Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2009_331_R_0017_01

    2009/941/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll tal-Aja tat- 23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment

    ĠU L 331, 16.12.2009, p. 17–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.12.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 331/17


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tat-30 ta’ Novembru 2009

    dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment

    (2009/941/KE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 61(c) flimkien mat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 300(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Il-Komunità qiegħda taħdem biex toħloq żona ġudizzjarja komuni bbażata fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (2) jipprevedi li l-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment għandha tiġi ddeterminata skont il-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) fl-Istati Membri marbutin b’dak il-Protokoll.

    (3)

    Il-Protokoll jagħti kontribut siewi biex jiżgura ċertezza legali u prevedibbiltà akbar lill-kredituri u d-debituri tal-manteniment. L-applikazzjoni ta’ regoli uniformi sabiex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli tippermetti ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-deċiżjonijiet dwar l-obbligi ta’ manteniment fil-Komunità, mingħajr ebda forma ta’ kontroll fl-Istat Membru fejn tkun ser issir l-eżekuzzjoni.

    (4)

    L-Artikolu 24 tal-Protokoll jippermetti lil Organizzazzjonijiet Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika bħall-Komunità tiffirma, taċċetta u tapprova l-Protokoll u taderixxi għalih.

    (5)

    Il-Komunità għandha kompetenza esklużiva fil-kwistjonijiet kollha irregolati minn dan il-Protokoll. Dan ma jaffettwax il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri li mhumiex marbutin b’din id-Deċiżjoni jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha kif imsemmi fil-Premessi 11 u 12.

    (6)

    Il-Komunità għandha għalhekk tapprova l-Protokoll.

    (7)

    Il-Protokoll għandu japplika bejn l-Istati Membri mhux aktar tard mit-18 ta’ Ġunju 2011, id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 4/2009.

    (8)

    Fid-dawl tar-rabta mill-qrib bejn il-Protokoll u r-Regolament (KE) Nru 4/2009, ir-regoli tal-Protokoll għandhom ikunu applikati fil-Komunità fuq bażi proviżorja jekk il-Protokoll ma jkunx daħal fis-seħħ fit-18 ta’ Ġunju 2011, id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 4/2009. Għandha ssir dikjarazzjoni unilaterali f’dan is-sens mal-konklużjoni tal-Protokoll.

    (9)

    Ir-regoli tal-Protokoll għandhom jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-obbligu ta’ manteniment jekk deċiżjoni dwar dak l-obbligu għandha tiġi rikonoxxuta u tkun infurzabbli taħt ir-regoli li jikkonċernaw it-tneħħija tal-exequatur stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 4/2009. Sabiex jiġi żgurat li l-istess regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet jiġu applikati fil-Komunità għal talbiet ta’ manteniment fir-rigward ta’ perijodu preċedenti kif ukoll posterjuri għad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll fil-Komunità, ir-regoli tal-Protokoll għandhom japplikaw ukoll għal talbiet li jirrigwardaw perijodu preċedenti għal dan l-avveniment, irrispettivament mill-Artikolu 22 tiegħu. Għandha ssir dikjarazzjoni unilaterali f’dan is-sens mal-konklużjoni tal-Protokoll.

    (10)

    Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Irlanda qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    (11)

    Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (12)

    Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment qiegħed jiġi b’dan approvat f’isem il-Komunità Ewropea.

    It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill b’dan huwa awtorizzat li jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Protokoll sabiex jorbtu lill-Komunità.

    Artikolu 3

    Mal-konklużjoni tal-Protokoll, il-Komunità għandha tagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja skont l-Artikolu 24 tiegħu:

    “Il-Komunità Ewropea tiddikjara, skont l-Artikolu 24 tal-Protokoll, li hija teżerċita kompetenza fuq il-materji kollha rregolati minn dan il-Protokoll. L-Istati Membri tagħha għandhom ikunu marbuta mill-Protokoll bis-saħħa tal-konklużjoni tiegħu mill-Komunità Ewropea.

    Għall-fini ta’ din id-dikjarazzjoni, it-terminu ‘Komunità Ewropea’ ma jinkludix lid-Danimarka, bis-saħħa tal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u r-Renju Unit, bis-saħħa tal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.”.

    Artikolu 4

    1.   Fil-Komunità, ir-regoli tal-Protokoll għandhom japplikaw proviżorjament, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni, mit-18 ta’ Ġunju 2011, id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament 4/2009, jekk il-Protokoll ma jkunx għadu daħal fis-seħħ f’dik id-data.

    2.   Mal-konklużjoni tal-Protokoll, il-Komunità għandha tagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja sabiex jittieħed kont tal-applikazzjoni proviżorja possibbli msemmija fil-paragrafu 1:

    “Il-Komunità Ewropea tiddikjara li hija ser tapplika r-regoli tal-Protokoll proviżorjament mit-18 ta’ Ġunju 2011, id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (3), jekk il-Protokoll ma jkunx daħal fis-seħħ f’dik id-data skont l-Artikolu 25(1) tiegħu.”.

    Artikolu 5

    1.   Irrispettivament mill-Artikolu 22 tal-Protokoll, ir-regoli tal-Protokoll għandhom ukoll jiddeterminaw il-liġi applikabbli għall-manteniment mitlub fi Stat Membru fir-rigward ta’ perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll fil-Komunità f’sitwazzjonijiet fejn, taħt ir-Regolament (KE) Nru 4/2009, il-proċedimenti jiġu istitwiti, id-deċiżjonijiet tal-Qorti jiġu approvati jew konklużi u l-istrumenti awtentiċi jiġu stabbiliti mit-18 ta’ Ġunju 2011, id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 4/2009.

    2.   Waqt il-konklużjoni tal-Protokoll, il-Komunità għandha tagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja:

    “Il-Komunità Ewropea tiddikjara li hija ser tapplika r-regoli tal-Protokoll ukoll għall-manteniment mitlub fi Stat Membru wieħed tagħha fir-rigward ta’ perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ jew l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll fil-Komunità f’sitwazzjonijiet fejn, taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (3), il-proċedimenti jiġu istitwiti, id-deċiżjonijiet tal-Qorti jiġu approvati jew konklużi, u l-istrumenti awtentiċi jiġu stabbiliti mit-18 ta’ Ġunju 2011, id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament imsemmi.”.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2009.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. ASK


    (1)  Opinjoni tal-24 ta’ Novembru 2009 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1.

    (3)  ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1.


    ANNESS

    TRADUZZJONI

    PROTOKOLL

    dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment

    L-Istati firmatarji ta’ dan il-Protokoll,

    Filwaqt li jixtiequ jistabilixxu dispożizzjonijiet komuni dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment,

    Filwaqt li jixtiequ jimmodernizzaw il-Konvenzjoni tal-Aja tal-24 ta’ Ottubru 1956 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment lejn it-tfal u l-Konvenzjoni tal-Aja tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment,

    Filwaqt li jixtiequ jiżviluppaw regoli ġenerali dwar il-liġi applikabbli li jistgħu jissuplimentaw il-Konvenzjoni tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Appoġġ għat-Tfal u Forom Oħra ta’ Manteniment Familjari,

    Iddeċidew li jikkonkludu Prototkoll għal dan il-għan u ftiehmu dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Dan il-Protokoll għandu jiddetermina l-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment emerġenti minn relazzjoni familjari, filjazzjoni, żwieġ jew affinità, inkluż obbligu ta’ manteniment lejn il-wild indipendentement mill-istat maritali tal-ġenituri.

    2.   Deċiżjonijiet mogħtija fl-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżistenza ta’ kwalunkwe relazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 2

    Applikazzjoni universali

    Dan il-Protokoll japplika anki jekk il-liġi applikabbli tkun ta’ Stat li mhux Kontraenti.

    Artikolu 3

    Regola ġenerali dwar il-liġi applikabbli

    1.   L-obbligi ta’ manteniment għandhom ikunu rregolati mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur, sakemm il-Protokoll ma jipprevedix mod ieħor.

    2.   F’każ ta’ bidla fir-residenza abitwali tal-kreditur, il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali l-ġdida għandha tapplika mill-mument ta’ meta sseħħ il-bidla.

    Artikolu 4

    Regoli speċjali li jiffavorixxu lil ċerti kredituri

    1.   Id-dispożizzjonjiet li ġejjin għandhom japplikaw f’każ ta’ obbligi ta’ manteniment ta’:

    (a)

    ġentituri lejn uliedhom;

    (b)

    persuni, li mhumiex il-ġenituri, lejn persuni li jkunu għadhom ma għalqux il-21 sena, bl-eċċezzjoni ta’ obbligi emerġenti mir-relazzjonjiet imsemmija fl-Artikolu 5; u

    (c)

    ulied lejn il-ġenituri tagħhom.

    2.   Jekk il-kreditur ma jkunx jista’, minħabba fil-liġi msemmija fl-Artikolu 3, jikseb manteniment mingħand id-debitur, għandha tapplika l-liġi tal-forum.

    3.   Minkejja l-Artikolu 3, jekk il-kreditur diġà jkun irrikorra għall-awtorità kompetenti tal-Istat fejn id-debitur ikollu r-residenza abitwali tiegħu, il-liġi tal-forum għandha tapplika. Madanakollu, jekk il-kreditur ma jkunx jista’, permezz ta’ din il-liġi, jikseb manteniment mingħand id-debitur, il-liġi tal-Istat fejn il-kreditur ikollu r-residenza abitwali għandha tapplika.

    4.   Jekk il-kreditur ma jkunx jista’, permezz tal-liġijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, jikseb manteniment mid-debitur, il-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità komuni tagħhom, jekk ikun hemm, għandha tapplika.

    Artikolu 5

    Regola speċjali li tirrigwarda l-konjuġi u l-ex-konjuġi

    F’każ ta’ obbligu ta’ manteniment bejn il-konjuġi, l-ex-konjuġi jew partijiet ta’ żwieġ li ġie annullat, l-Artikolu 3 m’għandux japplika jekk waħda mill-partijiet toġġezzjona u jekk il-liġi ta’ xi Stat ieħor, b’mod partikolari l-Istat fejn kellhom ir-residenza abitwali komuni tagħhom l-aħħar, għandu konnessjoni eqreb maż-żwieġ. F’dan il-każ, il-liġi ta’ dak l-Istat l-ieħor għandha tapplika.

    Artikolu 6

    Regola speċjali dwar id-difiża

    F’każ ta’ obbligi ta’ manteniment li mhumiex emerġenti mir-relazzjoni ta’ ġenitur-wild lejn wild u dawk imsemmija fl-Artikolu 5, id-debitur jista’ jikkontesta talba mill-kreditur abbażi li mhemmx tali obbligu taħt il-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tad-debitur u l-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità komuni tal-partijiet, jekk hemm waħda.

    Artikolu 7

    L-għażla tal-liġi applikabbli għall-fini ta’ proċediment partikolari

    1.   Minkejja l-Artikoli 3 sa 6, il-kreditur u d-debitur tal-manteniment għall-fini biss ta’ proċediment partikolari fi Stat speċifiku jista’ jagħżel espressament il-liġi ta’ dak l-Istat bħala l-liġi applikabbli għal obbligu ta’ manteniment.

    2.   Għażla magħmula qabel ma jibdew dawn il-proċedimenti għandha ssir fi ftehim, iffirmat miż-żewġ partijiet, bil-miktub jew irreġistrata fi kwalunkwe forma, bl-informazzjoni kontenuta fih tkun aċċessibbli u għalhekk tkun tista’ tiġi użata sussegwentament bħala referenza.

    Artikolu 8

    L-għażla tal-liġi applikabbli

    1.   Minkejja l-Artikoli 3 sa 6, il-kreditur u d-debitur tal-manteniment jista’ fi kwalunkwe ħin jagħżel waħda mil-liġijiet li ġejjin bħala dik applikabbli għall-obbligu ta’ manteniment:

    (a)

    il-liġi ta’ kwalunkwe Stat li tiegħu jew waħda jew l-oħra mill-partijiet għandha n-nazzjonalità fil-waqt tal-għażla;

    (b)

    il-liġi tal-Istat li tiegħi xi waħda mill-partijiet hija residenti abitwali fil-waqt tal-għażla;

    (c)

    il-liġi magħżula mill-partijiet bħala applikabbli, jew il-liġi applikata de facto għar-reġim tal-proprjetà tagħhom;

    (d)

    il-liġi magħżula mill-partijiet bħala applikabbli, jew il-liġi applikata de facto għad-divorzju jew is-separazzjoni tagħhom.

    2.   Tali ftehim għandu jkun bil-kitba jew irreġistrat fi kwalunkwe forma, bl-informazzjoni kontenuta fih tkun aċċessibbli biex b’għalhekk tkun tista’ tiġi użata sussegwentament bħala referenza, u għandu jkun iffirmat miż-żewġ partijiet.

    3.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-obbligi ta’ manteniment fir-rigward ta’ persuna taħt l-età ta’ 18-il sena jew ta’ adult li, minħabba raġunijiet ta’ ħsara jew insuffiċjenza fil-fakultajiet personali tagħha, mhux f’pożizzjoni li tipproteġi l-interessi tagħha.

    4.   Minkejja l-liġi magħżula mill-partijiet skont il-paragrafu 1, il-kwistjoni ta’ jekk il-kreditur jistax jirrinunċja għad-dritt tiegħu ta’ manteniment għandha tiġi ddeterminata mil-liġi tal-Istat tar-residenza abitwali tal-kreditur fil-waqt tal-għażla.

    5.   Sakemm fil-waqt tal-għażla l-partijiet kienu infurmati bis-sħiħ dwar u konxji mill-konsegwenzi tal-għażla tagħhom, il-liġi magħżula mill-partijiet m’għandhiex tapplikax fejn l-applikazzjoni ta’ dik il-liġi twassal għal konsegwenzi manifestament inġusti u irraġonevoli għal xi waħda mill-partijiet.

    Artikolu 9

    “Domicile” minflok “nazzjonalità”

    Stat li għandu l-kunċett ta’ “domicile” bħala fattur ta’ konnessjoni f’materji tal-familja jista’ jinforma lill-Uffiċju Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat li, għall-finijiet tal-każijiet li jiġu quddiem l-awtoritjiet tiegħu, il-kelma “nazzjonalità” fl-Artikoli 4 u 6 hija sostitwita b’ “domicile” kif definit f’dak l-Istat.

    Artikolu 10

    Korpi pubbliċi

    Id-dritt li korp pubbliku jitlob rimborż ta’ benefiċċji pprovdut lill-kreditur minflok il-manteniment għandu jkun irregolat mil-liġi li għalija huwa suġġett dak il-korp.

    Artikolu 11

    Kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli

    Il-liġi applikabbli għall-obbligu ta’ manteniment għandha tiddetermina fost l-oħrajn:

    (a)

    l-eżistenza, il-limitu u kontra min il-kreditur jista’ jitlob il-manteniment;

    (b)

    il-limitu sa fejn il-kreditur jista’ jitlob manteniment b’mod retroattiv;

    (c)

    il-bażi għall-kalkolu tal-ammont ta’ manteniment, u l-indiċjar;

    (d)

    min hu intitolat li jagħti bidu għal proċedimenti ta’ manteniment, minnbarra kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kapaċità proċedurali u r-rappreżentanza fil-proċedimenti;

    (e)

    preskrizzjoni jew termini ta’ skadenza;

    (f)

    il-limitu tal-obbligu ta’ debitur tal-manteniment, meta korp pubbliku jfittex rimborż ta’ benefiċċi pprovdut għal kreditur minflok manteniment.

    Artikolu 12

    Esklużjoni ta’ renvoi

    Fil-Protokoll, it-terminu “liġi” tfisser il-liġi li tkun fis-seħħ fi Stat li ma tkunx l-għażla tiegħu dwar ir-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet.

    Artikolu 13

    Ordni Pubbliku

    L-applikazzjoni tal-liġi determinata skont il-Protokoll tista’ tiġi rrifjutata biss sakemm l-effetti tagħha jkunu manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku tal-forum.

    Artikolu 14

    Determinazzjoni tal-ammont ta’ manteniment

    Anki jekk il-liġi applikabbli tipprevedi mod ieħor, il-bżonnijiet tal-kreditur u r-riżorsi tad-debitur kif ukoll kwalunkwe kumpens li ġie mogħti lill-kreditur minflok pagamenti perijodiċi ta’ manteniment għandhom jitqiesu meta jiġi determinat l-ammont ta’ manteniment.

    Artikolu 15

    Non-applikazzjoni tal-Protokoll għall-kunflitti interni

    1.   Stat Kontraenti fejn sistemi ta’ liġi jew settijiet ta’ regoli legali differenti japplikaw għall-obbligi ta’ manteniment m’għandhomx ikunu marbuta li japplikaw ir-regoli tal-Protokoll għall-kunflitti unikament bejn dawn is-sistemi jew settijiet ta’ regoli tal-liġi differenti.

    2.   Dan l-Artikolu m’għandux japplika għal Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika.

    Artikolu 16

    Sistemi legali mhux unifikati – territorjali

    1.   Fir-rigward ta’ Stat fejn żewġ sistemi legali jew iktar jew settijiet ta’ regoli legali japplikaw f’unitajiet territorjali differenti, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ materji li jaqgħu taħt dan il-Protokoll:

    (a)

    kwalunkwe referenza għal-liġi ta’ Stat għandha tinftiehem bħala li tirreferi, fejn ikun xieraq, għal-liġi fis-seħħ fl-unità territorjali rilevanti;

    (b)

    kwalunkwe referenza għall-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi pubbliċi ta’ dak l-Istat għandha tinftiehem bħala li tirreferi, fejn ikun xieraq, għal dawk awtoriżżati li jaġixxu fl-unità territorjali rilevanti;

    (c)

    kwalunkwe referenza għar-residenza abitwali f’dak l-Istat għandha tinftiehem bħala li tirreferi, fejn ikun xieraq, għar-residenza abitwali fl-unità territorjali rilevanti;

    (d)

    kwalunkwe referenza għall-Istat li tiegħu żewġ persuni għandhom nazzjonalità komuni għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-unità territorjali magħżula mil-liġi ta’ dak l-Istat jew, fin-nuqqas ta’ regoli rilevanti, għall-unità territorjali li magħha l-obbligu ta’ manteniment għandu l-aktar konnessjoni mill-qrib;

    (e)

    kwalunkwe referenza għall-Istat li tiegħu persuna għandha n-nazzjonalità għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-unità territorjali magħżula mil-liġi tal-Istat jew, fin-nuqqas ta’ regoli rilevanti, għall-unità territorjali li magħha l-persuna għandha l-eqreb konnessjoni.

    2.   Għall-fini li tiġi identifikata l-liġi applikabbli taħt il-Protokoll fejn l-Istat ikun magħmul minn żewġ unitajiet territorjali jew aktar li kull waħda minnhom ikollha s-sistema legali jew settijiet ta’ regoli legali tagħha fir-rigward ta’ materji koperti minn dan il-Protokoll, ir-regoli li ġejjin japplikaw:

    (a)

    jekk hemm regoli fis-seħħ fi Stat bħal dan li jidentifikaw liema liġi ta’ liema unità territorjali hija applikabbli, il-liġi ta’ dik l-unità tapplika;

    (b)

    fin-nuqqas ta’ tali regoli, il-liġi tal-unità territorjali rilevanti kif definita fil-paragrafu 1 tapplika.

    3.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika.

    Artikolu 17

    Sistemi legali mhux unifikati – kunflitti inter-personali

    Għall-fini li tiġi identifikata l-liġi applikabbli taħt il-Protokoll fejn Stat għandu żewġ sistemi legali jew settijiet ta’ regoli legali jew iktar li jkunu applikabbli għal kategoriji differenti ta’ persuni fir-rigward ta’ materji koperti minn dan il-Protokoll, kwalunkwe referenza għal-liġi ta’ dan l-Istat għandha tinftiehem li tirreferi għas-sistema legali iddeterminata mir-regoli fis-seħħ f’dak l-Istat.

    Artikolu 18

    Koordinazzjoni ma’ Konvenzjonijiet preċedenti tal-Aja dwar il-Manteniment

    F’dak li jirrigwarda l-Istati Kontraenti, dan il-Protokoll jisostitwixxi l-Konvenzjoni tal-Aja tat-2 ta’ Ottubru 1973 dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi ta’ Manteniment u l-Konvenzjoni tal-Aja tal-24 ta’ Ottubru 1956 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment lejn it-tfal.

    Artikolu 19

    Koordinazzjoni ma’ strumenti oħrajn

    1.   Dan il-Protokoll ma jaffetwa l-ebda strument internazzjonali ieħor li l-Partijiet Kontraenti huma jew isiru Partijiet tiegħu u li jkun fih dispożizzjonjiet dwar materji rregolati mill-Protokoll, sakemm ma ssirx xi dikjarazzjoni kuntrarja għal dan mill-Istati Partijiet ta’ tali strument.

    2.   Il-paragrafu 1 japplika wkoll għal-liġijiet uniformi bbażati fuq rabtiet speċjali ta’ natura reġjonali jew ta’ natura oħra bejn l-Istati kkonċernati.

    Artikolu 20

    Interpretazzjoni uniformi

    Fl-interpretazzjoni ta’ dan il-Protokoll, għandu jitqies il-karattru internazzjonali tiegħu u l-ħtieġa li tiġi promossal-uniformità fl-applikazzjoni tiegħu.

    Artikolu 21

    Reviżjoni tal-operazzjoni prattika tal-Protokoll

    1.   Is-Segretarju Ġenerali tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat għandu jlaqqa’ kif jinħtieġ Kummissjoni Speċjali bl-iskop li tirrevedi l-funzjonament prattiku tal-Protokoll.

    2.   Għall-fini ta’ din ir-reviżjoni l-Istati Kontraenti għandhom jikkooperaw mal-Uffiċċju Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fil-ġbir tal-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll.

    Artikolu 22

    Dispożizzjonijiet tranżitorji

    Dan il-Protokoll m’għandhux japplika għall-manteniment mitlub fi Stat Kontraenti fir-rigward ta’ perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ f’dak l-Istat.

    Artikolu 23

    Firma, ratifika u adeżjoni

    1.   Dan il-Protokoll huwa miftuħ għall-firma tal-Istati kollha.

    2.   Dan il-Protokoll huwa suġġett għar-ratifika, għall-aċċettazzjoni jew għall-approvazzjoni tal-Istati firmatarji.

    3.   Dan il-Protokoll huwa miftuħ għall-adeżjoni tal-Istati kollha.

    4.   L-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni għandhom ikunu depositati mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, id-depositarju tal-Protokoll.

    Artikolu 24

    Organizzazzjonijiet Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika

    1.   Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika li hija magħmula minn Stati sovrani biss u li għandha l-kompetenza fuq il-materji kollha rregolati minn dan il-Protokoll jew fuq xi wħud minnhom tista’ wkoll tiffirma, taċċetta, tapprova u taderixxi għall-Protokoll. F’dak il-każ, l-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika għandu jkollha d-drittijiet u l-obbligi ta’ Stat Kontraenti, safejn l-Organizzazzjoni għandha kompetenza fuq materji rregolati mill-Protokoll.

    2.   L-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika għandha, fil-mument tal-iffirmar, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, tavża lid-depositarju bil-miktub dwar il-materji rregolati mill-Protokoll li l-kompetenza tagħhom ġiet trasferita għal dik l-organizzazzjoni mill-Istati Membri tagħha. L-Organizzazzjoni għandha tinnotifika minnufih lid-depositarju bil-miktub dwar kull bidla fil-kompetenza tagħha kif speċifikat fl-avviż l-iktar reċenti mogħti taħt dan il-paragrafu.

    3.   Fil-mument tal-firma, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni, Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika tista’ tiddikjara, skont l-Artikolu 28, li teżerċita kompetenza fuq il-materji kollha rregolati mill-Protokoll u li l-Istati Membri li ttraferixxew il-kompetenza għall-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika fir-rigward tal-materja inkwistjoni għandhom ikunu marbuta permezz tal-firma, l-aċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni tal-Organizzazzjoni.

    4.   Għall-finijiet tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll, kwalunkwe strument iddepositat minn Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika m’għandux jittieħed f’konsiderazzjoni sakemm l-Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika ma tagħmilx dikjarazzjoni skont il-paragrafu 3.

    5.   Kwalunkwe referenza għal “Stat Kontraenti” jew “Stat” fil-Protokoll tapplika b’mod ugwali, fejn ikun xieraq, għal Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika li hi Parti fiha. Fil-każ li tkun magħmula dikjarazzjoni minn Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika skont il-paragrafu 3, kwalunkwe referenza għal “Stat Kontraenti” jew “Stat” fil-Protokoll tapplika b’mod ugwali, fejn ikun xieraq, għall-Istati Membri rilevanti tal-Organizzazzjoni.

    Artikolu 25

    Dħul fis-seħħ

    1.   Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-depositu tat-tieni strument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni msemmi fl-Artikolu 23.

    2.   Minn hemm ’il quddiem dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ:

    (a)

    għal kull Stat jew Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika msemmija fl-Artikolu 24 li iktar tard jirratifkaw, jaċċettaw, japprovaw jew jaderixxu għalih, fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-depositu tal-istrument tagħhom ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni;

    (b)

    għal unità territorjali li għaliha jkun ġie estiż dan il-Protokoll skont l-Artikolu 26, fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta’ tliet xhur mill-avviż tad-dikjarazzjoni msemmi f’dak l-Artikolu.

    Artikolu 26

    Dikjarazzjonijiet rigward sistemi legali mhux unifikati

    1.   Jekk Stat ikollu żewġ unitajiet territorjali jew aktar li fih sistemi differenti ta’ liġijiet huma applikabbli fil-każ ta’ suġġetti ttrattati f’dan il-Protokoll, jista’ meta jsir l-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni jiddikjara skont l-Artikolu 28 li l-Protokoll għandu jestendi għall-unitajiet territorjali tiegħu kollha jew biss għal wieħed jew aktar minnhom u jista’ jimmodifika din id-dikjarazzjoni billi jissottometti dikjarazzjoni oħra fi kwalunkwe ħin.

    2.   Kull dikjarazzjoni għandha tiġi nnotifikata lid-depositarju u għandha tiddikjara espressament l-unitajiet territorjali li għalihom japplika dan il-Protokoll.

    3.   Jekk Stat ma jagħmel l-ebda dikjarazzjoni skont dan l-Artikolu, il-Protokoll jestendi għall-unitajiet territorjali kollha ta’ dak l-Istat.

    4.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal Organizzazzjoni Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika.

    Artikolu 27

    Riżervi

    Ma jistgħux isiru riżervi għal dan il-Protokoll.

    Artikolu 28

    Dikjarazzjonijiet

    1.   Id-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 24(3) u 26(1) jistgħu jsiru mal-firma, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni jew fi kwalunkwe ħin iktar tard, u jistgħu jiġu modifikati jew irtirati fi kwalukwe ħin.

    2.   Id-dikjarazzjonijiet, il-modifiki jew l-irtirar għandhom jiġu nnotifikati lid-depositarju.

    3.   Dikjarazzjoni magħmula fil-mument tal-firma, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni għandha tieħu effett fl-istess ħin mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll għall-Istat ikkonċernat.

    4.   Dikjarazzjoni magħmula iktar tard, u kull modifika jew irtirar ta’ dikjarazzjoni, għandha tieħu effett fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta’ tliet xhur mid-data li fiha d-depositarju jkun irċieva n-notifika.

    Artikolu 29

    Denunzja

    1.   Stat Kontraenti ta’ dan il-Protokoll jista’ jiddenunċjah permezz ta’ notifika bil-miktub indirizzata lid-depositarju. Id-denunzja tista’ tkun limitata għal ċerti unitajiet territorjali ta’ Stat b’sistema legali mhux unifikata li għalihom japplika dan il-Protokoll.

    2.   Id-denunzja għandha tieħu effett fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta’ 12-il xahar mid-data li fiha d-depositarju jkun irċieva n-notifika. Fejn fin-notifika jkun speċifikat żmien itwal biex id-denunzja tieħu effett, id-denunzja għandha tieħu effett mal-iskadenza ta’ dan il-perjodu itwal s wara d-data li fiha d-depositarju jkun irċieva n-notifika.

    Artikolu 30

    Notifika

    Id-depositarju għandu jinnotifika lill-Membri tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat, u Stati u Organizzazzjonijiet Reġjonali ta’ Integrazzjoni Ekonomika oħrajn li jkunu ffirmaw, irratifikaw, aċċettaw, approvaw jew aderew skont l-Artikoli 23 u 24 għal dan li ġej:

    (a)

    il-firem, ir-ratifiki, l-aċċettazzjonijiet, l-approvazzjonijet u l-adeżjonijiet imsemmija fl-Artikoli 23 u 24;

    (b)

    id-data li fiha l-Protokoll jidħol fis-seħħ skont l-Artikolu 25;

    (c)

    id-dikjarazzjonjiet imsemmija fl-Artikoli 24(3) u 26(1);

    (d)

    id-denunzji msemmija fl-Artikolu 29.

    B’xhieda ta’ dan is-sottoskritti, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Protokoll.

    Magħmul fl-Aja, fit-23 jum ta’ Novembru 2007, bil-lingwa Ingliza u dik Franċiża, biż-żewġ testi jkunu ugwalment awtentiċi, f’kopja unika li għandha tiġi depositata fl-arkivji tal-Gvern tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, u li tagħha għandha tintbagħat kopja ċċertifikata, permezz tal-kanali diplomatiċi, lil kull Membru tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat fid-data tal-Wieħed u Għoxrin Sessjoni tagħha u lil kull Stat ieħor li pparteċipa f’dik is-Sessjoni.


    Top