EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XC0304(10)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Li tipprovdi linji gwida operazzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni biex jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri fil-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna 2022/C 104 I/01

C/2022/1404

OJ C 104I , 4.3.2022, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 104/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Li tipprovdi linji gwida operazzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni biex jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri fil-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna

(2022/C 104 I/01)

Wara l-bidu tal-invażjoni militari Russa tal-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu maħruġa fl-istess jum, ikkundanna l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna bl-aktar mod qawwi possibbli, filwaqt li ssottolinja l-ksur gravi tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-NU u d-dgħajfien tas-sigurtà u tal-istabbiltà Ewropea u dinjija.

L-Unjoni Ewropea hija affettwata direttament mill-gwerra fuq il-fruntieri esterni tagħha, b’mod partikolari permezz taż-żieda fil-pressjoni migratorja li tirriżulta mill-ħafna eluf ta’ persuni li qed ifittxu protezzjoni fl-Istati Membri tal-UE. Fi ftit jiem, sal-bidu ta’ Marzu, aktar minn 650 000 persuna spostata waslu fl-Unjoni Ewropea mill-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija. Dawn iċ-ċifri huma mistennija li jkomplu jiżdiedu saħansitra aktar. Il-ħinijiet ta’ stennija fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri qed jiżdiedu b’mod kostanti filwaqt li jiġu rrappurtati kjuwijiet u konġestjonijiet, speċjalment fuq in-naħa Ukrena tal-fruntiera.

L-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sitwazzjoni kkaratterizzata minn influss bil-massa ta’ Ukreni u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi li kienu legalment residenti fl-Ukrajna fiż-żmien tal-kunflitt. F’dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew appella (1) biex titmexxa ’l quddiem il-ħidma dwar it-tħejjija u t-tħejjija fil-livelli kollha u stieden lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, biex tippreżenta miżuri ta’ kontinġenza. Il-Kunsill straordinarju tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tas-27 ta’ Frar 2022 faħħar ukoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi rakkomandazzjonijiet dwar it-twettiq ta’ kontrolli ta’ sigurtà (2).

Din il-gwida hija intiża biex tassisti lill-Istati Membri li jmissu mal-Ukrajna fis-sitwazzjoni attwali fil-fruntieri esterni tal-UE li tirriżulta mill-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna. Il-gwida hija ffukata fuq il-miżuri disponibbli għall-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni effettiva u effiċjenti tal-qsim ta’ persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna mill-fruntieri mal-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija u biex jiġu evitati l-konġestjonijiet fil-fruntieri u madwarhom, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà għaż-żona Schengen kollha.

B’mod partikolari, il-gwida tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tal-miżuri ta’ faċilitazzjoni li jikkonċernaw kontrolli fil-fruntieri li huma disponibbli skont ir-regoli ta’ Schengen (3), filwaqt li tibqa’ tiżgura l-livell meħtieġ ta’ verifiki fuq il-fruntiera. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li din il-flessibbiltà tintuża f’konformità ma’ dawn il-linji gwida operazzjonali.

Dawn il-miżuri jinkludu:

is-simplifikazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri għal ċerti kategoriji ta’ persuni, inklużi persuni vulnerabbli, bħal pereżempju tfal, u kategoriji oħra, bħall-ħaddiema fit-trasport li jinsabu fl-Ukrajna waqt li jkunu qed iwettqu s-servizzi tagħhom;

il-possibbiltà li jiġu organizzati kontrolli fil-fruntieri barra mill-punti ta’ qsim tal-fruntieri inkluż f’ċentri;

arranġament speċjali għall-qsim tal-fruntieri mis-servizzi ta’ salvataġġ, il-pulizija, is-servizzi tat-tifi tan-nar u l-gwardji tal-fruntiera;

l-istabbiliment ta’ korsiji ta’ appoġġ ta’ emerġenza, sabiex jiġi żgurat l-aċċess u r-ritorn ta’ organizzazzjonijiet li jipprovdu għajnuna umanitarja lil persuni fit-territorju tal-Ukrajna;

barra mill-ambitu tar-regoli ta’ Schengen, it-tneħħija ta’ dazji doganali u miżuri biex jiġi ffaċilitat id-dħul ta’ annimali domestiċi li jivvjaġġaw mas-sidien tagħhom mill-Ukrajna.

Fl-aħħar nett, din il-gwida tirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri kkonċernati jirrikorru għall-appoġġ mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) fl-attivitajiet kollha mwettqa mill-gwardji tal-fruntiera fil-fruntieri. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Frontex tagħti trattament prijoritarju lit-talbiet kollha tal-Istati Membri kkonċernati lis-servizzi ta’ fużjoni tal-EUROSUR, b’mod partikolari biex jipprovdu monitoraġġ regolari b’servizzi ta’ immaġni mfassla apposta, inklużi immaġnijiet bis-satellita, li jkopru ż-żoni prefruntiera li jmissu mal-Ukrajna biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni u jiġi pprovdut servizz ta’ sorveljanza mill-ajru magħmula apposta u li għandu diversi skopijiet. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll bil-qawwa lill-Istati Membri bi fruntiera komuni mal-Ukrajna biex jitolbu appoġġ mill-Europol.

It-tisħiħ tekniku u operazzjonali, minn timijiet ta’ appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni (Frontex / Aġenzija tal-UE għall-Ażil / Europol u aġenziji rilevanti oħra) jista’ jiġi pprovdut mill-Kummissjoni biex jiġu appoġġati l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw sfidi migratorji sproporzjonati, f’konformità mal-Artikolu 40 tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (4). Il-Kummissjoni tikkoordina dak il-proċess flimkien mal-aġenziji rilevanti u l-Istati Membri.

Fid-dawl tal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi skattata d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (5), jenħtieġ li l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-protezzjoni temporanja. Dan jenħtieġ li jsir permezz ta’ “Pjattaforma ta’ Solidarjetà” fejn l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tagħhom u l-għadd ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja fit-territorji tagħhom. Din il-pjattaforma ta’ solidarjetà tiżgura l-koordinazzjoni ta’ dawn l-istrumenti, li jistgħu jinvolvu lill-Aġenziji tal-UE u għodod jew mezzi oħra tal-Unjoni disponibbli għall-Istati Membri.

Sabiex tkompli tappoġġa lill-Istati Membri biex jilħqu l-isfidi attwali fil-fruntiera esterna mal-Ukrajna, il-Kummissjoni se ssejjaħ laqgħat fil-livell tal-esperti biex tiddiskuti l-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida filwaqt li tqis ukoll il-gwida futura possibbli li se toħroġ il-Frontex.

1.   Tnaqqis tal-konġestjoni fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri

Bażi ġuridika: Artikolu 9 tal-SBC

Sabiex tiżdied il-fluwidità tat-traffiku fil-fruntiera, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu mill-appoġġ tal-Frontex u l-Europol. Il-Frontex tista’ tiskjera l-korp permanenti biex tappoġġa l-identifikazzjoni tal-persuni li jixtiequ jaqsmu l-fruntiera, inkluż l-iskrinjar tan-nazzjonalità u l-kontrolli tad-dokumenti tal-ivvjaġġar (kif ukoll ċertifikati ta’ tilqim kontra l-COVID), b’mod partikolari billi tipprovdi appoġġ bit-tagħmir tal-Eurodac, il-kontrolli SIS u l-persunal li jappoġġa r-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba’ ta’ dawk iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li huma soġġetti għal dan l-obbligu (6). L-Europol, b’mod partikolari, jista’ jiskjera uffiċjali mistiedna biex jappoġġaw lill-Istati Membri fit-twettiq ta’ kontrolli tat-tieni linja fil-fruntiera.

Sabiex jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (Artikolu 9) li jipprevedu li l-verifiki fuq il-fruntieri esterni jistgħu jiġu llaxkati, bħala riżultat ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux previsti.

Tali ċirkostanzi eċċezzjonali u mhux previsti jiġu ssodisfati meta avvenimenti imprevedibbli jwasslu għal intensità ta’ traffiku tali li l-ħin ta’ stennija fil-punt ta’ qsim tal-fruntieri jsir eċċessiv u r-riżorsi kollha jkunu ġew eżawriti fir-rigward tal-persunal, il-faċilitajiet u l-organizzazzjoni. Is-sitwazzjoni attwali fl-Ukrajna, ipprovokata mill-aggressjoni Russa u li wassal għal moviment intens ta’ persuni li qed jaħarbu jew qed jirritornaw miż-żona tal-gwerra, tiġġustifika l-illaxkar temporanju tal-kontrolli tal-fruntieri fil-fruntiera tal-Ukrajna lejn l-UE.

Il-gwardji tal-fruntiera jistgħu japplikaw ir-rilassament fir-rigward tal-gruppi kollha ta’ vjaġġaturi jew ta’ wħud minnhom. Meta tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni mmirata tar-rilassament, jenħtieġ li jitqiesu l-kriterji li ġejjin meta jiġi deċiż min għandu jiġi vverifikat jew le:

iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru fl-UE;

status ta’ residenza diġà eżistenti fi Stat Membru;

in-nazzjonalità tal-vjaġġatur (b’mod partikolari jekk il-viża hijiex meħtieġa jew eżenti għall-pajjiż terz);

l-istatus ta’ residenza fl-Ukrajna ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkollhomx ċittadinanza Ukrena;

il-vulnerabbiltà u l-età tal-vjaġġaturi, b’attenzjoni partikolari għall-aħjar interessi tat-tfal;

kull informazzjoni disponibbli dwar theddid għas-sigurtà, bħat-terroriżmu jew il-kriminalità organizzata, dwar theddid possibbli għas-sigurtà pubblika u dwar riskji ta’ immigrazzjoni illegali;

l-eżistenza ta’ passaport bijometriku;

l-eżistenza (jew l-assenza) ta’ dokument tal-ivvjaġġar validu b’mod ġenerali;

l-istatus ta’ ħaddiem ewlieni, pereż. il-ħaddiema fit-trasport (inklużi l-baħħara), irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, li jkollhom dokumenti validi li jipprovaw il-professjoni tagħhom.

Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li tingħata attenzjoni għall-osservanza tal-unità familjari matul il-proċeduri ta’ kontroll fuq il-fruntiera u jenħtieġ li jiġi żgurat li t-tfal qatt ma jiġu separati mill-ġenituri tagħhom jew mill-membri tal-familja li jakkumpanjawhom jew mill-indokraturi.

Fejn ikun hemm dubju dwar l-identità tal-persuna u / jew dwar theddida possibbli kif speċifikat hawn fuq, jenħtieġ li l-gwardja tal-fruntiera ma tagħmilx użu mill-possibbiltà ta’ rilassament iżda twettaq verifika regolari fuq il-fruntiera, f’konformità mal-Artikolu 8 tal-SBC.

Fid-dawl tas-sitwazzjoni eċċezzjonali fil-fruntieri esterni tal-Unjoni mal-Ukrajna minħabba l-aggressjoni militari Russa, u l-kwistjonijiet potenzjali ta’ sigurtà maħluqa fil-fruntiera minn influss massiv ta’ Ukreni u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fl-Unjoni mill-Ukrajna, li jirriżultaw fi kjuwijiet twal u l-ġbir ta’ folol ta’ persuni fil-fruntiera, l-Istati Membri jistgħu b’mod alternattiv, jew b’mod kumulattiv, jiġifieri għal dawk il-kategoriji ta’ persuni fejn il-verifiki fuq il-fruntiera ma jiġux illaxkati, jikkunsidraw li jwettqu verifiki fuq il-fruntiera mhux fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri iżda f’post sikur differenti lil hinn mill-fruntiera. Il-kontrolli jistgħu jitwettqu matul jew wara t-trasport tal-vjaġġaturi lejn dak il-post sikur.

Dan jippermetti l-preklużjoni ta’ kull theddida għas-sigurtà interna u l-politika pubblika tal-Istati Membri billi jiġi żgurat li b’mod partikolari jitwettqu verifiki tas-sigurtà u tal-identità fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) u bażijiet ta’ data rilevanti oħra kif ukoll kontrolli tas-saħħa minkejja s-sitwazzjoni kritika fil-fruntiera, filwaqt li fl-istess ħin tiġi evitata l-kwistjoni tas-sigurtà li l-folol il-kbar li jinġabru fil-fruntiera jistgħu jagħtu lok għalihom. L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-Frontex tappoġġa l-identifikazzjoni tal-persuni, inkluż l-iskrinjar tan-nazzjonalità u l-verifiki tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, b’mod partikolari billi tipprovdi appoġġ b’tagħmir tal-Eurodac u persunal li jappoġġa r-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba’ ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal dak l-obbligu.

2.   Derogi mill-issodisfar tal-kundizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi

Bażi ġuridika: Artikolu 6(5)(c) tal-SBC

L-Istati Membri huma liberi li jawtorizzaw id-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tal-SBC (kundizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi) fit-territorju tagħhom għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali. Din id-deroga wiesgħa tista’ tiġi applikata fil-kriżi kurrenti biex tippermetti d-dħul ta’ dawk kollha li qed jaħarbu l-kunflitt fl-Ukrajna.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jissospendu l-applikazzjoni ta’ projbizzjonijiet fuq id-dħul / allerti tas-SIS dwar projbizzjoni ta’ dħul u soġġorn fl-UE abbażi ta’ raġunijiet migratorji (l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2008/115/KE). Madankollu, għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-projbizzjonijiet fuq id-dħul maħruġa abbażi ta’ raġunijiet ta’ sigurtà.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li ċittadini ta’ pajjiżi terzi mhux Ukreni, għajr dawk koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (7) jew li għandhom id-dritt li joqogħdu fl-Unjoni abbażi ta’ raġunijiet oħra, jittieħdu lura lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħhom jew ir-residenza abitwali tagħhom wara d-dħul. Sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ soġġorn illegali, l-Istati Membri huma mħeġġa jipprovdu – jekk meħtieġ – assistenza għar-ripatrijazzjoni jew ir-regolarizzazzjoni tagħhom, kif xieraq. Il-Korp Permanenti tal-Frontex jista’ jiġi skjerat biex jappoġġa dan it-tluq assistit.

Meta possibbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrendu disponibbli, mad-dħul, fuljetti li jinftiehmu faċilment fil-lingwi l-aktar użati jew mifhuma minn dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jindikaw fejn tingħata assistenza u li jispjegaw il-proċeduri bażiċi li għandhom jiġu segwiti.

F’każ ta’ nuqqas ta’ dokumentazzjoni jew dokumentazzjoni insuffiċjenti ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi inklużi tfal, l-Istati Membri huma mħeġġa joħorġu dikjarazzjoni tal-wasla u / jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar (proviżorji) elenkati:

 

https://ec.europa.eu/home-affairs/travel-documents-issued-member-states-part-ii_en.

Dan huwa partikolarment importanti sabiex jiġi żgurat li t-tkomplija tal-ivvjaġġar – u r-ritorn futur – ta’ dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi jibqgħu possibbli.

Xi ċittadini Ukreni jistgħu jkunu jridu jivvjaġġaw aktar lejn destinazzjonijiet tal-UE oħra, biex jingħaqdu mill-ġdid mal-familja jew mal-ħbieb fil-biċċa l-kbira tal-każijiet. Dawn il-passiġġieri potenzjali li jippreżentaw passaporti skaduti, jew biss il-karti tal-identità jew iċ-ċertifikati tat-twelid għat-tfal mhux permessi għall-ivvjaġġar bejn l-Istati Membri skont ir-regoli attwali. Filwaqt li din hija d-deċiżjoni tat-trasportaturi li jippermettu tali persuni abbord, l-Istati Membri huma mħeġġa jappoġġawhom f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, fir-rigward tal-konnessjonijiet lejn jew minn Stati Membri fejn il-kontrolli fil-fruntieri interni għadhom ma tneħħewx, huma jistgħu jikkunsidraw li jipprovdu assigurazzjonijiet lit-trasportaturi li mhux se jiġu mmultati talli jġorru passiġġieri li mhumiex dokumentati b’mod adegwat minħabba l-kunflitt kurrenti fl-Ukrajna. L-Istati Membri huma mħeġġa jeżerċitaw flessibbiltà fl-iffaċilitar ta’ każijiet bħal dawn u jeżentaw lit-trasportaturi milli jħallsu tali multi.

3.   Qsim tal-fruntieri esterni barra mill-punti ta’ qsim tal-fruntieri f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza mhux previsti

Bażi ġuridika:

Artikolu 5(2)(b) tal-SBC

Artikolu 9 tal-SBC

F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza mhux previsti, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lil individwi jew gruppi ta’ persuni jaqsmu fruntieri esterni barra mill-punti ta’ qsim tal-fruntieri notifikati uffiċjalment kif ukoll barra mill-ħinijiet tal-ftuħ fissi. Huwa ssuġġerit li l-Istati Membri jistabbilixxu punti temporanji ta’ qsim tal-fruntieri, li jistgħu jinfetħu għat-tul ta’ żmien tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza. L-użu ta’ tali punti temporanji ta’ qsim tal-fruntieri jista’ jiġi kkombinat mal-flessibbiltà offruta skont l-Artikolu 9 tal-SBC (illaxkar tal-verifiki fuq il-fruntieri). L-istabbiliment ta’ punti temporanji ta’ qsim tal-fruntieri jista’ ikun utli fis-sitwazzjoni attwali, pereżempju f’każ li t-toroq lejn il-punti ta’ qsim tal-fruntieri jkunu qed jiġu mblukkati minn karozzi abbandunati.

4.   Faċilitazzjoni għal servizzi ta’ salvataġġ

Bażi ġuridika: Anness VII, punt 7 tal-SBC

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu arranġamenti skont il-liġi nazzjonali dwar id-dħul u l-ħruġ ta’ membri tas-servizzi ta’ salvataġġ, il-pulizija, is-servizzi tat-tifi tan-nar li jaġixxu f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza kif ukoll gwardji tal-fruntiera li jaqsmu l-fruntiera fl-eżerċizzju tal-kompiti professjonali tagħhom.

Il-kooperazzjoni bilaterali mal-Ukrajna tista’ sseħħ fuq bażi ad hoc bil-ħsieb li, pereżempju:

jiġu rmonkati karozzi abbandunati li jimblukkaw l-aċċess għall-punti ta’ qsim tal-fruntieri, u / jew

l-għoti ta’ assistenza medika, ikel, ilma jew appoġġ ieħor lil persuni li jkunu qed jistennew li jaqsmu l-fruntiera.

5.   Stabbiliment ta’ korsiji ta’ appoġġ ta’ emerġenza

Sabiex jiġi żgurat aċċess rapidu u sikur u r-ritorn ta’ konvojs umanitarji u fornituri ta’ assistenza ta’ emerġenza offruta abbażi tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili kif ukoll ta’ għajnuna umanitarja lil persuni fit-territorju Ukren, jenħtieġ li l-Istati Membri jindikaw korsiji speċjali fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri għal dak il-għan immarkati bħala “Karreġġata għall-Appoġġ ta’ Emerġenza”.

Jenħtieġ li tingħata prijorità biex jinżamm il-fluss tat-traffiku fuq dawn il-korsiji f’kull mument. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll tali korsiji barra jew ħdejn punti ta’ qsim tal-fruntieri diġà eżistenti, filwaqt li jiżguraw it-twassil rapidu tal-assistenza u s-sikurezza tal-ħaddiema umanitarji.

F’każ li l-konfigurazzjoni ta’ punt ta’ qsim tal-fruntieri tippermetti, u għadd suffiċjenti ta’ uffiċjali doganali jistgħu jiġu skjerati mill-Istati Membri, l-għażla ta’ korsiji simili għat-trakkijiet hija mħeġġa, sabiex tiġi żgurata kemm il-provvista kontinwa ta’ oġġetti u servizzi kif ukoll ir-ritorn ta’ ħaddiema tat-trasport mill-Ukrajna.

6.   Linji Gwida għall-awtoritajiet kompetenti li jaġixxu fil-fruntiera dwar oġġetti personali u oġġetti ta’ valur miġjuba minn persuni spustati mill-Ukrajna.

L-Artikoli 4 sa 11 tar-Regolament (KE) Nru 1186/2009 tas-16 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali jistgħu jintużaw għall-ipproċessar tal-proprjetà personali tal-persuni spostati mill-Ukrajna. Skont l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jidderogaw minn xi kundizzjonijiet li jillimitaw l-eżenzjoni mid-dazju meta persuna jkollha tittrasferixxi l-post ta’ residenza normali tagħha minn pajjiż terz għat-territorju doganali tal-Komunità minħabba ċirkostanzi politiċi eċċezzjonali. B’konsegwenza ta’ dan, l-oġġetti personali jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni minn persuni spostati mill-Ukrajna mingħajr ma jiġu applikati dazji doganali. Id-dikjarazzjonijiet doganali jistgħu jieħdu wkoll forma simplifikata, inkluża dikjarazzjoni bil-fomm.

B’mod simili, l-Artikoli 4 sa 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti jistgħu jintużaw għall-ipproċessar tal-proprjetà personali tal-persuni spostati mill-Ukrajna. Skont l-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jidderogaw minn xi kundizzjonijiet li jillimitaw l-eżenzjoni mill-VAT meta persuna jkollha tittrasferixxi l-post ta’ residenza normali tagħha minn pajjiż terz għal Stat Membru tal-Komunità minħabba ċirkostanzi politiċi eċċezzjonali. B’konsegwenza ta’ dan, l-oġġetti personali jistgħu jiddaħħlu fl-Unjoni minn persuni spostati mill-Ukrajna mingħajr ma tiġi applikata ebda VAT fuq l-importazzjoni.

L-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 576/2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi jista’ jintuża biex jiġi ffaċilitat id-dħul ta’ annimali domestiċi li jivjaġġaw mas-sidien tagħhom mill-Ukrajna. Biex dan il-proċess jiġi ffaċilitat u b’deroga mill-kundizzjonijiet previsti għal movimenti mhux kummerċjali ta’ annimali domestiċi, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, il-moviment mhux kummerċjali għal ġot-territorju tagħhom ta’ annimali domestiċi li mhumiex konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija taħt arranġamenti speċifiċi ta’ permessi. L-awtoritajiet veterinarji kompetenti fl-Istati Membri kollha kienu diġà infurmati dwar din il-possibbiltà u bdew jimplimentaw tali arranġamenti fil-fruntieri.

Fil-każ ta’ flus kontanti (munita, strument negozjabbli għall-portatur jew komoditajiet użati bħala ħażniet likwidi ħafna ta’ valur, bħad-deheb), id-dispożizzjonijiet dwar il-kontrolli ta’ flus kontanti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1672 ikollhom jiġu applikati sa fejn ikun possibbli fiċ-ċirkostanzi speċifiċi. Dan jista’ jsir billi jiġu ddikjarati l-flus kontanti miżmuma b’valur ta’ EUR 10 000 jew aktar, jew permezz ta’ dikjarazzjoni mhux kompluta ta’ flus kontanti jew sempliċiment permezz ta’ awtodikjarazzjoni li jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

il-portatur tal-flus kontanti bid-dettalji ta’ kuntatt, u

l-ammont ta’ flus kontanti.

Madankollu, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw analiżi tar-riskju u segwitu xierqa.

Jenħtieġ li l-awtoritajiet ikunu viġilanti għar-riskju li l-frodaturi jistgħu jieħdu vantaġġ mill-kriżi biex jimportaw illegalment oġġetti perikolużi (armi, splussivi, eċċ.).

Fil-punt tad-dħul fl-Unjoni, jenħtieġ li l-uffiċjali inkarigati mill-kontrolli fil-fruntieri esterni jinvestigaw u jivverifikaw jekk persuna tkunx fil-pussess ta’ arma tan-nar.

Jekk persuna titlob li ġġorr arma tan-nar ċivili legali magħha fit-territorju tal-Unjoni, japplikaw ir-regoli tal-UE dwar l-importazzjoni ta’ armi tan-nar ċivili, b’mod partikolari tkun meħtieġa awtorizzazzjoni għall-importazzjoni f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 258/2012 dwar l-importazzjoni / l-esportazzjoni ta’ armi tan-nar ċivili flimkien mad-Direttiva (UE) 2021/555 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (kodifikazzjoni).

Huwa rrakkomandat li l-uffiċjali inkarigati mill-kontrolli tal-fruntieri esterni jaħdmu, meta possibbli, mal-kontropartijiet tagħhom fuq in-naħa Ukrena tal-punt ta’ qsim tal-fruntieri sabiex tinħoloq possibbiltà għall-persuni li jġorru arma tan-nar, li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-importazzjoni tal-UE, biex jarmu tali arma tan-nar b’mod sikur qabel ma jaqsmu l-fruntiera.


(1)  https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2022/02/24/european-council-conclusions-24-february-2022/

(2)  https://www.consilium.europa.eu/mt/meetings/jha/2022/02/27/

(3)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624, (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2001/55/KE.

(6)  Applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u ċittadini ta’ pajjiżi terzi maqbuda b’konnessjoni ma’ qsim irregolari tal-fruntieri esterni.

(7)  Kif stipulat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1).


Top