżi u n-negozji żgħar u ta’ daqs medju identifikaw diffikultajiet simili proċedurali u relatati mal-ħiliet fis-setturi tal-inġinerija, l-arkitettura, l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, il-forestrija u għadd kbir ta’ negozji oħrajn.

3.6.

Negozji mmexxija mill-familja, jippreżentaw ukoll problema differenti fejn l-ulied ħafna drabi jkunu l-katalist għall-bidla u huma kemm apprendist kif ukoll maniġer potenzjali. Fin-negozji mmexxija mill-familja, it-taħriġ tal-ulied jibda fi stadju ferm iktar bikri minn dak ta’ impjegat f’kumpanija kbira.

4.   Il-perspettiva tan-negozju żgħir rurali

4.1.

It-taħriġ ta’ impjegati ġodda u eżistenti huwa problema b’mod speċjali meta l-impjegati jkollhom jattendu ċentri ta’ taħriġ tekniku ‘l bogħod mill-post tax-xogħol tagħhom. Jekk it-tul ta’ ħin biex jivvjaġġaw isir eċċessiv, allura ħafna mill-impjegaturi ta’ mikrointrapriżi jew negozji żgħar jikkunsidraw it-taħriġ ta’ impjegat bħala ħela ta’ ħin.

4.2.

Il-mikrointrapriżi u n-negozji żgħar jirrikonoxxu li t-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-validazzjoni tal-ħiliet u l-kwalifiki miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali (4) jgħinu lill-ħaddiema u lin-negozji jiżviluppaw u jintroduċu aktar teknoloġija. Ħafna mill-materjali għat-tagħlim tul il-ħajja huma disponibbli onlajn permezz ta’ aċċess għal vidjos ta’ taħriġ industrijali, manwali, dimostrazzjonijiet onlajn, korsijiet ta’ tagħlim elettroniku, u tagħlim mill-bogħod jew programmi oħra onlajn bħal dawn. Sfortunatament, l-aċċess għal dawn il-programmi ta’ tagħlim ħafna drabi jkun ta’ sfida fiż-żoni RM&I, minħabba broadband b’veloċitajiet baxxi ħafna (bejn 0,4 Mbps u 1,5 Mbps) (5).

4.3.

Id-distanza għaċ-ċentri ta’ taħriġ tista’ tkun inqas importanti jekk il-kwalità tal-korsijiet tkun għolja u jekk it-trasport ikun organizzat u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar jiġu rrimborsati, iżda din ma tindirizzax il-kwistjonijiet ewlenin li jiltaqgħu magħhom il-maġġoranza tal-persuni li jkunu qed jitħarrġu f’żoni RM&I.

5.   L-effett tal-komunità lokali

5.1.

Is-CVET huma fattur speċifiku li għandu jitqies fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali (Strateġija Ewropa 2020). Huma wkoll element li jikkontribwixxi għall-koeżjoni territorjali u soċjali fl-Unjoni Ewropea.

5.2.

Id-disponibbiltà tal-faċilitajiet lokali għall-użu tal-ġid komuni tgħin lill-komunitajiet fiż-żoni RM&I jipprovdu taħriġ vokazzjonali xieraq. L-awtoritajiet tal-gvern għandhom jikkonċentraw fuq it-tneħħija tal-ostakoli li jwaqqfu l-inizjattivi lokali milli jissodisfaw il-ħtiġijiet identifikati għas-CVET. Kooperazzjoni aktar mill-qrib u fehim akbar tal-isfidi li jiffaċċjaw kemm l-awtoritajiet lokali kif ukoll il-promoturi tal-proġetti, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jikkontribwixxu għas-sejbien ta’ soluzzjonijiet kostruttivi.

5.3.

Il-gvernijiet jistgħu jużaw l-opportunità biex jiddeċentralizzaw is-servizzi lejn żoni rurali, u b’hekk joħolqu vantaġġi għall-komunitajiet lokali (6).

5.4.

Waqt is-seduta dwar “L-Iżvilupp u Taħriġ Vokazzjonali fiż-Żoni Rurali” (7), l-importanza li l-komunitajiet jieħdu l-kontroll tal-problemi tagħhom u jsibu s-soluzzjonijiet speċifiċi tagħhom ittenniet f’diversi preżentazzjonijiet. Din l-evidenza qajmet ukoll kwistjonijiet oħra relatati u wriet b’mod car li t-titjib tas-CVET irid ikun parti minn pjan ferm usa’ li fl-istess ħin jindirizza taħlita ta’ problemi tal-komunità.

5.5.

Il-kooperazzjoni bejn l-atturi involuti kollha hija essenzjali. Biex it-taħriġ vokazzjonali jitwassal f’dawn il-komunitajiet tinħtieġ ħidma man-negozji lokali, l-iskejjel, il-persunal tal-iskola, l-istudenti u l-familji tagħhom, il-persuni qiegħda, l-impjegati, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-voluntiera kollha, kif ukoll jitqiesu l-ħtiġijiet fit-tul tal-komunità. B’mod partikolari, ġie identifikat li għal persuni lokali huwa essenzjali li jingħataw is-setgħa u għal xi wħud minnhom li jsiru “mexxejja” għall-bidla, sabiex il-komunitajiet ikunu jistgħu jingħataw is-setgħa li jiżviluppaw is-soluzzjonijiet tagħhom stess.

5.6.

Il-ħtieġa għar-rieda politika fil-livell tal-gvern lokali, reġjonali u nazzjonali biex jiġi żgurat li dawn il-komunitajiet jirċievu appoġġ finanzjarju u infrastrutturali fit-tul ġiet identifikata wkoll bħala problema li teħtieġ tiġi indirizzata.

5.7.

Il-komunikazzjoni bl-użu tal-broadband bil-mowbajl jew bil-linja tat-telefown ġiet identifikata bħala mezz ta’ trażmissjoni importanti għall-iżvilupp tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali, speċjalment l-iżvilupp ta’ ħiliet tal-ICT li qed isiru essenzjali fuq il-post tax-xogħol u fid-dar. L-għarfien u l-ħiliet diġitali huma meħtieġa għall-użu ta’ apparati u għall-aċċess ta’ servizz. Dawn il-ħiliet issa huma parti essenzjali mill-ħajja ekonomika u soċjali ta’ kulħadd, u għalhekk għandhom ikopru l-istadji u l-forom kollha tal-edukazzjoni; mill-edukazzjoni primarja sa dik tal-adulti (8). Il-politiki għandhom jieħdu wkoll kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi tal-popolazzjoni lokali f’termini ta’ età, livell ta’ edukazzjoni milħuq u livelli ta’ dħul. Is-CVET rurali jistgħu jużaw ukoll tagħlim miftuħ u mill-bogħod (e-learning/open learning) biex jikkumplementaw it-tagħlim wiċċ imb’wiċċ għal ċerti suġġetti jew attivitajiet ta’ taħriġ, li jeħtieġu d-disponibbiltà ta’ teknoloġija u konnessjonijiet.

5.8.

L-aċċess universali għall-broadband b’veloċità għolja jaqdi rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali. Għaldaqstant, il-pjani sabiex jiżdied l-użu tal-fondi Strutturali u tal-Iżvilupp Rurali biex jissupplimentaw l-introduzzjoni ta’ infrastruttura tal-broadband kummerċjalment vijabbli, jintlaqgħu tajjeb. Madankollu, huwa kruċjali wkoll li l-benefiċċji ta’ dan l-investiment jaslu għand il-pubbliku billi jiġu pprovduti servizzi ta’ kwalità għolja (eż. servizzi mediċi, aċċess għall-gvern lokali, eċċ.) u jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fl-ispejjeż għall-utenti finali kollha. Il-postijiet pubbliċi li joffru aċċess bla ħlas għas-servizz tal-Wi-Fi huma importanti wkoll fl-iżvilupp ta’ aċċess universali għal broadband b’veloċità għolja fi bliet żgħar u rħula.

5.9.

Huwa rikonoxxut li l-provvediment tal-ħiliet meħtieġa għall-għajxien u x-xogħol fiż-żoni RM&I huwa kwistjoni kkumplikata li teħtieġ approċċ integrat immexxi minn kull komunità lokali, kif issuġġerit minn Volonteurope permezz tal-kampanja tagħha dwar l-iżolament rurali ta’ ċittadini fl-Ewropa (9). In-negozji u l-komunitajiet lokali għandhom jingħataw appoġġ adegwat mill-Fond Soċjali Ewropew sabiex jipprovdu s-CVET, u għandhom jiġu ffaċilitati l-kondizzzjonijiet għall-aċċess għal tali għajnuna. Barra minn hekk huwa essenzjali li l-appoġġ finanzjarju ma jkunx ibbażat fuq bażi kummerċjali biss. L-aċċess għall-fondi disponibbli, taħt LEADER u s-CLLD (programmi ta’ Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità), pereżempju, huwa essenzjali. Dan se jiffaċilita r-rwol tal-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali (LAGs), l-organizzazzjonijiet komunitarji u s-soċjetà ċivili billi jingħataw b’mod sostenibbli qafas għat-tħaddim, finanzjament, involviment u assistenza.

5.10.

L-Ewropa għandha netwerks ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali li ħadu l-impenn li jikkooperaw fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja. Jiġifieri, il-Fondazzjoni tar-Reġjuni Ewropej għar-Riċerka, l-Edukazzjoni u t-Taħriġ (FREREF) u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (EARLALL). L-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali kontinwu, b’enfasi partikolari fuq iż-żoni rurali, għandu jiġi ttrattat ukoll minn dawn in-netwerks Ewropej, peress li huwa l-aktar fil-livell reġjonali li jistgħu jinħolqu oqsma ta’ kooperazzjoni u sħubija bejn is-setturi kkonċernati, eż. bejn: l-awtoritajiet lokali u reġjonali, kumpaniji u msieħba soċjali, soċjetà ċivili u ċentri għall-impjieg, it-taħriġ u l-gwida għall-karriera eċċ.

5.11.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu mħeġġin jiskambjaw eżempji tal-aħjar prattika u approċċi innovattivi għall-iżolament rurali. Għandu jkun possibbli li r-rappreżentanti tagħhom jassumu rwol attiv fl-istruttura governattiva tal-fondi Ewropej li għandhom impatt fuq l-iżvilupp rurali (FEAŻR, FSIE), jipparteċipaw b’mod reali fit-tfassil tal-programmi u s-sorveljanza tal-kumitati ta’ monitoraġġ fil-livell nazzjonali, u jinvolvu lil gruppi lokali u gruppi vulnerabbli fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti. Fil-qasam tal-organizzazzjonijiet mhux statali li jipprovdu taħriġ, il-moviment ta’ edukazzjoni ogħla għall-poplu (Folk High School) ta’ Grundtvig (10) (li beda fid-Danimarka fis-seklu dsatax, u minn dak iż-żmien infirex b’suċċess kbir f’pajjiżi oħra) jipprovdi eżempju eċċellenti. Fl-istess waqt, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea dwar prattiki ħżiena mill-Istati Membri, sabiex jiżguraw li l-gvernijiet jissodisfaw l-obbligi tagħhom li jikkonsultaw u jinvolvu varjetà ta’ partijiet interessati (b’mod speċjali fil-livell lokali) fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ programmi Ewropej.

5.12.

Il-KESE jitlob li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE tintuża għall-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ fiż-żoni rurali. Is-sussidji tal-UE għandhom ikunu mmirati b’mod partikolari biex isaħħu t-trasferiment ta’ esperjenzi innovattivi u li rnexxew u biex jinstab kif dawn l-esperjenzi jistgħu jitħaddmu fil-prattika.

6.   Kummenti oħra

6.1.

Din l-opinjoni wriet li l-kwistjoni hija kkumplikata immens. Varjetà wiesgħa ta’ problemi relatati bħat-trasport, l-akkomodazzjoni rurali, is-servizzi mediċi u soċjali, l-inkoraġġiment ta’ negozji rurali permezz ta’ inċentivi fiskali, l-iżvilupp tat-turiżmu u ħafna aktar ideat li ssemmew fid-diskussjonijiet tagħna u matul is-seduta lkoll setgħu jiġu mistħarrġa aktar bir-reqqa.

6.2.

Madankollu, nirrikonoxxu li dawn il-kwistjonijiet ma jistgħux jiġu trattati kollha f’opinjoni waħda biss. Nixtiequ, madankollu, nirrakkomandaw li jiġu indirizzati f’opinjonijiet futuri.

6.3.

Jeħtieġ li titwettaq investigazzjoni iktar fil-fond biex jiġu mifhuma l-kompiti li għandhom jitwettqu fil-mikrointrapriżi u n-negozji żgħar u kif jiġu allokati dawn il-kompiti; dan min-naħa l-oħra jinfluwenza kif jinħolqu l-kwalifiki għall-mikrointrapriżi u n-negozji żgħar u kif jingħata t-taħriġ.

6.4.

Il-KESE jipproponi t-tnedija ta’ studju li jgħin jidentifika soluzzjoni għall-isfidi msemmija f’din l-opinjoni.

6.5.

Il-KESE jitlob għal djalogu interistituzzjonali dwar l-isfidi u s-soluzzjonijiet possibbli li għandhom jiġu stabbiliti, bl-involviment ta’ diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni, is-soċjetà ċivili (il-KESE), l-awtoritajiet lokali/reġjonali (il-KtR) u s-Cedefop.

Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Terminology of European education and training policy- a selection of 130 key terms (Terminoloġija tal-politika Ewropea tal-edukazzjoni u t-taħriġ – għażla ta’ 130 terminu ewlieni) Cedefop, il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2014, http://www.cedefop.europa.eu/node/11256

(2)  L-agrikoltura u l-artiġjanat (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 35); Lejn żvilupp territorjali iżjed bilanċjat fl-UE (ĠU C 214, 8.7.2014, p. 1); Il-futur tal-bdiewa żgħażagħ tal-Ewropa (ĠU C 376, 22.12.2011, p. 19); Ir-rwol tan-nisa fl-agrikoltura u ż-żoni rurali (ĠU C 299, 4.10.2012, p. 29); L-agrikoltura f’żoni bi żvantaġġi naturali speċifiċi (ĠU C 318, 23.12.2006, p. 93); L-agrikoltura fiż-żoni periurbani (ĠU C 74, 23.3.2005, p. 62).

(3)  Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ (ĠU C 161, 6.6.2013, p. 67).

(4)  Il-validazzjoni tal-kwalifiki – tagħlim mhux formali u informali, SOC/521, adottata fis-16 ta’ Settembru 2015 (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 49).

(5)  Niftħu l-edukazzjoni (ĠU C 214, 8.7.2014, p. 31).

(6)  Hemm eżempji li juru li r-rilokazzjoni ta’ kulleġġi vokazzjonali jew it-twaqqif ta’ oħrajn ġodda (u anke universitajiet) kellhom suċċess kbir f’żoni rurali u remoti (eżempju – l-Università ta’ Corsica Pasquale Paoli).

(7)  Inżammet fis-sede tal-KESE fi Brussell fit-28 ta’ Jannar 2015.

(8)  Lejn ekonomija ta’ suċċess immexxija mid-data (ĠU C 242, 23.7.2015, p. 61).

(9)  Ara http://www.volonteurope.eu/wp-content/uploads/2014/12/Briefing-Rural-Isolation-Final-Layout.pdf

(10)  L-isem Grundtvig ingħata wkoll lill-programm b’finanzjament Ewropew, parti mill-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja 2007-2013 tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jsaħħaħ id-dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni tal-adulti u t-tagħlim tul il-ħajja madwar l-Ewropea.


28.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-enerġija, fattur ta’ żvilupp u approfondiment tal-adeżjoni tal-Balkani tal-Punent”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2016/C 032/02)

Relatur:

is-Sur Pierre-Jean COULON

Nhar id-19 ta’ Frar 2015, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva propja dwar

L-enerġija, fattur ta’ żvilupp u approfondiment tal-adeżjoni tal-Balkani tal-Punent

(opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Еsterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ Settembru 2015.

Matul il-511-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-6, is-7 u t-8 ta’ Ottubru 2015 (seduta tat-8 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’145 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE, wara l-forum tas-soċjetà ċivili tal-Balkani tal-Punent, li sar f’Belgrad fit-2 u t-3 ta’ Ġunju 2015, “[jitlob] li l-Komunità tal-Enerġija, li għandha l-għan li testendi l-acquis tal-enerġija tal-UE lejn il-pajjiżi involuti fit-tkabbir u l-politika tal-viċinat, tiġi msaħħa u integrata iżjed u aktar mill-qrib mal-proġett tal-Unjoni dwar l-Enerġija; l-enerġija għandha tkun fattur ta’ żvilupp u ta’ interkonnettività fir-reġjun, u ċ-ċittadini tal-Balkani tal-Punent għandu jkollhom idea ċara tal-benefiċċji ekonomiċi u ambjentali li ġġib magħha l-adeżjoni mal-UE.”

1.2.

Il-proġett tal-Unjoni dwar l-Enerġija fil-qasam tal-interkonnessjonijiet tal-enerġija għandu jinkludi lill-Balkani tal-Punent.

1.3.

L-infrastrutturi tat-trasport u d-distribuzzjoni tal-gass eżistenti għandhom jintużaw b’mod ottimizzat; it-teknika tal-“flussi fid-direzzjoni opposta” għandha tiġi implimentata. Rigward l-istrutturi ġodda potenzjali, l-ebda studju ma għandu jiġi skartat:

il-pipeline tal-gass “Turkish Stream”;

it-TAP (Trans Adriatic Pipeline) li jgħaqqad l-Ażerbajġan mal-Italja;

l-IAP (Ionian Adriatic gas Pipeline) li jippermetti l-konnessjoni tal-Albanija – il-Montenegro – il-kosta Adrijatika Kroata –il-Bożnija-Ħerzegovina u l-konnessjoni mal-pipeline Kroat eżistenti fi Dugopolje.

L-għażliet għandhom isiru b’mod ikkoordinat.

1.4.

Għandha tiġi analizzata riżerva solidari għall-ħżin tal-gass fir-reġjun, indipendentement mit-tisħiħ tal-possibilitajiet nazzjonali.

1.5.

Il-KESE jilqa’ t-tnedija mill-ġdid tal-istudji dwar l-installazzjoni ta’ terminal tal-gass LNG (gass naturali likwifikat – LNG) fl-Adrijatiku, u jappella għall-implimentazzjoni tagħha.

1.6.

Jinħtieġu investimenti relatati mal-enerġija rinnovabbli. Għandhom ikunu bbażati fuq netwerks u interkonnessjonijiet imsaħħa u fuq qafas leġislattiv ċar u stabbli.

1.7.

Is-soċjetà ċivili tal-Balkani għandha tiġi assoċjata u integrata sistematikament fil-laqgħat tal-“Komunità tal-Enerġija”; il-KESE u l-kontopartijiet tiegħu fil-pajjiżi għandhom iservu ta’ bażi.

1.8.

Il-KESE jappella għal kooperazzjoni interreġjonali aħjar u għall-iżvilupp ta’ proġetti fil-qasam tal-enerġija, fatturi ta’ stabbiltà reġjonali msaħħa u ta’ ħolqien ta’ impjiegi.

1.9.

Fost l-elementi tal-acquis tal-Unjoni, id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika hija ta’ importanza partikolari u għandha tkun is-suġġett ta’ programmi speċifiċi fil-pajjiżi kkonċernati. Għandu jkun hemm kooperazzjoni bejn id-diversi partijiet interessati fil-qasam tal-arloġġi intelliġenti u tas-soluzzjonijiet globali. L-effiċjenza fl-enerġija kif ukoll l-iffrankar tal-enerġija huma fatturi li jiġġeneraw attivitajiet għall-intrapriżi u fatturi ta’ ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi, iżda wkoll tradizzjonali.

2.   It-tisħiħ tal-proċess ta’ adeżjoni permezz tal-enerġija

2.1.

Fost il-35 kapitolu tal-acquis tal-UE meħtieġa għall-adeżjoni ta’ Stat ġdid mal-Unjoni hemm il-kapitolu 15, “Enerġija”, li juri l-importanza ta’ din il-kwistjoni. Dan kien diġà ġie indirizzat fil-qafas tal-proċess ta’ adeżjoni mal-Montenegro, u dalwaqt ser jiġi indirizzat fir-rigward tas-Serbja. Madankollu għandu jiġi indikat li f’bosta kapitoli oħra, il-kwistjonijiet tal-enerġija huma jew meħtieġa jew utli ħafna: f’termini ta’ agrikoltura, trasport, negozju, kwistjonijiet soċjali, ambjentali, eċċ., l-enerġija għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

2.2.

Ir-reġjun tax-Xlokk tal-Ewropa jinkludi Stati diġà membri tal-UE, Stati kandidati formali u li huma fi stadji varji tal-proċess ta’ qabel l-adeżjoni, kif ukoll Stati li huma kandidati potenzjali.

2.3.

Fil-kuntest tan-negozjati għall-adeżjoni, il-pajjiżi kandidati għandhom jitħeġġu jimplimentaw kemm jista’ jkun malajr l-acquis tal-UE, sabiex jippromovu l-integrazzjoni tagħhom fis-suq intern tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea għall-benefiċċju tal-benesseri taċ-ċittadini.

2.4.

Il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida stabbilixxiet bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha l-kostruzzjoni ta’ Unjoni tal-Enerġija: wieħed mill-Viċi Presidenti tagħha għandu biss il-portafoll dwar din il-kwistjoni u huma kkonċernati mhux inqas minn tnax-il Kummissarju ieħor. Din l-Unjoni tal-Enerġija li l-KESE kien ilu diversi snin jitlob għaliha (ara b’mod partikolari TEN/493) fl-aħħar qiegħda fuq l-aġenda, u ma tistax teskludi mill-bidu tad-diskussjonijiet tagħha pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fl-Unjoni fil-perjodu qasir jew medju; l-opinjoni msemmija hawn fuq kienet tirreferi wkoll espressament għall-kunsiderazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi.

2.5.

Il-“Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija”, ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea fil-25 ta’ Frar 2015, is-suġġett tal-Opinjoni TEN/570, jipproponi li tissaħħaħ il-Komunità tal-enerġija. Huwa jenfasizza l-ħtieġa għal integrazzjoni eqreb tas-swieq tal-enerġija tal-UE u l-pajjiżi tal-Komunità tal-Enerġija. Huwa jsemmi wkoll b’mod espliċitu lill-firmatarji ta’ din il-Komunità fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kriżijiet fil-provvista. Dan ħabbar finalment l-aġġornament regolari tal-proġetti ta’ infrastruttura tal-enerġija ta’ interess komuni (PCI), li issa jista’ jiġi estiż għal proġetti ta’ interess Komunitarju fil-qasam tal-enerġija (PECI).

2.6.

Irid jinstab bilanċ bejn is-sorsi tradizzjonali u rinnovabbli tal-enerġija: biex dan isir, fin-netwerks elettriċi jridu jinħolqu interkonnessjonijiet ġodda jew jissaħħu l-interkonnessjonijiet eżistenti man-netwerks tal-UE. Kwistjoni importanti fir-rigward tal-gass hija li l-provvisti għandhom jiġu żgurati permezz ta’ interkonnessjonijiet ta’ solidarjetà mal-UE, iżda wkoll bil-ħolqien ta’ terminal tat-trasportatur tal-LNG. Fl-aħħar nett, il-proġett tal-pipeline tal-gass “Turkish Stream”, li jissostitwixxi l-proġett fallut “South Stream”, huwa opportunità, bħalma huma l-proġetti tat-Trans Adriatic Pipeline (TAP) jew Ionian Adriatic gas Pipeline (IAP). Għandu jitfakkar li dan ir-reġjun huwa kważi passaġġ obbligatorju bejn ir-reġjuni ta’ produzzjoni (żejt, gass) u r-reġjuni ta’ konsum kbir fl-Unjoni. Iżda l-prijorità għandha tkun l-użu tal-infrastrutturi eżistenti, spiss mhux użati biżżejjed; l-implimentazzjoni tal-“flussi fid-direzzjoni opposta” għandha tiġi promossa: fil-kuntest tal-approċċ enerġetiku għas-sigurtà tal-provvista, mhumiex il-pipelines tal-gass kbar vulnerabbli li għandhom jiġu prijoritizzati.

3.   Potenzjal li l-governanza eżistenti titjieb permezz tas-soċjetà ċivili

3.1.

Fis-settur tal-enerġija, kif kien jidher reċentement fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (TEN/562, TEN/570, eċċ.), il-governanza hija essenzjali sabiex ikun hemm l-għażliet tal-enerġija, il-koordinazzjoni tal-investimenti, inkluż fil-qasam tal-infrastrutturi, l-implimentazzjoni tas-solidarjetà bejn l-Istati jew id-definizzjoni tar-rwol u l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati differenti, u b’mod partikolari s-soċjetà ċivili (is-sħab soċjali, il-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet ambjentali, eċċ.).

3.2.

F’ħafna modi, is-sisien ta’ din il-governanza ilhom jeżistu sa mill-ħolqien f’Lulju 2006 tal-“Komunità tal-Enerġija,” li tinkludi lill-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Kosovo, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja). Fl-2010, il-Moldova ngħaqdet mal-Komunità tal-Enerġija, segwita mill-Ukrajna fl-2011. Il-Georgia hija kandidata għall-adeżjoni. Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota l-kwalità ta’ osservaturi tan-Norveġja u l-Armenja, iżda wkoll u b’mod speċjali tat-Turkija.

3.3.

It-trattat għandu l-għan li jestendi s-suq intern tal-UE lejn l-Ewropa tax-Xlokk u lil hinn minnha. Dan jimmira li:

jinħoloq qafas kummerċjali u regolatorju stabbli li jiffavorixxi l-investimenti biex b’hekk jippermetti s-sigurtà tal-provvista u l-kontroll tal-prezzijiet;

tinħoloq żona ta’ kontroll għall-iskambji ta’ enerġija f’netwerk;

jissaħħu r-relazzjonijiet ta’ solidarjetà sabiex jiġu żgurati l-provvisti;

jiġu kkunsidrati l-kwistjonijiet ambjentali għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli.

3.4.

Għandu jiġi nnotat li jekk l-intenzjonijiet huma tajbin, il-progressi matul dawn l-aħħar snin huma pjuttost limitati.

Barra minn hekk, il-kunsiderazzjoni tal-aspetti soċjali tal-acquis rigward l-enerġija, li jinsabu fit-Trattat, hija verament limitata ħafna. Dimensjoni soċjali (jew soċjetali) ikbar mhijiex indirizzata, li ma jippermettix l-adeżjoni tas-soċjetà ċivili fid-diskussjonijiet u l-azzjonijiet tal-Komunità tal-Enerġija. In-nuqqas ta’ netwerks ta’ organizzazzjonijiet strutturati f’dan il-qasam ixekkel id-djalogu u d-dibattitu.

3.4.1.

Ir-relazzjonijiet interistituzzjonali bejn l-UE u l-Istati Membri tal-Komunità tal-Enerġija m’għandhomx jiġu kkunsidrati, kif previst fil-proċess tal-Unjoni tal-Enerġija propost mill-Kummissjoni Ewropea. Għal dan il-għan, il-KESE għandu jkun element kostituttiv ta’ dan it-tkabbir ta’ proċeduri, permezz tal-integrazzjoni, fid-djalogu Ewropew dwar l-enerġija, tas-sitwazzjoni tal-enerġija fis-sens wiesa’ ta’ dan ir-reġjun.

3.4.2.

L-adozzjoni tal-acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija u l-integrazzjoni fis-suq intern ifissru bidla sinifikanti fil-prattiki tar-reġjun fir-rigward tal-prezzijiet tal-enerġija, li għandhom jikkunsidraw l-ispejjeż reali u ma għandhomx ikunu bbażati fuq politika “sussidjata” tal-prezzijiet.

3.4.3.

L-istrutturi implimentati mis-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tkabbir, bħall-Kumitati Konsultattivi Konġunti (l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja – fejn għalissa għadhom mhux operattivi, il-Montenegro u s-Serbja li huma kandidati li nedew in-negozjati u li l-kumitati tagħhom huma attivi) u l-Kumitat ta’ Monitoraġġ għall-Balkani tal-Punent jistgħu jintużaw għal dan il-għan.

4.   Potenzjal fiżiku għal taħlita ġdida tal-enerġija

4.1.

Aħna rajna l-ħtieġa li jissaħħu l-interkonnessjonijiet elettriċi fi ħdan ir-reġjun, iżda wkoll dawk esterni u għall-barra, kif ukoll ir-rotot tal-provvista, b’mod partikolari tal-gass naturali, u, forsi, li jinħoloq terminal tal-LNG. Dan, li ovvjament jitqiegħed fuq il-parti Adrijatika tar-reġjun, ikun komuni għall-Istati tar-reġjun, jew għall-inqas għall-maġġoranza tagħhom, u jippermetti t-trasport tal-LNG mill-fornituri l-aktar imbiegħda u, aktar tard mill-produtturi tal-Mediterran tal-Lvant (il-pjanċa ta’ Ċipru).

4.1.1.

L-iffirmar reċenti (10 ta’ Lulju 2015), fil-qafas tal-konnessjoni tal-gass fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CESEC), ta’ Protokoll għall-Ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Awstrija, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Albanija, l-Eks Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja u l-Ukrajna, għandu jinkoraġġixxi d-diversifikazzjoni tal-provvista ta’ gass naturali u l-integrazzjoni tas-suq fir-reġjun. Il-KESE jitlob il-parteċipazzjoni tal-Montenegro f’dan il-Ftehim.

4.2.

It-taħlita tal-enerġija reġjonali hija fil-fatt żbilanċjata; m’hemm l-ebda suq reali, l-istruttura tat-taħlita tvarja minn pajjiż għall-ieħor u l-prezzijiet huma kważi dejjem regolati u ta’ spiss miżmuma għal livell artifiċjalment baxx, li la jinkoraġġixxi l-effiċjenza tal-enerġija u lanqas l-investiment fis-sorsi diversifikati.

4.3.

Fil-fatt, il-faħam jirrappreżenta kważi 50 % tal-enerġija kkonsmata globalment, iż-żejt u l-prodotti taż-żejt aktar minn 30 %, filwaqt li l-gass jirrappreżenta madwar 10 % “biss”. Il-produzzjoni mill-iskart u l-bijokarburanti qed tiżdied, iżda ma għandhiex pjan tassew miftiehem.

4.4.

Skont bosta sorsi (l-AIE, r-REN) u studji ta’ evalwazzjoni, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom potenzjal kbir għall-enerġija rinnovabbli, li għandu jkun mobilizzat u għandu jibbenefika mill-investimenti sabiex il-pajjiżi jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-“qafas ta’ politika tal-Unjoni Ewropea għall-klima u l-enerġija għall-2030”:

hemm ħafna xemx u matul parti kbira mis-sena. Il-potenzjal fotovoltajku għandu jiġi sfruttat waqt l-evalwazzjoni permezz ta’ diversi sħubijiet, inklużi l-kooperattivi u l-komunitajiet u għandu jkun appoġġjat minn qafas leġislattiv stabbli;

l-enerġija idrawlika (maħżuna jew kostanti) ġeneralment mhix sfruttata biżżejjed, ħlief għal proġetti kbar fl-Albanija, u iżgħar fis-Serbja u l-Montenegro; il-ħażna permezz tal-ippompjar (STEP) għandha tiġi promossa;

l-istess jgħodd għall-bijoenerġija u l-enerġija mir-riħ, li għadhom fil-bidu iżda bi prospetti inkoraġġanti, u li d-disponibbiltà tal-artijiet tippermetti l-esplojtazzjoni tagħhom;

ir-rwol tal-kooperattivi u l-produtturi-konsumaturi, fil-kliem ta’ kuljum il-“prosumaturi”, irid ikun parti mill-pajsaġġ il-ġdid tal-enerġija.

Qed nirreferu b’mod partikolari għall-istudju eċċellenti tas-SEENET (South East Europe network on natural resources, energy and transport).

4.4.1.

Dawn il-prospetti għandhom jiġu evalwati f’termini ta’ investiment ikkoordinat, iżda speċjalment f’termini ta’ opportunitajiet biex jiġu żviluppati attivitajiet u jinħolqu l-impjiegi, b’mod partikolari fit-teknoloġiji l-ġodda tal-enerġija (green jobs), u jiġi solvut il-faqar enerġetiku. Il-Komunità tal-Enerġija għandha tintuża għall-iżvilupp ta’ dawn l-attivitajiet b’referenza partikolari għall-BEI.

4.4.2.

Il-“faċilitajiet tas-soċjetà ċivili” previsti fil-proċess ta’ adeżjoni għandhom jaqdu l-proġetti proposti fir-rigward tal-enerġija ċivika (proġetti ta’ assoċjazzjonijiet, kooperattivi, ONGs, eċċ.).

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

511 Sessjoni Plenarja tal-KESE fis-6, is-7 u t-8 ta' Ottubru 2015

28.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/12


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi

[COM(2015) 366 final]

(2016/C 032/03)

Relatur:

is-Sur Stefano PALMIERI

Nhar il-15 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jfassal opinjoni dwar:

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi”

COM(2015) 366 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-9 ta’ Settembru 2015.

Matul il-511-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-6, is-7 u t-8 ta’ Ottubru 2015 (seduta tat-8 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’129 vot favur, u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza li l-attivazzjoni tal-“Istrateġija Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi – EUSALP” qed isseħħ f’mument partikolari karatterizzat, minn naħa, mill-effetti negattivi kontinwi tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali u, min-naħa l-oħra, mill-isforz favur il-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ tibdil strutturali fuq livell ekonomiku, ambjentali u soċjali b’attenzjoni partikolari għall-kwalità tal-ħajja u l-benessri taċ-ċittadini.

1.2.

Il-KESE jinnota li s-sistemi territorjali konċernati mill-EUSALP, 5 Stati Membri (l-Italja, Franza, l-Awstrija, il-Ġermanja u s-Slovenja) u żewġ pajjiżi terzi (l-Iżvizzera u l-Liechtenstein), huma karatterizzati minn livelli ta’ żvilupp ekonomiku, sostenibbiltà ambjentali u koeżjoni soċjali li huma ogħla mill-medja Ewropea, kif ukoll minn tradizzjoni twila ta’ attività ta’ kooperazzjoni territorjali.

1.2.1.

Minkejja dawn il-partikolaritajiet, il-KESE jqis li l-EUSALP hija għar-Reġjun tal-Alpi element ta’ valur miżjud utli għaż-żamma, u fejn possibbli, għat-titjib, tal-istandards ekonomiċi, ambjentali u soċjali għolja li jikkaratterizzaw dawn is-sistemi territorjali.

1.2.2.

Il-KESE jikkunsidra l-EUSALP bħala motivatur ta’ żvilupp li jista’ jappoġġja l-kompetittività u l-koeżjoni tal-Ewropa kollha, b’mod koerenti mal-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni Ewropea u l-prinċipji tal-kooperazzjoni u tas-solidarjetà li jikkaratterizzawha.

1.3.

Il-KESE jenfasizza li dawn it-territorji huma karatterizzati minn konnotazzjonijiet territorjali, bħal pereżempju dawk irrappreżentati miż-żoni tal-muntanji tal-Alpi.

1.3.1.

Il-KESE jinnota li l-Alpi, minbarra li huma t-tieni l-akbar sors ta’ bijodiversità fl-Ewropa, jirrappreżentaw element ta’ identità u rikonoxxibbiltà taż-żona kollha. Minħabba l-firxa u l-forma tagħhom, l-Alpi jimmarkaw f’ċerti każijiet żona ta’ diviżjoni fiżika jew mhux materjali, filwaqt li f’każijiet oħra jikkostitwixxu l-konnessjoni bejn il-livelli territorjali differenti minn perspettiva ekonomika, ambjentali, kulturali u soċjali.

1.4.

Minkejja l-fatt li l-KESE jilqa’ b’mod favorevoli l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP), il-Kumitat iqis li huma neċessarji integrazzjonijiet.

1.5.

Il-KESE jilmenta dwar il-fatt li d-dimensjoni soċjali fl-EUSALP mhijiex trattata daqs dik ekonomika u ambjentali. Għalhekk il-KESE jittama li din tissaħħaħ permezz tad-definizzjoni ta’ integrazzjoni soċjali li tiggarantixxi l-iżvilupp ta’ mudell ta’ tkabbir li jista’ jiżgura l-kompetittività u, fl-istess ħin, l-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali, b’attenzjoni partikolari għal dawk il-persuni li huma l-aktar milquta minn fatturi ta’ fraġilità u żvantaġġ.

1.5.1.

Minħabba f’hekk, il-KESE jqis ukoll fundamentali li fl-EUSALP tissaħħaħ id-dimensjoni trasversali tal-objettivi tagħha sabiex jiġu appoġġjati aktar l-armonizzazzjoni u l-bilanċ bejn is-sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali, b’mod koerenti mat-twettiq ta’ approċċ olistiku għall-iżvilupp u twettiq tal-innovazzjoni soċjali.

1.6.

Jekk, minn naħa, il-KESE jqis l-objettivi identifikati fl-EUSALP bħala koerenti mal-prijoritajiet strateġiċi tar-Reġjun tal-Alpi, min-naħa l-oħra jistenna integrazzjonijiet bl-għan li ġenwinament ibiddlu l-isfidi f’fatturi ta’ kompetittività u koeżjoni b’referenza speċifika għall-globalizzazzjoni ekonomika, għat-tendenzi demografiċi, għat-tibdil fil-klima, għall-kwistjonijiet tal-enerġija u l-pożizzjoni ġeografika.

1.7.

B’referenza għall-prijorità tematika “It-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni”, il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu żviluppati strateġiji li jappoġġjaw l-innovazzjoni aktar effikaċi f’termini ta’ kompetittività u ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol, jiġu attirati investimenti ġodda, jissaħħu l-interventi li jappoġġjaw l-agrikultura u l-forestrija, u jiġu sfruttati l-forom differenti ta’ turiżmu li jikkaratterizzaw iż-żona. (Għal aktar dettalji, ara l-punti 3.3, 3.4, 3.5, 3.6 u 3.7).

1.8.

B’referenza għall-prijorità tematika “Il-mobilità u l-konnettività”, il-KESE jqis li huwa fundamentali li jiġu attivati azzjonijiet għat-tnaqqis tat-trasport ta’ merkanzija u ta’ persuni b’vetturi bit-tajers, sabiex tiġi promossa l-aċċessibilità ekoloġika sostenibbli għaż-żoni turistiċi, għat-tnaqqis tat-traffiku tal-vetturi fis-sistemi urbani u metropolitani, sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għas-servizzi u l-konnettività fid-dimensjonijiet territorjali kollha tar-Reġjun tal-Alpi. (Għal aktar dettalji, ara l-punti 3.8, 3.9 u 3.10).

1.9.

B’referenza għall-prijorità tematika ‘L-ambjent u l-enerġija’, il-KESE jqis li huwa fundamentali li jiġi appoġġjat il-bilanċ bejn il-konservazzjoni tal-kapitali naturali u kulturali u l-użu razzjonali tagħhom, il-konnettività ekoloġika, it-twettiq ta’ interventi ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima, u l-provvista sikura tal-enerġija, ekonomikament aċċessibbli u ta’ kwalità għolja. (Għal aktar dettalji, ara l-punti 3.11, 3.12 u 3.13).

1.10.

Il-KESE jqis neċessarju li l-EUSALP tingħata “governanza f’diversi livelli” effettiva li tkun tista’ tisfrutta d-“dimensjoni orizzontali” (il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili) u tintegra u tikkawlifika d-“dimensjoni vertikali” (il-parteċipazzjoni tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali) b’mod konġunt, filwaqt li jitħares il-prinċipju “tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità”.

1.11.

Il-KESE jistenna l-attivazzjoni ta’ proċess permanenti ta’ bini tal-kapaċità li jakkumpanja u jikkwalifika l-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta’ żvilupp tal-EUSALP, kif ukoll it-tenedija ta’ “forum permanenti” li jirrappreżenta u jappoġġja l-partijiet soċjali u ekonomiċi tar-Reġjun tal-Alpi, u jkun attiv ukoll fil-qasam tar-reġjuni individwali interessati fl-istrateġija.

1.11.1.

F’din il-perspettiva, il-KESE jipproponi t-tnedija ta’ programm speċifiku “Going local – EUSALP” li jipprevedi l-parteċipazzjoni attiva tar-rappreżentanti kollha tal-Kumitat involuti u affettwati bil-proċessi tal-iżvilupp proposti mill-EUSALP. Għalhekk, permezz ta’ programm “Going local EUSALP” se tkun possibbli l-attivazzjoni – fis-soċjetà ċivili u lokali – ta’ proċessi ta’ informazzjoni u ta’ implimentazzjoni tal-attivitajiet previsti fil-pjan ta’ azzjoni, kif ukoll il-parteċipazzjoni potenzjali tal-atturi lokali differenti, li fl-istess ħin, jiżguraw proċess ta’ kondiviżjoni tal-firxa tal-miżuri previsti.

1.12.

B’referenza għas-sistemi ta’ monitoraġġ u valutazzjoni tal-EUSALP, il-KESE jqis li huwa indispensabbli li jiġi integrat il-kejl “kwantitattiv” b’indikaturi “kwalitattivi”, skont dak li huwa stabbilit mill-approċċ “lil hinn mill-PDG”.

1.13.

Il-KESE jistenna li s-sostenibbiltà ekonomika tal-interventi li għandhom jitwettqu fil-qasam tal-EUSALP tissaħħaħ permezz tat-twettiq ta’ strateġija mmirata lejn l-isfruttar tas-sinerġiji u l-kumplementarjetà bejn il-fondi “strutturali u ta’ investiment Ewropej 2014-2020” u l-programmi Ewropej l-oħra mmaniġjati direttament, u lejn l-użu tal-istrumenti previsti mill-“Iiżvilupp lokali mmexxi mill-komunità”.

1.14.

Il-KESE jemmen li sabiex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi stabbiliti mill-EUSALP huwa essenzjali wkoll li jsir użu mill-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mill-Bank Ewropew tal-Investiment – il-BEI, u li tiġi promossa l-kondiviżjoni tal-investimenti privati kif propost mill-“Pjan Juncker”.

1.15.

Il-KESE jilqa’ tajjeb l-azzjonijiet proposti fil-pjan ta’ azzjoni mmirati lejn l-isfruttar tas-sinerġiji bejn l-EUSALP u l-istrateġiji makroreġjonali oħra diġà implimentati, anke fid-dawl tal-estensjoni tal-kunċett tal-makroreġjonalità għal oqsma Ewropej strateġiċi oħra għall-kompetittività ekonomika u l-koeżjoni soċjali tal-Ewropa, bħal pereżempju dik tal-Mediterran tal-Punent u tal-Balkani.

2.   L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi: kummenti ġenerali

2.1.

L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tivvaluta l-“Pjan ta’ azzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi – EUSALP” (1) mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili organizzata. L-Opinjoni toriġina u tiżviluppa fuq il-bażi tal-Opinjoni esploratorja tal-KESE “Strateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi” (2) u l-konklużjonijiet tas-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2015 f’Ispra, l-Italja, kif ukoll tal-Opinjonijiet l-oħra adottati mill-KESE dwar l-istrateġiji makroreġjonali (3).

2.2.

Sabiex l-isfidi identifikati fil-pjan ta’ azzjoni EUSALP jinbidlu f’fatturi ta’ kompetittività ekonomika u koeżjoni soċjali, huwa neċessarju li jiġi appoġġjat it-twettiq tal-politiki ta’ żvilupp skont il-gwidi tal-Artikolu 3(1), (2), (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (4), kif ukoll b’approċċ olistiku għall-iżvilupp u l-innovazzjoni soċjali.

2.2.1.

Permezz tat-tisħiħ tal-approċċ olistiku tal-EUSALP se jkun possibbli li jiġu appoġġjati b’mod effikaċi l-kompetittività u l-koeżjoni tal-makroreġjun permezz tat-twettiq ta’ politiki, u ta’ proġetti, li jkunu jistgħu jilħqu l-objettivi ekonomiċi, ambjentali u soċjali verament interdipendenti.

2.2.2.

L-EUSALP għandha tkun programmata u mwettqa fid-dawl tal-innovazzjoni soċjali, proċess ta’ żvilupp li huwa kapaċi li jippromovi u jappoġġja t-twettiq ta’ ideat ġodda li, minbarra li jsaħħu l-kompetittività ekonomika, għandhom ikunu operattivi sabiex jaqdu l-bżonnijiet tal-persuni li jgħixu fir-Reġjun tal-Alpi u tas-soċjetà b’mod ġenerali.

2.3.

Filwaqt li jitqiesu l-analiżijiet u l-valutazzjonijiet mwettqa mill-KESE permezz tal-Opinjoni dwar l-“Evalwazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020” (5) u permezz tar-rapport dwar ir-“Reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020” (6) huwa evidenti li l-EUSALP tirrappreżenta strument utli li jiżgura sistema ekonomika u soċjali reżiljenti, strument li jista’ jiżgura “protezzjoni u żvilupp” għas-soċjetà ċivili tar-Reġjun tal-Alpi.

2.3.1.

It-tisħiħ tar-reżiljenza tal-makroreġjun tal-Alpi huwa fattur deċiżiv sabiex tiżdied il-kapaċità tas-soċjetà ċivili li tassorbi, timmaniġja u tilqa’ kontra l-effetti tal-kriżi u tat-tibdil strutturali li jolqtu dejjem aktar ta’ spiss is-sistemi soċjoekonomiċi tagħna, u sabiex tiġi appoġġjata l-kompetittività ekonomika tar-Reġjun tal-Alpi fir-rigward tal-koeżjoni soċjali u s-sostenibbiltà.

2.4.

B’konformità mad-deċiżjonijiet meħudin permezz tar-“Riżoluzzjoni Politika għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi” (il-Konferenza ta’ Grenoble) (7), il-pjan ta’ azzjoni jidentifika l-isfidi li jinteressaw il-qasam tal-kooperazzjoni, il-prijoritajiet politiki, l-objettivi u l-azzjonijiet speċifiċi, kif ukoll ċerti eżempji ta’ ideat għal proġetti.

2.5.

L-isfidi prinċipali u l-objettivi identifikati fil-pjan ta’ azzjoni tal-EUSALP, jikkonċernaw il-globalizzazzjoni ekonomika, ix-xejriet demografiċi, it-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet enerġetiċi u l-pożizzjoni ġeografika. Il-KESE, minkejja li jivvaluta b’mod pożittiv dak li ġie rrappurtat fil-pjan ta’ azzjoni tal-EUSALP, iqis li l-objettivi jinħtieġ jiġu integrati, b’referenza għal dak li huwa deskritt f’dan li ġej.

2.5.1.

Promozzjoni ta’ sistema tan-negozju dinamika u assistenza għall-kompetittività tal-impriżi tat-territorju permezz tal-innovazzjoni, sabiex il-kapaċità tas-sistema ekonomika tissaħħaħ biex tiffaċċja b’mod effikaċi l-isfidi li ġejjin mill-globalizzazzjoni ekonomika, jiġu indirizzati l-bżonnijiet tas-soċjetà ċivili u jiġu garanatiti l-impjieg u l-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ġodda ta’ kwalità.

2.5.2.

Appoġġ biex jintlaħaq il-potenzjal tal-kapaċitajiet imsejsa fuq it-tradizzjonijiet u d-diversità soċjali filwaqt li jinżammu l-valuri li jidentifikaw u jikkaratterizzaw it-territorji involuti, u fl-istess waqt tiġi promossa l-kapitalizzazzjoni tal-għarfien u t-tradizzjonijiet lokali bħala lievi ta’ żvilupp ekonomiku u inklużjoni soċjali.

2.5.3.

Appoġġ għall-inizjattivi mfassla biex jittrattaw b’mod aktar effikaċi t-tibdil demografiku li jikkaratterizza r-Reġjun tal-Alpi, b’referenza partikolari għall-ġestjoni tal-effetti kombinati ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u proċessi ġodda ta’ migrazzjoni.

2.5.4.

Promozzjoni tal-proċessi għall-mitigazzjoni u l-adattament tar-reġjuni konċernati mit-tibdil fil-klima, b’referenza speċifika għall-effetti fuq l-ambjent, fuq il-bijodiversità, l-attivitajiet ekonomiċi u l-kundizzjonijiet tal-ħajja taċ-ċittadini (8).

2.5.5.

Appoġġ għall-isfidi enerġetiċi li jikkonċernaw is-sostenibbiltà tad-domanda, is-sigurtà u l-aċċessibbiltà ekonomika għal negozji u ċittadini, filwaqt li jiġu promossi investimenti f’sorsi enerġetiċi li jiswew inqas u huma iktar nodfa, suq makroreġjonali tal-enerġija aktar miftuħ u kompetittiv, u aktar iffrankar fl-ispejjeż permezz tal-irkupru tar-riżorsi indiġeni tal-enerġija u tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli konvenzjonali (eż. bijomassa, l-enerġija idroelettrika u l-enerġija ġeotermali) u mhux konvenzjonali (eż. tar-riħ u tax-xemx).

2.5.6.

Żvilupp ta’ politiki u azzjonijiet biex jisfruttaw l-istrateġiċità ġeografika tar-Reġjun tal-Alpi, speċjalment b’referenza għat-trasport, b’rispett sħiħ tal-prinċipji tal-protezzjoni u s-salvagwardja ambjentali. Għandhom jiġu appoġġjati wkoll approċċi ġodda ta’ responsabbiltajiet kondiviżi u l-kooperazzjoni ugwali bejn it-territorji, bħal pereżempju r-rabtiet vertikali bejn il-metropoli, iż-żoni rurali, u ż-żoni tal-muntanji u turistiċi.

2.5.7.

Il-promozzjoni tal-bilanċ, l-ekwità u l-universalità fl-aċċess għas-servizzi ta’ interess ġenerali biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-persuni li jgħixu fir-Reġjun tal-Alpi, b’attenzjoni partikolari għas-sistemi territorjali karatterizzati minn “żvantaġġi ġeografiċi”.

2.5.8.

Appoġġ għall-ħarsien u l-ġestjoni sostenibbli tal-bijodiversità, tal-pajsaġġi u tar-riżorsi naturali billi jinstab il-bilanċ adatt bejn l-interventi mmirati lejn il-konservazzjoni u dawk li jimmiraw lejn l-użu razzjonali ta’ servizzi u prodotti ekosistemiċi, kif ukoll distribuzzjoni iktar ekwa tal-vantaġġi miksuba mill-użu tagħhom.

2.5.9.

Promozzjoni tad-definizzjoni ta’ integrazzjoni soċjali ta’ referenza permezz tal-ippjanar ta’ interventi relatati mal-kundizzjonijiet ta’ xogħol, mas-sigurtà soċjali, il-kwistjonijiet ġenerali, il-persuni b’diżabilità u l-immigranti.

2.5.10.

Definizzjoni u żvilupp ta’ “objettiv funzjonali” speċifiku identifikabbli fl-ippjanar u fl-applikazzjoni ta’ proċessi ta’ żvilupp bl-għan li jillimitaw l-iżbilanċ bejn id-dimensjoni ekonomika, ambjentali u soċjali, “test bed” utli għall-kapitalizzazzjoni tar-riżultati tal-politika ta’ koeżjoni fl-Ewropa kollha.

2.5.11.

Promozzjoni ta’ proċess – kemm jista’ jkun wiesa’ – fuq livell reġjonali u lokali ta’ taħriġ, diskussjoni u kondiviżjoni tal-għażliet ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jikkonċernaw iż-żona, permezz tal-użu ta’ metodi diġà sperimentati f’kuntesti oħra u postijiet adegwati fir-rigward tar-rappreżentanti taċ-ċittadini, il-partijiet soċjali u ekonomiċi u l-korpi ta’ rappreżentanza tas-soċjetà ċivili.

3.   L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi: analiżi u valutazzjoni

3.1.

L-isfida prinċipali li għandha tiġi appoġġjata permezz tal-istrateġija għar-Reġjun tal-Alpi tikkonċerna l-armonizzazzjoni u t-tisħiħ tal-bilanċ bejn l-objettivi ta’ sostenibbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali.

3.2.

Il-KESE jivvaluta b’mod pożittiv il-pjan ta’ azzjoni tal-EUSALP iżda jqis li t-tliet prijoritajiet tematiċi (“it-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni”, “il-mobilità u l-konnettività” u ‘l-ambjent u l-enerġija’) jeħtieġu integrazzjonijiet u analiżi fil-fond.

3.3.

Minkejja l-fatt li, kif imsemmi fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea (9), it-territorji involuti fl-istrateġija għar-Reġjun tal-Alpi għandhom livelli ta’ innovazzjoni aktar għolja mill-medja Ewropea, jidher ċar kemm il-politiki u l-istrateġiji li jappoġġjaw il-forom ta’ innovazzjoni “tradizzjonali” għandhom redditu baxx f’termini tal-kompetittività u l-postijiet tax-xogħol maħluqa meta mqabbla mal-investimenti appoġġjati.

3.4.

Għalhekk huwa neċessarju li jissaħħu l-istrumenti operattivi li jappoġġjaw l-“Open innovation”  (10), mudell ibbażat fuq l-applikazzjoni tal-kunċett tal-“erba’ spirali” li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-intrapriżi, l-universitajiet u l-persuni (iċ-ċittadini) jikkollaboraw flimkien fil-proċessi li jikkaratterizzaw l-innovazzjoni (il-kokreazzjoni, l-esplorazzjoni, l-isperimentazzjoni u l-applikazzjoni) sabiex jiġu żviluppati prodotti u servizzi ġodda ffukati fuq il-bżonnijiet reali tal-utenti finali.

3.5.

L-iżvilupp tar-Reġjun tal-Alpi huwa marbut mal-isfruttar tal-ktajjen ta’ produzzjoni lokali u tad-distretti li jiffurmaw il-pilastru ta’ appoġġ tas-sistema ta’ produzzjoni. Hemm bżonn jitniedu politiki ta’ żvilupp sabiex jiġu attirati investimenti ġodda speċjalment fl-industriji emerġenti, mhux biss sabiex jittejjeb ir-rendiment tal-produzzjoni, iżda wkoll sabiex jiġġieldu kontra t-tnaqqis fil-popolazzjoni fiż-żoni “periferiċi”.

3.6.

Huwa fundamentali li jiġu promossi interventi għall-kwalifika u l-professjonalizzazzjoni tal-ħaddiema kemm fir-rigward tal-ktajjen ta’ produzzjoni “tradizzjonali”, kif ukoll ta’ dawk emerġenti (inkluż is-settur kulturali u tal-kreattività).

3.7.

L-agrikultura, b’attenzjoni speċifika għal dik tal-muntanji, u l-forestrija huma setturi ekonomiċi li għandhom jiġu appoġġjati sabiex jitħares il-pajsaġġ antropoġeniku, favur l-istabbiliment f’żoni periferali, sabiex jiġu salvagwardjati l-infrastrutturi fiż-żoni tal-muntanji, u sabiex tiġi provduta l-materja prima li sservi ta’ bażi għall-ikel u l-prodotti ta’ kwalità għolja.

3.7.1.

Sabiex l-agrikultura u l-forestrija tal-muntanji jsiru aktar kompetittivi, għandha tingħata prijorità għall-promozzjoni ta’ inizjattivi maħsuba biex isaħħu “t-tikketti ta’ kwalità” ta’ prodotti minn reġjuni muntanjużi, l-appoġġ ta’ forom ta’ kollaborazzjoni aktar strutturati fost iż-żoni tal-muntanji differenti tar-Reġjun tal-Alpi, u bejn dawn u s-sistemi urbani, anke permezz tat-tnedija ta’ proġetti fil-qasam tal-programmi Komunitarji 2014-2020 (11) (b’referenza speċifika għall-inizjattivi li jappoġġjaw il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli tal-muntanji).

3.8.

Dak li jikkaratterizza t-turiżmu fir-reġjuni taż-żona tal-Alpi hija l-varjetà tal-attivitajiet li ġejjin mit-turiżmu: it-turiżmu naturali, it-turiżmu attiv u sportiv, it-turiżmu tas-saħħa u tar-rilassament, it-turiżmu kulturali, it-turiżmu tal-kungressi u tal-avvenimenti u anke t-turiżmu tax-xiri.

3.8.1.

Għandha tkun prijorità li jitnieda mill-ġdid it-turiżmu sostenibbli permezz ta’ politika integrata li twassal għall-identifikazzjoni ta’ standards għas-salvagwardja tar-Reġjun tal-Alpi u t-tixrid ta’ mudelli ta’ żvilupp sostenibbli. Barra minn hekk huwa neċessarju li jiġu appoġġjati l-proċessi favur l-aġġustament staġunali tal-preżenzi turistiċi permezz tal-promozzjoni ta’ forom ta’ turiżmu li għadhom ma laħqux il-potenzjal sħiħ (eż. it-turiżmu tas-saħħa) u permezz ta’ titjib ġenerali tal-kwalità tas-servizzi fiż-żoni tal-muntanji.

3.9.

Minħabba l-formazzjoni topografika partikolari, il-mezzi tat-trasport fil-makroreġjun tal-Alpi huma kkonċentrati tul numru żgħir ta’ passaġġi, li jikkawża żieda sproporzjonata fit-trasport tal-merkanzija fit-tul b’vetturi bit-tajers f’kuntesti ekoloġikament sensittivi ħafna. Fiż-żoni periferali u tal-muntanji, il-mobilità hija rekwiżit għaż-żamma tal-kuntatti soċjali; fenomeni bħat-tibdil fl-istil ta’ ħajja u x-xejriet tal-iżvilupp demografiku jinvolvu żieda fit-traffiku individwali b’vetturi bil-mutur.

3.9.1.

Huwa fundamentali li jingħata appoġġ biex jitwettqu interventi mmirati għall-adattament u r-razzjonalizzazzjoni tal-infrastrutturi tat-trasport fis-sistemi territorjali kollha tar-Reġjun tal-Alpi, b’attenzjoni partikolari għall-konnessjonijiet transkonfinali, għat-trasferiment tal-akbar kwantità possibbli ta’ merkanzija u persuni minn vetturi bit-tajers għal forom oħra ta’ trasport (eż. ferrovjarju), u għall-promozzjoni tal-aċċessibilità ekosostenibbli għaż-żoni turistiċi b’attenzjoni kemm għad-distanzi twal, kif ukoll għall-hekk imsejjaħ “l-aħħar mil”.

3.9.2.

B’referenza speċifika għas-sistemi urbani u metropolitani, huwa neċessarju li jiġi appoġġjat it-trasferiment tat-traffiku tal-vetturi individwali lejn it-trasport pubbliku lokali, u lejn mogħdijiet pedonali u għar-roti, permezz tat-titjib tal-infrastrutturi u permezz ta’ interventi maħsuba biex jippromovu t-tibdil fid-drawwiet tal-persuni b’inċentivi għall-użu ta’ forom tat-trasport u mobbiltà ekoloġiċi.

3.10.

L-aċċess bilanċjat, ekwu u universali għas-servizzi ta’ kwalità għolja u l-konnettività jirrappreżentaw elementi essenzjali sabiex jiġu żgurati standards adegwati għall-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjoni kollha tal-makroreġjun tal-Alpi, b’attenzjoni speċifika għal min jgħix u jaħdem fiż-żoni karatterizzati minn żvantaġġi ġeografiċi.

3.10.1.

Għandha tkun prijorità li tiġi appoġġjata l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi sabiex jiġu żgurati s-servizzi bażiċi fiż-żoni tal-muntanji u rurali (edukazzjoni, saħħa, servizzi soċjali u mobilità), jissaħħu l-infrastrutturi u t-teknoloġiji tal-ICT biex jiżguraw livell ta’ disponibbiltà tas-servizzi pubbliċi adegwat biex jaqdu l-bżonnijiet tal-popolazzjoni kollha li tgħix fir-Reġjun tal-Alpi.

3.11.

Il-varjetà ta’ speċijiet ta’ flora u fawna u ta’ pajsaġġi naturali tar-Reġjun tal-Alpi huma “kapital” li għandu jiġu protett u sfruttat għax jirrappreżenta l-elementi essenzjali li fuqhom huma bbażati l-kwalità tal-ħajja u l-attraenza ta’ dawn it-territorji.

3.11.1.

Għandu jingħata appoġġ għall-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tal-bijodiversità, tar-riżorsi naturali, kulturali u tal-pajsaġġi billi jinstab il-bilanċ adatt bejn l-interventi għall-konservazzjoni u dawk immirati għal użu razzjonali. Barra minn hekk huwa fundamentali li tingħata għajnuna għat-twettiq ta’ interventi li jappoġġjaw il-‘konnettività ekoloġika’ taż-żona kif definit mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni ‘L-Infrastruttura Ekoloġika – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa’ (12).

3.12.

Jekk huwa minnu li l-ġestjoni tat-tibdil fil-klima, u tar-riskji naturali li ġejjin minnu, tirrappreżenta sfida komuni għar-Reġjun kollu tal-Alpi, huwa veru wkoll li l-Alpi, billi għandhom l-akbar densità ta’ popolazzjoni u huma sfruttati bl-aktar mod intensiv fid-dinja, juru sensittività ogħla mill-medja fir-rigward tat-tibdil fil-klima stess.

3.12.1.

Għandha tkun prijorità li jitniedu azzjonijiet fuq livell transnazzjonali (l-effetti tat-tibdil fil-klima ma jieqfux mal-fruntieri) għall-mitigazzjoni u l-adattament tar-Reġjun tal-Alpi għat-tibdil fil-klima: il-mitigazzjoni għandha tkun immirata sabiex tevita l-konsegwenzi mhux maniġjabbli tat-tibdil fil-klima permezz tat-tnaqqis tal-gassijiet serra, filwaqt li l-adattament għandu jkun immirat lejn it-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għat-tibdil fil-klima u l-ġestjoni tal-impatti inevitabbli.

3.13.

Sabiex tiġi żgurata u promossa l-kwalità tal-ħajja u tal-vantaġġi lokalizzati, ir-Reġjun tal-Alpi jeħtieġ sistema ta’ provvista tal-enerġija sikura, ekonomikament aċċessibbli u ta’ kwalità għolja.

3.13.1.

Apparti l-appoġġ għal interventi għaż-żieda tal-ammont ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli, bħall-ilma, l-injam, il-bijomassa, ix-xemx u r-riħ, huwa fundamentali li titħeġġeġ l-effiċjenza fl-enerġija, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat.

4.   L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi – EUSALP: aspetti speċifiċi

4.1.

Il-kriżi ekonomika, minbarra li kellha effetti negattivi fuq l-ekonomija reali u fuq il-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni, enfasizzat b’mod ċar il-bżonn ta’ interventi pubbliċi li jikkontrollaw il-fatturi regressivi ta’ tkabbir mhux sostenibbli fil-qasam ekonomiku, soċjali u ambjentali u li għalhekk jipproteġu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u l-benessri taċ-ċittadini permezz tat-tisħiħ ta’ interventi fil-qasam soċjali u tal-politiki tal-benessri, u fil-qasam ambjentali.

4.2.

Il-KESE jqis li d-dimensjoni soċjali fl-EUSALP mhijiex indirizzata b’mod adegwat u li għandha tissaħħaħ sabiex tiggarantixxi l-iżvilupp ta’ mudell ta’ tkabbir li huwa kapaċi li jiżgura l-kompetittività u, fl-istess ħin, l-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali, b’attenzjoni partikolari lejn dawk il-persuni li huma l-aktar milquta minn fatturi ta’ fraġilità u żvantaġġ.

4.2.1.

Għal dan l-għan fl-EUSALP għandhom jiġu previsti interventi li:

jiżguraw ir-rispett tal-istandards tax-xogħol deċenti, l-adattabilità tal-forza tax-xogħol għat-tibdil fit-teknoloġija fis-seħħ u għat-tibdil tat-tagħmir tal-produzzjoni permezz ta’ proċessi ta’ kwalifika professjonali mill-ġdid u taħriġ kontinwu li jistgħu jżidu l-valur tal-kapital uman preżenti fiż-żona;

jiżguraw l-integrazzjoni, ir-rispett u l-iżvilupp tad-dimensjoni tal-ġeneri, b’attenzjoni partikolari għas-suq tax-xogħol;

jistimulaw it-twaqqif ta’ infrastrutturi soċjali u jippromovu l-investimenti soċjali;

jippromovu l-azzjonijiet kollha possibbli li jiżguraw lill-persuni b’diżabilità kundizzjonijiet effettivi ta’ ugwaljanza u opportunitajiet ugwali;

jippromovu u jappoġġjaw it-tixjiħ attiv bħala riżorsa strateġika taż-żona fl-oqsma differenti ta’ applikazzjoni (turiżmu, produzzjoni artiġjanali, servizzi, eċċ.);

jappoġġjaw interventi fil-qasam tal-immigrazzjoni li jisfruttaw dawk l-aspetti li kapaċi li jippromovu l-valuri pożittivi tagħhom favur it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali fiż-żona.

4.3.

Minkejja l-fatt li s-sistema ta’ governanza tal-EUSALP tikkonforma ma’ dak li jirriżulta mill-valutazzjonijiet tal-KESE permezz tal-Opinjoni dwar “Il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali” (13), jistgħu jiġu identifikati nuqqasiijiet u integrazzjonijiet possibbli.

4.3.1.

Huwa neċessarju li tissaħħaħ il-“governanza f’diversi livelli” tal-EUSALP permezz tal-applikazzjoni ta’ “dimensjoni orizzontali” effettiva (il-parteċipazzjoni tal-atturi ekonomiċi, tal-imsieħba soċjali u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili) li tintegra u tikkwalifika d-“dimensjoni vertikali” (il-parteċipazzjoni tar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali) b’rispett sħiħ tal-prinċipju “tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità”, li l-applikazzjoni tiegħu hija determinanti sabiex jiġi żgurat it-tqassim mill-ġdid territorjali ekwu tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-EUSALP, sabiex jiġi evitat li l-objettivi ta’ Stati u territorji individwali jiġu qabel l-interessi komuni.

4.3.2.

Huwa fundamentali li tiġi prevista t-tnedija ta’ “Forum tas-Soċjetà Ċivili” tal-EUSALP li l-attivitajiet tiegħu għandhom jiġu integrati ma’ dawk tal-“gruppi ta’ azzjoni” u jiġu żviluppati skont mudell operattiv li jippermetti l-parteċipazzjoni reali tar-rappreżentanti tal-partijiet soċjali u ekonomiċi fit-twettiq tal-istrateġija fuq livell reġjonali u lokali. Għal din ir-raġuni ikun tajjeb li, flimkien ma’ forum tas-soċjetà ċivili tal-makroreġjun, jitniedu forums reġjonali (u, fejn possibbli, lokali) tas-soċjetà ċivili sabiex tiġi żgurata ġestjoni tal-istateġija kondiviża b’mod effettiv mal-komponenti lokali kollha.

4.3.3.

Barra minn hekk huwa fundamentali li tiġi promossa attività ta’ bini tal-kapaċità permanenti li takkumpanja u tikkwalifika l-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili organizzata fil-proċessi ta’ żvilupp tal-EUSALP u li tappoġġja, fl-istess ħin, is-sensibilizzazzjoni u t-titjib tal-għarfien taċ-ċittadini fir-rigward tat-temi u l-attivitajiet prinċipali li jikkonċernaw ir-Reġjun tal-Alpi. B’referenza għal din il-prijorità, il-KESE jipproponi l-attivazzjoni ta’ programm speċifiku “Going Local – EUSALP”.

4.4.

It-twettiq tal-istrateġija għar-Reġjun tal-Alpi għandu jsir flimkien ma’ sistema ta’ monitoraġġ effettiva, li permezz tagħha jkun possibbli li jiġi sfruttat it-titjib effettiv li jirriżulta mill-EUSALP.

4.4.1.

Huwa indispensabbli li l-kejl “kwantitattiv” jiġi integrat ma’ indikaturi “kwalitattivi” skont l-approċċ “lil hinn mill-PDG” (14) sabiex jiġi sfruttat l-impatt tal-politiki adottati għall-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà ambjentali, il-koeżjoni soċjali, is-saħħa u l-benessri kollettiv tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

4.5.

L-ammonti konsiderevoli mħallsa diġà mill-UE permezz tal-“Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2014–2020 – SIE” (15) u l-“Kooperazzjoni Territorjali Ewropea – KTE” (16), jekk ikunu koordinati u stabbiliti f’approċċ strateġiku unifikat, jistgħu jiggarantixxu r-riżorsi ekonomiċi neċessarji sabiex jappoġġjaw it-twettiq tal-EUSALP.

4.5.1.

Huwa importanti li jiġu żviluppati approċċi innovattivi għall-isfruttar tas-sinerġiji u tal-komplementarjetà bejn il-fondi “strutturali u ta’ investiment Ewropej 2014-2020” u l-programmi Ewropej l-oħra maniġjati direttament, kif deskritt fil-manwal tal-Kummissjoni Ewropea “Enabling synergies between European Structural and Investiment Funds and Horizon 2020” (17).

4.5.2.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi strateġiċi stabbiliti mill-EUSALP huwa wkoll essenzjali li jkunu jistgħu jiġu sfruttati l-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mill-Bank Ewropew tal-Investiment – il-BEI, u jingħataw inċentivi biex jintużaw l-investimenti privati kif propost fil-“Pjan Juncker” (18).

4.5.3.

Sabiex tiġi appoġġjata s-sostenibbiltà finanzjarja tal-EUSALP, għandha tkun prijorità wkoll li jiġu appoġġjati, fejn possibbli, l-inizjattivi għat-twettiq tal-istrumenti previsti mill-“Iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità”, b’attenzjoni speċifika għall-istrumenti “Żvilupp lokali mmexxi mill-Komunità” (19) u “Investiment Territorjali Integrat” (20), kif propost fl-Opinjoni tal-KESE dwar “L-iżvilupp lokali mmexxi mill-Komunità” (21) u fil-programm Interreg V Italja-Awstrija, permezz tal-avviż għall-preżentazzjoni tal-istrateġiji transkonfinali ta’ żvilupp lokali b’referenza għas-CLLD (22).

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  SWD(2015) 147 final.

(2)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 9.

(3)  http://www.balticsea-region-strategy.eu; http://www.danube-region.eu; http://www.ai-macroregion.eu

(4)  ĠU C 83, 30.3.2010, p. 16.

(5)  ĠU C 12, 15.1.2015, p. 105.

(6)  “Ir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020”, Brussell, 4 ta’ Diċembru 2013.

(7)  Konferenza f’Grenoble fit-18 ta’ Ottubru 2013 li fiha ħadu sehem ir-rappreżentanti tal-gvernijiet u l-presidenti tar-reġjuni involuti fl-EUSALP.

(8)  White Paper “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropej għall-azzjoni”, COM(2009) 147 final.

(9)  http://ec.europa.eu/growth/industry/innovation/facts-figures/scoreboards/files/ius-2015_en.pdf

(10)  http://ec.europa.eu/digital-agenda/en/growth-jobs/open-innovation

(11)  http://www.rumra-intergroup.eu/

(12)  COM(2013) 249 final. Ara l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill- Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa” (ĠU C 67, 6.3.2014, p. 153).

(13)  ĠU C 12, 15.1.2015, p. 64.

(14)  “Nitkellmu dwar il-kuntentizza – lil hinn mill-PDG”, Brussell, 10 ta’ Ġunju 2014).

(15)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(16)  Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259).

(17)  http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/guides/synergy/synergies_en.pdf

(18)  Pjan ta’ investimenti għall-Ewropa, COM(2014) 903 final.

(19)  Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259).

(20)  Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1299/2013(ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259).

(21)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 1.

(22)  http://www.interreg.net/download/0_CLLD_Aufruf_Avviso.pdf


28.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi għall-Greċja”

[COM(2015) 365 final – 2015/0160 (COD)]

(2016/C 032/04)

Relatur ġenerali:

is-Sur Carmelo CEDRONE

Nhar is-7 ta’ Settembru 2015 u nhar it-28 ta’ Settembru., il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 177 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi ddispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi għall-Greċja”

(COM(2015) 365 final – 2015/0160 (COD))

Nhar il-15 ta’ Settembru 2015, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul il-511-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-6, is-7 u t-8 ta’ Ottubru 2015 (seduta tat-8 ta’ Ottubru 2015), li jaħtar lis-Sur Cedrone bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’99 vot favur, vot 1 kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Il-kuntest u l-punti ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni

1.1.

Is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fil-Greċja għadha tipppreżenta problemi kbar u serji minħabba li qed jippersistu rati baxxi ta’ tkabbir u nuqqas ta’ fondi pubbliċi meħtieġa biex jistimulaw it-tkabbir. Il-fatturi li ħolqu din is-sitwazzjoni huma magħrufa sew u l-KESE enfasizzahom diversi drabi f’dawn l-aħħar snin/xhur. Din il-kwistjoni għandha wkoll konsegwenzi sinifikanti fir-rigward tad-disponibbiltà tal-mezzi neċessarji għall-implimentazzjoni tal-programmi ppjanati li jsiru bl-għajnuna finanzjarja tal-Fondi Strutturali għall-perjodu 2014-2020, minbarra fondi li fadal mill-perjodu 2007-2013.

1.2.

Il-Kummissjoni ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta għal modifika tar-Regolament Nru 1303/2013 (li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni għall-5 Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej) fir-rigward tal-miżuri previsti għall-Greċja (1).

1.3.

Il-proposta tal-Kummissjoni, maħsuba biex tikkumpensa għan-nuqqas ta’ likwidità u riżorsi pubbliċi għall-investiment fil-Greċja, tipprevedi żewġ faċilitajiet finanzjarji li jikkonsistu, sostanzjalment, f’pagamenti antiċipati ta’ fondi diġà allokati lill-Greċja, u għalhekk mingħajr impatt fuq il-baġit għall-perjodu 2014-2020, u żieda tar-rati ta’ kofinanzjament.

1.4.

Il-proposta leġislattiva tikkonċerna kemm il-perjodu 2007-2013 kif ukoll dak tal-2014-2020.

1.5.

Fir-rigward tal-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni tipproponi li jiżdied il-livell tal-prefinanzjament tal-bidu fir-rigward tal-fondi disponibbli għall-programmi ta’ politika ta’ koeżjoni taħt l-Għan ta’ Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi (FEŻR, FSE u FK) u l-programmi appoġġjati mill-FEMS, b’7 punti perċentwali. B’kollox, dan jammonta għal EUR 1 biljun disponibbli fuq sentejn (EUR 500 miljun fl-2015 u EUR 500 miljun fl-2016).

1.6.

Fir-rigward tal-perjodu 2007-2013, il-Kummissjoni tipproponi li, fil-każ tal-kalkolu tal-pagamenti interim u l-bilanċi finali tal-programmi operazzjonali implimentati mill-Greċja, tiġi applikata rata massima ta’ kofinanzjament ta’ 100 % (applikabbli għall-ispejjeż eliġibbli), u li l-5 % tal-pagamenti tal-UE li jifdal li normalment jinżammu sal-għeluq tal-programmi jiġu rilaxxati aktar kmieni. Dan jirrappreżenta likwidità addizzjonali immedjata ta’ madwar EUR 500 miljun għall-2015 u EUR 500 miljun fl-2016.

2.   Kummenti

2.1.

Il-KESE għandu l-istess tħassib tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-Greċja tingħata riżorsi finanzjarji addizzjonali sabiex jerġa’ jibda l-investiment favur it-tkabbir sostenibbli. Fil-fatt, il-KESE kien diġà għamel proposti fuq l-istess linja għall-pajjiżi u t-territorji kollha li kellhom diffikultajiet baġitarji, dejn jew rata għolja ta’ qgħad (2).

2.2.

Jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni, li hi stess tqis bħala eċċezzjonali u issa tinsab għall-analiżi mill-Parlament Ewropew, ma tindirizzax l-għanijiet li suppost jintlaħqu. Din tikkonċena għajnuna li, kemm f’termini ta’ livell finanzjarju kif ukoll arranġamenti previsti għall-ħlas (ħlas bil-quddiem għar-riżorsi ppjanati), mhijiex biżżejjed biex taqdi l-ħtiġijiet li l-Greċja għandha f’termini ta’ investiment pubbliku, irkupru tal-livelli ta’ kompetittività u ta’ impjieg tas-sistema produttiva tagħha. Il-likwidità li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid hija stmata għal madwar EUR 2 biljuni. Din hija tabilħaqq importanti iżda mhix addizzjonali u se tkun ikkumpensata bi tnaqqis ekwivalenti tar-riżorsi previsti għas-snin sussegwenti (2018 u 2020).

2.3.

Il-KESE, fl-opinjonijiet tiegħu, kemm-il darba stqarr li jekk il-Kummissjoni beħsiebha tgħin lill-Greċja, ir-riżorsi addizzjonali maħsuba għal pajjiż, kemm jekk bħala programmi ta’ investiment ġodda kif ukoll f’każ ta’ aktar tnaqqis tar-rata ta’ kofinanzjament nazzjonali li jintalab għall-iffinanzjar tal-programmi operazzjonali mill-Fondi Strutturali għall-perjodu 2014-2020, għandu jkollhom dimensjonijiet aktar konsistenti.

2.4.

Il-KESE jenfasizza t-tieni tħassib tiegħu rigward id-dewmien fit-tnedija tal-programm il-ġdid tal-Fondi Strutturali. Ir-riżorsi allokati mill-politika ta’ koeżjoni għall-Greċja għall-perjodu 2014-2020 b’kollox jammontaw għal madwar EUR 35 biljun. Is-sitwazzjoni mwiegħra mil-lat ekonomiku, iżda wkoll mil-lat politiku, li l-Greċja qed tesperjenza wasslet għal inċertezzi kbar f’termini ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment u dewmien amministrattiv li żammewha milli tniedi l-proċeduri meħtieġa biex tikseb aċċess għar-riżorsi tal-perjodu l-ġdid ta’ programmazzjoni 2014-2020.

2.5.

Il-KESE huwa mħasseb li dan id-dewmien, flimkien ma’ miżuri rigorużi li l-UE talbet għall-approvazzjoni tat-tielet pjan ta’ għajnuniet bilfors se jiddevjaw ir-riżorsi pubbliċi mill-investimenti, u se jkollhom impatt ukoll fuq l-attivazzjoni ta’ programmi ta’ nfiq previsti taħt il-Fondi għas-sena d-dieħla u għall-perjodu kollu sal-2020.

2.6.

Il-proġetti li bħalissa qed jiġu implimentati fil-Greċja huma fil-biċċa l-kbira ffinanzjati mill-fondi tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013. L-aħħar analiżijiet dwar il-fondi għall-2007-2013 jirreferu għal ammont ta’ EUR 1,5 sa 2 miljuni li jifdal u li għandu jintbagħat lura jekk ma jkunux intużaw sa tmiem is-sena. Il-Kummissjoni setgħet inkludiet fil-proposta tagħha żieda fil-perjodi ta’ żmien għar-rappurtar tal-infiq li jkun sar (minn n+2 għal n+3), minħabba ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li l-pajjiż jinsab fihom.

3.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

3.1.

Biex jikkonkludi, il-KESE jaqbel u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni, għalkemm iqis li mhijiex biżżejjed. Fil-fatt, kif propost f’ħafna mill-opinjonijiet tiegħu, iqis li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri għandhom joħolqu programm ta’ għajnuna għall-pajjiżi fiż-żona tal-euro li jkunu f’diffikultà, ibda mill-Greċja, li jkun aktar kredibbli milli kif propost s’issa u li jintroduċi aktar flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-governanza Ewropea l-ġdida dwar il-politika fiskali u baġitarja, iżid sew ir-riżorsi disponibbli għall-finanzjamenti permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), ibda mill-pjan Juncker, u jintegra u jikkoordina b’mod aktar funzjonali r-riżorsi maħsuba biex jiffinanzjaw politiki oħrajn tal-UE.

3.2.

Fil-qosor, minbarra dan li ssemma, se jkunu meħtieġa: a) estensjoni tal-proposta (tneħħija tal-kofinanzjament għall-Greċja) għall-perjodu kollu 2014-2020; b) jitħaffef il-pass u jiġu antiċipati l-interventi tal-pjan Juncker għall-Greċja, sabiex permezz taż-żewġ miżuri jitħeġġu l-irkupru ekonomiku, l-iżvilupp u l-impjieg; d) semplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet amministrattivi u MHUX bil-maqlub; e) titwaqqaf “Task Force” imħallta mill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tappoġġja u takkumpanja lill-Greċja fl-istadji varji ta’ użu tal-fondi strutturali; f) evalwazzjoni tal-opportunità ta’ estensjoni tal-istess miżuri, jew oħrajn simili, b’kontrolli adatti, għall-pajjiżi l-oħrajn li ntlaqtu u batew l-iktar mill-kriżi u li għandhom rata ta’ qgħad ogħla mill-medja Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2015) 365 final – 2015/0160 (COD)

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom” (COM(2011) 482 final – 2011/0211 (COD)) (ĠU C 24 del 28.1.2012, p. 81).

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar ċerti dispożizzjonijiet marbuta mal-ġestjoni finanzjarja, għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom” (COM(2011) 481 final – 2011/0209 (COD)) (ĠU C 24 del 28.1.2012, p. 83).

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd, fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet marbutin mal-amministrazzjoni finanzjarja ta’ ċerti Stati Membri li għandhom jew li jinsabu mhedda b’diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom” (COM(2011) 484 final – 2011/0212 (COD)) (ĠU C 24 del 28.1.2012, p. 84).

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006” (COM(2011) 615 final – 2011/0276 (COD)) (ĠU C 191 del 29.6.2012, p. 30).

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006” (COM(2011) 612 final – 2011/0274 (COD)) (ĠU C 191 del 29.6.2012, p. 38).

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006” (COM(2011) 614 final – 2011/0275 (COD)) (ĠU C 191 del 29.6.2012, p. 44).


28.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f’ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta’ Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (Riformulazzjoni)”

[COM(2015) 282 final – 2015/0128 (COD)]

(2016/C 032/05)

Nhar l-24 ta’ Ġunju 2015, il-Parlament Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f’ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta’ Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (Riformulazzjoni)”

[COM(2015) 282 final – 2015/0128 (COD)].

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul il-511-il sessjoni plenarja tiegħu tas-6, is-7 u t-8 ta’ Ottubru 2015 (seduta tat-8 ta’ Ottubru), b’70 vot favur u 6 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


Top