Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document C:2018:237:FULL

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, C 237, 6 ta' Lulju 2018


Display all documents published in this Official Journal
 

ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 237

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 61
6 ta' Lulju 2018


Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

Il-533 Sessjoni Plenarja tal-KESE, 14.3.2018–15.3.2018

2018/C 237/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Kunċett soċjalment sostenibbli biex jittejbu l-istandards tal-ħajja, tingħata spinta għat-tkabbir u l-impjieg kif ukoll għas-sigurtà taċ-ċittadini fl-era diġitali (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Bulgara)

1

2018/C 237/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-futur tax-xogħol — il-ksib ta’ għarfien u ħiliet adegwati sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-impjiegi futuri (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Bulgara)

8


 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

Il-533 Sessjoni Plenarja tal-KESE, 14.3.2018–15.3.2018

2018/C 237/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nindirizzaw il-kontenut illegali online. Lejn aktar responsabbiltà fir-rigward tal-pjattaformi online (COM(2017) 555 final)

19

2018/C 237/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm Copernicus (2014–2020) (COM(2017) 617 final)

26

2018/C 237/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat konomiku u Soċjali Ewropew — Sistema bbilanċjata ta’ infurzar tal-Proprjetà Intellettwali li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà tal-lum (COM(2017) 707 final) — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (COM(2017) 708 final) — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — L-istabbiliment tal-approċċ tal-UE għall-Privattivi Essenzjali għal Standard (COM(2017) 712 final)

32

2018/C 237/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2019–2020) li jikkumplimenta l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020 (COM(2017) 698 final — 2017/312 (NLE))

38

2018/C 237/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT. Lejn żona unika tal-VAT fl-UE — Wasal iż-żmien li naġixxu(COM(2017) 566 final) u Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-persuna taxxabbli ċċertifikata(COM(2017) 567 final — 2017/0248 (CNS)) u Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ ċerti eżenzjonijiet għat-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji(COM(2017) 568 final) — 2017/0249 (NLE)) u Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta’ ċerti regoli tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li tintroduċi s-sistema definittiva għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri(COM(2017) 569 final) — 2017/0251 (CNS))

40

2018/C 237/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja(COM(2017) 592 final)

46

2018/C 237/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/825 biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u li jadatta l-objettiv ġenerali tiegħu(COM(2017) 825 final — 2017/0334 (COD)) u Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar appoġġ għal riformi strutturali fi Stati Membri(COM(2017) 826 final — 2017/0336 (COD))

53

2018/C 237/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri(COM(2017) 677 final — 2017/0305 (NLE))

57

2018/C 237/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Impetu mġedded għas-Sħubija bejn l-Afrika u l-UE(JOIN(2017) 17 final)

66

2018/C 237/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej(COM(2017) 0482 final — 2017/0220 (COD))

74


MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Il-533 Sessjoni Plenarja tal-KESE, 14.3.2018–15.3.2018

6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kunċett soċjalment sostenibbli biex jittejbu l-istandards tal-ħajja, tingħata spinta għat-tkabbir u l-impjieg kif ukoll għas-sigurtà taċ-ċittadini fl-era diġitali”

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Bulgara)

(2018/C 237/01)

Relatur:

Giulia BARBUCCI (IT/II)

Talba mill-Presidenza Bulgara tal-Kunsill

Ittra tal-5.9.2017

Bażi legali

L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Ix-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

23.2.2018

Adottata fil-plenarja

15.3.2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

187/16/10

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-politiki kollha implimentati mill-istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali u lokali għandhom iqisu l-fattur tas-sostenibbiltà soċjali fl-istess livell tas-sostenibbiltà ekonomika u ambjentali. Il-proposti riċenti dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa (1), li rriżultaw mid-dokument ta' riflessjoni ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea, u mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jirrappreżentaw opportunità mingħajr preċedent għall-promozzjoni tas-sostenibbiltà tal-miżuri introdotti fil-livell Ewropew u nazzjonali fil-qasam tat-tkabbir inklużiv, l-impjieg u l-politiki soċjali. Il-KESE jirrakkomanda li l-proposti inklużi fil-programm ta' ħidma attwali tal-Kummissjoni — fosthom il-Pakkett dwar l-Ekwità Soċjali, l-inizjattiva għall-Ekwità fil-Qasam tat-Taxxa fl-Era Diġitali u r-riforma tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) — ikunu kkaratterizzati mill-promozzjoni tas-sostenibbiltà tal-mudell soċjali Ewropew.

1.2

Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri implimentati tkun dejjem aktar preċiża fil-qasam soċjali f'dak li jirrigwarda s-sostenibbiltà soċjali tagħhom, li tibda mis-sistemi ta' monitoraġġ u mill-indikaturi diġà eżistenti. Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet jagħmlu valutazzjoni tal-istrumenti eżistenti u ta’ dawk ġodda (l-ewwel nett bit-Tabella ta' valutazzjoni b'rabta mal-Pilastru) u li jivverifikaw l-effikaċja tagħhom sabiex ikunu jistgħu jkejlu b'mod aktar preċiż l-impatt tal-politiki proposti fuq iċ-ċittadini.

1.3

Il-KESE jinnota t-tħassib muri mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2017 dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu aġġornati l-istandards eżistenti tax-xogħol u soċjali; b’rabta ma’ dan, il-KESE ser iressaq il-kontribut tiegħu fil-ħin opportun lill-“Pakkett dwar l-Ekwità Soċjali”, inkluż fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2018. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa għall-kundizzjonijiet ta’ qafas fis-swieq tax-xogħol biex jappoġġjaw perkorsi ġodda, jew aktar diversi, tal-karriera u biex jitjiebu l-impjieg u l-istandards għall-ħaddiema fl-Ewropa kollha, irrispettivament mill-kundizzjonijiet ta’ kuntratt tagħhom, kif ukoll li tiġi promossa konverġenza akbar lejn kundizzjonijiet imtejba ta’ xogħol u għajxien, li għandhom jikkontribwixxu wkoll biex jingħelbu d-disparijiet reġjonali. Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex il-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali jaħdmu flimkien biex jippreżentaw proposta għal Direttiva qafas dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fil-forom kollha ta' impjieg, filwaqt li l-istandards minimi eżistenti jiġu estiżi għal forom ġodda ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg.

1.4

Il-KESE jirrikonoxxi li hemm rabta ċara bejn il-kompetittività, il-produttività u s-sostenibbiltà soċjali: l-atturi kollha għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex jitħeġġeġ it-tkabbir inklużiv u fl-istess ħin biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għad-dinja tan-negozju, sabiex jinħolqu dejjem aktar impjiegi u impjiegi ta' kwalità. Ix-xogħol jibqa' l-fattur ewlieni għall-ħolqien tal-benesseri u l-ġid; madankollu, jenħtieġ jiġi stabbilit mill-ġdid il-prinċipju li l-uniku mod biex jiżviluppaw soċjetajiet aktar ġusti huwa billi jinħolqu aktar tkabbir u impjiegi sostenibbli bl-għan li jiġi żgurat li l-persuni jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti, remunerazzjoni u pensjonijiet adatti u jkunu jitgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Il-kompetittività, il-produttività u d-drittijiet tax-xogħol huma prinċipji li għandhom jerġgħu jkunu preżenti b'mod armonjuż fid-definizzjoni tal-politiki dwar ir-regolamentazzjoni tax-xogħol u tad-drittijiet soċjali.

1.5

Il-Kumitat huwa konxju li d-demokrazija tista’ tkun f’riskju jekk il-persuni, li jkunu għadhom qed iġarrbu bil-qawwi l-effetti ta’ awsterità, ma jibbenefikawx mil-ġid iġġenerat mit-tkabbir u mill-poduttività li tinħoloq mid-diġitalizzazzjoni.

1.6

Kif diġà għamel f'opinjonijiet oħrajn, il-KESE jirrakkomanda li jsiru aktar sforzi biex jingħelbu d-disparitajiet reġjonali f'dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja ġewwa l-Unjoni Ewropea. Il-konverġenza 'l fuq ma għandhiex tkun biss slogan, iżda prinċipju trasversali li għandu jiġi kkunsidrat u integrat fil-politiki tal-Unjoni kollha, l-ewwel nett fil-qasam finanzjarju u ekonomiku. Ma jistax ikun hemm integrazzjoni ġenwina sakemm jibqgħu jeżistu differenzi tant kbar fil-pagi u fit-tgawdija effettiva tad-drittijiet soċjali fost iċ-ċittadini Ewropej. F'dan il-kuntest, il-Fondi Strutturali għandhom rwol fundamentali x'jaqdu, u għandhom ikunu dejjem aktar immirati biex jegħlbu d-disparitajiet reġjonali.

1.7

Il-KESE jilqa' bi pjaċir inizjattivi bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet u l-istrateġiji kontra l-qgħad fit-tul, u jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali jiżguraw l-għoti ta’ riżorsi xierqa sabiex jiffaċilitaw u jħaffu t-tranżizzjonijiet u jiggarantixxu kontinwità ta' dħul b’mod adatt (2), speċjalment għal dawk l-aktar żvantaġġati. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba biex jiġu żgurati l-kompetittività, il-ħolqien ta’ impjiegi u t-tranżizzjonijiet tax-xogħol mingħajr xkiel permezz ta' sistema ta' għajnuniet soċjali u miżuri oħrajn ta' akkumpanjament li jqisu l-ħtiġijiet tal-ħaddiema u tal-impriżi.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda lill-imsieħba soċjali sabiex jiżviluppaw negozjar kollettiv inklużiv f'kull livell u jħeġġiġhom jikkunsudraw miżuri ġodda (inkluż fil-programm ta' ħidma li jmiss tal-imsieħba soċjali Ewropej) bl-għan li jżidu l-aċċess tan-nisa għal impjiegi diġitali, sabiex tiġi eliminata d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, tiġi mħarsa l-maternità bil-qawwa bl-għodod adatti u sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fid-dinja tax-xogħol. Il-KESE jirrakkomanda wkoll lill-istituzzjonijiet f'kull livell, lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili organizzata biex jikkoordinaw azzjonijiet li jiżguraw trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel f'kull qasam tas-soċjetà.

1.9

Il-KESE jemmen li s-sostenibbiltà soċjali hija bbażata fuq opportunitajiet ġusti u effettivi għat-tagħlim tul il-ħajja, sa minn età bikrija, speċjalment minħabba l-esklużjoni potenzjali ta' sezzjonijiet kbar tal-popolazzjoni minħabba l-fenomenu tal-esklużjoni diġitali. Il-KESE jirrakkomanda li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jikkunsidraw miżuri mmirati biex inaqqsu l-iżbilanċ tal-ħiliet f’oqsma ewlenin tal-ekonomija diġitali, peress li huma kruċjali għall-eċċellenza u biex tiżdied il-kompetittività Ewropea. Huwa essenzjali li jiġu pprovduti korsijiet ta' litteriżmu diġitali lil dawk li jinsabu f'riskju ta' esklużjoni mit-tgawdija ta' drittijiet u ta' servizzi soċjali — speċjalment jekk fundamentali — minħabba l-impatt tad-diġitalizzazzjoni u jħeġġeġ lill-imsieħba soċjali u lill-istituzzjonijiet f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata sabiex mingħajr dewmien jieħdu miżuri għal dan il-għan. Huwa kompitu tal-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha biex jiggarantixxu li tkun disponibbli infrastruttura diġitali adatta u li twassal għal aktar inklużjoni sabiex jingħelbu d-differenzi fost territorji u ambjenti differenti.

2.   Il-kunċett ta' sostenibbiltà soċjali fl-era tad-diġitalizzazzjoni u tal-globalizzazzjoni

2.1

Din l-opinjoni esploratorja għandha l-għan li tanalizza l-kwistjoni tas-sostenibbiltà soċjali b'approċċ olistiku, mid-definizzjoni tagħha sal-implikazzjonijiet fil-qasam tal-politiki soċjali, tax-xogħol u ekonomiċi.

2.2

L-effetti tal-globalizzazzjoni, il-piż li ħalliet il-kriżi ekonomika, it-tnaqqis fir-rata tat-twelid u t-tixjiħ konsegwenti tal-popolazzjoni Ewropea, it-tkabbir baxx li qed jikkaratterizza l-ekonomiji ta' ħafna mill-Istati Membri huma elementi li għandhom rwol ewlieni fl-identifikazzjoni tal-problemi soċjali tal-lum.

2.3

Fil-fatt, bosta indikaturi soċjali u ekonomiċi juru biċ-ċar li l-politiki implimentati speċjalment fil-livell Ewropew u nazzjonali biex noħorġu mill-kriżi, għalkemm minn naħa ppruvaw irażżnu l-instabbiltà kkawżata minn fatturi globali, min-naħa l-oħra ta’ spiss wisq kabbru l-inugwaljanzi u ħolqu żbilanċi ġodda fost il-klassijiet soċjali, is-sessi u l-ġenerazzjonijiet, anki mill-perspettiva ġeografika. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet għandhom jaġixxu fil-livelli kollha, f'kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili organizzata, sabiex jipproponu politiki bbażati fuq miżuri maħsuba sabiex jegħlbu dawn l-iżbilanċi u l-inugwaljanzi, prinċipalment permezz ta’ aktar impjieg fuq bażi ta’ tkabbir sostnut u aktar inklużiv.

2.4

Il-kunċett ta' sostenibbiltà għandu tliet aspetti ewlenin: ambjentali, ekonomiku u soċjali. Dawn it-tliet komponenti huma inklużi fit-Trattati Ewropej u huma riflessi fil-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli, li huwa l-bażi tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-bażi tas-17-il għan ta’ żvilupp sostenibbli tagħha. L-Eurostat, fil-ħarsa ġenerali tiegħu tal-2017 lejn il-progress biex jintlaħqu l-SDGs fl-UE, jiddikjara li filwaqt li sar progress sinifikanti biex b’mod ġenerali jintlaħqu l-SDGs ambjentali (l-SDG 7 “enerġija affordabbli u nadifa”, l-SDG 12 “konsum u produzzjoni responsabbli”, l-SDG 15 “il-ħajja fuq l-art”, l-SDG 11 “bliet u komunitajiet sostenibbli”), il-progress lejn l-SDGs iktar soċjali kien biss moderat (l-SDG 4 “edukazzjoni ta’ kwalità”, l-SDG 5 “ugwaljanza bejn is-sessi”, l-SDG 8 “xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku”, l-SDG 1 “xejn faqar”, l-SDG 2 “żero ġuħ” u l-SDG 10 “tnaqqis tal-inugwaljanzi”).

2.5

Għalkemm hemm qbil ġenerali dwar id-definizzjoni ta' sostenibbiltà soċjali bħala kapaċità li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta' benesseri tal-bniedem (sigurtà, saħħa, edukazzjoni, demokrazija, parteċipazzjoni, ġustizzja) imqassma b’mod ġust skont il-klassi u l-ġeneru, għandu jiġi nnotat li dan huwa kunċett suxxetibbli għal varjazzjonijiet possibbli skont il-kuntesti li jintuża fih. Jenħtieġ li s-sostenibbiltà soċjali tiġi introdotta u implimentata bl-istess mod bħas-sostenibbiltà ambjentali u ekonomika, bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi.

2.6

F'dawn l-aħħar snin, fid-definizzjoni tal-politiki makroekonomiċi, is-sostenibbiltà soċjali spiss kienet f’kuntrast mas-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja. Eżempju ta' dan huma r-riformi strutturali, imħeġġin mill-istituzzjonijiet Ewropej u implimentati mill-gvernijiet nazzjonali b’segwitu għall-kriżi finanzjarja u mbagħad dik ekonomika tal-2007-2008. La l-istituzzjonijiet u lanqas l-imsieħba soċjali ma għandhom jopponu l-kompetittività u s-sostenibbiltà. Fil-fatt intwera, pereżempju, li kumpaniji li huma aktar avvanzati f’termini ta’ sostenibbiltà x’aktarx ikunu aktar kompetittivi fix-xena internazzjonali. Barra minn hekk, l-UE għandha tiggwida l-globalizzazzjoni lejn il-kisba ta' żvilupp sostenibbli għall-benefiċċju tal-kumpaniji kif ukoll tal-ħaddiema.

2.7

Rigward ir-rwol tal-kumpaniji, l-SMEs b’mod partikolari għandhom rwol kruċjali fil-kisba ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv, li fl-istess ħin ikun ibbażat fuq il-ħolqien ta’ impjieg deċenti u jsaħħaħ il-kompetittività anke b’kunsiderazzjoni tas-sostenibbiltà soċjali.

2.8

L-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 u s-17-il objettiv tagħha jirrappreżentaw il-perjodu li fih l-innovazzjoni għandha ssir kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli permezz ta' konnessjoni bejn inizjattivi globali u oħrajn nazzjonali. Din tiddikjara b’mod ċar li, attwalment, il-mudell ta' żvilupp mhuwiex sostenibbli fil-livell ambjentali, ekonomiku u soċjali, u b'hekk jitbiegħed mill-idea li s-sostenibbiltà hija biss kwistjoni ambjentali. Dan joffri viżjoni integrata tad-dimensjonijiet differenti tal-iżvilupp. L-implimentazzjoni tal-Aġenda tirrikjedi l-involviment qawwi tal-komponenti kollha tas-soċjetà: l-istituzzjonijiet, is-soċjetà ċivili organizzata, kif ukoll is-settur tar-riċerka u l-universitajiet, minbarra miżuri ta’ evalwazzjoni effettivi.

2.9

Il-KESE tenna diversi drabi l-ħtieġa li tinħoloq interdipendenza virtuża bejn il-politiki finanzjarji u makroekonomiċi, minn naħa waħda, u d-drittijiet soċjali min-naħa l-oħra, filwaqt li enfasizza n-nuqqasijiet ta' konformità ma’ drittijiet bħal dawn, li jwassal għal żieda fid-disparitajiet fl-Unjoni. B'mod partikolari, jenħtieġ li s-suġġett tas-sostenibbiltà jkun marbut b'mod espliċitu mad-dibattitu li għaddej dwar il-proposti relatati mal-arkitettura futura tal-Unjoni ekonomika u monetarja u mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP). Jeħtieġ li, abbażi tas-sistemi ta' monitoraġġ u l-indikaturi li diġà jeżistu, il-valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri implimentati fil-qasam soċjali tkun dejjem aktar preċiża fir-rigward tas-sostenibbiltà soċjali tagħhom.

2.10

Il-KESE jqis li l-istituzzjonijiet se jkollhom ukoll il-kompitu ta’ evalwazzjoni tal-istrumenti diġà fis-seħħ u ta’ dawk ġodda (bħat-Tabella ta' valutazzjoni li takkumpanja l-Pilastru Ewropew) u li jivverifikaw l-effettività tagħhom, bl-għan li jitkejjel b'ċerta preċiżjoni l-impatt tal-politiki proposti fuq id-drittijiet soċjali tal-pubbliku.

2.11

Biex jingħelbu d-disparitajiet reġjonali fl-UE — li f'ċerti każijiet huma aggravati mill-effetti tal-kriżi ekonomika fl-Unjoni — se jkun meħtieġ, fost affarijiet oħra, li jiġu promossi strateġiji ġodda u aktar effiċjenti ta' użu tar-riżorsi, b'mod partikolari permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, li għandhom primarjament jippromovu t-tkabbir sostenibbli u l-impjieg ta' kwalità. Fl-Opinjoni tiegħu dwar L-impatt tal-investimenti soċjali fuq l-impjiegi u l-fondi pubbliċi (3), il-KESE diġà talab “għal programm ekonomiku u ta’ investiment Ewropew ta’ madwar 2 % tal-PDG” u enfasi akbar fuq l-investiment soċjali. Jeħtieġ li jiġu kkanalizzati riżorsi finanzjarji ġodda f’dan il-pjan ta’ investiment biex jissupplementaw il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej eżistenti.

3.   Il-mudell soċjali Ewropew: is-sostenibbiltà u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol

3.1

Il-KESE jemmen li l-mudell soċjali Ewropew huwa assi uniku fl-identità tal-Ewropa: permess tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali fil-preżent, dan jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni soċjali u drittijiet ta’ ċittadinanza lil kulħadd. Il-Kumitat għalhekk iħoss li l-mudell m’għandux ikun għad-diskussjoni, iżda jekk xejn għandu jissaħħaħ. F’dan is-sens huwa essenzjali li l-politiki tal-UE jkunu mfasslin biex jiggarantixxu titjib kostanti tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol għall-persuni fl-Ewropa fl-oqsma kollha, kif ipprovdut mit-Trattati sa mill-bidu tal-proġett Ewropew.

3.2

Il-programm ta' ħidma attwali tal-Kummissjoni jinkludi inizjattivi bħall-Pakkett dwar l-Ekwità Soċjali, l-inizjattiva għall-Ekwità Fiskali fl-Era Diġitali, u hemm ukoll ippjanati miżuri għar-riforma tal-UEM. Il-KESE jirrakkomanda li dawn il-proposti jkunu mmirati lejn il-promozzjoni tas-sostenibbiltà tal-mudell soċjali Ewropew (4).

3.3

Il-KESE jemmen li jenħtieġ li jintlaħaq kompromess ġust bejn is-sostenibbiltà soċjali u s-sostenibbiltà ekonomika fit-tfassil tal-politiki tas-suq tax-xogħol. Fl-aħħar deċennju kien hemm żieda fid-disparitajiet u l-inugwaljanzi fost iċ-ċittadini tal-Ewropa fl-aċċess għal servizzi ta’ assistenza soċjali u l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol, u fil-proliferazzjoni ta’ forom ta’ xogħol mhux standard (kif muri tajjeb mill-istatistika). Dan wassal għal żieda fil-perċezzjoni ta’ inċertezza dwar il-possibilità ta’ titjib tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-għajxien min-naħa tal-pubbliku Ewropew. Din il-perċezzjoni hija prominenti b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ u n-nisa, u fis-setturi kollha tal-popolazzjoni li huma l-aktar f'riskju. Minn din il-perspettiva, il-KESE jqis li l-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-migranti fid-dinja tax-xogħol hija essenzjali, peress li l-kontribut tagħhom għas-sistemi tas-sigurtà soċjali ta’ spiss huwa determinanti għall-istabbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u x-xbieki tas-sigurtà soċjali.

3.4

Il-KESE jinnota t-tħassib muri mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2017 dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu aġġornati l-istandards eżistenti tax-xogħol u soċjali; b’rabta ma’ dan, il-KESE ser iressaq il-kontribut tiegħu fil-ħin opportun lill-“Pakkett dwar l-Ekwità Soċjali”, inkluż fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2018. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa għall-kundizzjonijiet ta’ qafas fis-swieq tax-xogħol biex jappoġġjaw perkorsi ġodda, jew aktar diversi, tal-karriera u biex jitjiebu l-impjieg u l-istandards għall-ħaddiema fl-Ewropa kollha, irrispettivament mill-kundizzjonijiet ta’ kuntratt tagħhom, kif ukoll li tiġi promossa konverġenza akbar lejn kundizzjonijiet imtejba ta’ xogħol u għajxien; dan għandu jikkontribwixxu wkoll biex jingħelbu d-disparijiet reġjonali. Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew sabiex il-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali jaħdmu flimkien biex jippreżentaw proposta għal Direttiva qafas dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti f'kull forma ta' impjieg, filwaqt li l-istandards minimi eżistenti jiġu estiżi għal forom ġodda ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg.

3.5

F’bosta opinjonijiet, il-KESE, analizza l-fenomenu tad-diġitalizzazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-organizzazzjoni tax-xogħol u tal-impjieg (5). M’għandniex, madankollu, nillimitaw ruħna biex inqisu d-diġitalizzazzjoni biss fil-kuntest tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol. L-użu dejjem akbar ta’ strumenti diġitali ġab miegħu bidliet profondi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum — dik personali, soċjali u anke kif nirrelataw mal-politika, max-xogħol volontarju u mas-soċjetà ċivili. L-UE għandha tippromovi azzjonijiet f’termini ta’ edukazzjoni bikrija tat-tfal u taħriġ tul il-ħajja, b’mod partikolari b’rabta mal-kompetenzi diġitali, sabiex tindirizza n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet. Is-sistemi tal-edukazzjoni — inklużi l-edukazzjoni għolja, it-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja — għandhom ifittxu l-eċċellenza, biex b’hekk jippermettu t-tmexxija fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ideat, il-prodotti u s-servizzi Ewropej.

3.6

Il-KESE tenna f'diversi Opinjonijiet l-importanza li jeħtieġ jitqiesu b'mod partikolari l-ħtiġijiet tal-gruppi f'riskju ta' vulnerabilità soċjali. Jenħtieġ li jiġu garantiti sistemi ta' protezzjoni soċjali inklużivi li jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-persuni vulnerabbli u tal-familji tagħhom sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti u appoġġ u żamma ta' post tax-xogħol adattat għall-ħtiġijiet tal-individwi.

3.7

Il-persuni b’diżabilità huma fil-qalba tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità. Il-KESE jirrakkomanda li għandu jsir kull sforz biex jinkiseb progress sinifikanti fit-tmien oqsma kollha ta’ prijorità għal azzjoni immirata biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati mill-Konvenzjoni tan-NU: l-aċċessibilità, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità fil-livell internazzjonali. Billi d-diġitalizzazzjoni għandha impatt fuq l-oqsma kollha tal-ħajja tagħna ta’ kuljum, il-KESE jappella biex tingħata kunsiderazzjoni speċjali għall-persuni b’diżabilità, li x’aktarx jiġu affettwati mit-trasformazzjoni diġitali. L-Unjoni Ewropea għandha tikkapitalizza fuq il-ħafna opportunitajiet eżistenti għall-persuni b’diżabilità biex tippromovi l-impjegabilità tagħhom u l-aċċess għal impjiegi deċenti, li jippermettilhom ukoll jikkontribwixxu għas-sistemi ta’ sigurtà soċjali. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jinħolqu l-prerekwiżiti għal użu aktar attiv ta’ għodod għal taħriġ tul il-ħajja, u kwalifikazzjoni mill-ġdid ta’ persuni b’diżabilità fil-professjonijiet diġitali ġodda.

3.8

Il-KESE jqis li huwa ta’ importanza kruċjali li l-kwistjoni ta’ sostenibbiltà soċjali tiġi iuntegrata fil-politiki Ewropej dwar il-ġenerazzjonijiet aktar żgħażagħ u dwar il-futur tal-mudell soċjali Ewropew. Il-livell ta' xettiċiżmu dejjem jiżdied tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ fil-konfront tal-istituzzjonijiet (li l-aktar sinjal allarmanti tiegħu huwa l-astensjoni fl-elezzjonijiet), tas-soċjetà ċivili organizzata, tal-partiti politiċi, tat-trejdjunjins u s-sħubiji f'movimenti ewroxettiċi u tal-lemin estrem jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta' attenzjoni akbar mill-UE għall-futur tal-mudell soċjali Ewropew u tas-sostenibbiltà tiegħu. Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-gvernijiet nazzjonali jintroduċu kull inizjattiva li tista' żżid il-kwantità u l-kwalità tal-impjiegi għaż-żgħażagħ, tappoġġja l-mobilità taż-żgħażagħ, tiżgura prospetti ta' sigurtà soċjali deċenti u tippromovi tagħlim tul il-ħajja f'kull livell. Inizjattivi bħall-Erasmus+, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-miżuri l-oħrajn kollha fl-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għandhom ikunu ffinanzjati u implimentati b’mod adegwat.

3.9

Il-KESE jqis li huwa kruċjali li tiġi ggarantita s-sostenibbiltà soċjali tad-dħul, partikolarment għal nies ta’ età tal-irtirar. Huwa essenzjali li s-sistemi tas-sigurtà soċjali (6) jiggarantixxu kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti u li ma jħallux li l-persuni jaqgħu taħt is-soll tal-faqar. F’għadd ta’ opinjonijiet, il-KESE esprima l-ħtieġa għal sistemi tal-pensjoni li jkunu bbażati fuq is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Filwaqt li jirrispetta d-diversità tas-sistemi nazzjonali, tħassib ewlieni tal-KESE huwa li jiżdied l-impjieg li jikkontribwixxi biex jiżgura sistemi ta’ protezzjoni soċjali b’riżorsi adatti. Il-persuni li jaħdmu taħt kull tip ta’ arranġament kuntrattwali, inklużi l-hekk imsejħa forom ġodda ta’ xogħol marbuta mad-diġitalizzazzjoni, għandu jkollhom aċċess għal sistemi ta’ protezzjoni soċjali u jikkontribwixxu għalihom (7).

3.10

Fl-aħħar inizjattivi fil-qasam tal-impjieg, il-Kummissjoni Ewropea tat attenzjoni kbira lill-kwistjoni tat-tranżizzjonijiet. Fil-fatt, waħda mit-tendenzi ta' tħassib serju f'dawn l-aħħar snin kienet iż-żieda fid-dewmien bejn it-tmiem tal-istudju u l-ewwel impjieg għaż-żgħażagħ, speċjalment jekk wieħed iqis l-ewwel impjieg stabbli tagħhom. Is-sitwazzjoni marret għall-agħar anke għal dawk li ilhom qiegħda u dawk li huma qrib l-età tal-irtirar. Il-KESE jilqa' bi pjaċir inizjattivi bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet u l-promozzjoni tal-apprendistati bħala forma prinċipali għall-aċċess għall-impjieg permezz tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati u l-inizjattivi kontra l-fenomenu tal-qgħad fit-tul. Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u nazzjonali biex jipprovdu r-riżorsi ġusti biex jiffaċilitaw u jħaffu t-tranżazzjonijiet u t-taħriġ meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-kontinwità tad-dħul, b’mod adatt, speċjalment għal dawk l-aktar żvantaġġati u dawk li huma diffiċli biex jiksbu ħiliet ġodda u għalhekk itejbu l-impjegabilità tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jinħoloq l-ambjent adatt għall-kompetittività tan-negozji filwaqt li jiġu żgurati tranżizzjonijiet bla xkiel bejn l-impjiegi permezz ta' sistema ta' miżuri ta' ħarsien soċjali u miżuri oħrajn ta' flessibilità esterna li jqisu l-ħtiġijiet tal-ħaddiema u tan-negozji.

3.11

Il-KESE jqis li wieħed mill-pedamenti tas-sostenibbiltà soċjali huwa l-ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi, iżda fl-istess waqt jirrikonoxxi li, kif turi d-data tal-Eurostat u ħafna indikaturi oħrajn disponibbli, l-inugwaljanzi f'dan il-qasam huma intollerabbli u mhumiex biss ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali stabbiliti fit-Trattati, iżda wkoll ostaklu serju għall-iżvilupp ekonomiku sħiħ tal-Unjoni. Għalhekk jilqa’ bi pjaċir l-inizjattivi li ttieħdu reċentement f’dan il-qasam, ibda mill-pakkett tal-Kummissjoni ta’ miżuri li jippromovu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u jirrakkomanda li l-imsieħba soċjali jiżviluppaw negozjar kollettiv u inklużiv fil-livelli kollha filwaqt li jikkunsidraw miżuri ġodda (inkluż bħala parti mill-programm ta’ ħidma li jmiss tal-imsieħba soċjali Ewropej) sabiex jitneħħew id-differenzi fil-pagi ibbażati fuq il-ġeneru, sabiex tiġi salvagwardata l-maternità b’mod inekwivoku u bi strumenti xierqa u sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal ugwaljanza bejn is-sessi effettiva fid-dinja tax-xogħol. Iħeġġeġ ukoll lill-istituzzjonijiet f'kull livell, lill-imsieħba soċjali u lis-soċjetà ċivili biex jikkoordinaw miżuri li jiżguraw trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha tas-soċjetà.

3.12

Għadd kbir ta’ studji u proġetti ta’ riċerka analizzaw ir-riskji soċjali l-ġodda b’rabta mal-impatt tal-globalizzazzjoni u tad-diġitalizzazzjoni fid-dinja tax-xogħol. Il-KESE għandu l-istess tħassib fir-rigward taż-żieda fil-frammentazzjoni tax-xogħol, mal-awtomatizzazzjoni u mad-diġitalizzazzjoni, iżda fl-istess ħin iqis li jekk dawn il-proċessi jiġu rregolati tajjeb, jistgħu jservu ta’ opportunità, iħaffu l-piż ta’ ċerti kompiti tqal u jissemplifikaw oħrajn li huma partikolarment ikkumplikati.

3.13

Il-protezzjoni tal-konsumatur taqdi wkoll rwol importanti fil-qasam tas-sostenibbiltà soċjali, peress li r-rwol tal-konsumaturi huwa wkoll soġġett għal tibdiliet minħabba d-diġitalizzazzjoni. Il-politiki Ewropej f’dan il-kuntest għandhom dejjem ikunu aġġornati u jiżguraw l-istrumenti għar-riżoluzzjoni effettiva ta’ problemi relatati mal-konsumatur, u jagħtu attenzjoni speċjali lil bidliet minħabba d-diġitalizzazzjoni f’setturi bħat-trasport, l-enerġija u s-servizzi finanzjarji.

3.14

L-inugwaljanzi l-ġodda u r-riskji soċjali fl-era diġitali jistgħu jkunu ġejjin ukoll parzjalment mill-fenomenu tal-esklużjoni diġitali, fejn ċerti setturi tal-popolazzjoni jistgħu jkollhom jew ma jkollhomx il-ħiliet meħtieġa fl-IT u l-litteriżmu diġitali bażiku biex jiksbu aċċess għal informazzjoni u servizzi li wħud minnhom ikunu essenzjali. Il-KESE jemmen li s-sostenibbiltà soċjali hija bbażata wkoll fuq opportunitajiet ġusti u effettivi għat-tagħlim tul il-ħajja minn età bikrija. Dan huwa prerekwiżit b’mod partikolari għal persuni li jgħixu b’diżabilitajiet, speċjalment fi professjonijiet diġitali ġodda. Dan it-taħriġ għandu jikkunsidra l-esklużjoni potenzjali ta' setturi wesgħin tal-popolazzjoni (b'mod partikolari, l-persuni aktar anzjani, il-persuni li jgħixu f'żoni periferiċi u fil-faqar, il-persuni li m’għandhom biżżejjed kwalifiki, eċċ.) minħabba l-esklużjoni diġitali Fl-era diġitali, huwa essenzjali li jiġu garantiti l-aċċessibilità għall-internet, it-taħriġ ta' litteriżmu diġitali lil dawk kollha li jinsabu f'riskju ta' qgħad u l-opportunità għalihom biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u jkollhom aċċess għas-servizzi soċjali — b’mod partikolari dawk fundamentali. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-imsieħba soċjali u lill-istituzzjonijiet biex f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, jieħdu azzjoni minnufih biex jintroduċu miżuri għal dan il-għan.

Brussell, il-15 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145.

(2)  ĠU C 170, 5.6.2014, p. 23.

(3)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21.

(4)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 20.

(5)  SOC/570 (Ara l-paġna 8 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali); ĠU C 129, 11.4.2018, p. 7; ĠU C 434 15.12.2017, p. 36; ĠU C 434 15.12.2017, p. 30; ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45; ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54; ĠU C 13, 15.1.2016 p. 161; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 74.

(6)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 40.

(7)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 7; ĠU C 84, 17.3.2011, p. 38; ĠU C 120, 16.5.2008, p. 66.


Appendiċi

L-emendi li ġejjin għall-punti 1.3 u 3.4 inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti:

Punt 1.3:

Ibdel it-test kif ġej:

 

1.3

Il-KESE jinnota t-tħassib muri mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2017 dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu aġġornati l-istandards eżistenti tax-xogħol u soċjali; b’rabta ma’ dan, il-KESE ser iressaq il-kontribut tiegħu fil-ħin opportun lill-“Pakkett dwar l-Ekwità Soċjali”, inkluż fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2018. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa għall-kundizzjonijiet ta’ qafas fis-swieq tax-xogħol biex jappoġġjaw perkorsi ġodda, jew aktar diversi, tal-karriera u biex jitjiebu l-impjieg u l-istandards għall-ħaddiema fl-Ewropa kollha, irrispettivament mill-kundizzjonijiet ta’ kuntratt tagħhom, kif ukoll li tiġi promossa konverġenza akbar lejn kundizzjonijiet imtejba ta’ xogħol u għajxien; dan għandu jikkontribwixxu wkoll biex jingħelbu d-disparijiet reġjonali. Il-KESE ser jadotta l-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta għal Direttiva qafas dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fl-Unjoni Ewropea.

Raġuni

To be given orally

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

72

Kontra

121

Astensjonijiet

9

Punt 3.4.

Ibdel it-test kif ġej:

 

3.4.

Il-KESE jinnota t-tħassib muri mill- Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2017 dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu aġġornati l-istandards eżistenti tax-xogħol u soċjali; b’rabta ma’ dan, il-KESE ser iressaq il-kontribut tiegħu fil-ħin opportun lill-“Pakkett dwar l-Ekwità Soċjali”, inkluż fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2018. Il-KESE jenfasizza wkoll il-ħtieġa għall-kundizzjonijiet ta’ qafas fis-swieq tax-xogħol biex jappoġġjaw perkorsi ġodda, jew aktar diversi, tal-karriera u biex jitjiebu l-impjieg u l-istandards għall-ħaddiema fl-Ewropa kollha, irrispettivament mill-kundizzjonijiet ta’ kuntratt tagħhom, kif ukoll li tiġi promossa konverġenza akbar lejn kundizzjonijiet imtejba ta’ xogħol u għajxien; dan għandu jikkontribwixxu wkoll biex jingħelbu d-disparijiet reġjonali. Il-KESE ser jadotta l-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta għal Direttiva qafas dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fl-Unjoni Ewropea.

Raġuni

To be given orally

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

72

Kontra

121

Astensjonijiet

9


6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-futur tax-xogħol — il-ksib ta’ għarfien u ħiliet adegwati sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-impjiegi futuri”

(Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Bulgara)

(2018/C 237/02)

Relatur:

Cinzia DEL RIO (IT/II)

Korelatur:

Milena ANGELOVA (BG/I)

Talba mill-Presidenza Bulgara tal-Kunsill

Ittra tal-5.9.2017

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

23.2.2018

Adottata fil-plenarja

15.3.2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

218/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-introduzzjoni gradwali u li qed tinbidel b’rata mgħaġġla ta’ teknoloġiji ġodda, tad-diġitalizzazzjoni u tar-robotizzazzjoni fin-negozju, iżda anke fis-settur pubbliku, qed ikollha impatt kbir fuq is-sistemi tal-produzzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-mudelli organizzattivi tas-suq tax-xogħol u s-soċjetà inġenerali.

1.2

Ir-Rivoluzzjoni Industrijali l-Ġdida għandha l-potenzjal li ttejjeb il-produttività u l-kwalità tal-ħajja u tal-impjiegi jekk tkun akkumpanjata kif imiss minn taħlita tajba ta’ politiki għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli xprunat mill-innovazzjoni. L-impatt fuq l-impjiegi ser ikun konsiderevoli: ser jinħolqu impjiegi ġodda, xi wħud se jiġu trasformati u oħrajn ser jiġu sostitwiti b’rata mgħaġġla. L-għodod meħtieġa sabiex jinħatfu l-opportunitajiet tal-impjiegi tal-futur u titrawwem il-kompetittività tal-intrapriżi ser ikunu edukazzjoni bażika ta’ kwalità tajba, it-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet kif ukoll it-taħriġ mill-ġdid.

1.3

Sabiex inħejju ruħna u nindirizzaw dan it-tibdil teknoloġiku u diġitali rapidu, il-KESE, filwaqt li jikkunsidra l-prinċipju tas-sussidjarjetà, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jfasslu politiki mmirati u jieħdu miżuri tanġibbli sabiex itejbu u jadattaw b’mod adegwat is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ tagħhom, ifasslu b’mod konġunt strateġiji nazzjonali fil-qasam tal-kompetenza u jirrikonoxxu d-dritt għal taħriġ adegwat għall-gruppi ta’ persuni u ħaddiema ta’ kull età u għas-setturi kollha billi:

l-ewwel nett, jiżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-UE jkollhom aċċess ugwali għal edukazzjoni bikrija ta’ kwalità tajba;

jistabbilixxu punti ġodda u komuni ta’ riferiment għall-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex inaqqsu d-diverġenzi fost il-pajjiżi tal-UE u jsaħħu l-koeżjoni;

jorjentaw mill-ġdid l-edukazzjoni u t-taħriġ u jsaħħu s-sistemi tal-ETV sabiex jiżguraw li jinkisbu malajr il-ħiliet meħtieġa;

jappoġġjaw in-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali, b’konformità mas-sistemi nazzjonali tar-relazzjonijiet industrijali, sabiex ikunu jistgħu jantiċipaw u jadattaw il-ħiliet għall-iżviluppi teknoloġiċi u diġitali u jiżviluppaw taħriġ fil-post tax-xogħol;

iħeġġu interazzjoni bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-intrapriżi;

iniedu offensiva għall-kwalifiki bħala appoġġ għad-diġitalizzazzjoni dejjem akbar tas-swieq tax-xogħol tagħna;

jiżviluppaw miżuri ġodda — bħall-inċentivi bbażati fuq ir-riżultati, il-ħolqien ta’ mekkaniżmi ġodda ta’ monitoraġġ għall-valutazzjoni tar-riżultati miksuba f’dak li jirrigwarda l-kopertura diġitali u tat-taħriġ tul il-ħajja; l-iskambju u t-twessigħ fil-livell tal-UE tal-ġabra tal-aħjar prattiki nazzjonali fir-rigward tal-aċċess għat-taħriġ, għal-liv għat-taħriġ, eċċ.u l-parteċipazzjoni fihom — sabiex b’hekk fil-programmi tat-taħriġ jiġi inkluż kulħadd, kemm dawk li qed ifittxu impjieg kif ukoll il-ħaddiema, u għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet u l-ħaddiema adulti;

jiżguraw garanzija ta’ taħriġ tul il-ħajja għal kulħadd sabiex itejbu l-prestazzjoni tal-intrapriżi u t-tkabbir personali u professjonali tal-ħaddiema u jestendu l-kopertura għal impjiegi mhux standard (1); idealment, għandu jiġi eżaminat aktar jekk dan id-dritt individwali għat-taħriġ għandux ikun portabbli, jiġifieri jekk il-persuni għandhomx ikunu jistgħu jittrasferixxuh bejn l-impjegaturi u bejn pajjiżi differenti;

jittieħdu passi biex jiġi kkontrollat jekk humiex meħtieġa miżuri u liema sabiex jiġi stabbilit id-dritt għal liv edukattiv imħallas u jiġu kkunsidrati l-miżuri tal-UE bil-ħsieb li l-prattika tajba fil-qasam ta’ standards minimi dwar id-drittijiet għal liv edukattiv issir prattika standard f’ċerti Stati Membri (2);

jistabbilixxu sistema omoġenja Ewropea ta’ valutazzjoni u validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali;

jinvestu fil-livell tal-UE b’fondi speċifiċi u mmirati biex jakkumpanjaw it-tranżizzjoni u jistabbilixxu kriterji ġodda bbażati fuq ir-riżultati għall-allokazzjoni tagħhom;

iħeġġu l-iskambji ta’ impjiegi fost l-intrapriżi sabiex jappoġġjaw l-opportunitajiet marbutin mal-“iskambju tal-imħuħ” u joħolqu pjattaformi għall-informazzjoni u għall-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki.

1.4

Il-komplementarjetà tal-ħiliet, mhux biss diġitali, iżda wkoll tal-ħiliet bażiċi, tekniċi u personali li jirrikjedu sistemi skolastiċi effiċjenti u għalliema mħejjija tajjeb, ser twassal għal futur ta’ suċċess. Iżda fil-“forom ġodda tax-xogħol” — ikkaratterizzati mill-integrazzjoni ta’ proċessi ta’ produzzjoni materjali u teknoloġiji diġitali — huwa importanti li jinżamm approċċ iffukat fuq il-bnedmin.

1.5

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-KESE jitlob lill-KE u lill-Istati Membri sabiex isibu modi biex ma nħallux warajna iżda nakkumpanjaw lill-persuni vulnerabbli li mhux ser ikunu jistgħu jirreaġixxu għat-tibdil u d-domanda dejjem tikber tal-era teknoloġika ġdida.

2.   Introduzzjoni

2.1

Id-diġitalizzazzjoni, l-awtomatizzazzjoni u l-mudelli ekonomiċi ġodda bħall-Industrija 4.0, u l-ekonomija ċirkolari u kollaborattiva taw lok għal forom ġodda ta’ xogħol ikkaratterizzati mill-integrazzjoni ta’ proċessi ta’ produzzjoni materjali u teknoloġiji diġitali, li jitwettqu kemm offlajn kif ukoll onlajn u li qed ikollhom impatt sinifikanti fuq il-proċessi tal-produzzjoni tal-intrapriżi, il-mudelli organizzattivi tas-suq tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-durata tal-kuntratti tax-xogħol, il-kopertura tal-protezzjoni soċjali u r-relazzjoni tal-impjieg.

2.2

It-teknoloġiji ġodda u d-diġitalizzazzjoni għandhom il-potenzjal li jippermettu kundizzjonijiet tal-ħajja personali u tax-xogħol aħjar u għal bilanċ aħjar bejniethom, itejbu l-produttività u jwasslu, b’mod ġenerali, għall-ħolqien ta’ impjiegi aħjar jekk dawn ikunu akkumpanjati kif imiss minn approċċ ta’ tranżizzjoni ġusta u taħlita ta’ politika tajba, għal tkabbir inklużiv u sostenibbli xprunat mill-innovazzjoni. Ċerti impjiegi u oqsma ta’ attività eżistenti ser jevolvu, filwaqt li ser jisparixxu ċerti impjiegi tradizzjonali u ser jinħolqu attivitajiet ġodda. Jistgħu jiġu osservati tliet fenomeni: il-ħolqien, it-trasformazzjoni u s-sostituzzjoni, f’taħlita u intensità differenti fis-setturi kollha (3).

2.3

Id-dibattitu dwar jekk dan il-kuntest ġdid tax-xogħol huwiex se jirriżulta f’telf jew f’kisba ta’ impjiegi għadu għaddej. F’ċerti setturi, it-tfixkil fil-mudell tal-impjieg u tan-negozju (il-manifattura, it-trasport, is-saħħa, l-ospitalità, il-finanzi u l-edukazzjoni) se jkun sostanzjali skont l-OECD. 9 % tal-impjiegi jinsabu f'riskju li jiġu spostati peress li aktar minn 70 % tal-kompiti li jinvolvu jistgħu jiġu awtomatizzati. 25 % oħra tal-impjiegi jiġu trasformati, peress li nofs il-kompiti involuti biss jistgħu jiġu awtomatizzati (4). Fl-istess ħin, id-diġitalizzazzjoni għandha l-potenzjal li toħloq impjiegi ġodda barra mhux biss fis-settur tal-produzzjoni industrijali, iżda wkoll fis-servizzi. L-eżitu se jiddependi minn aġenda ta’ politika integrata, minn deċiżjonijiet pubbliċi kif ukoll mill-politiki li jiġu implimentati biex jindirizzaw l-isfidi li jinħolqu mill-proċessi ta’ produzzjoni u mudelli tan-negozju ġodda, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-għoti tal-ħiliet meħtieġa liż-żgħażagħ, u t-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet kif ukoll it-taħriġ mill-ġdid kemm tal-persuni li qed ifittxu impjieg kif ukoll tal-forza tax-xogħol eżistenti. Il-kwistjoni dwar jekk fl-aħħar mill-aħħar dawn il-proċessi ġodda u d-diġitalizzazzjoni humiex se jżidu l-impjiegi ser tiddependi minn kemm l-intrapriżi u l-ħaddiema fl-UE jadattaw b’suċċess għall-iżviluppi teknoloġiċi, kif l-introduzzjoni u l-użu tat-teknoloġiji u l-bidliet fl-istrutturi organizzattivi ser jiġu indirizzati b’mod konġunt mill-imsieħba soċjali, kif ser jitwettaq it-taħriġ tal-ħaddiema, kif ukoll il-punt sa liema l-UE u l-Istati Membri ser ikunu kapaċi joħolqu ambjent favorevoli ta’ politika u wieħed regolatorju sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi kemm tal-intrapriżi kif ukoll tal-persuni li jaħdmu (5). Ir-rwol u l-għarfien espert tal-imsieħba soċjali ser ikunu kritiċi f’dan il-proċess u d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv, b’konformità mal-liġi u l-prattiki nazzjonali, ser jaqdu rwol importanti.

2.4

L-isfida li tirrigwarda l-forom ġodda ta’ xogħol m’għadhiex marbuta mal-ħtieġa għall-“innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni” iżda hija marbuta mal-ħtieġa li jiġi żgurat li kulħadd jirċievi l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità tajba u adatti, imfassla b’tali mod li jippermettu lill-persuni jiksbu minnufih għarfien, ħiliet u kompetenzi ġodda. Il-kwistjoni tikkonċerna kif aħna nikkomplementaw ir-robots u l-intelliġenza umana u nżommu kemm approċċ iffukat fuq il-bnedmin fil-konfront tal-intelliġenza artifiċjali (IA) kif ukoll introduzzjoni tad-diġitalizzazzjoni fis-setturi ekonomiċi kollha, inkluż tul il-ktajjen tal-valur tan-negozju (6).

2.5

Għalhekk, fil-qafas tal-politiki artivi u r-regolamentazzjoni tas-suq tax-xogħol, waħda mill-aktar kwistjonijiet importanti hija kif għandhom jiġu orjentati mill-ġdid l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, minn naħa waħda, f'konformità mal-ħtiġijiet tal-impjegaturi u tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, min-naħa l-oħra, lejn żieda fl-impjegabbiltà u impjegabbiltà aħjar f'ambjent tas-suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr, u kif għandu jiġi adattat il-kontenut tal-perkorsi tat-taħriġ u tal-edukazzjoni għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, anke tal-ħaddiema adulti. Din l-isfida taffettwa lill-impjegaturi u lill-impjegati bl-istess mod, kif ukoll lill-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, billi tobbligahom jagħmlu sforz akbar fit-tbassir, l-ippjanar, il-finanzjament u l-istrateġija.

2.6

Il-KESE jixtieq jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-problema serja tal-għadd dejjem jiżdied ta’ nies li ma jkollhomx il-profil edukattiv meħtieġ u li, sussegwentement, ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-veloċità tat-tibdil, u b’hekk jinħoloq ir-riskju ta’ marġinalizzazzjoni.

3.   Is-sitwazzjoni attwali

3.1

Reċentement, il-kwistjoni tal-ħiliet — kemm dawk miksuba permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali kif ukoll permezz tat-taħriġ tul il-ħajja — ingħatat attenzjoni konsiderevoli mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, u ġiet eżaminata minn perspettivi differenti, f’xenarju ta’ bidliet rapidi li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol. F'din l-Opinjoni, qed tintuża biss data mill-aktar dokumenti reċenti tagħhom.

3.2

Diversi dokumenti minnhom, li ġew diskussi hawn taħt, jeżaminaw il-kwistjoni tal-produttività u jiffukaw fuq żewġ fatturi tagħha: il-ħiliet u l-mudelli ġodda tal-organizzazzjoni tax-xogħol. Dawn kollha jaqblu li waħda mill-isfidi ewlenin li r-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali toħloq għas-suq tax-xogħol se tkun id-definizzjoni ta’ liema ħiliet ġodda ser jeħtieġu l-ħaddiema. Reċentement, ġew diskussi xi suġġerimenti u l-aħjar prattiki siewja. Il-KESE jfaħħar il-kampanja tal-2015-2016 “Ħiliet diġitali għall-Impjiegi” u l-Manifest tal-Ħiliet diġitali li mbagħad tnieda mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa jirrakkomanda l-għaxar prinċipji essenzjali li huma deskritti bħala linji gwida tajba għal politiki diġitali futuri (7), u jtenni l-konklużjonijiet tal-Opinjonijiet reċenti rilevanti tiegħu (8). Min-naħa l-oħra, l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa (9) nediet reviżjoni tal-qafas tal-UE għall-kompetenzi ewlenin, u l-Manifest tal-Ħiliet Diġitali ta’ Diċembru 2016, u element importanti f’dan il-proċess kien ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-kompetenzi diġitali. Il-KESE japprezza l-adozzjoni reċenti ta’ żewġ inizjattivi importanti min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea: il-Proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja” u l-Komunikazzjoni dwar “Il-Pjan ta' Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali” (10); huwa jistenna li l-linji gwida li jħaddnu jiġu implimentati minnufih.

3.3

Żewġ rapporti reċenti tal-OECD (11) jenfasizzaw ir-rabta bejn l-inugwaljanza fil-pagi u l-użu tal-kompjuters, fi kliem ieħor l-impatt pożittiv tal-bidla teknoloġika fuq il-pagi tal-ħaddiema bil-ħiliet — li madankollu jirriżulta f’żieda fid-differenza fil-pagi fil-konfront tal-ħaddiema b’livell baxx ta’ ħiliet, diversi eżempji ta’ impjiegi ġodda u rekwiżiti tal-ħiliet, kif ukoll iż-żieda fid-domanda b’mod partikolari għall-ħiliet speċjalizzati fl-ICT meħtieġa għall-ipprogrammar, u ħiliet ġeneriċi u komplementari fl-ICT. Il-KESE japprezza wkoll ir-rapport reċenti tal-OECD “Key issues for digital transformation in the G20” (Kwistjonijiet ewlenin għat-trasformazzjoni diġitali fil-G20) għall-analiżi komprensiva tiegħu tal-isfidi tal-politika u r-rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward (12), u jixtieq jenfasizza l-importanza ta’ relazzjonijiet industrijali sodi għas-suċċess tal-politiki adottati fil-G20 u fil-livell tal-UE. Din hija r-raġuni għaliex il-KESE jtenni wkoll il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjonijiet u l-istudji reċenti tiegħu, b'mod partikolari dawk li jiffukaw fuq l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq in-negozji u l-industriji tradizzjonali (13), il-ħtieġa għal bidla fir-relazzjonijiet industrijali (14), il-kwistjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema mhux standard (15), l-impatt tal-ekonomija on-demand (16), ir-rwol tal-gvernijiet fil-miżuri ta' politika u l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja għall-futur (17). L-OECD qed taħdem fuq l-istrateġija l-ġdida dwar l-impjiegi li għandha titnieda s-sena li ġejja, li kapitolu partikolari tagħha ser jirrigwarda l-ħiliet u d-distakk diġitali. Il-KESE jesprimi xi tħassib dwar in-nuqqas ta’ valur miżjud reali għar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika lill-gvernijiet fin-narrattiva li qed tiġi diskussa. Madankollu, peress li l-OECD għadha fil-fażi preparatorja tal-Istrateġija dwar l-Impjiegi, il-KESE se jsegwi d-dibattitu fil-qafas tal-Istrateġija tal-Ħiliet, mhux l-inqas b’rabta mas-Summit tal-OECD dwar il-Ħiliet li se jsir f’Ġunju li ġej, u jitlob lill-KE teżamina inizjattivi komuni ġodda.

3.4

Minkejja li l-Forum Ekonomiku Dinji jappoġġja r-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali, huwa jwissi dwar ir-riskju potenzjali, skont xi tbassir, li sal-2020 se jisparixxu madwar 5 miljun impjieg fi 15-il ekonomija żviluppata u emerġenti fuq skala wiesgħa mingħajr l-ebda sostituzzjoni antiċipata għalihom attwalment, u jqajjem xi punti għad-diskussjoni fir-rigward tal-istabbiltà tal-ħiliet, id-differenza bejn is-sessi fl-industrija u l-istrateġiji dwar ix-xogħol (18).

3.5

Fis-Summit Soċjali Tripartitku li sar f’Marzu 2016, l-imsieħba soċjali Ewropej talbu lill-Kummissjoni Ewropea ssostni t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomiji u tas-swieq tax-xogħol, u li jaħdmu flimkien magħha, sabiex jiġi żgurat li l-politiki fil-qasam tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet jitfasslu kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-ħaddiema (19).

3.6

Il-KESE jappoġġja r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2017 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea dwar Regoli ta’ Dritt Ċivili dwar ir-Robotika (20), speċjalment dawk dwar il-prinċipji tal-etika (is-sikurezza tal-bnedmin, is-saħħa u s-sigurtà, il-libertà, il-privatezza, l-integrità u d-dinjità, l-awtodeterminazzjoni u n-nondiskriminazzjoni, il-protezzjoni tad-data personali, u t-trasparenza; il-ħtieġa li l-qafas legali tal-Unjoni Ewropea jiġi aġġornat bi gwida tal-prinċipji tal-etika b’konformità mal-kumplessità tar-robots) u dwar l-edukazzjoni u l-impjieg (it-talba lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ sinifikanti għall-iżvilupp tal-ħiliet diġitali fi gruppi ta’ kull età u irrispettivament mill-istatus tal-impjieg; u l-ħtieġa li aktar nisa jinteressaw ruħhom f’karriera diġitali, biex tibda tanalizza u tissorvelja aktar mill-qrib ix-xejriet fuq perjodu ta’ żmien medju u twil rigward l-impjiegi, biex tenfasizza l-importanza tal-previżjoni tal-bidliet fis-soċjetà – b’mod partikolari mil-lat tal-impjieg u tal-flessibbiltà tal-ħiliet; ir-rikonoxximent tal-potenzjal kbir tar-robotika u l-IA f’diversi oqsma).

3.7

In-nota ta’ informazzjoni tas-CEDEFOP“People, machine, skills and robots” (Persuni, magni, ħiliet u robots) (21) tissuġġerixxi li, qabel ma jintlaħqu konklużjonijiet dwar il-futur, huwa importanti li wieħed jifhem il-modi differenti li bihom it-teknoloġija qed tibdel id-dinja tax-xogħol: is-sostituzzjoni tal-impjiegi, il-ħolqien tal-impjiegi u t-trasformazzjoni tal-impjiegi; l-analiżi skont is-settur tal-impjegati adulti li esperjenzaw bidla teknoloġika fil-post tax-xogħol mill-2009 sal-2014 – li globalment jirrappreżentaw 43 % tal-impjegati adulti – hija importanti sabiex jinftiehem il-kamp ta’ applikazzjoni tal-isfida attwali.

3.8

Il-KESE jfakkar f’żewġ Opinjonijiet reċenti tiegħu ta’ Lulju li għadda dwar forom ġodda ta’ xogħol (22); b’mod partikolari, l-importanza tas-sigurtà soċjali għal dawk f’forom ġodda ta’ xogħol, bħal dawk li jaħdmu b’esternalizzazzjoni miftuħa (crowdworkers), u tat-tipi ġodda ta’ ambjent tax-xogħol; ir-rilevanza tat-tagħlim tul il-ħajja u l-ħtieġa ta’ ħiliet futuri; ir-rwol fundamentali tal-imsieħba soċjali u tan-negozjar kollettiv, b’konformità mal-liġi u l-prattiki nazzjonali, u r-rwol tas-soċjetà ċivili, inġenerali, biex tillimita l-effetti negattivi ta’ dawn il-bidliet rapidi u ttejjeb l-aspetti pożittivi.

3.9

Ir-rapport tal-Eurofound tax-xahar li għadda “Non-standard forms of employment: recent trends and future prospects” (Forom mhux standard ta’ impjieg: xejriet reċenti u prospetti futuri) (23) huwa importanti għall-analiżi ta’ modi ġodda ta’ xogħol, iżda anke, u b’mod partikolari, sabiex tinħareġ twissija dwar il-protezzjoni soċjali, l-introjtu, is-sigħat tax-xogħol u l-istatus mhux ċar ta’ persuni li jaħdmu f’kuntratti mhux standard: il-KESE jaqbel ma’ dak li ssuġġeriet il-Eurofound, u jitlob lil dawk li jfasslu l-politika jagħtu attenzjoni partikolari għal dawn il-kwistjonijiet li ssemmew diġà mill-KESE fid-dokumenti msemmija hawn fuq.

4.   Il-futur huwa issa: (a) Azzjonijiet u proposti

4.1

Fil-kuntest il-ġdid tax-xogħol li qed jinbidel b’rata mgħaġġla, huwa diffiċli li jiġu identifikati professjonijiet ġodda — u l-ħiliet rilevanti — b’mod teoretiku. Normalment, is-suq tax-xogħol jantiċipa d-definizzjoni ta’ profili professjonali ġodda skont il-ħtiġijiet tiegħu, u dan ta’ spiss isir bl-involviment tal-intrapriżi u l-imsieħba soċjali. In-negozjar kollettiv fil-livelli kollha — f’konformità mad-dritt u l-prattiki nazzjonali — u l-mekkaniżmi tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-livell tad-ditti huma għodod rilevanti sabiex jiġu indirizzati l-bidliet fil-ħiliet u fil-ħtiġijiet ta’ taħriġ u sabiex ikunu jistgħu jiġu antiċipati dawn il-bidliet u tiżdied l-innovazzjoni.

4.2

Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-fatt li hemm metodi ġodda, bħall-analiżi tal-big data, li jistgħu jgħinu fil-ksib ta’ sinjali rapidi ta’ bidla f’dak li jirrigwarda l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol: dawn it-tekniki jikkomplementaw l-għodod tradizzjonali ta’ tbassir u ta’ antiċipazjoni ta’ ħiliet oħra u jistgħu jgħinu biex jinkiseb fehim aħjar tad-domanda għall-ħiliet li tinbidel malajr f’kuntest ta’ adozzjoni rapida ta’ teknoloġiji ġodda.

4.3

Il-forom ta’ proliferazzjoni ta’ impjieg mhux standard fl-ekonomija diġitali jwasslu għall-bżonn ta’ livelli adatti ta’ regolazzjoni sabiex il-protezzjoni soċjali u l-aċċess ugwali għat-taħriġ u l-kwalifiki tal-ħiliet ikunu ggarantiti għal kulħadd, inklużi għall-ħaddiema mhux standard (24). Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk dan id-dritt individwali għat-taħriġ għandux ikun portabbli, jiġifieri jekk il-persuni għandhomx ikunu jistgħu jittrasferixxuh bejn l-impjegaturi u bejn pajjiżi differenti.

4.4

Il-KESE jqis li huwa kruċjali wkoll li tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-tagħlim tul il-ħajja u li jiġi ddeterminat, flimkien mal-intrapriżi, il-kontenut tat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol b’tali mod li jirriżulta f’benefiċċji għall-ħaddiema u l-intrapriżi bl-istess mod. L-aċċess ugwali tal-ħaddiema għal tagħlim relatat mal-impjieg u għal taħriġ vokazzjonali kontinwu għandu jiġi żgurat billi jsir investiment fi programmi u għodod differenti. Jista’ jiġi sfruttat ukoll il-potenzjal offrut mill-pjattaformi tat-tagħlim onlajn u dawk diġitali; madankollu, l-użu tagħhom għandu jsir abbażi ta’ ftehim mill-imsieħba soċjali biex jiġi żgurat li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol u l-ħin liberu tal-ħaddiema. Huwa importanti li jiġi rikonoxxut li t-tagħlim tul il-ħajja jista' jkun formali, mhux formali jew informali fin-natura tiegħu. It-tagħlim kollu jista’ jġib valur miżjud, jekk jitfassal kif imiss fost l-atturi rilevanti. Il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali hija importanti sabiex il-ħiliet u l-kompetenzi tal-individwi jittejbu u jkun jista’ jagħti xhieda tagħhom.

4.5

L-involviment tal-ħaddiema fi kwalunkwe skema li tirrigwarda l-użu korrett tat-teknoloġija fl-intrapriża huwa fundamentali. Dan se jiżgura li huma se jingħataw l-għodod u t-taħriġ li se jippermettulhom jiġġestixxu t-teknoloġija fil-qasam tagħhom, iżda anke li ser jieħdu sehem fil-proċess tal-innovazzjoni, u b’hekk jiġi żgurat li s-sensibilizzazzjoni ser tittrasforma l-biża’ tal-bidla f’opportunitajiet għal tkabbir personali u professjonali.

4.6

Il-KESE jenfasizza l-importanza li tittieħed azzjoni tanġibbli sabiex is-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni u tat-taħriġ ikunu megħjuna jadattaw il-programmi tagħhom malajr kemm jista’ jkun, sabiex b’hekk il-kurrikuli u s-sistemi bbażati fix-xogħol ikunu jistgħu jikkorrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u jiġi żgurat li s-sistemi tat-taħriġ u tal-edukazzjoni jkunu effettivi b’mod li jilħqu lil kulħadd, inklużi l-ħaddiema f’riskju ta’ esklużjoni minħabba l-forom ġodda ta’ impjieg xprunati diġitalment, bħall-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet, il-persuni b’diżabbiltà u l-popolazzjoni rurali, f’żoni fejn il-penetrazzjoni tal-broadband hija ferm inqas milli fiż-żoni metropolitani. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi relatati f’dawk l-Istati Membri fejn huma ta’ piż. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-qafas tal-proċess tas-Semestru Ewropew, jadottaw miżuri prattiċi, pereżempju: mekkaniżmi ġodda ta’ monitoraġġ fil-livell tal-UE sabiex tinġabar u tiġi vvalutata data dwar ir-riżultati li nkisbu fil-livell nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-kopertura diġitali u tat-taħriġ tul il-ħajja; l-iffissar ta’ punti ġodda ta’ riferiment sabiex jinkisbu livelli edukattivi bażiċi komuni ġodda u skemi ta’ ħiliet diġitali fil-livell tal-UE u jiġi evitat li jikber id-distakk fost il-pajjiżi tal-UE; it-tisħiħ tas-sinerġiji fost il-pajjiżi permezz tal-parteċipazzjoni f’netwerks ta’ infrastrutturi elettroniċi; l-istabbiliment ta’ kriterji sodi bbażati fuq ir-riżultati għall-allokazzjoni tal-fondi u l-provvediment ta’ inċentivi għat-titjib tal-koeżjoni fost l-Istati Membri tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom.

4.7

Tabilħaqq, il-KESE jinsab imħasseb dwar il-futur tal-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet, u b’mod aktar ġenerali tal-gruppi vulnerabbli fl-Ewropa. Huwa jibża’ li l-azzjoni tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet “Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet” tista’ ma tkunx biżżejjed sabiex tiġi indirizzata l-problema. Kif wera s-CEDEFOP reċentement (25), id-definizzjoni ta' dan il-grupp kbir, li jinkludi kategoriji differenti ta’ persuni żvantaġġati, hija kumplessa u ma tinftiehemx tajjeb, filwaqt li n-numri huma inkwetanti — pereżempju, fl-2015 adult wieħed Ewropew minn kull erba’ ta’ bejn il-25 u l-64 sena (madwar 64 miljun adult) kien għad kellu biss livell baxx ta’ kwalifiki, filwaqt li s-sehem tal-popolazzjoni adulta b’livell baxx ta’ ħiliet konjittivi fil-litteriżmu u n-numeriżmu kien 18 % u 20 % rispettivament. Id-data tas-CEDEFOP turi li huwa inqas probabbli li dan il-grupp jieħu sehem f'attivitajiet ta’ tagħlim. Minħabba li l-istudju wera li l-investiment fil-ħiliet jagħti r-riżultati, il-KESE jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel aktar biex tiżgura li l-gruppi vulnerabbli bħall-persjuni li qed jixjieħu jkunu kapaċi u mħeġġa jieħdu sehem f'attivitajiet ta' tagħlim għall-adulti, sabiex jiġi evitat ir-riskju li dawn jiġu marġinalizzati fis-suq tax-xogħol. Huwa importanti wkoll li jintlaħqu l-ħaddiema fil-grupp ta’ età bejn il-55 u l-64 sena peress li ta’ spiss dawn huma l-inqas probabbli li jieħdu sehem fit-tagħlim tul il-ħajja. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-adattament tal-makkinarju u s-softwer ta’ teknoloġija ġdida biex ikunu jistgħu jintużaw ukoll mill-persuni b’diżabbiltà.

4.8

Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll għall-miżuri speċifiċi għas-sessi sabiex jiġi eliminat id-distakk diġitali; id-differenzi persistenti bejn is-sessi fil-qasam tal-istudju jistgħu jfissru li n-nisa ser jibbenefikaw inqas minn opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi f’okkupazzjonijietrelatati max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (kollettivament miġburin taħt l-akronimu Ingliż STEM); flessibbiltà akbar fix-xogħol tista’ żżid l-impjieg fost in-nisa iżda jista’ jkollha wkoll impatt negattiv fuq il-kwalità tal-impjiegi tagħhom (26).

4.9

F’din is-sitwazzjoni ta’ bidla rapida u kontinwa, huwa essenzjali li kull persuna tiġi offruta bosta u diversi opportunitajiet ta’ tagħlim li jistgħu jwasslu għall-ksib ta’ ħiliet validi (li jistgħu jintużaw) għas-suq tax-xogħol u fi ħdanu, b’konformità mad-dimensjoni diġitali tad-dinja l-ġdida, filwaqt li kull persuna tiġi protetta mir-riskju li tiġi eskluża mis-suq tax-xogħol jew tiġi relegata għal forom ta’ xogħol prekarju. L-aspettattivi tal-ħaddiema u l-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol għandhom jiġu riflessi fl-iskemi disponibbli tal-edukazzjoni u t-taħriġ, sabiex b’hekk l-intrapriżi jkunu jistgħu jikbru u l-persuni jkunu jistgħu jsibu impjieg jew jirnexxu fl-impjieg eżistenti tagħhom, b’konformità mal-ħtiġijiet, l-antiċipazzjonijiet u l-kompetenzi tagħhom. L-involviment attiv tal-ħaddiema fi skemi ta’ tagħlim tul il-ħajja u ta’ taħriġ fil-post tax-xogħol huwa condicio sine qua non għat-tkabbir u l-kompetittività tal-intrapriżi, għall-impjegabbiltà tal-ħaddiema u għall-iżgurar ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba.

4.10

Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li tiżdied il-provvista tat-tagħlim tul il-ħajja u l-parteċipazzjoni fih bl-għan li jittejbu l-prestazzjoni tal-intrapriżi u t-tkabbir personali u professjonali tal-ħaddiema. Għandhom jiġu adottati miżuri prattiċi sabiex tiġi żgurata l-provvista tat-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd kif ukoll il-parteċipazzjoni fih (27) — abbażi tal-ħtiġijiet identifikati — li għandu jiġi pprovdut fuq il-bażi ta’ kondiviżjoni adegwata tal-ispejjeż u l-ġestjoni bejn il-gvernijiet, l-impjegaturi u l-ħaddiema u f’kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet pubbliċi u privati u l-imsieħba soċjali. Il-KESE hawnhekk jinnota li għandhom jittieħdu passi biex jiġi kkontrollat jekk humiex meħtieġa miżuri u liema sabiex jiġi stabbilit id-dritt għal liv edukattiv imħallas u li l-miżuri tal-UE għandhom jiġu kkunsidrati bil-ħsieb li l-prattika tajba fil-qasam ta’ standards minimi dwar id-drittijiet għal liv edukattiv issir prattika standard f’xi Stati Membri (28). Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal offensiva ta’ kwalifiki bħala appoġġ id-diġitalizzazzjoni dejjem tikber tas-swieq tax-xogħol tagħna, sabiex jiġu pprovduti inċentivi għall-investiment kemm fil-livell tal-kumpaniji kif ukoll fis-settur pubbliku, jiġi promoss l-investiment pubbliku u privat fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.

4.11

Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ggarantit aċċess ugwali għas-servizzi diġitali għal kulħadd, speċjalment l-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà, sabiex b’hekk l-għanijiet teknoloġiċi ġodda ma jkunux ostaklu, iżda opportunità ġenwina u ewlenija għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni jew ostakli. Huwa jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jsibu strumenti biex jiġi ggarantit appoġġ adegwat għal kulħadd f'din is-“soċjetà ġdida” u, fl-istess ħin, jiżguraw li s-settur pubbliku jkollu r-riżorsi li jeħtieġ biex jindirizza dawn il-ħtiġijiet. Dawk li, b’mod partikolari, jinsabu fir-riskju li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-awtomatizzazzjoni għandhom jingħataw taħriġ li jippermettilhom jiġu mgħallma ħiliet ġodda.

4.12

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżviluppaw skemi — bl-involviment tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili — biex jagħtu possibbiltajiet ta’ aċċess bla ħlas għat-taħriġ, vawċers għat-taħriġ jew il-kondiviżjoni konġunta tal-ispejjeż għal dawk li ma jkunux f’pożizzjoni li jġarrbu l-ispejjeż. Meta l-ħaddiema jkollhom bżonn iwettqu taħriġ addizzjonali, huwa importanti li jinstab bilanċ bejn l-impenji fil-konfront tal-ħin imqatta’ x-xogħol u l-ħin iddedikat għat-tagħlim li jkun aċċettabbli kemm għall-ħaddiem kif ukoll għall-impjegatur. F’dan ir-rigward, il-KESE jtenni l-importanza li jiġu eżaminati u kondiviżi esperjenzi dwar kif it-taħriġ jiġi organizzat u pprovdut fi Stati Membri differenti, inkluża, pereżempju, il-multitudni ta’ prattiki fuq il-post tax-xogħol li għandhom l-għan li jipprovdu tagħlim tul il-ħajja fl-impjiegu l-prattika tal-liv għat-taħriġ — li xi ftit minnu huwa mħallas — li għandhom jitħeġġu u jiġu appoġġjati fl-UE kollha.

4.13

Il-kwalità tal-investimenti fit-tkabbir inklużiv u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba huma essenzjali. Għalhekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pprovduti riżorsi adegwati biex jakkumpanjaw it-tranżizzjoni għal bidla teknoloġika u d-diġitalizzazzjoni, li jindirizzaw l-urġenza li jinkisbu l-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti, mhux biss fil-livell tal-post tax-xogħol, iżda anke permezz tal-iżvilupp ta’ sistemi effettivi ta’ taħriġ, sabiex jiġi żgurat adattament kontinwu tal-ħiliet. Il-KESE jqis li hija prijorità li jiġu identifikati linji ta’ finanzjament speċifiċi ddedikati għal din it-tranżizzjoni u li jiġu vvalutati kriterji ġodda bbażati fuq ir-riżultati għall-allokazzjoni tagħhom.

4.14

Il-KESE jitlob ukoll lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu possibbli tal-Fondi Strutturali, b’mod paritkolari l-Fond Soċjali Ewropew — li l-prijoritajiet tagħhom għall-investiment fil-kapital uman għandhom jiġu kkonfermati u ssalvagwardjati — għall-adattament tal-kompetenzi, bħala għodda komplementari. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, flimkien mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili, għandhom jiżviluppaw qafas ta’ kriterji komuni sabiex ikun hemm fehim reċiproku tal-ħtiġijiet u l-għanijiet ġodda b’rabta mal-ħiliet, filwaqt li jqisu: minn naħa waħda, id-differenzi fost l-Unjoni Ewropea u l-mobbiltà mhux biss tal-persuni fiżiċi iżda anke tal-kontenut tax-xogħol; u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit ta’ livelli omoġenji ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet sabiex titrawwem il-koeżjoni fost il-pajjiżi tal-UE.

4.15

Għodod aġġornati kif imiss, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, huma utli għat-trasparenza tal-kwalifiki miksuba.

4.16

Naturalment, fir-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali, il-ħiliet diġitali huma importanti ħafna. F’dan il-kuntest, il-ħiliet bażiċi (l-iżjed, fil-matematika, il-fiżika, il-kimika u l-bijoloġija), li huma mgħallma wkoll fl-istituti tekniċi u professjonali, kif ukoll il-ħiliet lingwistiċi avvanzati, iridu jingħataw valur ġdid rikonoxxut: mingħajrhom, mhuwiex possibbli li jsir il-pass li jmiss lejn il-ħiliet teknoloġiċi u tal-informatika speċjalizzati ħafna li huma meħtieġa sabiex wieħed jaħdem f’ambjenti fejn id-diġitalizzazzjoni u r-robotika huma l-kunċetti ewlenin tal-professjonaliżmu.

4.17

L-għarfien bażiku huwa essenzjali, peress li jrawwem il-ħsieb kritiku li huwa meħtieġ għall-għażla ta’ sorsi ta’ informazzjoni u għall-komprensjoni ta’ teknoloġiji ġodda. Madankollu, għandha tingħata aktar attenzjoni kemm lill-ħiliet tekniċi u speċjalizzati kif ukoll lill-ħiliet personali; dawn tal-ewwel huma meħtieġa fil-proċessi ta’ produzzjoni, iżda dawn tal-aħħar jistgħu jgħinu lill-ħaddiema jiġġestixxu xenarji kumplessi u li jinbidlu. Ċertament, il-komplementarjetà tal-ħiliet ser twassal għal futur ta’ suċċess. Rigward ħiliet personali b’mod partikolari, jinħtieġ ukoll li jingħata taħriġ adegwat lill-għalliema u lil dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ, u li l-familji jiġu megħjuna jsiru konxji tal-importanza tagħhom.

4.18

Il-KESE jappoġġja approċċ li jagħmel enfasi qawwija fuq il-ħiliet personali — bħas-soluzzjoni ta’ problemi kumplessi, il-ħsieb kritiku, ix-xogħol f’tim, it-tiftix tas-sens fl-affarijiet ta’ madwarhom, ħsieb innovattiv u ta' adattament, kompetenzi transkulturali, kollaborazzjoni virtwali, flessibbiltà konjittiva, eċċ. –, peress li dawn huma elementi ewlenin tal-iżvilupp uman u jistgħu jgħinu lill-ħaddiema biex jaħsbu b’mod awtonomu, qabel ma jintalbu jsiru diġitalment kompetenti. Il-KESE jissuġġerixxi li tingħata attenzjoni partikolari lill-iżvilupp ta’ dawn il-ħiliet fir-reviżjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kompetenzi Ewlenin.

4.19

Jeħtieġ li tingħata informazzjoni ddedikata dwar id-dinja tax-xogħol u l-orjentazzjoni fir-rigward tal-opportunitajiet tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tax-xogħol liż-żgħażagħ fl-iskejjel, sabiex din isservi ta’ gwida għall-iżvilupp kontinwu u l-perkors tal-karriera tagħhom, iżda l-gwida tul il-ħajja se tkun essenzjali wkoll fil-ġejjieni. L-għażla tal-professjoni hija deċiżjoni kruċjali. Il-wiri ta' varjetà ta’ taħriġ u karrieri professjonali disponibbli liż-żgħażagħ iservi bħala gwida li tippermettilhom jagħmlu għażliet infurmati.

4.20

L-iskejjel, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ joffru taħlita ta’ għarfien ġdid u modi ġodda ta’ tagħlim, abbażi tal-konnessjoni tagħhom mat-territorju, minn naħa waħda, u l-missjoni tagħhom, min-naħa l-oħra. Il-KESE jqis li huwa importanti li r-rwol u l-attivitajiet tagħhom jingħaqdu mar-rwol tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet ċentrali u lokali, kif ukoll mad-dinja tax-xogħol. Dan il-proċess għandu jiġi mħeġġeġ u appoġġjat, filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol ċentrali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-djalogu soċjali, li l-ewwel għandu jiġi żviluppat fil-livell lokali u territorjali.

4.21

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa aktar it-twaqqif ta’ “reġistru aġġornat ta’ prattika tajba” li jkollu l-potenzjal li jservi bħala faċilitatur għal dibattitu madwar l-UE kollha sabiex jiġu identifikati linji gwida u standards ibbażati fuq l-aħjar prattiki fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali.

4.22

Il-kompetenzi li jinkisbu permezz tal-perkorsi ta’ tagħlim mhux formali u informali huma dejjem aktar importanti. Fl-Opinjoni tiegħu tal-2015 (29), il-KESE enfasizza l-ħtieġa li jsir dak li hemm bżonn b’mod li s-sistemi nazzjonali tal-kwalifiki jiżguraw il-validazzjoni tagħhom (skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2012/C 398/01 (30)), u l-ħtieġa li jiġi enfasizzat ir-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili organizzata f’dan il-proċess. Bis-saħħa ta’ validazzjoni adatta (l-identifikazzjoni, id-dokumentazzjoni, il-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni) il-valur miżjud tagħhom jinġab fis-suq tax-xogħol, u sservi biex tenfasizza l-għarfien professjonali individwali, jiġifieri l-għarfien tal-kapaċitajiet individwali. Għalhekk, huwa kruċjali li s-servizzi tal-impjieg u l-“aġenziji privati/pubbliċi” jitħeġġu jsiu ferm aktar attivi f’dan. Il-validazzjoni għandha tkun aċċessibbli u affordabbli sabiex tkun ta’ benefiċċju kemm għall-impjegati kif ukoll għall-impjegaturi.

4.23

Il-KESE jindika l-għaxar azzjonijiet ta’ prijorità tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet: l-Inizjattiva għall-Perkors ta’ Titjib tal-Ħiliet, li s-settur tal-ETV isir l-ewwel għażla, il-Qafas tal-Kompetenzi Prinċipali, il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, il-QEK, l-Għodod tal-Profil tal-Ħiliet għal Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi, il-Qafas tal-Europass, il-ġbir ta’ data sabiex jiġi indirizzat ir-riskju tal-eżodu tal-imħuħ, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet u, finalment, ir-rakkomandazzjoni li jsir stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati huma kollha għodod utli sabiex il-persuni jingħataw il-kompetenzi adatti.

4.24

Għal tranżizzjoni ġusta u sabiex il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol jirnexxu, hemm bżonn ta’ servizzi tal-impjieg ugwalment effiċjenti, li jkunu kapaċi mhux biss li jiġġestixxu d-domanda u l-provvista tal-impjiegi, iżda anke li joffru gwida u konsulenza lil dawk li jkunu qed ifittxu impjieg. Il-KESE jitlob lill-Istati Membri jinvestu aktar riżorsi fit-titjib tal-effettività, l-effiċjenza iżda wkoll il-kapaċità tas-servizzi tal-impjieg u l-persunal tagħhom, kif ukoll fit-tfassil ta’ għodod sabiex jiġu appoġġjati dawk il-persuni li għad mhumiex fis-suq tax-xogħol. B’dan il-mod, il-ħaddiema jistgħu jiġu offruti l-opportunità li jilħqu intraprendituri kapaċi li japprezzaw il-valur u l-kompetenzi tagħhom f’ċirku virtwuż b’saħħtu ta’ tkabbir professjonali u kompetizzjoni korporattiva.

4.25

Fir-rigward tal-opportunitajiet ta’ impjieg, huwa importanti ħafna għall-UE li tindirizza l-kwistjoni tal-hekk imsejjaħ eżodu tal-imħuħ, jiġifieri t-telf minn ċerti Stati Membri tal-kapital uman tagħhom b’livell għoli ta’ ħiliet. Idealment, il-mobbiltà fl-Ewropa għandha tħeġġeġ skambju tal-imħuħ bejn il-pajjiżi, jiġifieri twassal għal arrikkiment li jibbenefikaw minnu l-Istati Membri kollha. Madankollu, ir-realtà hija differenti. Ċerti pajjiżi tal-UE — l-aktar il-pajjiżi Ewropej tal-Punent u tat-Tramuntana — huma ferm aktar attraenti għal ħaddiema mobbli mill-aktar pajjiżi fraġli u l-inqas strutturati — l-aktar il-pajjiżi Ewropej tal-Lvant u tan-Nofsinhar — minħabba d-disponibbiltà akbar ta’ impjiegi u l-kapaċità tagħhom li joffru pagi ogħla. Prinċipalment hija l-Industrija 4.0, mill-qasam tal-manifattura sa dak tas-servizzi u r-riċerka, iżda anke oqsma oħra bħas-setturi mediċi u tar-riċerka, liema industrija, min-natura tagħha, tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għal dan l-eżodu. Dan iwassal għal fluss ’il barra konsiderevoli ta’ ħaddiema, ħiliet u talent mill-pajjiżi ta’ oriġini, li jirriżulta f’nuqqas ta’ kompetittività, kif ukoll f’telf tal-investiment tagħhom fl-edukazzjoni u fl-introjtu nazzjonali mit-taxxi (31). F’ċerti każijiet, il-persuni mobbli bi kwalifiki għolja ma jsibux impjiegi li jaqblu mal-kwalifiki tagħhom fis-suq tax-xogħol tal-pajjiż ospitanti, u jispiċċaw f’impjiegi li huma kkwalifikati żżejjed għalihom. Dan jista’ jiġi evitat jekk l-Ewropa tħeġġeġ skambji ta’ impjiegi bejn intrapriżi minn Stati Membri differenti. Mil-lat aktar ġenerali, jeħtieġ li jsiru sforzi akbar fil-livell tal-UE sabiex tiġi promossa l-konverġenza lejn tkabbir inklużiv, ekonomiku, xprunat mill-innovazzjoni u li li joħloq l-impjiegi u aktar koeżjoni soċjali.

4.26

Kwistjoni importanti ħafna li għandha tiġi indirizzata hija s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. X’aktarx, l-innovazzjonijiet teknoloġiċi ser jissostitwixxu x-xogħol tqil u perikoluż, u b’hekk tittejjeb il-kwalità tax-xogħol, iżda jistgħu jinħolqu patoloġiji ġodda, b’mod partikolari għat-(tele)ħaddiema iżolati. Id-djalogu soċjali fil-livell Ewropew, nazzjonali u tal-industrija huwa l-għodda utli biex jiġi eżaminat jekk u sa liema opunt is-saħħa tal-impjegati u l-ħajja privata tagħhom jitolbu protezzjoni addizzjonali fi żmien ta’ komunikazzjoni mobbli kullimkien, u liema miżuri huma adatti f’dan ir-rigward. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġu identifikati l-mezzi sabiex dawn jiġu evitati: eżempju wieħed ta’ dan huwa l-hekk imsejjaħ “dritt tal-iskonnettjar” li reċentement ġie rikonoxxut fi Franza, u li ġie applikat f’ċerti ftehimiet fil-livell tas-setturi u tal-intrapriżi f’ċerti pajjiżi tal-UE, iżda li għadu ma ġiex ivvalutat fil-livell tal-UE. Jeħtieġ li dan jiġi vvalutat iżjed fil-livell tal-UE, filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet dwar il-ħin tax-xogħol u b’konformità mal-approċċ il-ġdid għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

4.27

L-Internet tal-Oġġetti (IoT), il-privatezza u l-big data huma kwistjonijiet oħra ta’ rilevanza primarja f’dak li għandu x’jaqsam mal-familjarità mat-taħriġ diġitalizzat u l-għodod tat-tagħlim elettroniku u l-isfidi marbutin mal-protezzjoni tad-data f’dan ir-rigward. Ir-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur għandu wkoll jiġi enfasizzat minħabba li dawn jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-tfassil ta’ għodod ġodda sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar marbutin mal-ħtieġa li tiġi ggarantita l-privatezza tal-persuni f’dak li jirrigwarda x-xiri u l-użu tas-servizzi tat-tagħlim onlajn (32).

5.   Il-futur huwa issa: (b) Eżempji tal-aħjar prattiki sabiex il-ħaddiema jiġu mħarrġa mill-ġdid u jittejbu l-ħiliet tagħhom

5.1

Fost l-aħjar prattiki rikonoxxuti nsibu r-Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER, jiġifieri materjal edukattiv diġitali li jsir disponibbli b’liċenzji li jippermettu li jista’ jerġa’ jintuża, jiġi modifikat u distribwit) u l-Korsijiet Onlajn Miftuħin Massivi (MOOC, jiġifieri korsijiet tan-netwerk miftuħa, imfassla għal tagħlim mill-bogħod). Għalkemm dawn huma relattivament reċenti iżda mhux ġodda, huwa importanti li jiżdiedu l-konsulenza u l-informazzjoni dwarhom. L-użu ta' OERs u MOOCs jista’ jkun għodda importanti sabiex jinfetaħ l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ b’mod effiċjenti fl-użu tar-riżorsi li jippermetti lill-persuni jsibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-impenji tal-familja.

5.2

Il-KESE jqis Qafas Ewropew għall-Kompetenza fl-Elettronika bħala għodda siewja fil-livell Ewropew: dan jipprovdi referenza ta’ 40 kompetenza applikati fil-post tax-xogħol tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni, bl-użu ta’ sistema komuni għal-livelli tal-kompetenzi, il-ħiliet, l-għarfien u l-profiċjenza li tista’ tinftiehem madwar l-Ewropa kollha, inklużi rekwiżiti tal-ħiliet u l-għarfien ta’ professjonisti, professjonijiet u organizzazzjonijiet tal-ICT f’ħames livelli ta’ profiċjenza, u huwa mfassal biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-individwi, in-negozji u organizzazzjonijiet oħra fis-setturi pubbliċi u privati, b’mod partikolari l-istituzzjonijiet u l-kumpaniji tat-taħriġ.

5.3

Fir-rigward tat-taħriġ vokazzjonali bbażat fil-kumpaniji, is-sistemi doppji tat-taħriġ vokazzjonali f’pajjiżi bħall-Awstrija, il-Ġermanja, id-Danimarka u n-Netherlands għandhom jitqiesu bħala l-aħjar prattika minħabba l-involviment tal-imsieħba soċjali fl-adozzjoni kontinwa tas-sistemi tal-ETV lejn id-dinja tax-xogħol ġdida xprunata diġitalment (33).

5.4

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Fundación Estatal para la Formación en el Empleo (FUNDAE) ta’ Spanja, l-Organismes paritaires collecteurs agréés (OPCA) ta’ Franza u l-Fondi Interprofessionali per la Formazione Continua tal-Italja huma eżempji tal-aħjar prattiki mil-lat tal-finanzjament ta’ korsijiet ta’ taħriġ fil-post tax-xogħol, u jemmen li dawn jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-aġġornament tal-ħiliet diġitali tal-ħaddiema.

5.5

B’mod simili, skemi individwali għat-taħriġ jistgħu wkoll ikunu utli: pereżempju, fi Franza hemm: il-Kont Personali tat-Taħriġ (CPF), il-Liv għal Taħriġ Individwali (CIF), il-Liv għall-Valutazzjoni tat-Taħriġ (CBC) u l-Liv għall-Validazzjoni tal-Esperjenza Miksuba (CVAE).

5.6

Fl-Italja, hemm żewġ tipi ta’ liv għat-taħriġ: l-ewwel wieħed jingħata sabiex wieħed ilesti l-attivitajiet edukattivi u ta’ taħriġ tal-iskola u/jew tal-università li ma jingħatawx mill-impjegaturi. It-tieni wieħed jingħata kemm għal dawk il-persuni impjegati kif ukoll għal dawk qiegħda u huwa maħsub li jiggarantixxi d-dritt għat-tagħlim tul il-ħajja tal-ħaddiema; il-mod li bih il-ħaddiema jiġu identifikati, il-ħin li huma permessi jiddedikaw u l-introjtu li huma jirċievu ġew identifikati min-negozjar kollettiv. Fl-aħħar, għal darb’oħra fl-Italja, insibu l-vawċer għat-taħriġ (voucher formativo): dan huwa tip ta’ fond individwali għall-attivitajiet tat-taħriġ sabiex tissaħħaħ l-impjegabbiltà tal-persuni permezz ta’ korsijiet tat-taħriġ professjonali u innovattivi.

5.7

Il-Ġermanja hija waħda mill-pajjiżi bl-ogħla perċentwal ta’ forza tax-xogħol fid-dinja u bl-inqas rata ta’ qgħad: skont stħarriġ tal-OECD, il-perċentwal tal-impjieg mhuwiex affettwat mil-livell għoli ta’ awtomatizzazzjoni, peress li l-ħaddiema huma mħarrġa biex jużaw ir-robots u f’każ li l-impjiegi tagħhom jiġu sostitwiti mir-robotizzazzjoni, dawn jiġu ggwidati lejn impjiegi oħra. Madankollu, f’ċerti oqsma hemm domanda inqas għall-impjieg u l-persuni li jidħlu fis-suq tax-xogħol jista’ ma jkollhomx it-taħriġ meħtieġ b’rabta mal-ħiliet diġitali sabiex isibu xogħol. L-imsieħba soċjali Ġermaniżi ddeċidew li jilqgħu l-isfida tal-innovazzjoni u bdew jinnegozjaw dwar kif għandhom jindirizzaw din l-isfida fis-suq tax-xogħol.

5.8

Fi Franza, is-sena l-oħra ġiet approvata l-liġi dwar id-dritt tal-iskonnettjar u fl-Italja, id-dibattitu dwar din il-kwistjoni huwa miftuħ u rikonoxxut f’ċerti ftehimiet kollettivi.

5.9

Il-KESE jqis li ż-żgħażagħ fl-ewwel stadji tal-edukazzjoni u t-taħriġ skolastiċi għandhom jiġu edukati mhux biss dwar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, iżda anke dwar iċ-ċittadinanza attiva bis-sħiħ (34). Fl-aħħar, waħda mill-aħjar prattiki hija l-inklużjoni ta’ kors bażiku ta’ programmar f’bosta skejjel elementari Estonjani.

5.10

Il-pubblikazzjoni reċenti ta’ din is-sena mill-Kummissjoni Ewropea dwar Business cooperating with vocational education and training providers for quality skills and attractive future (35) (Il-kooperazzjoni tan-negozji mal-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali għal ħiliet ta’ kwalità tajba u futur attraenti), tirrapporta bosta prattika tajbin interessanti implimentati f’diversi Stati Membri li, bl-adattamenti meħtieġa, jistgħu jiġu rreplikati b’mod utli xi mkien ieħor:

il-proġett AQUA Awstrijak, sabiex il-ħiliet ta’ persuni qiegħda jitqabblu mal-ħtiġijiet tal-impjegaturi, b’mod partikolari l-SMEs;

il-“Coop Food School” Daniża, sabiex jiġi solvut in-nuqqas dejjem akbar ta’ ħaddiema fl-industrija tal-ikel;

it-“Tech Partnership” tar-Renju Unit, sabiex tiġi stimulata l-provvista ta’ ħaddiema fis-setturi diġitali;

il-Programmi Ġermaniżi ta’ Studju Doppju, sabiex jiġu eliminati n-nuqqasijiet minn isfel għal fuq b’rabta mal-ħiliet;

l-Istituti Tekniki Ogħla Taljani, sabiex jiġi żgurat repertorju stabbli ta' ħiliet fil-livell lokali fis-setturi strateġiċi;

it-“Techwise Twente” Netherlandiż, li fil-mira tiegħu għandu l-istituti tal-ETV sabiex jiġi żgurat li l-ħiliet mgħallma huma dawk meħtieġa mis-settur tal-materjal b’teknoloġija avvanzata;

l-Edukazzjoni Koperattiva Serbjana u Ġermaniża, sabiex tittejjeb il-provvista tal-ħaddiema f’ċerti setturi li jsofru minn nuqqas ta’ ħiliet;

l-Edukazzjoni għan-Negozju Litwana u Latvjana, li permezz tagħha l-kurrikuli tal-programmi tal-ETV ġew aġġornati sabiex jikkonformaw mas-suq tax-xogħol;

il-Kampus Finlandiż “Valkeakoski” li, bis-saħħa tad-djalogu mill-qrib mal-kumpaniji lokali, jippermetti lill-istudenti tal-ETV jiksbu l-ħiliet diġitali t-tajba fi ħdan l-oqsma tal-awtomatizzazzjoni u r-robotika;

il-proġett Slovakk, tar-Repubblika Ċeka u tar-Renju Unit “Step Ahead”, li fil-mira tiegħu għandu l-għalliema tal-ETV sabiex jiġi żgurat li l-ħiliet mgħallma huma dawk meħtieġa mis-suq tax-xogħol;

il-Fondazzjoni tax-Xogħol Spanjola tas-settur tal-Kostruzzjoni, sabiex jiġu aġġornati l-ħiliet tal-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni u jiġu pprovduti kurrikuli aġġornati għat-taħriġ inizjali;

u, fl-aħħar nett,

l-inizjattiva globali “Nestlé YOUth”, li tiżviluppa opportunitajiet doppji ta’ tagħlim u toħloq kurrikuli flimkien mal-iskejjel tal-ETV.

Kull waħda minn dawn l-inizjattivi hija ffukata fuq aspett wieħed jew aktar, bħat-tqabbil tal-provvista mad-domanda, it-tagħlim ibbażat fil-post tax-xogħol, il-ħiliet diġitali u intraprenditorjali, il-mobbiltà u l-inklużjoni soċjali.

Brussell, il-15 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.

(2)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161.

(3)  Kif irrappurtat mis-CEDEFOP. Ara CEDEFOP (2017). People, machines, robots and skills (Persuni, magni, robots u ħiliet). Nota ta’ Informazzjoni.

(4)  OECD (2017). Future of Work and Skills (Il-futur tax-xogħol u tal-ħiliet). Dokument ippreżentat fit-tieni Laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma tal-G20 dwar l-Impjieg. Frar 2017. Ara p. 8.

(5)  Statement of the European social partners on digitalisation (Dikjarazzjoni tal-imsieħba soċjali Ewropej dwar id-diġitalizzazzjoni), iffirmata waqt is-Summit Soċjali Tripartitiku fis-16 ta’ Marzu 2016.

(6)  Kif jirrimarka s-CEDEFOP f’waħda min-noti ta’ informazzjoni tiegħu (ara n-nota 1, hawn fuq), il-qgħad teknoloġiku huwa tema rikorrenti, iżda n-nuqqas ta’ impjiegi fl-era diġitali ser jiddependi mill-intelliġenza tal-bniedem, u mhux mill-intelliġenza artifiċjali.

(7)  Dawn huma elenkati fid-Dikjarazzjoni ta’ Riga dwar il-Ħiliet Diġitali ta’ Marzu 2015, li nħarġet fit-tnedija tal-kampanija tal-2015-2016 dwar il-Ħiliet Diġitali għax-Xogħol u l-Manifest tal-Ħiliet Diġitali; ara l-Konklużjonijiet ta’ Riga ta’ Ġunju 2015.

(8)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 36; ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30; ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45; ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54; ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161; ĠU C 347, 18.12.2010, p. 1; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 74; ĠU C 93, 27.4.2007, p. 38 (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.

(10)  COM(2018) 24 u COM(2108) 22.

(11)  T. Berger u C. Frey (2016), Structural Transformation in the OECD: Digitalisation, Deindustrialisation and the Future of Work (Trasformazzjoni Strutturali fl-OECD: id-Diġitalizzazzjoni, id-Deindustrijalizzazzjoni u l-Futur tax-Xogħol), Dokumenti ta' Ħidma Soċjali, tal-Impjiegi u l-Migrazzjoni tal-OECD, Nru 193, OECD Publishing, Pariġi; u OECD (2016), New Skills for the Digital Economy (Ħiliet Ġodda għall-Ekonomija Diġitali), Dokumenti dwar l-Ekonomija Diġitali tal-OECD, Nru 258, OECD Publishing, Pariġi.

(12)  OECD (2017). Key issues for digital transformation in the G20 (Kwistjonijiet ewlenin għat-trasformazzjoni diġitali fil-G20). Rapport imħejji għal konferenza organuizzata b'mod konġunta mill-Presidenza Ġermaniża tal-G20 u l-OECD. Għal-lista ta' rakkomandazzjonijiet, ara pp 145-149.

(13)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161.

(14)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30.

(15)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54.

(16)  KESE (2017). Impact of digitalization and the on-demand economy on labour markets and the consequences for employment and industrial relations (L-impatt tad-diġitalizzazzjoni u l-ekonomija on-demand fuq is-swieq tax-xogħol u l-konsegwenzi għall-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali). Studju mħejji mnn tim tar-riċerka tas-CEPS.

(17)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.

(18)  Forum Ekonomiku Dinji (2016). The Future of Jobs. Employment, Skill and Workforce Strategy for the Fourth Industrial Revolution (Il-Futur tal-Impjiegi. Strateġija dwar ix-Xogħol, il-Ħiliet u l-Forza tax-Xogħol għar-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali). Global Challenge Insight Report.

(19)  Ara hawn fuq, in-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(20)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Frar 2017 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Regoli ta’ Dritt Ċivili dwar ir-Robotika, A8-0005/2017.

(21)  Ara hawn fuq, in-nota 3 f’qiegħ il-paġna.

(22)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 36ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30.

(23)  Eurofound (2017). Non-standard forms of employment: Recent trends and future prospects. Eurofound, Dublin.

(24)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30.

(25)  CEDEFOP (2017). Investing in skills pays off: The economic and social cost of low-skilled adults in the EU (L-investiment fil-ħiliet jagħti r-riżultati: L-ispejjeż ekonomiċi u soċjali ta’ adulti b’livell baxx ta’ ħiliet fl-UE).

(26)  OECD (2017). Going Digital: The Future of Work for Women (Lejn id-Diġitalizzazzjoni: Il-Futur tax-Xogħol għan-Nisa). Sommarju ta’ Politika dwar il-Futur tax-Xogħol.

(27)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew “L-effiċjenza u l-ekwità fis-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ Ewropej”, COM(2006) 481 final.

(28)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161.

(29)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 49.

(30)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali.

(31)  Schellinger, A. (2017). Brain Drain — Brain Gain: European Labour Markets in Times of Crisis (L-eżodu tal-imħuħ — Il-kisba tal-imħuħ: Is-Swieq tax-Xogħol Ewropej fi Żminijiet ta’ Kriżi). Proġett ta’ Friedrich-Ebert-Stiftung 2015-2017, p. 88.

(32)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 102.

(33)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 57; ĠU C 143, 22.5.2012, p. 94.

(34)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Strateġija ġdida tal-UE dwar l-edukazzjoni”, punt 1.2 ĠU C 81, 2.3.2018, p. 167.

(35)  Kummissjoni Ewropea, 2017. Business cooperating with vocational education and training providers for quality skills and attractive future (Il-kooperazzjoni tan-negozji mal-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali għal ħiliet ta’ kwalità tajba u futur attraenti) (mhux disponibbli bil-Malti). Il-Lussemburgu: Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Il-533 Sessjoni Plenarja tal-KESE, 14.3.2018–15.3.2018

6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Nindirizzaw il-kontenut illegali online. Lejn aktar responsabbiltà fir-rigward tal-pjattaformi online

(COM(2017) 555 final)

(2018/C 237/03)

Relatur:

Bernardo HERNÁNDEZ BATALLER

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea, 17.11.2017

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

9.3.2018

Adottata fis-sessjoni plenarja

14.3.2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

180/4/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-kontenut illegali online huwa problema kumplessa u orizzontali li għandha tiġi indirizzata minn diversi perspettivi, kemm fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riperkussjonijiet tagħha kif ukoll l-armonizzazzjoni tagħha fil-qafas legali tal-Istati Membri.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit qafas regolatorju xieraq u bbilanċjat għall-pjattaformi fis-suq uniku diġitali. Dan jista’ jgħin tiġi stabbilita klima ta’ fiduċja kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi ġenerali, sabiex ikunu jistgħu jużaw il-pjattaformi b’kunfidenza. Għandhom jiġu adottati approċċi ta’ politika regolamentarji u ta’ awtoregolamentazzjoni li jkunu flessibbli, sostenibbli u jindirizzaw l-isfidi b’mod dirett, b’mod partikolari fil-każ tal-proċeduri ta’ skoperta, riċerka, notifika u rtirar ta’ kontenut illegali lill-pjattaformi.

1.2

Il-KESE jqis neċessarju li meta jiġu adottati l-kriterji u l-miżuri għandha tinżamm koerenza ma’ dak li kien previst f’dan ir-rigward fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu. Il-punt tat-tluq għandu jkun li dak li huwa illegali fid-dinja reali għandu jkun hekk ukoll fid-dinja virtwali (online). Il-KESE jenfasizza l-importanza tan-newtralità teknoloġika u tal-koerenza bejn ir-regoli applikati online kif ukoll offline f'sitwazzjonijiet ekwivalenti safejn hu meħtieġ u possibbli.

1.3

Huwa essenzjali li jintlaħaq l-aqwa bilanċ bejn il-limitazzjonijiet previsti bil-kontenut illegali u l-garanzija tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll fir-rigward tad-daqs u l-attività differenti tal-pjattaformi online.

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni tadotta l-miżuri xierqa kontra l-preżenza dejjem tikber ta’ messaġġi vjolenti u/jew diskriminatorji fuq il-pjattaformi online, waqt li jenfasizza l-importanza li jiġu protetti l-persuni vulnerabbli u t-tfal kif ukoll li tiġi miġġielda kwalunkwe forma ta’ razziżmu, sessiżmu, inċitament għat-terroriżmu u fastidju, anke fil-qasam diġitali.

1.4

B’mod partikolari, għandha titqies l-effiċjenza tal-azzjonijiet li għandhom jitwettqu b’rabta ma’ dawk il-pjattaformi online li jkunu bbażati barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tirrevedi u telenka, sa fejn ikun possibbli, il-kontenut illegali espost, ħalli jkun jista jiġi inkorporat ieħor li ma kienx imsemmi b’mod espliċitu fil-Komunikazzjoni.

Fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ gwida għall-proċeduri għall-identifikazzjoni, l-investigazzjoni, in-notifika u l-irtirar għandha tiġi promossa fil-każijiet li ġejjin:

(a)

sabiex jiġu protetti d-drittijiet rikonoxxuti fil-konvenzjonijiet internazzjonali, bħal dawk bil-għan li jipproteġu:

t-tfal mill-kontenut diġitali li jista’ jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

il-persuni b’diżabbiltà mill-kontenut diġitali li jista’ jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità;

(b)

sabiex tiġi żgurata n-nondiskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru b’rabta mal-kontenut diġitali u, l-iżjed, il-kontenut li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal beni jew servizzi u l-użu tagħhom, u għall-iżgurar tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-dinjità tal-bniedem fir-reklamar;

(c)

sabiex jiġi żgurat li l-kontenut diġitali jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Aġenda Diġitali għat-tisħiħ tas-sigurtà u d-drittijiet tal-konsumaturi fis-soċjetà diġitali.

Il-kontenut tal-Komunikazzjoni għandu jirrifletti l-importanza li jista’ jkollu l-kontenut illegali fuq is-suq uniku, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-miżuri ta’ prevenzjoni meħtieġa għall-preservazzjoni tat-tħaddim tiegħu skont il-prinċipji li jsejsuh.

1.5

Ċertament, l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea, hekk kif ippreżentat din il-Komunikazzjoni li b’mod ġenerali tindirizza b’mod xieraq il-preżenza ta’ kontenut illegali fil-pjattaformi online, titqies li hija utli ħafna. Għal dan il-għan, għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġi rivedut il-kontenut tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, id-Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali u d-Direttiva dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, abbażi fost affarijiet oħra ta’ regoli li huma tajbin għall-futur, teknoloġikament newtrali u vitali għall-iżvilupp tal-pjattaformi Ewropej, sabiex ma tinħoloqx inċertezza għall-parteċipanti ekonomiċi jew jiġi limitat l-aċċess għas-servizzi diġitali.

2.   Sfond

2.1

Il-pjattaformi online huma tip ta’ fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jaġixxu ta’ intermedjarji f’ċerta ekosistema diġitali. Dawn kopru firxa wiesgħa ta’ atturi involuti f’għadd kbir ta’ attivitajiet ekonomiċi, bħall-kummerċ elettroniku, il-mezzi ta’ komunikazzjoni, il-magni tat-tiftix, l-ekonomija kollaborattiva, attivitajiet mingħajr profitt, id-distribuzzjoni ta’ kontenut kulturali jew in-netwerks soċjali. Mhuma soġġetti għall-ebda definizzjoni ċara u preċiża. Il-ħolqien tagħhom huwa diffiċli minħabba li min-natura tagħhom jevolvu kontinwament. Attwalment qegħdin jaqdu rwol importanti fis-suq intern li ser jiżdied fil-futur.

2.2

Il-Kummissjoni diġà indirizzat is-suġġett tal-pjattaformi online b’rabta mas-suq uniku diġitali (1), filwaqt li tirrikonoxxi li l-aktar sfida importanti li qiegħda tiffaċċja llum l-UE biex tiggarantixxi l-kompetittività futura tagħha fid-dinja hija li tippromwovi b’mod effiċjenti l-innovazzjoni f'dawn is-setturi ekonomiċi, filwaqt li fl-istess ħin tipproteġi b’mod adegwat l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u l-utenti. Għal dan il-għan hija pprevediet ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar it-telekomunikazzjonijiet, il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi fir-rigward tal-pożizzjoni tas-servizzi ta’ komunikazzjoni online OTT.

2.3

Il-KESE ddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar din il-Komunikazzjoni (2), fejn enfasizza li ħafna pjattaformi online huma elementi importanti tal-ekonomija kollaborattiva, u afferma mill-ġdid il-konklużjonijiet tiegħu dwar l-ekonomija kollaborattiva, b’mod partikolari dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom. Huwa saħaq ukoll dwar il-ħtieġa li jiġi indirizzat ir-riskju ta’ frammentazzjoni regolatorja, u għaldaqstant jidhirlu li jenħtieġ li jiġi adottat approċċ koerenti fl-UE.

2.4

Issa l-Kummissjoni, permezz ta’ din il-Komunikazzjoni, qiegħda tindirizza l-hekk imsejħa “ġlieda kontra l-kontenut illegali online”, biex tippromwovi aktar responsabbiltà fir-rigward tal-pjattaformi online, billi tiġbor serje ta’ prinċipji u linji gwida biex il-pjattaformi online ikunu jistgħu jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra l-kontenut illegali online b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħrajn.

2.4.1

L-għan huwa li tiġi intensifikata l-applikazzjoni ta’ prattiki tajbin fil-prevenzjoni, is-sejbien, l-irtirar jew it-tneħħija tal-aċċess għal kontenut illegali, bil-għan li:

(a)

tiġi żgurata t-tneħħija effettiva tiegħu;

(b)

jiġu promossi t-trasparenza u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali online;

(c)

jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet tal-pjattaformi meta jieħdu miżuri effettivi biex isibu jew jirtiraw kontenut illegali jew biex ineħħu l-aċċess għalih (l-hekk imsejħa azzjonijiet “tas-Samaritan it-Tajjeb”).

2.4.2

Il-qafas legali tal-UE huwa kompost minn regoli obbligatorji u mhux obbligatorji, b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (3) li tarmonizza l-kundizzjonijiet skont liema l-pjattaformi online jistgħu jibbenefikaw mis-suq uniku diġitali għall-eżenzjoni ta’ responsabbiltà għal kontenut illegali li jistgħu jkunu qegħdin jospitaw.

2.4.3

Attwalment fl-UE m’hemmx approċċ armonizzat u koerenti għat-tneħħija ta’ kontenut illegali, inkwantu dak li jitqies bħala illegali huwa stabbilit minn leġislazzjoni speċifika fil-livell tal-UE, kif ukoll mil-liġijiet nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, approċċ aktar armonizzat jippermetti li l-ġlieda kontra l-kontenut illegali tkun aktar effikaċi u sservi għall-iżvilupp tas-suq diġitali.

2.4.4

Il-Komunikazzjoni teżamina l-kriterji li għandhom jiġu stabbiliti, fir-rigward tal-imġiba li għandha tiġi segwita mill-pjattaformi online, l-awtoritajiet kompetenti u l-utenti sabiex jinstab kontenut illegali b’mod rapidu u effiċjenti. Għal dan il-għan tikkunsidra li għandha żżid b’mod sistematiku l-kooperazzjoni tagħha mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u li dawn għandhom jiżguraw li l-korpi ġudizzjarji jistgħu jirreaġixxu b’mod effikaċi kontra l-kontenut illegali online, kif ukoll billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni transkonfinali.

2.4.4.1

Tikkunsidra wkoll li, sabiex l-irtirar tal-kontenut illegali online jkun jista’ jsir b’mod aktar rapidu u affidabbli, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jaġixxu “informaturi affidabbli”. Dawn huma entitajiet speċjalizzati fl-identifikazzjoni tal-kontenut illegali jew strutturi speċifiċi għas-sejbien u l-identifikazzjoni ta’ dak il-kontenut online. Il-Kummissjoni ser teżamina l-possibbiltà li tagħti, fuq livell tal-UE, xi kriterji komuni applikabbli għall-informaturi affidabbli.

2.4.4.2

Fir-rigward tal-komunikazzjonijiet mal-utenti, jitqies li l-pjattaformi online għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu li huwa faċilment aċċessibbli u li jista’ jiġi mmaniġġjat b’faċilità li tippermetti lill-utenti tagħhom jinnotifikaw kontenut miżmum għand dawk li jqisu illegali.

2.4.4.3

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ kwalità fil-komunikazzjonijiet, hija tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi effikaċi li jiffaċilitaw il-preżentazzjoni tal-komunikazzjoni b’biżżejjed preċiżjoni u motivazzjoni.

2.4.5

Ir-rilevanza tal-istabbiliment ta’ miżuri proattivi fil-pjattaformi online għandha tiġi evalwata skont l-eżenzjoni tar-responsabbiltà, kif ukoll l-użu tat-teknoloġija għas-sejbien u l-identifikazzjoni tal-kontenut illegali.

2.4.6

L-irtirar ta’ kontenut illegali huwa aspett ieħor eżaminat fil-Komunikazzjoni li timmira li jiġu stabbiliti garanziji sodi li jillimitaw ir-riskju ta’ rtirar ta’ kontenut mhux illegali. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tikseb l-hekk imsejħa “prontezza” fl-irtirar tal-kontenut u n-notifika ta’ reati lill-forzi tas-sigurtà. Dan minbarra l-promozzjoni tat-trasparenza tal-politika tal-kontenut fil-pjattaformi u l-proċeduri ta’ “notifika u azzjoni”.

2.4.7

Fir-rigward tal-istabbiliment ta’ garanziji kontra l-irtirar abbużiv u l-użu arbitrarju tas-sistema, il-Kummissjoni għandha teżamina l-oppożizzjoni għal komunikazzjoni u l-miżuri kontra n-notifiki u l-kontronotifiki ta’ mala fede.

2.4.8

Il-fatt li jiġi evitat li jidher mill-ġdid kontenut illegali ġie indirizzat billi ġiet eżaminata l-possibbiltà li jiddaħħlu miżuri li jiskoraġġixxu lill-utenti milli jippubblikaw b’mod ripetut kontenut illegali tal-istess tip bil-għan li jintemm it-tixrid tiegħu, filwaqt li jiġi promoss użu u żvilupp aħjar ta’ teknoloġiji mmirati biex jipprevjenu li jidher mill-ġdid kontenut illegali online, pereżempju permezz ta’ filtri awtomatiċi kontra r-ripetizzjoni tal-pubblikazzjoni online.

2.4.9

B’mod definittiv, il-Komunikazzjoni sservi bħala gwida iżda ma tbiddilx il-qafas legali applikabbli u lanqas ma fiha regoli li għandhom jiġu applikati b’mod obbligatorju. L-għan tagħha huwa, fl-ewwel lok, li sservi bħala gwida għall-pjattaformi online dwar l-aħjar mod kif jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kontenut illegali li jistgħu jkunu qegħdin iżommu għandhom. Timmira wkoll li xxerred prattiki tajbin fil-proċessi meħuda kontra d-diversi tipi ta’ kontenut illegali u li tippromwovi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-pjattaformi u l-awtoritajiet kompetenti.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jqis din il-Komunikazzjoni u jistieden lill-Kummissjoni tfassal programmi u tadotta miżuri effettivi li jippermettu li jkun hemm qafas legali konsistenti u stabbli sabiex il-kontenut illegali jitneħħa b’mod effiċjenti. Barra minn hekk, minħabba l-impatt li l-pjattaformi diġitali attwalment għandhom fil-ħajja ta’ kuljum u kif ukoll ir-riskji li jakkumpanjaw l-użu mifrux tagħhom u l-impatt fuq is-suq uniku diġitali, il-Kumitat iqis il-Komunikazzjoni f’waqtha, li l-iskop tagħha hu li tiġi evitata l-frammentazzjoni bejn il-leġislazzjonijiet nazzjonali u jitneħħew l-ostakoli tekniċi, legali u fiskali biex l-intrapriżi, iċ-ċittadini u l-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-għodod u s-servizzi diġitali.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-pjattaformi online jiġġieldu kontra l-kontenut illegali u l-prattiki kummerċjali żleali (pereżempju l-bejgħ mill-ġdid ta' biljetti tad-divertiment bi prezzijiet esaġerati), permezz ta' miżuri regolatorji kkomplementati b'miżuri awtoregolatorji effikaċi (pereżempju, permezz ta' termini ċari ħafna ta' użu u mekkaniżmi xierqa sabiex jiġu identifikati r-reati reċidivi, jew permezz tat-twaqqif ta' timijiet speċjalizzati li jimmoderaw il-kontenut u jittraċċaw il-kontenut illegali) jew billi jiġu adottati miżuri ibridi.

3.2

Il-KESE jqis li għandhom jiġu analizzati u elenkati l-każijiet ta’ kontenut illegali, biex ma jkunux limitati biss għal dawk imsemmija fil-Komunikazzjoni (inċitament għat-terroriżmu, diskors ksenofobiku li jinċita pubblikament il-mibegħda u l-vjolenza, materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal). F’dan ir-rigward jistgħu jiġu inklużi każijiet oħra, bħal dawk relatati mad-defamazzjoni li tkun malizzjuża b’mod ċar, it-tqassim ta' materjal li jkisser id-dinjità tal-bniedem jew il-kontenut sessist li jikkontribwixxi għall-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, mingħajr l-intenzjoni li tiġi stabbilita lista eżawrjenti ta’ każijiet bħal dawn u bil-għan li jiġi stabbilit sett ta’ kriterji biex dawn jiġu elenkati.

Għalhekk, għandha titħeġġeġ l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ gwida għall-proċeduri tad-detezzjoni, l-investigazzjoni, in-notifika u l-irtirar fil-każijiet li ġejjin:

(a)

sabiex jiġu protetti d-drittijiet rikonoxxuti fil-konvenzjonijiet internazzjonali, bħal dawk bil-għan li jipproteġu:

t-tfal mill-kontenut diġitali li jista’ jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

il-persuni b’diżabbiltà mill-kontenut diġitali li jista’ jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità;

(b)

sabiex tiġi żgurata n-nondiskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru b’rabta mal-kontenut diġitali u, l-iżjed, il-kontenut li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal beni jew servizzi u l-użu tagħhom, u għall-iżgurar tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-dinjità tal-bniedem fir-reklamar;

(c)

sabiex jiġi żgurat li l-kontenut diġitali jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Aġenda Diġitali għat-tisħiħ tas-sigurtà u d-drittijiet tal-konsumaturi fis-soċjetà diġitali.

3.3

Il-KESE huwa favur li jissaħħu l-miżuri għall-ġlieda kontra l-kontenut illegali online, b’mod partikolari, sabiex jiġu protetti l-minorenni, jitneħħa l-kontenut relatat mad-diskors ta’ mibegħda u dak marbut mal-inċitament tat-terroriżmu. Għalhekk jitlob li jitqies il-bżonn li jiġu evitati l-fastidju u l-vjolenza kontra l-persuni vulnerabbli.

3.4

Dan minkejja li l-kunċett ta’ kontenut illegali f’kuntesti diġitali jvarja mill-perspettiva legali f’kull Stat Membru, kif ukoll skont kull persuna minn perspettiva etika. B'hekk, jistgħu jingħataw eżempji li mhumiex daqstant evidenti daqs dawk imsemmija, fejn jekk kontenut jitqisx bħala illegali jew le jiddependi mill-interpretazzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ dawk il-kunflitti fejn ikun hemm kolliżjoni bejn id-drittijiet fundamentali, bħal-libertà tal-espressjoni, u drittijiet rikonoxxuti oħrajn, u dawn id-drittijiet iridu jkunu bbilanċjati kemm jista’ jkun biex jiġu pprevenuti kolliżjonijiet bħal dawn. Madankollu, għandha tiġi enfasizzata l-importanza li tittieħed azzjoni kontra t-tixrid tal-aħbarijiet foloz, u l-KESE huwa tal-fehma li l-pjattaformi online għandhom jipprovdu lill-utenti bl-għodod biex jirrapportaw l-aħbarijiet foloz b’tali mod li utenti oħra jkunu jistgħu jiġu infurmati bil-fatt li ġiet iddubitata l-veraċità tal-kontenut. Barra minn hekk, il-pjattaformi online jistgħu jiżviluppaw sħubijiet ma’ sinjalaturi fdati, jiġifieri siti tal-iċċekkjar tal-fatti ċċertifikati sabiex isaħħu l-fiduċja tal-utenti tagħhom fil-validità tal-kontenut online.

3.5

Għal skopijiet illustrattivi, huwa rrakkomandat li jiġu elenkati l-każijiet ta’ kontenut illegali b’tali mod li, kemm jista’ jkun, ikunu jistgħu jikkontribwixxu għal fehim komuni fost l-Istati Membri differenti u b’hekk tiġi ffaċilitata l-prijoritizzazzjoni u l-evalwazzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, hawn taħt huma proposti, fost affarijiet oħra, dawk li huma relatati mal-punti li ġejjin:

sigurtà nazzjonali (terroriżmu, korruzzjoni, traffikar ta’ droga, traffikar ta’ armi, evażjoni tat-taxxa u ħasil tal-flus);

protezzjoni tal-minorenni (pornografija, vjolenza, eċċ.);

traffikar ta’ bnedmin, prostituzzjoni u vjolenza sessista, inkluża l-pubbliċità sessista;

protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem (inċitar tal-mibegħda u tad-diskriminazzjoni abbażi ta’ razza, ġeneru u ideoloġija, fir-rigward tal-orjentazzjoni sesswali);

sigurtà ekonomika (frodi u qerq, piraterija u ffalsifikar, eċċ.);

sigurtà tal-informazzjoni (intrużività diġitali kriminali, provvista għal finijiet kummerċjali, ċirkomvenzjoni kompetittiva, manipulazzjoni tal-informazzjoni, eċċ);

protezzjoni tal-intimità (fastidju elettroniku, filtrazzjoni u użu ta’ data personali, intervent f’komunikazzjonijiet personali, intervent fil-ġeolokalizzazzjoni personali, eċċ.);

protezzjoni tar-reputazzjoni (difamazzjoni, pubbliċità komparattiva illeġittima, eċċ.);

proprjetà intellettwali.

3.5.1

Huwa meqjus ukoll li jenħtieġ li ssir approssimazzjoni kunċettwali ta’ “kontenut illegali” u “kontenut perikoluż” li tevita interpretazzjonijiet ippreġudikati ta’ dawk il-kunċetti.

3.6

Minħabba l-konsegwenzi potenzjali tagħha, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-konċentrazzjoni tal-poter ekonomiku ta’ xi pjattaformi diġitali kif ukoll lill-manifattura, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta’ kontenut purament informattiv, li jidher biss legali, jiġifieri kontenut li jipprova jaħbi elementi illegali jew saħansitra perikolużi.

Dan għandu jiġi estiż ukoll għal kull ma huwa relatat mal-megadata u l-benefiċċji li l-pjattaformi online jiksbu mill-isfruttar ta’ din id-data.

3.7

Barra minn hekk, minħabba n-natura globali tal-problema inkwistjoni, għandha tiġi nnotata l-possibbiltà li jiġu analizzati u previsti inizjattivi ta’ kooperazzjoni u reċiproċità f'dan il-qasam b’mod ottimali u effiċjenti, filwaqt li jitqiesu prinċipji bħal dawk tal-informazzjoni, l-għażla, it-trasferiment progressiv, is-sigurtà, l-integrità tad-data, l-aċċess u l-eżekuzzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

B'rabta mal-kuntest ġenerali, huwa xieraq li ssir riflessjoni dwar reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, adottata fl-2000, kif ukoll dwar il-Prattiki Żleali, adottata fl-2005, u ta’ Pubbliċità, adottata fl-2006. B’mod partikolari, għandhom jitqiesu elementi relatati mal-mudelli ekonomiċi ġodda li qegħdin jitfaċċaw, kif ukoll sitwazzjonijiet oħra fejn ma teżisti l-ebda relazzjoni kummerċjali konvenzjonali; fi kwalunkwe każ, l-iskema ta’ responsabbiltà tal-kontenut fil-pjattaformi għandha tissaħħaħ b’mod armonizzat fl-UE kollha u jitneħħew il-lakuni fil-konformità tagħha. Dan kollu bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà legali u tiżdied il-fiduċja tal-intrapriżi u tal-konsumaturi.

4.1.1

Fi kwalunkwe każ, għandhom jiġu inklużi miżuri kontra siti web li jkunu jiksru d-dispożizzjonijiet tagħha, billi tiġi offruta l-possibbiltà li jitwaqqaf l-aċċess għal paġni web fuq l-internet, bl-użu ta’ proċeduri trasparenti li joffru garanziji adegwati, bil-għan li jiggarantixxu li r-restrizzjoni tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat u li l-utenti jkunu informati dwar ir-raġuni għar-restrizzjoni. Dawn il-garanziji jinkludu wkoll il-possibbiltà ta’ rimedju quddiem il-qrati.

4.1.2

Fir-rigward tas-sejbien u n-notifika ta’ kontenut illegali, il-Komunikazzjoni tistabbilixxi li għandu jiġi evalwat jekk il-qrati nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali jistgħux jadottaw miżuri protettivi u mezzi oħrajn biex jirtiraw jew iwaqqfu l-aċċess għal kontenut illegali. Dan għandu jkun akkumpanjat minn miżuri fformulati fit-termini proposti mill-KESE għall-miżuri previsti fir-Regolament dwar kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-konsumaturi (4).

4.2

Bl-istess mod, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi li jwasslu għall-identifikazzjoni tal-persuni responsabbli kif ukoll il-proċeduri ta’ reazzjoni li jwasslu għar-revoka tal-awtorizzazzjonijiet minn qabel jew wara, u dawk il-miżuri li għandhom jiġu adottati f’kull każ, filwaqt li jitqiesu l-isfond u l-informazzjoni disponibbli.

4.3

Jistgħu wkoll jiġu ddettaljati l-aspetti relatati mal-awtorizzazzjoni tal-kontenut b’rabta mal-komunikazzjonijiet preċedenti. Pereżempju, jistgħu jitfasslu listi ta’ pjattaformi online b’kontenut illegali kif ukoll dawk li qegħdin jiżviluppaw l-aħjar prattiki, li huma rikonoxxuti uffiċjalment u li jikkontribwixxu biex itejbu r-reputazzjoni tan-netwerk u l-fiduċja fih.

L-innovazzjoni tiffavorixxi l-investimenti fir-riċerka, l-iżvilupp u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema u hija importanti ħafna biex jiġu ġġenerati ideat u innovazzjonijiet ġodda. L-innovazzjoni teknoloġika għandha tintuża għall-proċeduri ta’ detezzjoni, identifikazzjoni, tneħħija u prevenzjoni fir-rigward ta’ kontenut illegali, bħall-ipproċessar ta’ informazzjoni u l-intelliġenza diġitali, l-użu ta’ detezzjoni awtomatika u teknoloġiji ta’ filtrazzjoni; fl-aħħar mill-aħħar, madankollu għandu jiġi żgurat li d-deċiżjoni individwali ta’ persuna u l-azzjoni li tittieħed jsiru b’tali mod li jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali u l-valuri demokratiċi.

Waqt li jafferma mill-ġdid li jeħtieġ jinstab bilanċ bejn ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u r-restrizzjoni tal-kontenut illegali, il-KESE jenfasizza li l-użu tat-teknoloġija attwali tal-filtru awtomatizzat ipoġġi piż sproporzjonat fuq l-intermedjarji biex iwettqu n-negozju tagħhom, id-dritt tal-utenti aħħarin għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Is-soluzzjonijiet tat-tip “approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd”, bħall-filtri awtomatiċi għall-upload mill-ġdid, ma għandhomx ikunu sfurzati fuq l-industrija mingħajr ma jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs fis-settur tal-IT. L-aħjar prattiki attwali tat-teknoloġija tal-filtru awtomatizzati jindikaw li hija meħtieġa l-applikazzjoni sistematika tal-prinċipju tal-indħil mill-bniedem. Din hija sistema fejn id-deċiżjonijiet kontestwalizzati finali fuq għadd iżgħar ta’ każijiet kontestabbli jittieħdu dejjem mill-bniedem sabiex titnaqqas il-probabbiltà li jinkiser id-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni. Għandu jkun ċar li l-intelliġenza artifiċjali m’għandhiex tieħu post id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-bnedmin abbażi ta’ valutazzjonijiet etiċi.

4.4

Fir-rigward tal-komunikazzjonijiet, huwa propost li jitnedew proċeduri ta’ akkreditazzjoni għal informaturi affidabbli, filwaqt li fir-rigward ta’ dak li jissejjaħ l-“iżgurar ta’ livell għoli ta’ kwalità tal-komunikazzjonijiet”, għandha tiġi enfasizzata l-ħtieġa li ssir disseminazzjoni pubblika tal-komunikazzjonijiet.

4.5

Fost il-miżuri proattivi, il-Komunikazzjoni ma tipprevedi l-ebda proposta ċara ta’ miżuri proattivi, preventivi u ta’ riedukazzjoni, li jippermettu t-tnedija ta’ serje ta’ inizjattivi politiċi f'dan ir-rigward, u din hija distinzjoni kruċjali sabiex il-ġlieda kontra l-kontenut diġitali illegali ssir b’mod integrat u effiċjenti.

4.6

Għandha tiġi inkluża previżjoni tal-miżuri għall-każijiet fejn iridu jiġu riveduti deċiżjonijiet sabiex dawn ikunu jistgħu jitreġġgħu lura b’soluzzjonijiet ta’ rimborż għal kontenut irtirat b’mod żbaljat jew fejn ikun hemm interessi malizzjużi fil-ħruġ ta’ ċerti messaġġi, b’mod partikolari s-sistemi ta’ talbiet ekstraġudizzjarji, permezz ta’ kodiċi ta’ kondotta li fih ikunu previsti penali f’każ ta’ inadempjenza.

Il-KESE jitlob li jiġu stabbiliti sistemi effettivi għal proċeduri tal-ilmenti u r-riżoluzzjoni tat-tilwim, b’hekk ikun faċilitat il-mod li bih l-SMEs u l-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

4.7

Fir-rigward tal-irtirar tal-kontenut illegali, huwa propost li tissaħħaħ l-effettività tal-proposti billi jiddaħħal element dissważiv b’mod ċar bħal dak tad-diffużjoni pubblika tal-miżuri adottati fil-qafas tas-sigurtà legali korrispondenti, u li barra minn hekk isaħħaħ l-istandards tat-trasparenza, kundizzjoni li hija meħtieġa għal implimentazzjoni ottimali u effiċjenti ta’ proposta regolatorja.

Għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni bejn il-pjattaformi, il-konsumaturi u atturi ekonomiċi oħra. Huwa importanti li tiġi promossa t-trasparenza tas-sistema u tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pjattaformi stess, kif ukoll bejn il-pjattaformi u l-awtoritajiet, sabiex tiġi intensifikata l-ġlieda kontra l-kontenut illegali.

4.8

Fl-aħħar nett, il-proposti speċifiċi immirati lejn it-tfal għandhom jiġu estiżi għal gruppi vulnerabbli oħra fil-popolazzjoni adulta u adattati skont il-vulnerabbiltà tagħhom.

Brussell, l-14 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2016) 288 final tal-25 ta’ Mejju 2016 — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Pjattaformi Online u s-Suq Uniku Diġitali — Opportunitajiet u Sfidi għall-Ewropa.

(2)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 119.

(3)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar il-kummerċ elettroniku (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(4)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 100.


6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/26


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm Copernicus (2014–2020)

(COM(2017) 617 final)

(2018/C 237/04)

Relatur:

Mindaugas MACIULEVIČIUS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.1.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Suq Uniku, Produzzjoni u Konsum

Adottata fis-sezzjoni

9.3.2018

Adottata fil-plenarja

14.3.2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

178/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ r-riżultati miksuba s’issa mill-programm Copernicus kif innotifikat mill-Kummissjoni. Satelliti preċiżi ħafna diġà huma operattivi u qegħdin jibagħtu data globali u ta’ kwalità għolja li timmonitorja d-Dinja fuq bażi ta’ kuljum.

1.2

Il-KESE jenfasizza li meta jiġu vvalutati l-kisbiet tal-programm Copernicus, minbarra l-aspett ekonomiku, għandhom jiġu kkunsidrati l-aspetti soċjali u ambjentali. L-UE impenjat ruħha għal għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u hija waħda mill-mexxejja globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, bl-impenn ċar u ambizzjuż ħafna tagħha għall-COP21, u l-programm Copernicus huwa l-aktar sistema importanti f’termini ta’ forniment ta’ metrika ċara u għodod għall-kejl tal-prestazzjoni u tal-kisbiet, u mhux biss fil-livell tal-UE, iżda fuq livell globali.

1.3

Copernicus jinsab fiċ-ċentru tat-tibdil fil-klima, is-sigurtà alimentari, is-saħħa pubblika, il-ġestjoni tad-diżastri, it-traffikar tal-bnedmin, is-sigurtà marittima, eċċ. L-UE hija fuq quddiem nett fil-monitoraġġ u fil-forniment ta’ data preċiża dwar it-tibdil fil-klima, l-emissjonijiet ta’ gassijiet differenti, l-istat tal-artijiet agrikoli u l-foresti u s-sitwazzjoni marittima. Mingħajr din id-data, ikun impossibbli għall-komunità xjentifika biex tifhem dawn il-kwistjonijiet u tissuġġerixxi modi ta’ kif it-tibdil fil-klima jiġi indirizzat b’suċċess, kif l-ikel jiġi prodott b’mod sostenibbli, eċċ.

1.4

M’hemm ebda sens reali ta’ sjieda jew kburija fil-programm Copernicus fost iċ-ċittadini Ewropej. Iċ-ċittadini Ewropej ma jafux b’Copernicus u l-benefiċċji tiegħu daqskemm spiss ma jkunux jafu bil-programmi spazjali Ewropej inġenerali. Il-programm u l-attivitajiet tiegħu għandhom ikunu aktar viżibbli għall-mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa, u miftuħa għas-soċjetà ċivili u għaċ-ċittadini attivi. Il-KESE jqis il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fid-definizzjoni tal-istrateġiji u l-programmi spazjali bħala indispensabbli.

1.5

Il-forum Copernicus li jista’ possibbilment isir għandu jkun miftuħ għar-rappreżentanti tan-negozji, il-konsumaturi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Huwa meħtieġ li “l-klabb jinfetaħ” għas-soċjetà u jistabbilixxi Komunità Spazjali Ewropea reali. Il-KESE jiddikjara l-interess u r-rieda tiegħu li jkollu rwol attiv direttament u mal-organizzazzjonijiet nazzjonali rrappreżentati fih, li jikkostitwixxu potenzjal kbir sabiex jimtlew il-“konnessjonijiet nieqsa” identifikati fil-proġett tal-KESE Space and Society (L-Ispazju u s-Soċjetà).

1.6

L-effettività tal-programm Copernicus m’għandhiex tiġi evalwata abbażi tal-prestazzjoni ekonomika biss. L-akbar valur tiegħu jiġi mill-aspetti ambjentali u soċjali tiegħu. Dan huwa għodda essenzjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, biex il-popolazzjoni globali tiġi mitmugħa b’mod sostenibbli, biex jiġu salvati l-ħajjiet fil-baħar, eċċ. Dan huwa servizz li ma jistax jinxtara minn partijiet terzi minħabba kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali, u n-nuqqas attwali ta’ servizzi ta’ kwalità simili xi mkien ieħor. Dan jirrappreżenta t-tweġiba tagħna għal dawn l-isfidi globali u r-rieda tagħna bħala soċjetà globali matura li nindirizzawhom.

1.7

L-involviment tal-SMEs u l-mikrokumpaniji, in-negozji ġodda u r-riċerkaturi indipendenti huwa tal-akbar importanza sabiex isir użu b’suċċess mid-data ta’ Copernicus. Minn dan is-settur qed joħorġu ideat ġodda u oqsma ġodda ta’ użu. Huwa importanti li jiġi promoss l-iżvilupp ta’ inizjattivi differenti u li jiġu żviluppati l-għodod għall-utenti aħħarin, li jiġġeneraw valur miżjud. L-Orizzont 2020 kellu u għandu jibqa’ jkollu rwol importanti. L-aċċess għal finanzjament permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) huwa tal-akbar importanza.

1.8

Il-KESE jitlob li jkun hemm promozzjoni aktar ambizzjuża ta’ konsistenza u koerenza fir-rigward ta’ Copernicus, u tal-għarfien dwaru u l-użu tal-għodod tiegħu għal skopijiet ta’ servizz pubbliku mid-diversi direttorati-ġenerali fil-livell Ewropew, u mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fil-livell tal-Istati Membri. Id-data ta’ Copernicus għandha tiġi stabbilita bħala l-istandard indipendenti u nazzjonali fil-livell Ewropew. L-Eurostat għandu jkun aktar involut fil-kejl tal-progress hawnhekk u l-benefiċċji pprovduti minn Copernicus.

1.9

Aġenziji żgħar lokali fuq bażi nazzjonali jistgħu jkunu soluzzjoni tajba għat-tixrid tad-data u ta’ Copernicus bħala għodda fil-livell ta’ gvern nazzjonali. L-istabbiliment ta’ komunitajiet tal-utenti lokali li jinvolvu SMEs, mikrokumpaniji, negozji ġodda u riċerkaturi indipendenti lokali, flimkien ma’ gvernijiet reġjonali, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, istituzzjonijiet edukattivi u servizzi ta’ konsulenza indipendenti u pubbliċi, partijiet tas-soċjetà li jaħdmu direttament ma’ Copernicus bħal bdiewa, forestiera u ambjentalisti, jista’ jgħin biex iżid aktar l-użu tad-data ta’ Copernicus, u biex il-prestazzjoni tiegħu adattata għal speċifikazzjonijiet nazzjonali titjieb.

1.10

L-edukazzjoni dwar Copernicus hija tal-akbar importanza. Il-KESE jilqa’ programmi ta’ Masters imfassla b’mod speċjali, biex jiġu appoġġjati xi studenti universitarji Ewropej li jistudjaw għal grad ta’ Masters dwar Copernicus. Il-KESE jitlob li jkun hemm programm iddedikat u aktar ambizzjuż, inkluż l-appoġġ tekniku rilevanti kollu għal dipartimenti ddedikati ta’ Copernicus sabiex jiġu stabbiliti fl-universitajiet Ewropej, l-iskejjel ta’ taħriġ professjonali u l-fornituri ta’ servizzi ta’ konsulenza rilevanti kollha. Bħala suġġett separat, l-użu potenzjali ta’ Copernicus għandu jiġi introdott fl-oqsma ta’ studju relatati kollha, inklużi l-agrikoltura u x-xjenza tal-forestrija, l-inġinerija, l-ambjent, l-istudji marittimi, eċċ. Għandhom jitqiesu l-ħtiġijiet tat-taħriġ ta’ professjonisti eżistenti, inklużi l-utenti aħħarin; hawnhekk jistgħu jiġu pprovduti programmi speċjali minn servizzi ta’ konsulenza indipendenti u pubbliċi nazzjonali.

1.11

Id-disponibbiltà ta’ aċċess għad-data malajr u sempliċi dalwaqt se tiġi żgurata mill-bidu tat-tħaddim li ġej tas-Servizzi ta’ Aċċess għal Data u Informazzjoni ta’ Copernicus (DIAS). Dan se jneħħi xi kwistjonijiet kritiċi li ħarġu fir-rigward taż-żmien meħtieġ biex titniżżel data ta’ Copernicus. Il-KESE jitlob ukoll li jitħaffu l-armonizzazzjoni u d-disponibbiltà sħiħa ta’ data in situ, irregolata mil-leġislazzjoni nazzjonali. L-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà huma prerekwiżiti għas-suċċess sħiħ tal-programm Copernicus.

1.12

It-taħriġ ta’ inġiniera u tekniċi kkwalifikati, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u ħiliet professjonali ġodda marbuta mal-iżvilupp tal-applikazzjonijiet huma impenn ta’ prijorità tal-UE għal ekonomija sostenibbli u utli għas-soċjetà.

1.13

Fid-dawl tar-riżultati importanti u l-kwalità tagħhom, il-KESE jittama li tingħata prijorità lil-lanċjaturi Ewropej. L-illanċjar b’suċċess, l-eżattezza fl-implimentazzjoni tal-programmi u l-ħarsien tal-iskadenzi, u l-flessibbiltà tal-użu bl-Ariane 6 u Vega C il-ġodda, għandhom jivvalorizzaw l-eċċellenza Ewropea b’kuntratti fit-tul. Il-KESE ma jikkondividix politiki protezzjonisti, iżda fl-istess ħin jemmen li l-industrija Ewropea għandha tiġi protetta kontra prattiki mhux ġusti permezz tal-prinċipju tar-reċiproċità.

1.14

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tixrid tal-opportunitajiet miftuħa hawnhekk għall-agrikolatura, il-forestrija u s-sajd, permezz ta’ programmi ta’ għarfien u informazzjoni fil-mira mmirati lejn operaturi fis-suq. L-iffrankar tal-enerġija u l-iffrankar fuq fertilizzanti u pestiċidi jista’ jżid u jtejjeb konsiderevolment il-produzzjoni agrikola u l-konservazzjoni tal-ilma. Fil-fehma tal-KESE, il-programm tal-Unjoni ta’ Osservazzjoni u Monitoraġġ tad-Dinja (GMES) għall-Afrika, li diġà ta riżultati eċċellenti, għandu jissaħħaħ u jinxtered ukoll f’żoni oħra fil-fażi tal-iżvilupp.

1.15

Il-KESE jilqa’ l-mudell ta’ governanza adottat għall-programm Copernicus, b’mod partikolari l-ħolqien tal-forum tal-utenti, li għandu jkun miftuħ għar-rappreżentanti tal-operaturi, ir-riċerkaturi u s-soċjetà ċivili. Ir-regolament li jmiss dwar Copernicus għandu jikkonferma l-mudell attwali tal-qsim tar-responsabbiltà skont il-ħiliet, billi jiddistingwi r-responsabbiltà teknika għall-komponent spazjali, li ġie fdat lill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), mir-responsabbiltà għas-servizzi, li ġiet fdata lill-“entitajiet fdati”.

1.16

B’mod parallel mat-titjib fl-aċċess u fil-kwalità tad-data, l-iskerjament sħiħ tal-broadband madwar l-Ewropa jeħtieġ li jiġi intensifikat, b’mod partikolari f’żoni rurali u periferali, li spiss jiġu injorati minn operaturi privati. L-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija tas-“Suq Uniku Diġitali” hija essenzjali sabiex jiġu massimizzati l-opportunitajiet offruti mill-programm Copernicus. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u jħeġġeġ lill-Parlament u lill-Kunsill biex iħaffu n-negozjati għall-approvazzjoni finali tal-miżuri li għadhom qed jiġu diskussi.

1.17

Il-protezzjoni tad-data minn attakki frekwenti li qed jiżdiedu, flimkien mar-riskji li joħloq it-tifrik għall-infrastruttura spazjali, huma prijorità. Il-KESE jirrakkomanda li jissaħħu s-salvagwardji tas-sigurtà u li jitħaffu l-programmi mmirati lejn it-tindif tat-tifrik u tas-satelliti li m’għadhomx jaħdmu (1). Il-Kummissjoni Ewropea għandha tintensifika l-isforzi tagħha biex tilħaq ftehim internazzjonali kbir.

1.18

Il-KESE jirrakkomanda involviment akbar tas-sistema finanzjarja u tal-investituri fl-attivitajiet spazjali, li jistgħu jinvolvu lill-pubbliku ġenerali billi jinħarġu “bonds spazjali” speċjali. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lejn il-finanzjament ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju għall-ħolqien ta’ servizzi u applikazzjonijiet innovattivi. Il-ftehimiet reċenti dwar il-mitigazzjoni tat-tisħin globali jiftħu l-possibilità ta’ attivitajiet ekonomiċi ġodda relatati mal-monitoraġġ tal-emissjonijiet.

1.19

Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jinżamm il-finanzjament għall-programm Copernicus u possibbilment jissaħħaħ, li mhux biss jiġġenera tkabbir u żvilupp, iżda jiggarantixxi wkoll awtonomija u indipendenza Ewropea fil-ġestjoni tat-territorju u s-sigurtà tagħha, u jrawwem innovazzjoni, riċerka u żvilupp sostenibbli.

2.   Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni

2.1

Il-komponent spazjali tal-programm għall-perjodu April 2014 — April 2017 huwa bażikament f’konformità mat-tbassir, ħlief dewmien ta’ madwar 10 xhur fit-tnedija ta’ Sentinel 2 B minħabba problemi li dehru bil-lanċjatur Russu Rockot. Sabiex jiġi mminimizzat id-dewmien, Sentinel 2 B tpoġġa f’orbita mil-lanċjatur Vega li ġie żviluppat mill-ASI (Aġenzija Spazjali Taljana) f’kooperazzjoni mal-ESA.

2.2

Id-data mibgħuta mill-ħames satelliti f’orbita minn Marzu 2017 kienet laħqet total ta’ 12 TB kuljum, li qabżet sew l-aspettattivi, kif għamlu l-utenti rreġistrati tas-sit ta’ distribuzzjoni tad-data bla ħlas, li żdiedu għal 85 000 mill-50 000 (2) mistennija.

2.3

Sentinel 5P ġiet illanċjata b’suċċess fit-13 ta’ Ottubru 2017 bl-għan li tforni data kuljum dwar il-kompożizzjoni tal-atmosfera tagħna, tissorvelja l-gassijiet serra, is-saff tal-ożonu, id-diossidu tal-kubrit u l-formaldeid kif ukoll l-irmied volkaniku u l-monossidu tal-karbonju.

2.4

Mill-bidu, Copernicus, ibbenefika mill-kooperazzjoni ma’ “missjonijiet kontributorji” oħra, li huma importanti għad-data tal-ogħla definizzjoni li Copernicus ma jistax jiggarantixxi. Dawn il-missjonijiet ippermettew li l-proġett jinbeda qabel ġiet illanċjata l-ewwel satellita Sentinel. Minbarra d-data minn emissjonijiet “paralleli”, tintuża u titqabbel data minn sensuri in situ fl-art, fil-baħar jew fl-arja. L-eżattezza rrikonoxxuta b’mod universali tad-data ta’ Copernicus tiddependi preċiżament fuq il-validazzjoni tad-data li tiġi kontroverifikata ma’ dik irreġistrata mis-sensuri in-situ.

2.5

Mill-bidu, Copernicus tfassal bħala servizz xprunat mill-utenti, ibbażat fuq il-ħtiġijiet tagħhom. Dan l-approċċ, flimkien mal-użu miftuħ u bla ħlas tad-data, huwa l-bażi għas-suċċess tiegħu li qed jikber fost utenti u operaturi tas-servizz.

2.6

Il-governanza ta’ Copernicus titwettaq abbażi tal-kompetenzi.

2.6.1

Il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni għall-komponent spazjali ġew iddelagati lill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u parzjalment lill-Organizzazzjoni Ewropea għall-Esplojtazzjoni ta’ Satelliti Meteoroloġiċi (EUMETSAT).

2.6.2

Is-servizzi jiġu ddelegati liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA), liċ-Ċentru Ewropew għall-Previżjonijiet Metereoloġiċi fuq Perijodu Medju (ECMWF), lill-Mercator Océan, lill-Aġenzija Ewropea ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX), lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u liċ-Ċentru Satellitari tal-UE. Il-konformità ta’ Copernicus mal-istandards tal-programm ta’ data ġeospazjali INSPIRE tiżgura użu effiċjenti tar-riżorsi tad-data disponibbli kollha.

2.7

Il-Kummissjoni tagħti evalwazzjoni pożittiva tar-riżultati miksuba s’issa, konformità mal-istimi tal-baġit, it-tkabbir tad-domanda tal-utenti, u kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet u korpi li jikkontribwixxu għall-ġestjoni tas-servizzi.

2.8

Il-Kumitat ta’ Copernicus, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u l-Forum tal-Utenti jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-ġestjoni globali tal-programm.

2.9

Inkisbu riżultati eċċellenti fil-qasam tal-komunikazzjoni u tat-tixrid tal-opportunitajiet ipprovduti minn Copernicus, bi programmi speċifiċi bħal Copernicus Relays u Copernicus Academy, li għandhom l-inkarigu li jtejbu l-għarfien u jipprovdu helpdesks lokali.

2.10

Il-Kummissjoni, bi sħubija mal-ESA, organizzat il-Copernicus Masters, kompetizzjoni annwali li għandha l-għan li tistimula l-innovazzjoni. Il-programm ta’ negozji ġodda ta’ Copernicus jinkludi wkoll il-Copernicus Accelerator, li jipprovdi tagħlim u taħriġ għal negozji ġodda, il-Copernicus Hackathons li ġej (b’40 hackathon fuq perjodu ta’ sentejn), u l-programm Copernicus Incubation, li jappoġġja finanzjarjament lil 60 negozju ġdid fuq perjodu ta’ tliet snin.

2.11

Il-prijoritajiet futuri tal-Kummissjoni huma li:

tiżblokka l-potenzjal ekonomiku ta’ Copernicus billi d-data pprovduta tibdilha fi prodotti u servizzi innovattivi;

tiżgura l-istabbilità futura tal-programm u aċċess bla ħlas, sħiħ u miftuħ għad-data;

tiġi implimentata bis-sħiħ l-istrateġija spazjali għall-Ewropa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli, u jiġu mmonitorjati l-emissjonijiet tas-CO2 u ta’ gassijiet oħra b’effett serra, l-użu tal-art u l-forestrija, u l-bidliet fl-Artiku;

issaħħaħ is-sigurtà li Copernicus jista’ jiggarantixxi permezz ta’ kontrolli fil-fruntiera u sorveljanza marittima.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa’ r-riżultati miksuba s’issa mill-programm Copernicus kif innotifikat mill-Kummissjoni. Il-KESE appoġġja fuq bażi kontinwa l-politika spazjali Ewropea kollha, u b’mod partikolari ż-żewġ programmi ewlenin Galileo u Copernicus: l-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwistjoni (3) huma riflessi b’mod wiesa’ fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni.

3.2

Il-KESE jqis li l-objettivi ewlenin tal-programm inkisbu u li f’xi oqsma ġew maqbuża.

3.3

Il-kwantità u l-kwalità tad-data miġbura kuljum mis-satelliti jagħmlu lil Copernicus wieħed mill-produtturi tad-data ewlenin fid-dinja, billi jiżgura l-indipendenza tal-Unjoni Ewropea fil-monitoraġġ tat-territorju tagħha, u fl-istess ħin, fil-provvediment ta’ data eżatta u bla ħlas lil partijiet oħra tad-dinja. Is-suċċess mhux mistenni tiegħu ħoloq diffikultajiet fil-ġestjoni tal-fluss tad-data. Il-KESE jirrakkomanda li l-hubs pubbliċi miftuħa jissaħħu malajr u b’mod effettiv u li tintlaħaq id-domanda għal tniżżil ta’ megadata b’veloċità għolja.

3.4

Il-bidu tat-tħaddim li ġej tas-sistema DIAS għandu jiżgura aċċess faċli u, flimkien mas-sistema CORDA (Copernicus Reference Access Data [Aċċess għal Data ta’ Referenza ta’ Copernicus]), iwassal lill-utenti titjib ċar fil-kwantità u fil-kwalità tad-data disponibbli. Id-data nnifisha għandha tiġi valutata wkoll fuq kemm ikun imsaħħab, peress li parti kbira mid-data eżistenti ma setgħetx tintuża b’suċċess minħabba l-ammont ta’ sħab. Dan inaqqas b’mod drammatiku l-ispejjeż tal-operat u d-deprezzament tal-faċilitajiet DIAS.

3.5

Il-KESE jenfasizza li meta jiġu vvalutati l-kisbiet tal-programm Copernicus, minbarra l-aspett ekonomiku, għandhom jiġu kkunsidrati l-aspetti soċjali u ambjentali. L-UE impenjat ruħha għal għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u hija waħda mill-mexxejja globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, bl-impenn ċar u ambizzjuż ħafna tagħha għall-COP21, u l-programm Copernicus huwa l-aktar sistema importanti f’termini ta’ forniment ta’ metrika ċara u għodod għall-kejl tal-prestazzjoni u tal-kisbiet, u mhux biss fil-livell tal-UE, iżda fuq livell globali.

3.6

Minkejja l-inizjattivi ta’ min ifaħħarhom min-naħa tal-Kummissjoni u l-aġenziji delegati tas-servizz, ma teżisti l-ebda politika ta’ komunikazzjoni pubblika, ikkoordinata u adegwata dwar il-benefiċċji li jirriżultaw mill-informazzjoni pprovduta minn Copernicus. “Mijiet ta’ miljuni ta’ ċittadini Ewropej ma jafux dwar il-benefiċċji tal-ispazju”. Għal diversi drabi, il-KESE talab li jiġi stabbilit portal spazjali ewlieni, iddedikat għall-politiki spazjali Ewropej kollha. Dan għandu jkun l-ewwel pass lejn il-ħolqien tal-Komunità Spazjali Ewropea, billi jiġu intraċċati mill-ġdid l-esperjenzi pożittivi tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, u l-mudell tagħha ta’ governanza, li ta bidu għall-Komunità Ewropea.

3.7

Waħda mill-prijoritajiet tal-istrateġija spazjali Ewropea hija li tistimula x-xogħol u t-tkabbir sostenibbli. L-aċċess għall-esperjenza u l-għarfien tas-suq tal-operaturi ekonomiċi, ta’ negozji ġodda innovattivi u tal-esperti fl-ipproċessar tad-data u fil-ħolqien ta’ applikazzjonijiet ġodda jista’ jikkontribwixxi għall-iżvilupp rapidu fl-użu tad-data prodotta kuljum, b’potenzjal kbir għal effetti ekonomiċi u soċjali pożittivi.

3.8

Il-governanza tal-programm Copernicus kienet pożittiva, b’responsabbiltajiet ċari mogħtija lill-Kummissjoni u lill-aġenziji involuti. Ir-regolament li jmiss dwar Copernicus għandu jżomm dan il-bilanċ tajjeb, ikompli jafda responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-komponent spazjali lill-ESA u għall-ġestjoni tas-servizzi lill-“entitajiet fdati”.

3.9

L-iżvilupp ta’ servizzi spazjali huwa kruċjali għall-iżvilupp tas-servizzi diġitali għall-individwi u għan-negozji. Is-servizzi ta’ Copernicus għandhom ukoll diversi applikazzjonijiet prattiċi ta’ kuljum: pereżempju, irziezet fl-Awstrija tejbu r-rendiment tagħhom b’26 % bis-saħħa tal-monitoraġġ bis-satelliti tal-għelieqi tagħhom; fin-Netherlands l-istess sistema naqqset ħafna l-infiq fuq it-tħaffir, it-trasport u l-loġistika tal-idrokarburi; u diversi bliet Ewropej żiedu l-eżattezza tal-kejl tat-tniġġis tal-arja tagħhom b’60 %, waqt li naqqsu wkoll l-ispejjeż (4).

3.10

Il-KESE jitlob li tiżdied l-introduzzjoni tal-broadband madwar l-Ewropa, b’mod partikolari f’żoni rurali u periferali, kif ġie approvat fl-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali.

3.11

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu impenn partikolarment b’saħħtu fit-tixrid tal-ħiliet u l-impjiegi ġodda. Il-ħolqien ta’ korsijiet ta’ taħriġ vokazzjonali għandu jiġi appoġġjat minn programmi Ewropej. Il-firxa ta’ agrikoltura ta’ preċiżjoni se tiġġenera rendimenti aħjar permezz ta’ ffrankar tal-ilma, fertilizzanti u pestiċidi. Agriculture 4.0 se jibbenefika bil-bosta mill-possibbiltà li tintuża data ta’ osservazzjoni tal-art, u li tiġi kkombinata ma’ dik ta’ ġeolokazzjoni u ma’ teknoloġiji oħra li diġà huma disponibbli llum. Se jinħolqu professjonijiet ġodda, bħal analista territorjali, ċiberagronomista u żviluppatur tal-applikazzjonijiet immirati lejn il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.

3.12

Problema ewlenija għall-iżvilupp rapidu tal-opportunitajiet miftuħa mill-programmi spazjali Ewropej hija l-kwistjoni tal-finanzjament, b’mod partikolari għall-SMEs u n-negozji l-ġodda.

3.13

Problema ewlenija oħra tikkonċerna ċ-ċibersigurtà, il-privatezza u s-sigurtà tal-infrastruttura spazjali. Il-ħajja ta’ kuljum tiddependi dejjem aktar u aktar fuq l-applikazzjonijiet ta’ data li ġejja mill-ispazju. Il-KESE jirrakkomanda li jissaħħu s-salvagwardji tas-sigurtà u li jitħaffu l-programmi mmirati lejn it-tindif tat-tifrik u tas-satelliti li m’għadhomx jaħdmu (5). Għal sigurtà ta’ infrastruttura, l-UE għandha tippromovi ftehim internazzjonali kbir.

3.14

“Iftħu l-klabb” għandha tkun is-sejħa l-ġdida li tħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi u lis-settur privat jieħdu azzjoni sabiex jagħmlu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili effettiva. Il-frammentazzjoni tal-informazzjoni bejn diversi operaturi pubbliċi u privati tiskoraġġixxi b’mod partikolari lill-SMEs milli jinvolvu ruħhom b’mod serju fl-iżvilupp ta’ użi possibbli għas-sistema.

3.15

Il-KESE jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-1 ta’ Diċembru 2017, li jaqblu mill-qrib mal-punti li ilhom jiġu enfasizzati mill-Kumitat: l-involviment tal-partijiet ikkonċernati privati u impenn għal informazzjoni sħiħa, viżjoni fit-tul b’biżżejjed riżorsi finanzjarji, l-iżvilupp ta’ u l-appoġġ għal negozji innovattivi, indipendenza akbar għall-Unjoni u t-tmexxija tagħha fil-qasam tal-politiki spazjali, li bħalissa qed tiġi sfidata minn kompetituri tradizzjonali u dawk ġodda, approċċ xprunat mill-utenti, taħt il-kontroll u l-governanza mhux militari ta’ Copernicus, u l-kontinwazzjoni ta’ sistema bla ħlas, miftuħa u aċċessibbli.

3.16

Fi studju riċenti, il-Kummissjoni tevalwa l-benefiċċji li jirriżultaw minn Copernicus fil-perjodu 2017-2035 bħala bejn EUR 67 u 131 biljun. Il-kontinwazzjoni tal-programm wara l-2021 se tiġġenera profitti b’fatturi ta’ bejn 11 u 21 u se tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ 4 000 impjieg bi kwalifiki għoljin kull sena.

3.17

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-programm GMES għall-Afrika u s-suċċess tal-ftehimiet ta’ kooperazzjoni riċenti bejn l-UE u l-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana. It-trasferiment ta’ data bbażata fuq il-Copernicus u teknoloġiji utli ħafna għall-ġestjoni tal-art, l-identifikazzjoni u l-manteniment ta’ riżorsi tal-ilma, u t-titjib tar-rendiment agrikolu għandu jkun karatteristika ewlenija tal-impenn tal-UE dejjem jikber lejn l-Afrika u l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jikkonferma r-rieda tiegħu li jieħu sehem f’inizjattivi ta’ appoġġ u tixrid sabiex jinforma lis-soċjetà ċivili dwar il-potenzjal u l-benefiċċji soċjoekonomiċi ġġenerati mis-sistema Copernicus, kif sar bil-proġett Space & Society, li beħsiebu jkompli jwettaq. It-tlaqqigħ flimkien tal-awtoritajiet, l-aġenziji, il-kumpaniji ta’ provvista ta’ servizz pubbliċi u privati u s-soċjetà ċivili huwa ewlieni għas-suċċess eċċellenti li huwa mistenni mill-applikazzjonijiet li jirriżultaw minn proġetti strateġiċi bħal Galileo, u l-aktar minn, Copernicus.

4.2

Il-KESE għandu l-istess tħassib bħall-Kummissjoni fir-rigward tal-involviment batut ta’ utenti “mhux spazjali”, aspett li jeħtieġ ħafna aktar attenzjoni minn kemm ingħata s’issa. L-esperjenza pożittiva tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea (GSA) tista’ tiġi ripetuta għal Copernicus billi korp uniku jiġi fdat bir-responsabbiltà għal informazzjoni u għall-opportunitajiet ipprovduti mid-diversi servizzi ta’ Copernicus. Aġenzija ġdida tista’ tkun soluzzjoni.

4.3

Il-KESE jemmen li wieħed mill-akbar suċċessi ta’ Copernicus huwa bbażat fuq l-oriġini tiegħu bħala programm xprunat mill-utenti, u b’mod partikolari japprezza l-mudell ta’ governanza inklużiv tiegħu. Għall-ewwel darba fi programm strateġiku tal-Unjoni, il-komunità tal-utenti hija involuta flimkien mal-Istati Membri f’għażliet strateġiċi, permezz tal-Forum tal-Utenti. Il-KESE jirrakkomanda li l-utenti privati, magħżula mill-assoċjazzjonijiet Ewropej tagħhom, għandhom jiġu inklużi wkoll fuq bażi permanenti fil-Forum, flimkien ma’ dawk maħtura mill-Istati Membri. Il-KESE jiddikjara r-rieda tiegħu li jipparteċipa fil-forum. Fil-livell nazzjonali wkoll, il-forums tal-utenti għandhom ikunu miftuħa għall-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli tas-soċjetà ċivili.

4.4

Waħda mill-problemi li għandha tiġi solvuta malajr hija l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà tad-data in situ. Dawn il-kwistjonijiet ġejjin mill-applikazzjonijiet differenti tad-direttiva INSPIRE (6) u minn leġislazzjoni mhux konsistenti fil-livell nazzjonali. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jiżguraw malajr l-armonizzazzjoni essenzjali tal-lingwi u tal-proċeduri għal użu sħiħ, effettiv u bla ħlas tad-data.

4.5

Il-KESE jqis l-involviment tal-investituri privati, is-sistema finanzjarja Ewropea u internazzjonali u l-fondi ta’ investiment bħala essenzjali. Jista’ jkun soluzzjoni tajba l-ħolqien ta’ “bonds spazjali” koperti mill-garanziji li jistgħu jiġu pprovduti mill-istituzzjonijiet bankarji Ewropej bħall-BEI jew istituzzjonijiet internazzjonali bħall-Bank Internazzjonali għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (IBRD) għal proġetti differenti relatati mal-ispazju, inklużi proġetti f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.

4.6

Il-KESE jemmen li għandu jiġi applikat il-prinċipju tar-reċiproċità ma’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-lanċjaturi. Għandha tingħata preferenza lil-lanċjaturi Ewropej, li qed isaħħu l-provvista bl-illanċjar li ġej tal-lanċjaturi Ariane 6 u Vega C, ir-riżultat ta’ kooperazzjoni Ewropea. Dawn huma trasportaturi flessibbli, li jkopru l-medda ta’ għażliet disponibbli. Ariane 5, li ilu attiv mill-1996, b’rekord ta’ 82 illanċjar b’suċċess, se jopera sal-2023 u ntgħażel bħala t-trasportatur tal-teleskopju James Webb, l-eredi ta’ Hubble. Is-suq internazzjonali huwa kompetittiv ħafna u xi kumpaniji f’pajjiżi li qed jikkompetu, b’politiki protezzjonisti, qed jipproponu prezzijiet baxxi biex jiksbu ordnijiet fis-snin li ġejjin.

4.7

Minbarra l-attivitajiet ekonomiċi u soċjali, il-KESE jikkunsidra estremament importanti l-kontribut għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, li jiġu salvati l-immigranti f’periklu estrem, u s-sigurtà tal-fruntieri tal-UE stess b’miżuri effettivi biex jiġi miġġieled it-terroriżmu li joriġina b’mod partikolari minn reġjuni fi gwerra tal-Lvant Nofsani. Is-sigurtà u d-difiża tat-territorju jwieġbu għal domanda li qed tikber miċ-ċittadini Ewropej.

Brussell, l-14 ta’ Marzu 2018.

President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 38.

(2)  Fis-17 ta’ Jannar 2018, kien hemm 118 000 utent irreġistrat.

(3)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi infrastruttura għall-informazzjoni ġeografika fil-Komunità (Inspire) (ĠU C 221, 8.9.2005, p. 33); Programm ta' Osservazzjoni tad-Dinja (GMES) (ĠU C 339, 14.12.2010, p. 14); Komponent spazjali ta’ GMES (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 153); Programm Ewropew ta' osservazzjoni tad-dinja (GMES) (ĠU C 299, 04.10.2012, p. 72); Programm Copernicus (ĠU C 67, 6.3.2014, p. 88); Strateġija spazjali għall-Ewropa (ĠU C 209, 30.6.2017, p. 15).

(4)  L-impatt soċjoekonomiku ta’ Copernicus fl-UE skont is-settur.

(5)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 38.

(6)  Id-Direttiva INSPIRE.


6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/32


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat konomiku u Soċjali Ewropew — Sistema bbilanċjata ta’ infurzar tal-Proprjetà Intellettwali li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà tal-lum

(COM(2017) 707 final)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Gwida dwar ċerti aspetti tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

(COM(2017) 708 final)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — L-istabbiliment tal-approċċ tal-UE għall-Privattivi Essenzjali għal Standard

(COM(2017) 712 final)

(2018/C 237/05)

Relatur:

Franca SALIS-MADINIER

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.1.2018

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

9.3.2018

Adottata fil-plenarja

14.3.2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

180/0/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-Unjoni tal-Innovazzjoni hija waħda mill-iżjed inizjattivi validi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li jitħeġġeġ il-proċess tal-innovazzjoni Ewropea billi jitħeġġu l-intrapriżi bbażati fl-Istati Membri.

1.2

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda (KESE) jaqbel mal-objettivi tal-Kummissjoni rigward l-armonizzazzjoni tas-sistemi legali u tal-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-2004 dwar l-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPRED) (1), li għandha l-għan li tapplika l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji meħtieġa biex jiġi żgurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) fil-proċedimenti ċivili u jiġi stabbilit kif jistgħu jiġu kkalkulati d-danni biex jiġu kkumpensati d-detenturi tad-DPI fl-Istati Membri.

1.3

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li jinżamm l-interess ġenerali tas-soċjetà kollha permezz tat-tqassim ġust tal-valur maħluq bejn id-diversi atturi tal-proprjetà intellettwali, sabiex jiġu żgurati l-prosperità fl-Ewropa, ir-rispett tal-interessi tad-detenturi tad-DPI u s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi.

1.4

Il-KESE jappoġġja l-prinċipji FRAND (fair, reasonable and non-discriminatory — ġust, raġonevoli u mhux diskriminatorju) relatati mal-privattivi essenzjali għal standard. Il-Kumitat huwa tal-fehma li prinċipji simili jistgħu wkoll jiġu trasposti u applikati mutatis mutandis għad-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati, għall-privattivi, għat-trademarks, għad-disinni, eċċ.

1.5

Il-Kumitat jirrakkomanda li l-prinċipji li jirregolaw l-“istandards” tekniċi jiġu kkompletati permezz ta’ “standards” soċjali biex jiġi żgurat bilanċ bejn l-atturi privati u l-investituri pubbliċi li jaġixxu fl-interess ġenerali.

1.6

Il-Kumitat jirrakkomanda, b’mod partikolari, bilanċ bejn ir-rikonoxximent ġust tad-drittijiet intellettwali u l-iżvilupp tal-innovazzjonijiet li jistgħu joħolqu benefiċċju reali għas-soċjetà kollha. Mingħajr l-intenzjoni li jillimita d-dritt fundamentali li jiġu infurzati drittijiet privati permezz tas-sistema legali, il-Kumitat jistqarr li, jekk interessi speċifiċi jkunu f’kunflitt mal-interess ġenerali, għandu jsir arbitraġġ favur id-difiża tal-interess ġenerali.

1.7

Il-KESE jħeġġeġ regolamentazzjoni li tinkoraġġixxi lir-riċerkaturi żgħażagħ jużaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom sabiex iniedu proġetti kummerċjali ġodda. L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jadottaw, b’mod partikolari, miżuri bħal prezzijiet aċċessibbli li jippermettu lill-intraprendituri żgħażagħ jiżviluppaw il-proġetti innovattivi tagħhom.

1.8

Il-KESE jikkunsidra li fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, huwa importanti li jiġu identifikati (2) kif imiss il-partijiet ikkonċernati (l-intrapriżi, l-awturi, l-inventuri, l-artisti (3), il-konsumaturi (4), l-intermedjarji, id-“detenturi tad-drittijiet” (5), eċċ.) skont it-tip ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali (privattivi, disinni u mudelli) u li dawn jaħdmu flimkien sabiex jistabbilixxu d-detentur tad-DPI.

1.9

Fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni, huwa essenzjali li l-konsumatur jiġi mgħarraf sabiex jadotta prattika ta’ responsabilità soċjali aktar b’saħħitha fir-rigward tal-proprjetà “immaterjali”, simili għal dik ipprattikata fil-qasam tal-proprjetà “materjali”, mingħajr ma fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur jinkiser id-dritt tagħhom għal “kopja privata”. Il-KESE japprezza ħafna l-kampanji tal-midja stabbiliti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUPIO) u l-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li għandhom l-għan li jissensibilizzaw lill-pubbliku dwar il-ksur tad-DPI, u fil-futur ser jappoġġjaw proposti għat-tisħiħ u r-repetizzjoni ta’ dawn il-kampanji.

1.10

Il-Kumitat jikkunsidra li l-prinċipju tas-“sors miftuħ” għandu jiġi implimentat b’mod korrett fil-qasam tar-riċerka pubblika. Il-kunċett u l-prinċipju tas-“sors miftuħ” huma realtà prattikata fiċ-ċentri ta’ riċerka universitarji u jistħoqqilhom qafas ġuridiku adatt

1.11

Il-Kumitat jappoġġja l-estensjoni tar-rwol tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO).

1.12

Il-KESE jirrakkomanda li jitwaqqaf netwerk Ewropew ta’ medjazzjoni li jaħdem b’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex titjieb il-ġestjoni tal-kunflitti.

1.13

Il-Kumitat jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni għat-titjib tal-mekkaniżmu tal-Forum legali sabiex jiġu rrispettati aħjar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1

Is-sistemi ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali huma strument fundamentali ta’ innovazzjoni u ta’ tkabbir u jippermettu lill-intrapriżi, lill-kreaturi u lill-inventuri jiksbu qligħ mill-investiment tagħhom fl-għarfien u fil-kreattività. Skont ċerti studji, is-setturi intensivi fid-DPI (drittijiet tal-proprjetà intellettwali) jirrappreżentaw madwar 42 % tal-PDG tal-Unjoni Ewropea (UE), b’valur ta’ madwar EUR 5,7 triljun fis-sena, jiġġeneraw 38 % tal-impjiegi kollha, u jikkontribwixxu sa 90 % tal-esportazzjonijiet tagħha (6).

2.2

Ir-rivoluzzjoni diġitali fetħet sensiela ta’ possibilitajiet ġodda iżda esponiet ukoll lid-DPI tal-UE għal riskji ġodda u akbar billi tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni onlajn ta’ beni u kontenuti foloz, u toħloq konfużjoni fost il-konsumaturi bejn dak li huwa ffalsifikat u dak li huwa ġenwin u legaliu, u billi tagħmel aktar diffiċli l-identifikazzjoni tal-kriminali. Dan wassal għal żieda ġenerali fin-numru ta’ każijiet ta’ ksur tal-proprjetà intellettwali.

2.3

Il-beni foloz jew ikkupjati jirrappreżentaw attwalment 2,5 % tal-kummerċ dinji u l-industrija tal-UE hija partikolarment affettwata (7), l-aktar f’setturi fejn il-kumpaniji tal-UE huma fuq quddiem fid-dinja.

2.4

Dan il-pakkett ta’ miżuri tal-Kummissjoni għandu l-għan li jkompli jtejjeb l-applikazzjoni u l-infurzar tad-DPI fl-Istati Membri tal-UE, fil-fruntieri tagħna u fuq skala internazzjonali. Il-pakkett jinkludi:

komunikazzjoni dwar “Sistema bbilanċjata ta’ infurzar tal-Proprjetà Intellettwali li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà tal-lum” [COM(2017) 707 final];

komunikazzjoni li tipprovdi gwida dwar kif għandha tiġi applikata d-Direttiva dwar l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (“id-Direttiva IPRED”) [COM(2017) 708 final];

dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jinkludi valutazzjoni tad-Direttiva IPRED [SWD(2017) 431 final u SWD(2017) 432 final] (mhux disponibbli bil-Malti);

komunikazzjoni dwar il-Privattivi Essenzjali għal Standard [COM(2017) 712 final];

dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-Memorandum ta’ Qbil dwar il-bejgħ ta’ beni foloz fuq l-internet [SWD(2017) 430 final] (mhux disponibbli bil-Malti).

2.5

Il-pakkett jistabbilixxi miżuri f’erba’ taqsimiet ewlenin:

(a)

miżuri li jippermettu li l-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-proprjetà intellettwali jibbenefikaw aktar faċilment minn sistema omoġenja, ġusta u effettiva ta’ infurzar ġudizzjarju fl-UE;

(b)

azzjonijiet maħsuba biex jappoġġjaw l-inizjattivi mmexxija mill-atturi settorjali fil-ġlieda kontra l-ksur tal-proprjetà intellettwali;

(c)

inizjattivi maħsuba biex isaħħu l-kapaċitajiet tad-dwana u ta' awtoritajiet oħrajn biex jinfurzaw id-DPI;

(d)

miżuri biex jissaħħu l-isforzi kontra l-ksur tal-proprjetà intellettwali fuq skala dinjija, bil-promozzjoni tal-aħjar prattiki u bl-intensifikar tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Id-dokumenti li pproponiet il-Kummissjoni huma rilevanti u jirrigwardaw għadd kbir ta' aspetti relatati mad-dritt tal-proprjetà intellettwali. L-għan tal-proposti tal-KESE huwa li jiġu definiti azzjonijiet u rakkomandazzjonijiet li jsaħħu l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fid-dawl tal-mandat istituzzjonali tal-KESE, li jiffoka l-iżjed fuq il-perspettivi soċjali u ekonomiċi.

3.2

It-tliet dokumenti tal-Kummissjoni għandhom jitqiesu f’daqqa u jinkludu l-aspetti kollha tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. Filwaqt li jiġu enfasizzati l-Memorandum ta’ Qbil u l-interpretazzjoni pjuttost stretta tal-privattivi essenzjali għal standard kif ukoll il-prinċipji FRAND, jeżisti r-riskju li l-konsultazzjoni tkun limitata għall-innovazzjonijiet fid-dinja diġitali. Madankollu, il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħna jridu jiġbdu l-attenzjoni għall-oqsma kollha tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali.

3.3

Waqt li l-KESE jaqsam it-tħassib tal-Kummissjoni dwar l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq ir-riskji għad-DPI, huwa jipproponi li l-kwistjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, tal-kreattività u tal-innovazzjoni tiġi indirizzata mill-perspettiva legali u soċjali, bil-għan li tissaħħaħ il-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet.

3.4

Permezz ta’ dawn il-proposti dwar id-DPI, il-Kummissjoni tixtieq issaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u żżid l-impjieg fl-Ewropa. Il-Kumitat jaqbel ma’ dawn l-għanijiet, waqt li jikkunsidra li l-pedament ta’ kull innovazzjoni u kreazzjoni huwa l-kreattività personali u t-tim li l-awtur jew inventur jappartjeni għalih. Il-kreattività hija ħila intrinsika tal-bniedem u hija prerekwiżit għall-innovazzjoni.

3.5

Il-KESE jirrakkomanda f’dan ir-rigward qafas Ewropew aktar ċar dwar it-trasferiment tad-drittijiet bejn id-diversi partijiet ikkonċernati. Taħt ir-regolamenti nazzjonali u Ewropej eżistenti, mhuwiex fil-kompetenza ta’ din il-konsultazzjoni b’rabta mad-Direttiva IPRED li tiddefinixxi f’termini konkreti d-“detenturi tad-drittijiet” eż. il-kreaturi, l-intrapriżi, l-intermedjarji jew il-pubblikaturi, peress li huma definiti fil-liġi materjali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, mhux fid-Direttiva IPRED.

3.5.1

Il-liġi dwar il-proprjetà intellettwali tkopri firxa diversa ta’ perspettivi (id-drittijiet tal-awtur u it-trademarks, id-disinji industrijali, l-indikazzjonijiet ġeografiċi, eċċ.). Jekk fl-aħħar mill-aħħar irridu li jkun hemm suq uniku Ewropew, ser ikollna nimxu lejn fehim komuni u niddefinixxu b’mod aktar preċiż il-kunċett ta’ “detentur tad-dritt” billi jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-partijiet interessati kollha jiddiskutu u jsolvu t-tilwim u jindirizzaw l-interessi tagħhom. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-livell nazzjonali u Ewropew għandhom ikunu allinjati aħjar ma’ xulxin sabiex jiġu evitati kunflitti jew ambigwitajiet.

3.6

Il-KESE jikkunsidra li minkejja li d-Direttiva mhux se tkun tista’ tipprovdi qafas uniformi għall-Ewropa kollha, tista’ tħeġġeġ aktar lill-Istati Membri joħolqu bażi ta’ prinċipji għall-armonizzazzjoni, pereżempju billi jiġu żviluppati “kodiċijiet” imfasslin apposta għal kull dritt tal-proprjetà intellettwali. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-applikazzjoni tal-prinċipji etiċi bħall-ekwità, il-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni għad-DPI.

3.7

Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aċċessibilità tad-data. Huwa ċar li approċċ Ewropew għad-dritt tal-proprjetà intellettwali jirrappreżenta ekonomija sinifikanti fuq skala kbira u b’hekk joffri opportunitajiet ġodda għall-ekonomija mil-lat tat-tkabbir u ż-żieda fl-impjieg.

3.8

Il-proċess ekonomiku jseħħ bejn il-persuna li toħloq u l-konsumatur li jixtri l-prodotti. Bejn dawn, hemm firxa sħiħa ta’ attività ekonomika li fiha l-interessi differenti għandhom isibu l-post ideali tagħhom. Il-konsumatur jinsab fi tmiem dan il-proċess. Dan tal-aħħar spiss ikun vittma tal-falsifikazzjoni u tal-piraterija peress li jħallas prezzijiet għaljin wisq għal prodotti foloz.

3.8.1

Qed iseħħu bosta innovazzjonijiet fl-iżvilupp ta’ proċessi diġitali. Fil-qasam diġitali, l-innovazzjoni hija mgħaġġla ferm. Dan iqajjem mistoqsijiet dwar is-sigurtà u l-kunfidenzjalità u jagħmel il-protezzjoni tal-“proprjetà intellettwali” aktar diffiċli iżda mhux impossibbli. Il-partijiet kollha, speċjalment dawk bi preżenza fuq l-internet, għandhom jiġu identifikati sew sabiex jinkixfu kontijiet foloz li jagħmlu kummerċ inġust.

3.8.2

Il-KESE jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni għall-għoti ta’ liċenzja u għall-infurzar tad-drittijiet. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li, fil-proposti dwar il-kontroll tal-kunflitti ta’ interess, il-Kummissjoni tindirizza biss tilwim legali (Qorti Unifikata tal-Privattivi) u ma tippreżentax strumenti konkreti, pereżempju ċentru għall-medjazzjoni, li permezz tiegħu l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jiġġestixxu t-tilwim tagħhom stess fir-rigward tar-regoli legali ġenerali u jwettqu djalogu reċiproku qabel ma jagħmlu rikors f’qorti.

3.8.3

Il-Kumitat għamel l-analiżi u jemmen li pjattaforma speċifika tista’ tagħti valur miżjud importanti. Strument adatt bħall-“pjattaforma tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”, preferibbilment bi status rikonoxxut kostituzzjonali, jista’ jorganizza u jikkoordina d-djalogu ekstraġudizzjarju bejn il-partijiet interessati rappreżentattivi biex joffru medjazzjoni, arbitraġġ u rikonċiljazzjoni. Dil-pjattaform ser tissodisfa l-ħtiġijiet billi tlaqqa’ flimkien l-atturi kollha kkonċernati, b’mod li jkunu jistgħu jiddiskutu t-tħassib u l-fehmiet differenti tagħhom u jressqu kodiċijiet ta’ kondotta adatti biex jiġu adottati.

3.8.4

Din il-pjattaforma tista’ tiġbor l-aħjar prattiki li diġà jeżistu fl-Ewropa u tippreżentahom bħala bażi għal oħrajn. Il-KESE nnifsu jirrappreżenta s-soċjetà ċivili inġenerali, fejn jitmexxa d-djalogu fl-Ewropa u fl-Istati Membri, iżda dan għadu pjuttost ġenerali u għandu jkun possibbli li jkun hemm rabta iżjed mill-qrib ma’ gruppi professjonali speċifiċi, bħall-kittieba, il-ġurnalisti u l-pubblikaturi, u biex tinħoloq rabta bejn ir-riċerkaturi u l-istituti, sabiex tiġi żgurata allokazzjoni adatta tad-drittijiet tal-proprjetà u jiġi evitat it-tilwim.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   L-innovazzjoni fl-Ewropa

4.1.1

L-innovazzjoni tinsab fil-qalba tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-innovazzjoni tal-intrapriżi stabbiliti fl-Ewropa għandha tiġi mħeġġa u ppreservata. Bosta proġetti innovattivi jiġu żviluppati fin-negozji l-ġodda u fl-SMEs. Dawn spiss ikollhom bażi finanzjarja dgħajfa u faċilment jispiċċaw jinxtraw minn intrapriżi kbar li, fuq perjodu twil ta’ żmien, jirrilokawhom f’kontinenti oħrajn. Għalhekk, l-Ewropa ma tgawdix mill-valur miżjud ekonomiku tagħhom u mill-impjieg.

4.1.2

L-SMEs qed jinfirxu fl-Ewropa għad-detriment tal-intrapriżi tradizzjonali kbar. Xi drabi, intrapriżi tradizzjonali jgħibu fl-istess waqt li jibdew jiġu żviluppati proġetti ta’ intrapriżi ġodda. F’dawn l-intrapriżi, il-qofol tal-innovazzjoni huwa l-proċessi ta’ tranżizzjoni. F’dan il-proċess għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-ħaddiema biex huma jkunu jistgħu jibqgħu jżommu l-pass permezz ta’ skemi ta’ taħriġ vokazzjonali antiċipati u adattati.

4.2   Prinċipji etiċi

4.2.1

Bl-istess mod li l-Kummissjoni tipproponi l-prinċipji FRAND b’rabta mal-privattivi essenzjali għal standard, il-Kumitat jappoġġja l-applikazzjoni ta’ prinċipji u standards tal-imparzjalità mutatis mutandis għal oqsma l-oħrajn tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Madankollu, il-prinċipji FRAND strettament jimplikaw limitazzjoni legali tal-liġi dwar il-privattivi. Il-prinċipji ma jistgħux sempliċement jiġu adottati f’setturi oħra, iżda għandhom ikunu kkunsidrati u diskussi każ b’każ (8).

4.2.2

Bl-istess mod, il-prinċipju tas-“sors miftuħ” għandu jiġi implimentat mingħajr ma jippenalizza r-riċerka pubblika. L-istituzzjonijiet pubbliċi spiss jiffinanzjaw ir-riċerka xjentifika. Qabel jiġu ppubblikati fir-rivisti speċjalizzati, l-artikli tagħha, jkunu jridu jiġu evalwati mill-pari li jivvalutaw b’mod kritiku x-xogħol tar-riċerkaturi. Dawn ir-rivisti huma disponibbli fiċ-ċentri ta’ riċerka universitarja permezz ta’ netwerks diġitali dinjija bħall-“Web of Science”, li l-universitajiet iħallsu somom konsiderevoli biex ikollhom aċċess għalihom, mentri dan il-kontenut għandu jkun aċċessibbli bi prezz raġonevoli. L-universitajiet m’għandhomx jerġgħu jħallsu biex jipprovdu l-istudenti tagħhom bil-vantaġġ tal-aċċess għal testi ta’ riċerka preċedenti. Dan l-użu doppju tal-fondi pubbliċi ma jidhirx li huwa effettiv u ma jaqbilx mal-valuri tal-ġustizzja u tal-użu raġonevoli.

4.3   Il-protezzjoni soċjali

4.3.1

85 % tal-invenzjonijiet huma ta' impjegati. Din hija kwistjoni importanti għall-Kummissjoni li qed tistabbilixxi sistema bbilanċjata ta’ infurzar tal-proprjetà intellettwali li tindirizza l-isfidi tas-soċjetà tal-lum (9). Il-KESE jenfasizza li l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiem kreattiv tifforma wkoll parti minn dan il-bilanċ. Din tista’ ttejjeb ħafna l-istatus tal-artisti u l-istatus tar-riċerkaturi.

5.   L-għodda għal aktar preservazzjoni u kontroll tal-interessi tal-partijiet ikkonċernati

5.1   L-organizzazzjoni tal-partijiet ikkonċernati (10)

5.1.1

F’approċċ intersezzjonali, il-prattiki tajbin jistgħu jiġu trasferiti għal setturi oħrajn: l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-ġurnalisti, pereżempju, jistgħu jinnegozjaw it-trasferiment tad-dritt tal-awtur tagħhom, kif ukoll l-użu sussegwenti tat-testi tagħhom f’applikazzjonijiet (diġitali) oħrajn, mal-organizzazzjoni professjonali tal-edituri għal paga ġusta. Il-ġurnalisti jkunu jistgħu wkoll jikkonkludu ftehimiet fuq il-prinċipji tal-libertà tal-istampa, il-protezzjoni tal-informaturi, ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità tad-data, id-drittijiet tal-awtur tal-qarrejja.

5.1.2

Sabiex jiġi żviluppat qafas ekstralegali kredibbli, il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom jikkonsultaw flimkien biex jiftiehmu dwar il-modi tat-trasferiment tad-DPI u jimplimentaw kodiċijiet ta’ kondotta u ftehimiet settorjali adatti u vijabbli, adattati għas-sitwazzjoni speċifika u relatati mal-partikolaritajiet tas-settur u tal-qasam tad-dritt inkwistjoni.

5.1.3

Forum dwar id-DPI għall-konsultazzjoni u d-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati jista’ jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet innegozjati. Il-konsultazzjoni Ewropea għandha tradizzjoni twila ta’ bilanċ bejn l-interessi nazzjonali u dawk Ewropej. Dan il-forum ta’ konsultazzjoni jista’ wkoll jaqdi rwol ta’ medjazzjoni, billi jorganizza lill-atturi li jirrappreżentaw l-awturi, ir-riċerkaturi, l-artisti, l-NGOs, l-imsieħba soċjali (junjins u impjegaturi), l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet professjonali, l-intermedjarji u l-istituzzjonijiet pubbliċi sabiex jipparteċipaw fit-tħaddim tal-forum legali bil-kooperazzjoni tal-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet Ewropej tal-EUIPO u tal-Osservatorju.

5.2   L-organizzazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi

5.2.1

Is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi wkoll tgħin fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni permezz ta' kampanji fil-midja li jtejbu l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà immaterjali, mingħajr ma fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur ma jinkiser id-dritt tagħhom għal “kopja privata”. Barra minn hekk, dawn il-kampanji għandhom jedukaw lill-konsumaturi dwar il-perikli għas-saħħa u s-sikurezza tagħhom meta jużaw ċerti prodotti foloz speċifiċi.

5.3   It-titjib tal-effiċjenza tas-sistemi tal-infurzar ġudizzjarju

5.3.1

Bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza tas-sistemi tal-infurzar ġudizzjarju, il-Kumitat jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni (11) fis-sejħa tagħha lill-Istati Membri “biex jippubblikaw b’mod sistematiku d-deċiżjonijiet ġudizzjarji” u fis-sejħa tagħha wkoll li jingħata rwol importanti lill-EUIPO u lill-Osservatorju. Huwa f’idejn il-Kummissjoni li tiddeċiedi liema huwa l-aktar korp adatt biex jorganizza dibattitu bejn il-partijiet interessati fi ħdan il-“pjattaforma tad-DPI”, jekk dan jagħmel il-politika tad-DPI fl-Ewropa aktar koerenti u adattata għas-Suq Uniku. Il-KESE jqis ukoll li huwa rilevanti li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jiġu żviluppati għodod alternattivi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) sabiex jiġi ssalvagwardjat il-prinċipju tal-imparzjalità.

5.3.2

Mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni penali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li l-Kummissjoni ma komplietx fil-livell tal-UE, F’dan il-kuntest, għandha tissaħħaħ il-ħidma ta’ koordinazzjoni bejn id-WIPO (l-Uffiċċju Dinji tal-Proprjetà Intellettwali) u l-EUIPO.

6.   Valutazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

6.1

Il-KESE jinnota li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward jikkonċernaw l-iżjed l-isfera legali.

6.2

Mingħajr preġudizzju għall-kors tal-ġustizzja, ikun tajjeb li jinħoloq qafas ta’ medjazzjoni legali aktar b’saħħtu fost il-partijiet ikkonċernati biex jitfasslu proposti ta’ konċiljazzjoni. Din il-proċedura ta’ konċiljazzjoni tista’ tippermetti li jissolvew kunflitti fost il-partijiet differenti u jiġu evitati proċeduri ġuridiċi kkumplikati, għaljin u twal. Dan il-prinċipju diġà huwa fis-seħħ fis-Sistema Unitarja tal-Privattivi, li għandha Ċentru ta’ Arbitraġġ u Medjazzjoni. Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkompli teżamina din il-kwistjoni bil-kooperazzjoni tal-EUIPO, u jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja l-idea f’oqsma oħra tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

6.3

Il-Kumitat jappoġġja l-istedina tal-Kummissjoni lill-atturi settorjali sabiex jieħdu l-miżuri ta’ diliġenza adatti sabiex jindirizzaw il-ksur tal-proprjetà intellettwali. Madankollu, ikun tajjeb li qabel kollox jiġu pprovduti strumenti istituzzjonali speċifiċi biex il-partijiet ikkonċernati kollha jkunu organizzati u jinġabru flimkien sabiex iniedu u, fejn diġà jeżisti, eż. fil-forma ta’ Memorandum ta’ Qbil, ikomplu djalogu u jagħtu d-DPI lid-detenturi leġittimi tagħhom. Jeħtieġ li jiġu mħeġġa u żviluppati iżjed il-ftehimiet volontarji li jlaqqgħu flimkien lid-detenturi tad-drittijiet, lill-pjattaformi tal-internet, lir-reklamar onlajn u lill-provvedituri tal-kunsinna u tas-servizzi finanzjarji.

Brussell, l-14 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU L 195, 2.6.2004, p. 16 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  COM(2017) 707 final, paġna 3, punt 1): “il-miżuri li jippermettu li l-partijiet ikkonċernati fil-qasam tal-PI jibbenefikaw aktar faċilment minn sistema omoġenja, ġusta u effettiva ta’ infurzar ġudizzjarju fl-UE”.

(3)  COM(2017) 708 final, it-tieni sentenza tar-raba’ paragrafu tal-introduzzjoni: “Dan għaliex, peress li d-Direttiva tipprevedi armonizzazzjoni minima (jiġifieri l-Artikolu 2 jippermetti b’mod espliċitu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi mezzi li jkunu aktar favorevoli għad-detenturi tad-drittijiet).”

(4)  COM(2017) 712 final, paġna 1, it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu.

(5)  COM(2017) 707 final, paġna 4, l-ewwel paragrafu: “(…) jiġi żgurat li d-detenturi tal-privattivi jiġu ppremjati għall-investimenti tagħhom fir-riċerka u fl-iżvilupp u għall-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni u b’hekk jiġu inċentivati joffru l-aħjar teknoloġiji tagħhom biex jiġu inklużi fl-istandards”.

(6)  L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), “Intellectual property rights intensive industries and economic performance in the EU” (Is-setturi intensivi fid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-riżultati ekonomiċi fl-UE), 2016.

(7)  Skont studju reċenti, 5 % tal-importazzjonijiet kollha fl-UE ġejjin mill-falsifikazzjoni jew mill-piraterija; dan il-kummerċ illegali għandu valur ta’ madwar EUR 85 biljun.

(8)  Ara l-punt 1.6.

(9)  COM(2017) 707 final.

(10)  Ara l-punt 3.8.1.

(11)  COM(2017) 707 final, p. 8.


6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/38


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2019–2020) li jikkumplimenta l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Orizzont 2020

(COM(2017) 698 final — 2017/312 (NLE))

(2018/C 237/06)

Relatur:

Jacques LEMERCIER

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 18.1.2018

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 10.1.2018

Bażi legali

L-Artikolu 106(a) tat-Trattat Euratom u l-Artikolu 304 TFUE

Kompetenza

Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni speċjalizzata

9.3.2018

Adottata fil-plenarja

14.3.2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

178/0/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-programm Euratom 2019–2020 se jkompli l-attivitajiet ta’ riċerka tal-Programm Euratom 2014–2018 u huwa kompletament koerenti ma’ dan tal-aħħar. Il-proposta tal-Kummissjoni fiha ftit li xejn tibdil. Il-bidliet jaffettwaw fil-biċċa l-kbira l-baġit u għandhom l-għan li jiżguraw il-kontinwità tal-programm.

1.2

Il-KESE jieħu nota ta’ dawn il-bidliet billi jikkunsidra l-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar dan is-suġġett (1).

1.3

L-għan ewlieni tar-riċerka fil-qasam nukleari ffinanzjata minn Euratom huwa li tittejjeb is-sigurtà tat-teknoloġiji nukleari. Il-KESE jemmen li l-aspetti marbutin mas-sigurtà nukleari għandhom jingħataw l-ikbar attenzjoni possibbli. It-tnaqqis u l-ħażna ta’ skart radjuattiv b’ħajja twila, il-monitoraġġ tal-materjal fissili u l-protezzjoni mir-radjazzjoni għandhom jagħmlu wkoll parti mill-prijoritajiet. Dawn il-linji ta’ riċerka għandhom jiġu kondiviżi fil-qafas tal-Forum Ewropew tal-Enerġija Nukleari (ENEF), lo fi ħdanu hija rappreżentata s-soċjetà ċivili, inkluż il-KESE.

1.4

Il-KESE jtenni u jikkonferma l-essenzjal tal-messaġġ li kien għamel dwar din il-kwistjoni f’opinjonijiet preċedenti tiegħu, jiġifieri li l-livell ta’ għarfien dwar it-teknoloġiji nukleari, l-użu u l-konsegwenzi tagħhom għandu jinżamm u jiġi żviluppat. Fid-dawl tal-fatt li jaqdi rwol ta’ koordinazzjoni fil-qsim tar-riżorsi u l-integrazzjoni tal-isforzi komuni, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-EURATOM joffri valur miżjud Ewropew sinifikanti f’dan ir-rigward (2).

1.5

Barra minn hekk, il-KESE jfakkar fix-xewqa tiegħu li l-Kummissjoni Ewropea tkompli tappoġġja l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli mhux fossili u tipproċedi f’bilanċjar mill-ġdid tal-piż tal-enerġija nukleari fit-taħlita tal-enerġija tal-Istati.

1.6

Wara li seħħew diversi inċidenti f’impjanti Ewropej, issa huwa ppruvat li s-sottokuntrattar huwa fattur ta’ inċertezza fir-rigward tal-manutenzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari. Il-KESE huwa tal-fehma li s-sottokuntrattar għandu jkun limitat u strutturat sew.

1.7

Il-KESE jitlob li tingħata attenzjoni speċjali għal dawn il-kwistjonijiet fil-kuntest tal-BREXIT u l-ħruġ de facto tar-Renju Unit mit-Trattat EURATOM.

2.   Is-sens tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li jiġi adottat regolament ġdid li jestendi l-attivitajiet kollha ta’ riċerka mwettqa skont ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1314/2013 dwar Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014–2018) li jikkumplementa l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020”.

2.2

Il-proposta għall-programm Euratom għall-perjodu 2019–2020 tikkostitwixxi żieda mal-programm “Orizzont 2020”. Din tistabbilixxi l-baġit għal azzjonijiet diretti u indiretti, tistabbilixxi l-għanijiet ta’ riċerka u żvilupp u telenka l-istrumenti ta’ appoġġ ta’ riċerka u żvilupp.

2.3

Skont l-Artikolu 7 tat-Trattat tal-Euratom, il-programm attwali (2014–2018) huwa stabbilit għal perjodu li ma jeċċedix ħames snin. Il-proposta għandha l-għan li tiżgura l-kontinwazzjoni mhux interrotta tal-programm fl-2019 u l-2020. Dan l-approċċ se jiżgura konsistenza akbar mal-iskeda tal-programm “Orizzont 2020”. L-interess huwa saħansitra ikbar peress li l-programmi tal-Orizzont 2020 u Euratom għandhom għanijiet ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni interim tal-Programm Euratom 2014–2018 u b’mod partikolari tal-fatt li l-analiżijiet imwettqa mill-Kummissjoni “ma żvelaw l-ebda evidenza li titfa’ dubju fuq l-istrateġija u l-format tal-programm 2014–2018 jew li jeħtieġu reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni, l-attivitajiet, jew il-modalità ta’ implimentazzjoni tal-programm għas-snin 2019–2020”.

3.2

Il-KESE jinnota wkoll li l-konsultazzjoni pubblika mwettqa bejn Ottubru 2016 u Jannar 2017 biex tiddokumenta l-evalwazzjoni interim tal-Programm Euratom 2014–2018 u l-proposta tal-Programm Euratom 2019–2020 żvelat valutazzjonijiet ġeneralment pożittivi: 80 % tal-parteċipanti sabu l- programm rilevanti (jaqblu jew jaqblu ħafna). Barra minn hekk, il-parteċipanti faħħru ħafna r-riżultati miksuba f’dak li għandu x’jaqsam mal-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka dwar il-ġestjoni tal-iskart, is-sikurezza tar-reatturi eżistenti u r-riċerka dwar il-fużjoni. Madankollu, il-programm ma jidhirx li kellu effett ta’ lieva fuq l-investimenti privati.

3.3

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-partijiet interessati differenti jiġu meħuda inkunsiderazzjoni fit-tħejjija tal-Programm ta’ Ħidma tal-Euratom 2019–2020 jew bħala parti mill-attivitajiet normali tagħha ta’ kontroll u ta’ ġestjoni tal-programm Euratom u li r-rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet fit-tul jiġu diskussi fil-valutazzjoni tal-impatt ex ante tal-Programm Euratom, inkluża fil-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid (wara l-2020).

3.4

Il-KESE jieħu nota ta’ dan ta’ hawn fuq u b’kont meħud tal-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar dan is-suġġett, jagħti l-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni.

3.5

Billi jibni fuq l-opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-KESE jenfasizza li l-għan ewlieni tar-riċerka fil-qasam nukleari ffinanzjata minn Euratom huwa li tittejjeb is-sigurtà tat-teknoloġiji nukleari. Il-KESE jemmen li l-aspetti marbutin mas-sigurtà nukleari għandhom jingħataw l-ikbar attenzjoni possibbli. It-tnaqqis u l-ħażna ta’ skart radjuattiv b’ħajja twila, il-monitoraġġ tal-materjal fissili u l-protezzjoni mir-radjazzjoni għandhom jagħmlu wkoll parti mill-prijoritajiet.

3.6

Il-KESE jerġa’ jenfasizza li l-livell ta’ għarfien dwar it-teknoloġiji nukleari, l-użu u l-konsegwenzi tagħhom għandu jinżamm u jiġi żviluppat. Fid-dawl tal-fatt li jaqdi rwol ta’ koordinazzjoni fil-qsim tar-riżorsi u l-integrazzjoni tal-isforzi komuni, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-EURATOM joffri valur miżjud Ewropew sinifikanti f’dan ir-rigward (3).

Brussell, l-14 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 66, ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111, u ĠU C 318, 29.10.2011, p. 127.

(2)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111ĠU C 318, 29.10.2011, p. 127.

(3)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 111ĠU C 318, 29.10.2011, p. 127.


6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT. Lejn żona unika tal-VAT fl-UE — Wasal iż-żmien li naġixxu”

(COM(2017) 566 final)

u

“Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-persuna taxxabbli ċċertifikata”

(COM(2017) 567 final — 2017/0248 (CNS))

u

“Proposta għal Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ ċerti eżenzjonijiet għat-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji”

(COM(2017) 568 final) — 2017/0249 (NLE))

u

“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta’ ċerti regoli tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li tintroduċi s-sistema definittiva għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri”

(COM(2017) 569 final) — 2017/0251 (CNS))

(2018/C 237/07)

Relatur:

Giuseppe GUERINI

Korelatur:

Krister ANDERSSON

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 23.10.2017;

Kummissjoni Ewropea 17.11.2017, 13.12.2017

Bażi legali

Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

28.2.2018

Adottata fil-plenarja

14.3.2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

185/9/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis li s-sistema attwali tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) fl-UE hija frammentata u kumplessa ħafna u sussegwentement tnaqqas u tfixkel il-kummerċ u l-investiment billi toħloq piżijiet amministrattivi u ostakoli tal-kummerċ żejda u estensivi għan-negozji.

1.2

Il-KESE jemmen li s-sistema tal-VAT għandu jkollha l-għan li tiffaċilita l-funzjonament xieraq tas-suq intern. B’mod partikolari, is-sistema tal-VAT jeħtieġ li tkun inqas frammentata u tiġi amministrata b’mod aktar effiċjenti, speċjalment fir-rigward tal-kummerċ transkonfinali, u għandha tiġi modernizzata fid-dawl taż-żieda fil-globalizzazzjoni u fid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija.

1.3

Il-KESE jilqa’ d-determinazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex telimina d-diskrepanza tal-VAT, kif ukoll id-Direttiva reċenti Nru 2017/1371 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali, li tipprevedi l-involviment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew f’każijiet ta’ frodi tal-VAT ta’ aktar minn EUR 10 miljun.

1.4

Il-KESE jqis li l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom jinvestigaw kif it-teknoloġiji futuri jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. It-teknoloġiji diġitali jistgħu jkunu wkoll għodda utli biex jittaffa l-piż amministrattiv kemm minn fuq in-negozji kif ukoll minn fuq l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, u b’hekk tinġieb it-trasparenza meħtieġa. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom joħolqu fora xierqa għall-iskambju tal-aħjar prattiki fil-ġbir ta’ dħul finanzjarju u dwar kif jiġu żviluppati t-teknoloġiji sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir xieraq tat-taxxi f’sitwazzjonijiet ta’ kummerċ transkonfinali. Għandha tiġi kkunsidrata analiżi fil-fond dwar il-possibbiltà li jiġu implimentati rati tal-VAT ogħla fuq oġġetti ta’ lussu. Għandhom jiġu diskussi sistemi effiċjenti ta’ rifużjoni tal-VAT u formoli u proċessi tat-taxxa flimkien ma’ sistemi semplifikati għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-frodaturi. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għat-twaqqif ta’ fora istituzzjonali bħal din, sabiex b’hekk issaħħaħ it-tkabbir u tnaqqas it-telf tad-dħul.

1.5

Il-KESE jemmen li punt uniku ta’ servizz li jiffunzjona huwa parti vitali ta’ sistema bbażata fuq id-destinazzjoni. Għalhekk, jintlaqgħu l-inizjattivi tal-Kummissjoni, bħall-estensjoni proposta tal-Punt Uniku ta’ Servizz Żgħir għas-servizzi B2C kollha kif ukoll il-bejgħ ta’ oġġetti B2C, kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll barra minnha.

1.6

Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet kollha involuti fil-proċess tar-riforma tas-sistema tal-VAT biex jesploraw kif sistema komuni għas-servizzi kif ukoll għall-oġġetti tista’ tiġi implimentata mill-aktar fis possibbli, sabiex b’hekk jitneħħew il-problemi prevedibbli li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ żewġ sistemi, waħda għall-oġġetti u l-oħra għas-servizzi. Il-KESE jqis tali żvilupp bħala pożittiv dment li dan ikun konsistenti mal-prinċipju tan-newtralità fiskali.

1.7

Il-KESE jenfasizza l-importanza tan-newtralità fiskali bejn kumpaniji differenti, waqt li jindika li l-pagamenti tal-VAT m’għandhomx jitħallew jolqtu b’mod negattiv lil-likwidità ta’ ċerti negozji. F’dan ir-rigward, l-importaturi ta’ oġġetti għandhom ikunu obbligati jħallsu l-VAT meta l-prodotti fil-fatt jitpoġġew fis-suq u mhux biss meta tali prodotti jkunu importati u mogħtija.

1.8

Fir-rigward tal-persuna taxxabbli ċċertifikata (“CTP”), il-KESE jinnota li l-Kummissjoni tqis dan il-kunċett bħala wieħed importanti għat-tranżizzjoni lejn sistema tal-VAT ibbażata fuq il-prinċipju tad-destinazzjoni u jaqbel li n-negozji li l-affidabbiltà tat-taxxa tagħhom hija ppruvata għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn miżuri ta’ semplifikazzjoni xierqa.

1.9

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li peress li se jgħaddi ftit żmien qabel ma l-Istati Membri jaqblu dwar il-persuna taxxabbli ċċertifikata u sabiex il-maġġoranza tal-kumpaniji jiġu ċċertifikati, u peress li s-soluzzjonijiet ta’ malajr imsemmija fil-proposta huma tant importanti għall-funzjonament tas-sistema tal-VAT, il-KESE jħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri biex jadottaw is-soluzzjonijiet ta’ malajr għan-negozji kollha qabel ma l-persuna taxxabbli ċċertifikata tiġi żviluppata kompletament.

1.10

B’referenza għal ċerti eżenzjonijiet għal tranżazzjonijiet intra-Komunitarji inklużi fil-proposta li temenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, il-KESE jinnota li t-talba tal-Kunsill li titlob lill-Kummissjoni biex tissemplifika u tikkjarifika l-qafas legali dwar l-eżenzjonijiet tidher li hija għodda utli biex jitnaqqas il-frodi u jiġu limitati l-ispejjeż ta’ konformità għall-SMEs.

1.11

Il-KESE jqis li huwa importanti għall-Kummissjoni li twettaq valutazzjoni tal-impatt regolatorja komprensiva bl-għan li taċċerta — inkluż f’termini kwantitattivi — l-implikazzjonijiet prattiċi tal-pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT kollu kemm hu għall-individwi, in-negozji u l-awtoritajiet tat-taxxa.

1.12

Għal darb’oħra, il-KESE jindika li għandu jsir kull sforz biex is-sistema definittiva tal-VAT tiġi implimentata f’perjodu ta’ żmien raġonevoli; inkella jkun hemm ir-riskju li l-objettivi ddikjarati jiġu kompromessi jew jintlaħqu biss parzjalment, għad-detriment tas-suq intern u tal-kumpaniji u l-konsumaturi Ewropej.

2.   Introduzzjoni u kuntest

2.1

Bil-komunikazzjoni tagħha intitolata Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu, ippubblikata fis-7 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ppreżentat il-pjan ta’ azzjoni tagħha mmirat lejn il-modernizzazzjoni tas-sistema tal-VAT fl-UE, u ħabbret għadd ta’ proposti speċifiċi għal dan il-għan.

2.2

B’mod partikolari, il-pjan ta’ azzjoni jipprevedi: i) il-modernizzazzjoni tas-sistema tal-VAT, billi tiġi adattata għat-teknoloġiji diġitali ġodda; ii) l-iffaċilitar tal-konformità tal-VAT għall-SMEs; iii) l-iżvilupp ta’ politika xierqa għall-istabbiliment tar-rati tal-VAT; iv) it-tnaqqis fid-diskrepanza tal-VAT fl-Istati Membri u l-indirizzar tal-frodi fiskali.

2.3

Peress li l-kummerċ transkonfinali fl-UE jammonta għal aktar minn EUR 4,1 triljun (esportazzjonijiet) u EUR 3,9 triljun (importazzjonijiet), sistema tal-VAT li tiffunzjona hija kruċjali għaċ-ċittadini Ewropej kollha.

2.4

Fl-1 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni ppubblikat żewġ proposti: waħda dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku transkonfinali (1) u l-oħra dwar ir-rati tal-VAT għall-pubblikazzjonijiet elettroniċi (2).

2.5

Fil-21 ta’ Diċembru 2016, sabiex tnaqqas il-frodi tal-VAT u twieġeb għat-talbiet minn xi Stati Membri fil-Kunsill, il-Kummissjoni ppubblikat proposta dwar mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat b’mod temporanju b’rabta mal-provvisti ta’ oġġetti u servizzi li jaqbżu l-valur ta’ EUR 10 000.

2.6

F’Ottubru 2017, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat pakkett ta’ miżuri ulterjuri fil-qasam tal-VAT. Dan il-pakkett jinkludi: i) proposta biex tiġi emendata d-Direttiva 2006/112/KE attwali tal-VAT, li tintroduċi l-kunċett ta’ CTP, kif ukoll xi miżuri korrettivi (3); ii) miżuri biex jitħejjew il-pedamenti għal tranżizzjoni gradwali lejn il-prinċipju tat-tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni u r-responsabbiltà tal-fornitur bħala regola ġenerali (4); iii) proposta li temenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 biex jiġu armonizzati u ssemplifikati r-regoli dwar l-għoti ta’ prova tat-trasport intra-Komunitarju tal-oġġetti għall-finijiet ta’ eżenzjonijiet mill-VAT; (5); iv) proposta li temenda r-regolament dwar il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali dwar il-VAT (6).

2.7

B’mod speċifiku, il-Kummissjoni ppreżentat erba’ “soluzzjonijiet ta’ malajr” sabiex tnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq in-negozji fis-sistema attwali. Dawn l-erba’ soluzzjonijiet ta’ malajr huma: (i) semplifikazzjoni tar-regoli dwar il-VAT għall-kumpaniji li jġorru l-oġġetti minn Stat Membru għal ieħor li fih ikunu se jinħażnu qabel ma jiġu fornuti lil klijent li jkun magħruf minn qabel, (ii) semplifikazzjoni u armonizzazzjoni tar-regoli dwar sitwazzjonijiet ta’ tranżazzjoni f’katina, (iii) semplifikazzjoni tal-prova tat-trasport ta’ oġġetti bejn żewġ Stati Membri. Dawn is-semplifikazzjonijiet huma limitati għan-negozji CTP. Ir-raba’ soluzzjoni ta’ malajr, rigward in-numru tal-VAT tas-sħab kummerċjali rreġistrat fis-sistema elettronika ta’ verifika tan-numru tal-VAT (VIES) tal-UE, se tkun disponibbli għan-negozji CTP u dawk mhux CTP.

2.8

B’ħarsa ’l quddiem, il-Kummissjoni biħsiebha tissostitwixxi gradwalment l-arranġament transizzjonali attwali għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, bi ftehim definittiv ibbażat fuq il-prinċipju tat-tassazzjoni tal-oġġetti fil-pajjiż ta’ destinazzjoni permezz ta’ serje ta’ miżuri leġislattivi u aġġustamenti progressivi.

3.   Kummenti ġenerali: il-ġlieda kontra l-frodi u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali

3.1

Is-sistema attwali tal-VAT fl-UE hija frammentata u kumplessa ħafna u sussegwentement tnaqqas u tfixkel il-kummerċ u l-investimenti billi toħloq piżijiet amministrattivi u ostakoli tal-kummerċ żejda u estensivi għan-negozji.

3.2

Il-KESE jemmen li s-sistema tal-VAT tal-UE għandu jkollha l-għan li tiffaċilita l-funzjonament xieraq tas-suq intern. B’mod partikolari, is-sistema tal-VAT jeħtieġ li tkun inqas frammentata u tiġi amministrata b’mod aktar effiċjenti, speċjalment fir-rigward tal-kummerċ transkonfinali, u għandha tiġi modernizzata fid-dawl taż-żieda fil-globalizzazzjoni u fid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija.

3.3

Fl-istess ħin, il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-frodi tal-VAT jikkostitwixxi problema sinifikanti — kif muri biċ-ċifri li jagħtu stima tat-telf ta’ dħul ta’ EUR 151 biljun minħabba l-frodi — li fir-rigward tagħha għandhom jittieħdu miżuri prattiċi u dejjem aktar effettivi sabiex jitnaqqsu l-prattiki illegali, mingħajr madankollu ma tiġi mminata l-konsolidazzjoni tas-suq uniku (7).

3.4

Il-KESE jilqa’ d-determinazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex telimina d-diskrepanza tal-VAT, kif ukoll id-Direttiva reċenti Nru 2017/1371 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali, li tipprevedi l-involviment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew f’każijiet ta’ frodi tal-VAT ta’ aktar minn EUR 10 miljun.

3.5

Għalhekk huwa importanti li l-objettiv li jiġi żgurat suq intern reali u li jiġi miġġieled il-frodi jingħata prijorità billi jinkisbu riżultati tanġibbli f’dan il-qasam mingħajr dewmien, permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni u l-iżvilupp ta’ bażijiet tad-data u pjattaformi għall-iskambju tad-data bejn id-diversi awtoritajiet nazzjonali b’appoġġ ta’ infurzar effiċjenti tar-regoli tat-taxxa. B’mod partikolari, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali biex jikkooperaw aktar mill-qrib u b’mod aktar intensiv fuq bażi ta’ kuljum sabiex jiżguraw li r-rekwiżiti tas-suq intern jintlaħqu u sabiex jitnaqqsu l-kostijiet amministrattivi kemm għan-negozji kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet fiskali għandhom, b’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata u partijiet interessati oħra, jinvestigaw kif teknoloġiji futuri jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, peress li t-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jkunu strument utli biex jissemplifika l-piż amministrattiv fuq in-negozji u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, kif ukoll biex tinġieb it-trasparenza meħtieġa.

3.6

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri joħolqu fora xierqa għall-iskambju tal-aħjar prattiki fil-ġbir ta’ dħul u dwar kif jiġu żviluppati t-teknoloġiji sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir xieraq tat-taxxi f’sitwazzjonijiet ta’ kummerċ transkonfinali. B’mod partikolari, għandhom jiġu diskussi sistemi ta’ rifużjoni tal-VAT u formoli u proċessi tat-taxxa effiċjenti flimkien ma’ sistemi effiċjenti għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-frodaturi. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għat-twaqqif ta’ fora istituzzjonali bħal din, sabiex b’hekk issaħħaħ it-tkabbir u tnaqqas it-telf tad-dħul.

4.   Prinċipju tad-destinazzjoni u rati

4.1

Kif iddikjara fl-opinjoni tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT (8), il-KESE jemmen li l-analiżi bir-reqqa tas-sistema attwali għandha tirriżulta f’sistema definittiva tal-VAT li mhux biss tkun ċara, robusta u komprensiva, iżda wkoll proporzjonata b’rabta man-negozji, u adattata għall-pass mgħaġġel tal-bidla fl-ekonomija u fis-swieq.

4.2

F’dan il-kuntest, il-Kumitat japprova l-proposta favur il-prinċipju tal-pajjiż ta’ destinazzjoni bħala l-bażi għas-sistema definittiva tal-VAT, peress li hija mistennija li toħloq aktar kundizzjonijiet ekwi għall-fornituri kollha fl-istess suq nazzjonali u tirriżulta f’inqas distorsjoni tas-suq tal-UE.

4.3

OSS li jiffunzjona huwa parti vitali ta’ sistema bbażata fuq id-destinazzjoni. Għalhekk, huma mistiedna l-inizjattivi tal-Kummissjoni, bħall-estensjoni proposta tal-Punt Uniku ta’ Servizz Żgħir għas-servizzi B2C kollha kif ukoll għall-bejgħ ta’ oġġetti B2C, kemm ġewwa l-Komunità kif ukoll barra minnha. Mingħajr OSS li jiffunzjona kompletament, abbażi ta’ awditi tal-pajjiż tad-domiċilju, semplifikazzjonijiet skalabbli, u l-kapaċità li jiġi kkumpensat il-VAT tal-input imġarrab mill-Istati Membri kollha, kwalunkwe sistema bbażata fuq id-destinazzjoni se żżid il-piż amministrattiv b’mod drammatiku, speċjalment għall-SMEs.

4.4

Il-KESE jenfasizza l-importanza tan-newtralità fiskali bejn kumpaniji differenti, waqt li jindika li l-pagamenti tal-VAT m’għandhomx jitħallew jolqtu b’mod negattiv lil-likwidità ta’ ċerti negozji. F’dan ir-rigward, l-importaturi ta’ oġġetti fi swieq nazzjonali speċifiċi għandhom ikunu obbligati jħallsu l-VAT meta l-prodotti fil-fatt jitpoġġew fis-suq u mhux biss meta tali prodotti jkunu importati u mogħtija u jistennew il-kummerċjalizzazzjoni sussegwenti tagħhom.

4.5

Fir-rigward tal-ewwel fażi tal-pjan ta’ azzjoni, li tiffoka fuq ċerti provvisti ta’ oġġetti, il-Kumitat jistieden lill-istituzzjonijiet kollha involuti fil-proċess tar-riforma tas-sistema tal-VAT biex jesploraw kif sistema komuni għas-servizzi u għall-oġġetti tista’ tiġi implimentata mill-aktar fis possibbli, sabiex b’hekk jitneħħew il-problemi prevedibbli li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ żewġ sistemi, waħda għall-oġġetti u l-oħra għas-servizzi.

4.6

Dan huwa partikolarment rilevanti minħabba li fl-ekonomija diġitali, il-linja diviżorja bejn l-oġġetti u s-servizzi qed issir dejjem aktar vaga u x’aktarx se tkompli tinbidel fl-ambjent attwali li fih it-teknoloġija qiegħda tevolvi b’pass ħafna aktar mgħaġġel mir-regoli żviluppati mill-istituzzjonijiet rilevanti. Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra u possibbilment tindirizza din il-kwistjoni fi ħdan ir-riforma li għaddejja tas-sistema tal-VAT.

4.7

Il-KESE jqis li l-politika dwar ir-rati tal-VAT segwita mill-Kummissjoni u li għandha l-għan li tagħti lill-Istati Membri aktar flessibbiltà fir-rigward tar-rati mnaqqsa għandha, fil-prinċipju, tkun kompatibbli mal-prinċipju tal-pajjiż ta’ destinazzjoni, minħabba li taħt din is-sistema x’aktarx se jkun hemm inqas distorsjoni tal-kummerċ.

4.8

Madankollu, l-għoti ta’ aktar flessibbiltà lill-Istati Membri biex jistabbilixxu r-rati tagħhom stess, ma għandux iwassal għall-frammentazzjoni jew għal kumplessità eċċessiva fis-sistema inġenerali. Għalhekk, jeħtieġ li jittieħed approċċ proporzjonat, li jwassal għal qafas ta’ implimentazzjoni ċar u prevedibbli, fl-interessi b’mod partikolari tal-SMEs u sabiex jitnaqqsu l-kostijiet ta’ konformità għall-operaturi ekonomiċi b’mod ġenerali (9).

4.9

Minn dan joħroġ li n-numru ta’ eċċezzjonijiet permessi għandu jkun limitat għal każijiet speċifiċi u ġġustifikati kif xieraq, sabiex jiġi żgurat qafas regolatorju uniformi u prevedibbli.

4.10

Fir-rigward ta’ eċċezzjonijiet possibbli, il-Kumitat iqis li l-objettiv li tiġi appoġġjata l-innovazzjoni soċjali u li jissaħħaħ il-pilastru soċjali Ewropew li tħaddan il-Kummissjoni jista’ jiġġustifika rati mnaqqsa għas-settur tal-intrapriżi soċjali u tas-servizzi soċjali, abbażi tal-inizjattivi speċifiċi li l-Istati Membri jiddeċiedu li jieħdu għal dan il-għan fi ħdan il-qafas legali ġdid li jirregola l-VAT.

4.11

Huwa importanti li tiġi stabbilita għodda ta’ informazzjoni onlajn sabiex in-negozji jkunu jistgħu jżommu rendikont tas-sistemi ta’ rati differenti tat-28 Stat Membru. Din l-għodda għandha tkun faċilment aċċessibbli, affidabbli u preferibbilment fil-lingwi kollha tal-UE.

5.   Il-persuna taxxabbli ċċertifikata

5.1

Fir-rigward tal-persuna taxxabbli ċċertifikata, il-KESE jinnota li l-Kummissjoni tqis dan il-kunċett bħala wieħed importanti għat-tranżizzjoni lejn sistema tal-VAT ibbażata fuq il-prinċipju tad-destinazzjoni u jaqbel li n-negozji li l-affidabbiltà tat-taxxa tagħhom hija ppruvata għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn miżuri ta’ semplifikazzjoni xierqa.

5.2

Filwaqt li l-kunċett tas-CTP u l-użu tiegħu tar-reverse charge jista’ jkollu l-potenzjal li joffri konċessjoni sostanzjali lin-negozji, aħna nemmnu li sabiex in-negozji, u b’mod partikolari l-SMEs, ikunu kapaċi japplikaw għal dan il-kunċett, huwa essenzjali li jiġu implimentati kriterji u regoli armonizzati, ċari u proporzjonati fl-Istati Membri sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess l-aktar wiesa’ kemm jista’ jkun għall-istatus ta’ CTP.

5.3

Peress li se jgħaddi ftit żmien qabel ma l-Istati Membri jaqblu dwar is-CTP u sabiex il-maġġoranza l-kbira tal-kumpaniji jiġu ċċertifikati, u peress li s-soluzzjonijiet ta’ malajr imsemmija fil-proposta huma tant importanti għall-funzjonament tas-sistema tal-VAT, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw is-soluzzjonijiet ta’ malajr għan-negozji kollha qabel ma s-CTP tiġi żviluppata kompletament.

5.4

Il-KESE jaqbel ukoll li, sabiex isir l-aħjar użu mill-istatus ta’ CTP, jeħtieġ li jiġu stabbiliti sistemi ta’ ħżin elettroniku żviluppati kif xieraq, li għandhom ikunu faċilment aċċessibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali.

5.5

Madankollu, minħabba l-formulazzjoni attwali tal-proposta tal-Kummissjoni, it-twettiq ta’ valutazzjoni aktar bir-reqqa u ddettaljata ta’ dan il-kunċett mhuwiex possibbli, peress li għadu vag, u mhuwiex ċar x’se jkunu l-implikazzjonijiet prattiċi tal-implimentazzjoni tiegħu.

5.6

F’dan l-istadju, għalhekk, il-KESE jindika sempliċement li l-istrument ta’ CTP għandha tiġi appoġġjata minn kriterji ta’ implimentazzjoni ċari u trasparenti. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li l-istabbiliment tal-kriterji simili għal dawk li jirregolaw l-Operatur Ekonomiku Awtorizzat jista’ jirriżulta fit-tnaqqis tal-aċċess għas-sistema ta’ CTP u s-soluzzjonijiet ta’ malajr, bl-involviment ta’ minoranza żgħira tal-komunità tan-negozju biss. Ir-riskji tas-sistema CTP huma aċċessibbli għal ftit negozji biss.

5.7

Dan il-kunċett għandu jkun soġġett, b’mod partikolari fl-ewwel fażi ta’ implimentazzjoni, għal monitoraġġ bir-reqqa mill-Kummissjoni Ewropea, sabiex il-benefiċċji ġġenerati mill-użu tal-kunċett ta’ CTP f’termini ta’ semplifikazzjoni tat-taxxa u faċilità ta’ konformità ma jkunux issuperati minn telf ta’ ċertezza legali u uniformità regolatorja fis-suq intern.

5.8

B’referenza għall-proposta li temenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 fir-rigward ta’ ċerti eżenzjonijiet għat-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, il-KESE jinnota li t-talba tal-Kunsill li l-Kummissjoni tiċċara u tissemplifika l-qafas legali dwar l-eżenzjonijiet jidher li hija għodda utli biex jitnaqqas il-frodi u jiġu limitati l-ispejjeż ta’ konformità għall-SMEs.

6.   Il-passi li jmiss u kummenti finali

6.1

B’mod ġenerali, il-KESE jqis li huwa importanti għall-Kummissjoni li twettaq valutazzjoni tal-impatt regolatorju komprensiva bl-għan li taċċerta — inkluż f’termini kwantitattivi — l-implikazzjonijiet prattiċi tal-pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT kollu kemm hu għall-individwi, in-negozji u l-awtoritajiet tat-taxxa.

6.2

Finalment, il-KESE jinnota — b’referenza għall-opinjoni preċedenti tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT (10) — li huwa importanti li l-partijiet varji kollha tal-pjan ta’ azzjoni jiġu implimentati bħala xi ħaġa sħiħa u indiviżibbli.

6.3

Għal darb’oħra, il-Kumitat jindika li għandu jsir kull sforz biex is-sistema definittiva tal-VAT tiġi implimentata f’perjodu ta’ żmien raġonevoli; inkella jkun hemm ir-riskju li l-objettivi ddikjarati jiġu kompromessi jew jintlaħqu biss parzjalment, għad-detriment tas-suq intern u l-kumpaniji Ewropej li jaħdmu fih.

Brussell, l-14 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2016) 757 final.

(2)  COM(2016) 758 final.

(3)  COM(2017) 567 final.

(4)  COM(2017) 566 final.

(5)  COM(2017)568 final.

(6)  COM(2017)569 final.

(7)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-VAT — Deroga — ħlas invertit, partikolarment il-punti 1.2-3.2 (ĠU C 288, 31.8.2017, p. 52).

(8)  ĠU C 389, 21.10.2016, p. 43.

(9)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-VAT (ĠU C 389, 21.10.2016, p. 43), il-punti 3.1.6 u 3.1.7.

(10)  ĠU C 389, 21.10.2016, p. 43


6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/46


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-tlestija tal-Unjoni Bankarja”

(COM(2017) 592 final)

(2018/C 237/08)

Relatur:

Carlos TRIAS PINTÓ

Korelatur:

Daniel MAREELS

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 17.11.2017

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

28.2.2018

Adottata fil-plenarja

14.3.2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

180/3/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-miżuri adottati mill-2012 li taw kontribut deċiżiv għall-istabbiltà finanzjarja u kisru ċ-ċirku vizzjuż bejn is-sistemi bankarji u s-sovrani tagħhom.

1.2

Għalhekk, aħna nilqgħu – u nappellaw ukoll li jiġu implimentati b’mod konkreti – is-sett ta’ miżuri ġodda proposti mill-Kummissjoni Ewropea biex tiġi kkompletata l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u nimxu lejn żona monetarja ottimali, li tegħleb ir-reżistenza attwali u tikseb aktar preċiżjoni mill-aktar fis possibbli għall-ikkompletar tat-tielet pilastru tal-Unjoni Bankarja, permezz tat-tnaqqis progressiv u l-mutwalizzazzjoni tar-riskji finanzjarji. Fil-fatt, it-tlestija tal-Unjoni Bankarja – u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali – għandha tagħmilha possibbli li l-Unjoni Finanzjarja, waħda mill-pilastri fundamentali tal-UEM, tiġi stabbilita bis-sħiħ.

1.3

B’mod aktar speċifiku, il-KESE jappoġġja d-diversi għanijiet proposti għat-tisħiħ tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, għall-iffaċilitar tat-tnaqqis gradwali tar-riskji finanzjarji u finalment sabiex tiġi żviluppata sistema għall-garanziji tad-depożiti pan-Ewropea li, minbarra li tiggarantixxi likwidità, tista’ tassumi wkoll telf u tikkompleta t-tielet pilastru tal-Unjoni Bankarja.

1.4

Sabiex dan ikun possibbli, ser ikun meħtieġ li jibqgħu b’mod parallel jitkomplew l-isforzi li jiġu kondiviżi u jitnaqqsu r-riskji ta’ solvenza u likwidità fis-settur finanzjarju. Il-Kumitat itenni l-pożizzjoni preċedenti tiegħu dwar dan il-punt, kif stabbilita fl-Opinjoni tiegħu dwar il-proposta tal-EDIS. Ċertament, il-kwistjoni tas-self improduttiv għandha tibqa’ prijorità, flimkien ma’ kwistjonijiet oħrajn f’dan il-qasam, b’mod partikolari issa li l-ekonomija qiegħda terġa’ tikber.

1.5

Minħabba li, wara aktar minn sentejn, il-proposti oriġinali dwar Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) għadhom ma taw l-ebda riżultat, x’aktarx tkun idea tajba li jittieħed approċċ differenti. Din il-Komunikazzjoni tagħti lok għal diskussjoni usa’ u approċċ f’fażijiet għall-implimentazzjoni tal-EDIS, li l-Kumitat jappoġġja. Huwa importanti li fl-implimentazzjoni tal-Unjoni Bankarja ma jintilifx l-impetu, u li jitqiesu l-konklużjonijiet li ntlaħqu waqt in-negozjati. Fi kwalunkwe każ, il-Kumitat iqis li huwa neċessarju biex kemm l-EDIS kif ukoll il-miżuri rilevanti għat-tnaqqis tar-riskju jiġu indirizzati b’mod parallel u immedjatament, u jiġu implimentati effettivament, skont skeda ta’ żmien ċara u speċifika.

1.6

Il-Kumitat jappoġġja d-deċiżjoni li fl-ewwel fażi tingħata biss kopertura tal-likwidità, li mbagħad tiżdied matul is-snin. Fl-istess ħin, l-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti li huma responsabbli biex ikopru t-telf xorta waħda għandhom jingħataw attenzjoni sħiħa; tabilħaqq, bil-għan li t-tranżizzjoni sussegwenti għat-tieni fażi ssir kemm jista’ jkun bla xkiel u fl-interessi ta’ fiduċja reċiproka, il-Kumitat iqis li huwa importanti li tittieħed azzjoni malajr sabiex l-iskemi nazzjonali jkomplu jiġu ssemplifikati kemm jista’ jkun. Huwa importanti wkoll li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ legat u l-periklu morali.

1.7

Il-kopertura tat-telf se tiżdied fit-tieni fażi, iżda t-tranżizzjoni mhijiex awtomatika. Skont il-Kumitat, id-deċiżjoni formali proposta għandha tkun ibbażata fuq l-aktar bażi wiesgħa possibbli, u għalhekk jidher xieraq li din id-deċiżjoni ma titteħidx mill-Kummissjoni waħedha, iżda flimkien mal-Kunsill u mal-Parlament.

1.8

Fil-prinċipju, iż-żieda progressiva fil-kopertura tat-telf mill-EDIS hija ħaġa tajba, iżda l-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni ta’ din l-iskema jistħoqqilhom aktar attenzjoni fit-testi.

1.9

B’mod aktar ġenerali, il-Komunikazzjoni hija fformulata f’termini ġenerali fejn jidħlu għadd ta’ punti, u tagħmel proposti “b’mod kundizzjonali”. Bla dubju, dan jagħti lok għal aktar diskussjoni, iżda xi drabi dan isir għad-detriment tal-assertività. Hemm ukoll għadd ta’ aspetti importanti li tħallew barra jew li b’xi mod ġew injorati. Il-Kumitat jitlob biex, flimkien mal-partijiet ikkonċernati kollha, isir progress malajr, u biex il-proposti jsiru aktar konkreti. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom, u jkomplu jaħdmu fuq miżuri adottati preċedentement, b’mod partikolari dawk dwar l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti. Dan huwa importanti ħafna, speċjalment fil-kuntest ta’ approċċ gradwali kif stabbilit f’din il-Komunikazzjoni.

1.10

F’konformità mal-għan li tinħoloq sistema għall-garanziji tad-depożiti pan-Ewropea, l-operabbiltà immedjata tal-Fond Monetarju Ewropew, fil-funzjoni tiegħu bħala protezzjoni għall-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni bħala mutwanti tal-aħħar istanza hija kruċjali. Bl-istess mod, il-KESE jappoġġja wkoll bis-sħiħ il-funzjonijiet ippjanati ta’ dan il-korp li jindirizzaw l-hekk imsejħa impatti asimmetriċi.

1.11

It-titjib u l-konsolidazzjoni tal-pilastri tal-Unjoni Bankarja u l-applikazzjoni tal-Ġabra Unika tar-Regoli għandhom jimxu id f’id mal-implimentazzjoni mill-industrija finanzjarja tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 2030 u l-impenji ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, sabiex b’hekk jiġi stabbilit trattament aktar favorevoli fir-rekwiżiti kapitali għall-investimenti fl-ekonomija ekoloġika u diversi operazzjonijiet mhux kumplessi ta’ “self inklużiv” fit-tul, bħall-ipoteki, partikolarment dawk marbutin mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-istallazzjonijiet tal-pannelli solari, eċċ.

1.12

Bl-istess mod, Brexit, FinTech u innovazzjonijiet finanzjarji oħrajn (bħal blockchain u kuntratti intelliġenti) jirrappreżentaw sejħa ġdida għal azzjoni sabiex l-unjoni bankarja tiġi kkompletata u rivitalizzata u titjieb l-inklużjoni finanzjarja u diġitali taċ-ċittadinanza Ewropea, b’konformità mal-għanijiet strateġiċi tal-UE. Fil-formulazzjoni attwali tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 2030, l-inklużjoni finanzjarja diġà tikkontribwixxi għal 7 mis-17-il objettiv, filwaqt li l-inklużjoni diġitali li tista’ tiżguraha jew tpoġġiha f’riskju f’kuntest ġdid taffettwahom kważi kollha, b’mod espliċitu jew impliċitu.

1.13

Kif diġà ntqal f’opinjonijiet differenti, il-KESE jtenni l-impenn tiegħu lejn ekosistema finanzjarja diversa li fiha l-atturi pan-Ewropej kbar jeżistu flimkien ma’ banek żgħar u ta’ daqs medju u entitajiet oħrajn mhux bankarji li jiffukaw b’mod affidabbli fuq il-finanzjament tal-ekonomija reali fuq livell ugwali, f’ambjent ta’ riskju sistemiku mnaqqas ferm. Id-diversità, it-trasparenza u s-sostenibbiltà huma l-aqwa antidoti kontra l-kriżijiet finanzjarji futuri.

1.14

Fil-fehma tal-KESE, issa huwa imperattiv li tiġi stimolata l-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi li mhumiex parti miż-żona tal-euro. Fl-istess ħin, kull wieħed mit-tliet pilastri tal-Unjoni Bankarja għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-arkitettura finanzjarja globali, għaż-żieda fil-kooperazzjoni fil-livell Ewropew u internazzjonali skont il-qafas regolatorju tiegħu u għall-provvista tal-esperjenzi tiegħu, speċjalment lit-tletin pajjiż mhux Ewropej li r-referenza monetarja tagħhom hija l-euro, inklużi l-pajjiżi frankofoni tal-Afrika.

2.   Storja, sfond u sommarju tal-Komunikazzjoni l-ġdida

2.1

Ir-Reċessjoni l-Kbira, li bdiet għaxar snin ilu, ittestjat l-euro u sa ċertu punt, kienet tinvolvi kostijiet għoljin għall-pajjiżi taż-żona tal-euro. L-operazzjonijiet ta’ salvataġġ finanzjarju konsegwentement kellhom ukoll impatt negattiv fuq ir-riskju sovran.

2.2

L-Unjoni Bankarja ġiet stabbilita fl-2012 bil-għan li toħloq sistema finanzjarja unifikata u integrata għall-implimentazzjoni ta’ politika monetarja b’mod effettiv, li tippermetti riskju adegwat fl-Istati Membri kollha, u li terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja fis-sistema bankarja taż-żona tal-euro, bħala rispons għad-difetti strutturali fit-tfassil inkomplet tal-euro. Bis-saħħa tal-bidliet pożittivi fil-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-politiki baġitarji tal-Istati Membri tal-UE, sar progress lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). L-isfida attwali tinvolvi l-introduzzjoni tal-euro fis-27 Stat Membru kollha u l-ikkompletar tat-tielet pilastru tal-Unjoni Bankarja.

2.3

Fid-dawl tat-theddid populist u ż-żieda fir-riskju ta’ bidla lejn in-nazzjonaliżmu, primarjament minħabba diskrepanzi kbar li jirriżultaw minn impatti asimmetriċi fiż-żona tal-euro, hemm kunsens politiku wiesa’ dwar il-ħtieġa li tiġi kkompletata l-unjoni finanzjarja (l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali), sabiex jiġu protetti l-istabbiltà finanzjarjal-integrità territorjali tal-UE kontra l-“velenu” tan-nazzjonaliżmu, fi kliem il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker.

2.4

Sfida ġdida importanti oħra tikkonċerna t- teknoloġija finanzjarja (FinTech) u innovazzjonijiet oħrajn fl-infrastruttura finanzjarja, li s’issa għadhom ma ġewx osservati mis-superviżjoni finanzjarja. Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Settembru 2017 dwar “It-tisħiħ tas-superviżjoni integrata biex tissaħħaħ l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-integrazzjoni finanzjarja f’ambjent li qed jinbidel” huwa ddikjarat li “[f]l-iżvilupp tal-Unjoni Finanzjarja, l-opportunitajiet ta’ innovazzjoni finanzjarja għandhom jintużaw bis-sħiħ, iżda riskji ġodda għandhom jiġu ġestiti wkoll.” Pjan ta’ azzjoni huwa mħabbar għall-bidu tal-2018 (1).

2.5

Il-progress lejn l-Unjoni Bankarja li nkiseb bl-istabbiliment tal-kompiti regolatorji, ta’ kontroll u ta’ sanzjonar tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (2) u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li flimkien mal-“ġabra unika tar-regoli” stabbilita fil-Pjan Direzzjonali lejn Unjoni Bankarja jikkostitwixxu l-aktar avvenimenti importanti, naqas fis-snin tal-irkupru ekonomiku ġdid minħabba li l-imsieħba taż-żona tal-euro ppreferew jirrifjutaw is-sinerġiji li jirriżultaw mill-integrazzjoni finanzjarja minflok jikkondividu r-riskji.

2.6

Aħna għalhekk qed inħabbtu wiċċna ma’ firxa wiesgħa ta’ dikjarazzjonijiet u proposti li, filwaqt li huma wasslu għal progress, ma wasslux għal tnaqqis tar-riskji u t-tixrid tar-riskju. Il-koleġislaturi tal-UE għadhom ma pprovdewx biżżejjed tweġibiet speċifiċi għal kif ser tiġi kkompletata l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, b’mod partikolari fir-rigward: tal-konformità mad-Direttiva tal-2014, kif imsaħħa mill-Kunsill fl-2017 (3); il-proposta għal Regolament ta’ Novembru 2015; l-iżvilupp parzjali u ulterjuri tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali; it-tnedija tal-Pjan ta’ Azzjoni tas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur (2017); il-miżuri l-ġodda għat-tnaqqis tas-self improduttiv (4), eċċ.

2.7

Il-proposta għal Regolament tal-2015 imsemmija hawn fuq, ipprevediet l-iżvilupp gradwali u progressiv ta’ Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS). Fl-ewwel fażi, qabel ma ssir tranżizzjoni lejn sistema mutwalizzata gradwalment (koassigurazzjoni) tintuża skema ta’ riassigurazzjoni, u finalment, fit-tielet stadju, naslu f’sitwazzjoni fejn mill-2024 ’il quddiem ir-riskju jintrefa’ kompletament mill-EDIS. Flimkien ma’ dan l-abbozz, il-Kummissjoni ħabbret b’mod parallel għadd ta’ miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu r-riskju fl-Unjoni Bankarja. Sfortunatament, in-negozjati s’issa ma ħallewx il-frott.

2.8

Għad hemm ukoll xogħol xi jsir dwar l-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti, li jistgħu jgħinu biex iwittu t-triq ’il quddiem. Il-kwistjonijiet jinkludu l-fatt li għad hemm xi differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-regoli tad-Direttiva dwar l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti u l-ħtieġa li jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni u strumenti biex tiġi promossa l-koordinazzjoni fost l-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti (5).

2.9

Sabiex jitneħħa l-imblokk bejn il-koleġislaturi, din il-Komunikazzjoni tissikka l-kriterju għal rikapitalizzazzjoni interna u, l-ewwel nett, tipproponi li tiġi introdotta garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni u, it-tieni nett, li jinħoloq pjan direzzjonali aktar komprensiv għall-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti, bl-ewwel pass ikun ir-riassigurazzjoni (billi tiġi offruta biss kopertura tal-likwidità gradwali, filwaqt li l-banek ifornu l-fond komuni) u mbagħad, fit-tieni fażi, nersqu lejn il-koassigurazzjoni, li għaliha l-kundizzjoni tista’ tkun li r-riskji li huma relatati mas-self improduttiv ikunu limitati biżżejjed (6). Għal dan il-għan, hija proposta l-ewwel miżura addizzjonali bil-għan li tonqos il-possibbiltà ta’ insolvenza tan-negozju permezz ta’ proċeduri ta’ ristrutturar, filwaqt li qed isiru wkoll sforzi fir-rigward tal-introduzzjoni bikrija tad-dispożizzjonijiet dwar is-self improduttiv bħala parti mir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali ta’ nofs l-2017 tħabbar ukoll miżuri għal żmien qasir biex jiġi żviluppat suq sekondarju għas-self improduttiv (7). Finalment, dan ifisser li jeħtieġ li jintlaħaq ukoll progress suffiċjenti f’termini ta’ tnaqqis tar-riskju fis-settur bankarju.

2.10

It-tieni miżura addizzjonali tikkonċerna d-diversifikazzjoni tal-holdings ta’ dejn sovran tal-banek. Hawnhekk, it-titoli garantiti b’bonds sovrani jistgħu jagħtu kontribut u fl-istess ħin joffru garanziji addizzjonali. Wara l-ħidma mwettqa mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), il-Kummissjoni qiegħda tqis li tippreżenta proposta leġislattiva fil-bidu tal-2018.

2.11

Għalhekk, sar-Rebbiegħa tal-2019 għandhom ikunu ġew introdotti l-miżuri kollha għall-kondiviżjoni tar-riskju, u l-fażi ta’ implimentazzjoni għandha tkun tista’ tibda, bil-ftehim bejn il-koleġislaturi dwar l-elementi bażiċi tal-pakkett bankarju ta’ Novembru 2016 u l-progress sinifikanti fuq il-bqija, segwit minn kjarifika tas-setgħat ta’ kontroll eżistenti sabiex jitnaqqsu r-riskji relatati mas-self improduttiv, u proposta għall-valutazzjoni tad-ditti tal-investiment.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Issa li l-ekonomiji tal-pajjiżi taż-żona tal-euro qed jerġgħu jikbru, u qiegħed jiżdied ukoll il-finanzjament bankarju tal-ekonomiji, wasal iż-żmien li nsaħħu r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja tagħna u niżguraw li l-kriżijiet finanzjarji possibbli ma jwasslux għal frammentazzjoni ulterjuri tas-suq (8) u b’hekk jikkostitwixxu test ieħor għali għall-euro u l-integrazzjoni Ewropea kollha kemm hi.

3.2

Għal dan il-għan, huwa essenzjali li jiġi stabbilit Fond ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti Komuni “kompletament mutwalizzat” sabiex l-istruttura finanzjarja tal-Unjoni Ewropea tiġi kkompletata u tiġi indirizzata d-diskrepanza attwali bejn is-superviżjoni u r-riżoluzzjoni bankarja (li huma ċentralizzati) minn naħa, u l-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti (li mhumiex armonizzati) min-naħa l-oħra. Dan jeħtieġ ukoll progress suffiċjenti f’termini tat-tnaqqis tar-riskju fis-settur bankarju.

3.3

Progress fl-oqsma tat-tnaqqis tar-riskju u l-protezzjoni tad-depożitu jmorru id f’id, u għalhekk, il-Kumitat jafferma mill-ġdid il-prinċipji li diġà ddikjara fir-rigward tal-proposti oriġinali tal-EDIS (9). B’mod partikolari, ġie ddikjarat li, peress li ż-żewġ tipi ta’ miżuri għandhom għadd ta’ objettivi bażiċi importanti komuni li huma relatati mat-tisħiħ u l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja, jeħtieġ li jiġu implimentati bl-istess mod billi jużaw għodod u metodi ekwivalenti ġenwini. Konsegwentement, sabiex jinkiseb progress reali, il-Kumitat iqis essenzjali li jiġi żgurat li kemm l-EDIS kif ukoll il-miżuri rilevanti għat-tnaqqis tar-riskju jiġu indirizzati b’mod parallel u immedjatament, u jiġu implimentati effettivament, skont skeda ta’ żmien ċara u speċifika. Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet it-tajba biex nimxu ’l quddiem huwa wkoll importanti ħafna biex tkompli titlesta l-UEM, li l-Unjoni Bankarja hija parti importanti tagħha.

3.4

Ċertament, flimkien ma’ inizjattivi oħrajn li huma relatati mat-tnaqqis tar-riskju, il-kwistjoni tas-self improduttiv (10), u b’mod partikolari d-distribuzzjoni mhux ugwali skont il-pajjiż, għandhom jibqgħu prijorità, peress li huwa essenzjali li jsir progress f’dan il-qasam. Kif ġie ddikjarat reċentement, f’termini ġenerali sar progress, iżda l-medji mhumiex kollox (11). Minbarra l-banek li qed jindirizzaw il-kwistjoni b’mod robust, jew tal-inqas dawk li mexjin fid-direzzjoni t-tajba, hemm ukoll banek oħrajn li qed jinjoraw il-problema jew li mhumiex jindirizzawha b’mod ambizzjuż biżżejjed. Issa li l-ekonomija qiegħda terġa’ tikber, huwa importanti li din tiġi indirizzata bħala kwistjoni ta’ prijorità, sabiex jiġu solvuti l-kwistjonijiet ta’ legat kif ukoll dawk futuri. L-isfida hija li jinkisbu riżultati effettivi fil-prattika. Dan huwa ferm importanti sabiex isir progress fl-implimentazzjoni tat-tielet pilastru tal-Unjoni Bankarja.

3.5

Meta mqabbla mal-proposti oriġinali tal-EDIS tal-2015, din il-komunikazzjoni tagħti lok għal diskussjoni usa’ dwar l-iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti u approċċ aktar f’fażijiet biex din tiġi implimentata. Fi żmien meta huwa importanti li ma jintilifx l-impetu fl-implimentazzjoni tal-Unjoni Bankarja, u li jitqiesu l-konklużjonijiet meħuda waqt in-negozjati, l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni huwa wieħed realistiku u l-Kumitat jista’ jappoġġjah.

3.6

Il-Kumitat jappoġġja d-deċiżjoni li kopertura tal-likwidità tiġi pprovduta biss fl-ewwel fażi, li jfisser li, waqt dik il-fażi, it-telf se jkun kopert permezz ta’ skemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti. Sabiex it-tranżizzjoni sussegwenti għall-fażi li jmiss ma tkunx diffiċli bla bżonn, u fl-interessi tal-fiduċja reċiproka, il-Kumitat iqis li huwa importanti li mill-bidu nett ikun ċar li għandha tittieħed azzjoni ulterjuri biex l-iskemi nazzjonali jiġu ssimplifikati kemm jista’ jkun, sabiex tiġi eliminata kull diskrepanza kbira bejn l-Istati Membri. Fl-istess ħin, huwa importanti wkoll li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ legat u l-periklu morali.

3.7

Fir-rigward tat-tranżizzjoni mill-fażi ta’ riassigurazzjoni (ara hawn fuq) għall-fażi ta’ koassigurazzjoni, li hija kontinġenti fuq għadd ta’ kundizzjonijiet, id-deċiżjoni li wieħed jipproċedi għandha, skont il-Kumitat, tkun ibbażata fuq l-aktar bażi wiesgħa possibbli, u għalhekk jidher xieraq li din id-deċiżjoni ma tittiħidx mill-Kummissjoni waħedha, iżda minflok flimkien mal-Kunsill u mal-Parlament (12).

3.8

Huwa meħtieġ ukoll li wieħed ikun ċar kemm jista’ jkun dwar il-kundizzjonijiet li se japplikaw kemm waqt kif ukoll wara (13) t-tranżizzjoni għall-fażi ta’ koassigurazzjoni, li fiha se jingħataw kemm il-kopertura tal-likwidità kif ukoll il-kopertura tat-telf. Il-proposta li dan jinbena b’mod gradwali (14) hija tajba, iżda fl-istess ħin hemm xi tħassib li t-test attwali għadu ġenerali u vag wisq, u jħalli wisq lok għal interpretazzjonijiet u diskussjonijiet differenti. Hemm il-ħtieġa li jkun hemm aktar gwida u ċertezza dwar dan is-suġġett mill-bidu nett.

3.9

B’mod aktar ġenerali, ta’ min jinnota li, fi ħdan din id-deskrizzjoni wiesgħa, il-komunikazzjoni hija fformulata f’termini ġenerali ħafna dwar għadd ta’ punti, u tagħmel proposti fuq bażi proviżorja. Minn naħa, dan jagħti lok għall-immanuvrar li jista’ jkun utli f’negozjati futuri bejn u mal-Istati Membri, iżda min-naħa l-oħra dan ifisser li t-test jidher aktar indeċiżiv (15) u mhux dejjem ikun ċar daqskemm ikun mixtieq. Għadd ta’ aspetti importanti tħallew barra jew ġew injorati, inkluż ir-rikonoxximent tar-rwol tal-iskemi ta’ protezzjoni istituzzjonali, li l-Kumitat ġibed l-attenzjoni dwarhom preċedentement (16). Sabiex dawn il-kwistjonijiet jiġu solvuti, issa huwa importanti li ssir ħidma mal-partijiet ikkonċernati kollha (inkluż il-Kunsill, il-Parlament, l-Istati Membri, il-Kummissjoni, eċċ.) biex isir progress rapidu u biex il-proposti jkunu aktar konkreti.

3.10

Il-KESE jħeġġeġ lill-koleġislaturi jużaw il-pakkett komprensiv ta’ miżuri biex isaħħu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (17), ippubblikat fis-6 ta’ Diċembru 2017, sabiex jiġi aċċellerat il-bini ta’ kunsens.

3.11

Il-KESE jappoġġja l-intenzjoni tal-BĊE sabiex jiżgura li l-banek joffru servizzi armonizzati fl-Istati Membri kollha tal-UE (18) u b’hekk igawdu mill-benefiċċji ta’ suq akbar. Huwa jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma pparteċipawx fil-munita komuni biex jingħaqdu mal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, bħala l-ewwel pass lejn l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fiż-żona tal-euro.

3.12

L-ikkompletar tal-arkitettura finanzjarja tal-UE għandu jimxi id f’id mal-inklużjoni diġitali u finanzjarja, skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030. Il-KESE jenfasizza r-rwol potenzjali li l-banek jista’ jkollhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-applikazzjoni ta’ 13 mis-17-il SDG, permezz tal-funzjonijiet ta’ intermedjazzjoni tagħhom bejn it-tfaddil konxju u l-investiment soċjalment responsabbli. F’dan ir-rigward, il-konklużjoni tar-riformi ta’ Basel III tas-7 ta’ Diċembru 2017 għandha tiġi analizzata bir-reqqa biex jiġi żgurat li s-self bankarju Ewropew ma jkunx limitat fl-oqsma li huma ta’ importanza kritika għal finanzi sostenibbli.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jappoġġja l-miżuri proposti mill-Kummissjoni biex jiġu limitati r-riskji fil-qasam ta’ superviżjoni, riżoluzzjoni u garanzija tad-depożiti (fit-tranżizzjoni possibbli minn riassigurazzjoni għal koassigurazzjoni).

4.2

Il-KESE jenfasizza li l-armonizzazzjoni tal-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti għandha ssir id f’id mal-istabbiliment tal-proċess EDIS. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi inizjattiva sabiex il-fondi nazzjonali tad-depożiti jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-ikkompletar tal-arkitettura tas-sistema Ewropea, filwaqt li jiġi żgurat trattament ugwali għall-entitajiet mhux sistemikament importanti (19). Il-KESE jappoġġja d-dritt tal-SGD Nazzjonali li jmexxu miżuri alternattivi, mingħajr ma jmorru kontra r-regoli tal-kompetizzjoni, kif ġie msemmi fl-Artikolu 11 ta’ tad-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti 2014//49/UE.

4.3

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-introduzzjoni ta’ garanzija ta’ kontinġenza għall-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni mill-aktar fis possibbli, bl-użu ta’ linja ta’ kreditu mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà, kif propost pereżempju mit-Task Force dwar Azzjoni Koordinata (TFAK).

4.4

Il-KESE jappoġġja t-tisħiħ tas-setgħat superviżorji skont il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku kif ukoll tal-garanziji ta’ kontinġenza prudenzjali statutorji (Pilastru I), sabiex is-self improduttiv jiġi indirizzat b’mod armonizzat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha turi li fid-dawl tas-setgħat superviżorji ġodda, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jinfluwenzaw il-politiki ta’ provvediment tal-banek dwar is-self improduttiv.

4.5

Il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni regolatorja prudenzjali msemmija hawn fuq għandhom jiġu applikati f’kull wieħed mill-banek fi proporzjon mal-profil tar-riskju sistemiku tagħhom, ta’ spiss marbut mal-mudell tan-negozju tagħhom. Dan ikun ifisser li banek żgħar u ta’ daqs medju li ma joħolqux riskji eċċessivi jkollhom rekwiżiti xierqa u li ma jkunux irregolati żżejjed.

4.6

Bl-istess mod, il-KESE jirrakkomanda li r-rekwiżiti kapitali għas-settur bankarju jkollhom trattament aktar favorevoli għall-investimenti fl-ekonomija ekoloġika (20) u jqisu l-applikazzjoni ta’ ħlasijiet addizzjonali ta’ kapital għall-investimenti fl-ekonomija “kannella”. Il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku għandu jeżerċita superviżjoni speċifika f’dan ir-rigward.

4.7

Għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-innovazzjoni ulterjuri tal-leġislazzjoni dwar is-self improduttiv billi jiġi esplorat jekk is-servizzi tal-assigurazzjoni tal-kreditu privati jistax ikollhom rwol akbar, bi tliet funzjonijiet – il-prevenzjoni, il-kumpens u l-irkupru – u li bħala riżultat tal-innovazzjoni finanzjarja qed jiġu assoċjati dejjem aktar mal-banek. Fir-rapporti tiegħu, il-BĊE jikkonkludi li wħud minn dawn ir-riskji, bħar-riskji taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax, jiġu mmaniġġjati b’mod adegwat mill-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu Ewropej. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-Istati Uniti għelbu l-kriżi tal-mutwi subprime meta r-Riżerva Federali pprovdiet ukoll lir-riassiguraturi prinċipali aċċess għal-likwidità.

4.8

Finalment, bħal f’diversi opinjonijiet oħrajn, il-KESE jitlob li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet kompetittivi li huma ġusti u teknoloġija u mudell ta’ negozju newtrali. Fir-rigward ta’ din l-opinjoni, huwa jitlob għal darb’oħra li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi fir-rigward tal-kompiti superviżorji. Dan ifisser li għandhom isiru aktar verifiki dwar l-ibbankjar parallel, id-ditti ta’ investiment u l-kumpaniji FinTech, f’konformità mal-approċċ bażiku ta’ “l-istess riskji, l-istess regoli, l-istess superviżjoni”. Bis-saħħa tar-regoli għal dawn l-atturi ġodda, li spiss wasslu għal proċedimenti legali, il-possibbiltajiet ta’ inklużjoni finanzjarja se jiżdiedu mingħajr ma tiġi kompromessa l-protezzjoni tal-konsumatur.

Brussell, l-14 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  COM(2017) 542 final (taqsima 4, p. 11 ’il quddiem).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(3)  Fis-16 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill laħaq ftehim dwar ġerarkija tal-kredituri tal-banek fil-proċedimenti ta’ insolvenza, f’Direttiva li abbażi tagħha l-Istati Membri jistgħu jintroduċu subordinazzjoni espliċita ta’ depożiti mhux garantiti, li fil-każ ta’ falliment bankarju jridu jiġu “salvati”.

(4)  COM(2018) 37 final

(5)  Ara l-Komunikazzjoni, p. 12.

(6)  Minkejja t-titjib, fl-aħħar tal-2016 il-banek Ewropej kellhom id-doppju ta’ assi mwieżna għar-riskju fuq il-karti bilanċjali tagħhom (19,1 % bħala medja madwar l-UE kollha, 18,8 % għaż-żona tal-euro) ta’ dawk fl-Istati Uniti (il-banek Ġappuniżi kienu x’imkien fin-nofs), filwaqt li fil-bidu tal-kriżi fl-2008, iċ-ċifri Ewropej kienu aħjar minn dawk taż-żewġ setgħat ewlenin l-oħra. Barra minn hekk, il-perċentwal tas-self improduttiv jibqa’ tliet darbiet aktar minn dak fl-Istati Uniti u fil-Ġappun.

(7)  Ara COM(2017) 292 final, b’mod partikolari l-“azzjoni ta’ prijorità 5”.

(8)  Il-banek naqqsu l-iskopertura tagħhom għal Stati Membri oħrajn u l-pagamenti transkonfinali għadhom jammontaw biss għal 7 %.

(9)  ĠU C 177, 18.5.2016, p. 21.

(10)  Self improduttiv.

(11)  Intervista ma’ Danièle Nouy, President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE, f’Público, 11 ta’ Diċembru 2017. Ara https://www.bankingsupervision.europa.eu/press/interviews/date/2017/html/ssm.in171211.en.html

(12)  Mingħajr preġudizzju għar-rwol importanti tal-awtoritajiet superviżorji f’dan ir-rigward.

(13)  Ara l-komunikazzjoni, punt 3.

(14)  F’termini ġenerali, attwalment huwa propost li l-kopertura tat-telf tiġi pprovduta mill-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti u mill-iskema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti, skont element ewlieni li jiżviluppa b’mod progressiv, billi jibda bi 30 % ta’ kontribut tal-EDIS mill-ewwel sena tal-fażi ta’ koassigurazzjoni.

(15)  Ħafna mill-elementi huma deskritti fil-modalità kundizzjonali: ara l-użu regolari ta’ “would”(ikun) u “could” (jista’) fid-deskrizzjoni taż-żewġ fażijiet ta’ implimentazzjoni tal-iskema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti (paġna 10 et seq.).

(16)  ĠU C 177, 18.5.2016, p. 21.

(17)  COM(2017) 821 final

(18)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 51.

(19)  Abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu sistemikament importanti biss huma soġġetti għall-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku.

(20)  L-argumenti favur il- “fattur ta’ sostenn ekoloġiku” jirreferu għall-valur sistemiku pożittiv tal-attivitajiet ekoloġiċi li jnaqqsu r-riskji ambjentali fit-tul, u għall-ħtieġa li jiġou integrati l-esternalitajiet pożittivi. Ara http://www.finance-watch.org/our-work/publications/1445 u https://ec.europa.eu/info/publications/180131-sustainable-finance-report_en


6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/825 biex jiżdied il-pakkett finanzjarju tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u li jadatta l-objettiv ġenerali tiegħu”

(COM(2017) 825 final — 2017/0334 (COD))

u

“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar appoġġ għal riformi strutturali fi Stati Membri”

(COM(2017) 826 final — 2017/0336 (COD))

(2018/C 237/09)

Relatur:

Mihai IVAŞCU

Korelatur:

Stefano PALMIERI

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 14.12.2017

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 21/12/2017 u 31/01/2018

Bażi legali

L-Artikoli 175, 177, 197(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

28.2.2018

Adottata fil-plenarja

14.3.2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

183/2/9

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-proposta għaż-żieda fil-baġit tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) u l-inklużjoni ta’ għodda speċifika għall-implimentazzjoni tar-riforma għall-“impenji ta’ riforma”. Għandha tingħata prijorità lir-riformi li għandhom effetti konsekwenzjali diretti fuq Stati Membri oħrajn.

1.2

Il-KESE, f’konformità mal-opinjonijiet preċedenti tiegħu, jirrakkomanda riformi strutturali mmirati lejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, inkluż il-bini tal-kapaċità istituzzjonali biex ittejjeb il-kwalità amministrattiva. Dawn ir-riformi għandhom ikunu speċifiċi għal kull pajjiż u sostnuti minn appoġġ demokratiku, filwaqt li jiġi evitat approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” għall-Istati Membri kollha.

1.3

Il-KESE jenfasizza li r-riformi strutturali huma pożittivi mhux biss jekk dawn inaqqsu l-infiq pubbliku b’mod soċjalment sostenibbli, iżda wkoll meta, għal perjodu qasir, iżiduh sabiex jittejjeb il-bilanċ tal-baġit tal-Istati Membri fil-perjodu ta’ żmien medju sa dak twil.

1.4

Filwaqt li ż-żieda fil-baġit tal-SRSP hija milqugħa, l-iskala tiegħu mhix biżżejjed meta jitqies in-numru dejjem jikber ta’ talbiet mill-Istati Membri. Għall-2018 biss, it-talbiet jammontaw għal ħames darbiet il-baġit propost.

1.5

Min-naħa l-oħra, il-KESE jemmen li huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta l-intenzjonijiet tagħha b’mod trasparenti rigward id-distribuzzjoni tal-baġit il-ġdid tal-SRSP – li mhuwiex il-każ f’din il-proposta – u tiżviluppa kriterji tal-għażla ċari.

1.6

Il-KESE jenfasizza li ż-żieda fil-pakkett finanzjarju tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għandha ssir mingħajr ma jiġu penalizzati l-baġits ta’ fondi oħrajn daqstant importanti.

1.7

L-aktar importanti, strateġija ċara fil-livell tal-UE hija essenzjali. Din għandha timmonitorja l-progress u l-livell ta’ żvilupp f’kull Stat Membru, iżda wkoll tippreżenta linji gwida li jipprevedu l-allokazzjoni ta’ fondi, filwaqt li jitqiesu l-kriterji ta’ konverġenza. Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki għandha wkoll tiġi intensifikata, filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea tipprovdi l-appoġġ tekniku meħtieġ.

1.8

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jinsabu fit-triq it-tajba biex jissieħbu fiż-żona tal-euro L-aċċelerazzjoni ta’ dan il-proċess hija kruċjali għall-futur tal-Unjoni Ewropea, kif rakkomandat minn Jean-Claude Juncker fid-diskors tiegħu dwar il-futur tal-Ewropa (1).

1.9

Il-KESE jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta’ regola li permezz tagħha ma jingħata l-ebda finanzjament lil Stat Membru sakemm ma jkunx adotta bis-sħiħ l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija b’involviment ġenwin tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili meta jiġu deċiżi l-pakketti pluriennali ta’ impenji ta’ riforma (2). L-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija hija essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ riformi bbażati fuq l-evidenza, marbuta mas-sitwazzjoni reali fl-ekonomiji ta’ kull Stat Membru.

1.10

Il-KESE japprova l-intenzjoni li tiġi pprovduta għodda ġdida ta’ riforma bil-mekkaniżmu finanzjarju speċifiku tagħha fil-qafas pluriennali ta’ wara l-2020.

1.11

Il-KESE jirrakkomanda li fuq bażi ta’ każ b’każ, ċerti riformi tal-SRSP għandhom jiġu ffinanzjati u konnessi mal-għodda ġdida ta’ implimentazzjoni tar-riforma, speċjalment fil-każ ta’ sħubija fiż-żona tal-euro jew riformi li jistgħu jkomplu jsaħħu l-integrazzjoni Ewropea.

2.   Introduzzjoni u kummenti ġenerali

2.1

Fil-pakkett tagħha dwar L-Unjoni Ekonomika u Monetarja ppubblikat f’Diċembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea ressqet żewġ proposti speċifiċi għal Regolamenti biex jiġu adottati taħt il-proċedura leġislattiva ordinarja: waħda dwar it-tisħiħ tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali biex jiżdied l-appoġġ tekniku disponibbli għall-Istati Membri kollha u biex jinħoloq fluss ta’ ħidma speċifiku li jappoġġja Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro fil-proċess ta’ konverġenza tagħhom (3) u oħra li tintroduċi bidliet immirati għar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni sabiex jiġu estiżi l-possibbiltajiet ta’ użu tar-riżerva ta’ prestazzjoni integrata fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej eżistenti b’appoġġ għal riformi strutturali (4).

2.2

Il-KESE rċieva total ta’ erba’ ittri ta’ konsultazzjoni speċifiċi: tnejn mill-Parlament Ewropew u tnejn mill-Kunsill fuq kull waħda minn dan iż-żewġ proposti għal Regolament. L-għan ta’ din l-Opinjoni, għaldaqstant, huwa li tistabbilixxi l-fehmiet tal-KESE dwar dawn iż-żewġ proposti leġislattivi, b’rispons għat-talbiet istituzzjonali speċifiċi u bla preġudizzju għal xogħol ulterjuri mill-Kumitat dwar il-bqija tal-pakkett tal-UEM tal-Kummissjoni.

2.3

Il-KESE jemmen li l-għodda għall-implimentazzjoni tar-riforma tista’ tkun strument importanti biex tgħin lill-Istati Membri li m’għandhomx rekord tajjeb dwar l-infiq tal-fondi strutturali disponibbli biex jagħmlu użu aħjar minnhom u jnaqqsu d-diskrepanzi ekonomiċi b’mod sostenibbli mil-lat soċjali.

2.4

Għodda ġdida ta’ implimentazzjoni tar-riforma biex tgħin fl-impenji ta’ riforma tal-Istati Membri fis-Semestru Ewropew hija kruċjali. Għandha tingħata prijorità għal riformi li għandhom effetti konsekwenzjali diretti fuq Stati Membri oħrajn. Madankollu, il-KESE jappella għal monitoraġġ attiv u dettaljat tal-progress fl-implimentazzjoni, fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

3.   Proposti biex jappoġġjaw ir-riformi strutturali fl-Istati Membri

3.1

Il-KESE jtenni li huwa essenzjali li l-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija u l-involviment ġenwin tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili organizzata meta jiddeċiedu dwar strateġija ta’ riforma strutturali li jkunu jridu jippromovu, kif ukoll matul il-proċess ta’ monitoraġġ permezz tas-Semestru Ewropew. Sabiex jiġi żgurat li l-prinċipju jiġi applikat b’mod ġenwin fl-Istati Membri kollha, il-KESE jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta’ regola li permezz tagħha, meta jiġu deċiżi l-pakketti pluriennali ta’ impenji ta’ riforma, ma jiġu allokati ebda fondi sakemm ma tkunx ġiet involuta bis-sħiħ is-soċjetà ċivili organizzata.

3.2

Sa mill-introduzzjoni tal-SRSP fl-2017, sittax-il Stat Membru esprimew l-intenzjoni li jibbenefikaw mill-finanzjament tiegħu. Filwaqt li l-baġit allokat kien ta’ EUR 22,5 miljun, il-271 talba qabżu EUR 80 miljun. Għall-2018, il-Kummissjoni pproponiet baġit ta’ EUR 30,5 miljun. Madankollu, 24 Stat Membru ppreżentaw 444 talba li b’kollox jaqbżu EUR 150 miljun.

3.3

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir iż-żieda fil-fondi għall-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali iżda għandu dubji dwar l-effettività tal-miżura, meta jitqies il-volum tat-talbiet mill-Istati Membri.

3.4

Il-KESE jenfasizza li ż-żieda fil-pakkett finanzjarju tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali għandha ssir mingħajr ma jiġu penalizzati l-baġits ta’ fondi oħrajn daqstant importanti.

3.5

Il-KESE jqis importanti ħafna li l-Kummissjoni tippreżenta b’mod trasparenti l-intenzjonijiet tagħha rigward id-distribuzzjoni tal-baġit il-ġdid tal-SRSP, sabiex kull Stat Membru jkun jista’ jirċievi sehem ġust tal-appoġġ disponibbli skont r-riformi li jitwettqu.

3.6

Jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi regoli ċari u oġġettivi għall-għażla ta’ riformi li jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE, filwaqt li tiżgura li l-Istati Membri kollha jkollhom aċċess ugwali għall-fondi. Barra minn hekk, ir-riformi li jiġu ppreżentati għall-finanzjament għandhom ikunu f’konformità mal-istrateġija tal-UE u mmonitorjati strettament permezz tas-Semestru Ewropew.

3.7

Peress li l-Istati Membri diġà għandhom l-inizjattivi ta’ riforma tagħhom, il-KESE jirrakkomanda li l-SRSP għandu jiffoka fuq il-miżuri li jkunu se jappoġġjaw l-aħjar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

3.8

Għandu jitfakkar li l-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw ir-riformi huma stess u dan l-inċentiv mill-baġit tal-SRSP mill-Kummissjoni Ewropea m’għandux ifisser li jistrieħu biss fuq il-finanzjament tal-UE. Il-funzjonament tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja kollha huwa bbażat fuq is-sussidjarjetà u l-azzjoni responsabbli minn kull Stat Membru.

3.9

Meta jitqiesu r-riżorsi limitati, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja riformi u miżuri li jista’ jkollhom effett multiplikatur għall-azzjonijiet li jitwettqu mill-Istati Membri waħedhom.

3.10

Il-KESE, f’konformità mal-opinjonijiet preċedenti tiegħu, jirrakkomanda riformi strutturali mmirati lejn l-iżvilupp soċjali u ekonomiku: aktar impjiegi u impjiegi aħjar, kompetittività u kompetizzjoni fil-manifattura u s-servizzi, kwalità amministrattiva u istituzzjonali, servizzi pubbliċi tajbin u effiċjenti u sostenibbiltà ambjentali (5). Dawn ir-riformi għandhom ikunu speċifiċi għal kull pajjiż, f’konsistenza mal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali (NRPs), u sostnuti minn appoġġ demokratiku, mingħajr approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” għall-Istati Membri kollha.

3.11

Meta jitqies l-obbligu tat-Trattat fuq kważi l-Istati Membri kollha biex jissieħbu fl-euro, il-KESE jirrakkomanda li għandha tingħata attenzjoni speċjali għal riformi mmirati lejn l-espansjoni taż-żona tal-euro, u jekk possibbli għandu jiġi allokat finanzjament addizzjonali għal dawn l-objettivi.

3.12

L-Unjoni Ewropea tinsab f’pożizzjoni aħjar mill-Istati Membri nfushom biex timmonitorja l-progress li jsir minn pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro. L-aħjar prattiki għandhom jiġu kondiviżi matul il-proċess u l-KESE jirrakkomanda li tiġi stabbilita pjattaforma ta’ komunikazzjoni mfassla għal dan il-għan.

4.   Proposta dwar l-introduzzjoni ta’ għodda ġdida ta’ implimentazzjoni tar-riforma fir-rigward ta’ appoġġ għal riformi strutturali fl-Istati Membri

4.1

Filwaqt li jirrikonoxxi l-fatt li t-terminu “riforma strutturali” sar wiesa’ ħafna, il-KESE huwa sodisfatt li d-definizzjoni hija inkluża fir-Regolament propost.

4.2

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea taħdem mal-Istati Membri sabiex issegwi possibilitajiet differenti għas-sostenibbiltà fiskali u baġitarja. Ċerti riformi jistgħu jimplikaw aktar infiq pubbliku f’terminu qasir ta’ żmien, sabiex jiġu implimentati proċessi u attivitajiet ġodda li jkunu se jikkontribwixxu għall-iffrankar ta’ riżorsi jew biss għall-ġbir ta’ iktar dħul fil-perjodu ta’ żmien medju sa dak twil. Għalhekk, huwa rrakkomandat li ma jitqisux biss miżuri ta’ tnaqqis tal-ispejjeż fuq perjodu ta’ żmien qasir, iżda wkoll mezzi biex jiżdied id-dħul fil-baġit.

4.3

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-għodda ġdida ta’ implimentazzjoni tar-riforma proposta taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għal wara l-2020, b’kunsiderazzjoni li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jaħdmu mill-qrib ħafna mal-Istati Membri biex jinkisbu integrazzjoni u konverġenza aktar b’saħħithom fl-Unjoni. Il-KESE jappella għal monitoraġġ attiv u dettaljat tal-progress fl-implimentazzjoni, fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

4.4

Filwaqt li s-Semestru Ewropew u r-rapporti tal-pajjiżi żviluppati bħala parti minnu jikkostitwixxu mezz prinċipali eċċellenti għall-evalwazzjoni tal-programm ta’ riformi strutturali, il-KESE jemmen li għandhom jiġu żviluppati aktar strumenti biex jivvalutaw il-progress b’mod korrett. Dawn l-istrumenti għandhom jitfasslu b’mod speċifiku skont il-ħtiġijiet ekonomiċi speċifiċi ta’ kull Stat Membru.

4.5

Il-KESE jaqbel mas-soluzzjoni temporanja għall-iffinanzjar tal-fażi pilota tal-għodda ġdida ta’ implimentazzjoni tar-riforma permezz tar-riżerva ta’ prestazzjoni. Din il-proposta m’għandhiex tinterferixxi mal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej eżistenti, iżda pjuttost għandu jkollha baġit speċifiku separat.

4.6

Il-progress li jkun intlaħaq minn kull Stat Membru għandu jiġi mmonitorjat malajr permezz tas-Semestru Ewropew Dan il-proċess tar-rapportar għandu jagħti stampa ċara tal-progress miksub u tal-ħtiġijiet baġitarji ulterjuri.

4.7

Peress li l-għodda ġdida ta’ implimentazzjoni tar-riforma se tikkumplementa l-appoġġ tekniku volontarju pprovdut permezz tal-SRSP, il-KESE jirrakkomanda li fuq bażi ta’ każ b’każ, ċerti riformi għandhom ikunu ffinanzjati u konnessi mal-għodda ġdida ta’ implimentazzjoni tar-riforma, speċjalment fil-każ ta’ sħubija fiż-żona tal-euro jew riformi li jistgħu jkomplu jżidu l-integrazzjoni Ewropea.

Brussell, l-14 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  L-Istat tal-Unjoni 2017.

(2)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 240/2014 tas-7 ta’ Jannar 2014 dwar il-kodiċi tal-kondotta Ewropea dwar sħubija fil-qafas tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

(3)  COM(2017) 825 final.

(4)  COM(2017) 826 final.

(5)  Pereżempju, titjib fl-ambjent tan-negozju, l-iffinanzjar tal-kumpaniji u n-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp; żieda fil-produttività tal-kumpaniji, is-setturi u l-ekonomiji; promozzjoni għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba b’pagi ogħla, u fl-istess ħin tnaqqis ta’ impjiegi temporanji u instabbli b’pagi baxxi; tisħiħ tan-negozjar kollettiv, u awtonomija tal-imsieħba soċjali ta' ġo fih, flimkien ma’ djalogu soċjali fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej; riforma tal-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex isiru aktar effettivi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, u aktar trasparenti għall-pubbliku; promozzjoni tal-kwalità tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ għall-ħaddiema favur opportunitajiet indaqs u riżultati għall-gruppi soċjali kollha.


6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri”

(COM(2017) 677 final — 2017/0305 (NLE))

(2018/C 237/10)

Relatur: Michael McLOUGHLIN

Konsultazzjoni

Konsultazzjoni mitluba mill-Kunsill: 1.12.2017

Bażi legali

Artikoli 29(1) u 148(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

24.1.2017

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

23.2.2018

Adottata fil-plenarja

15.3.2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

159/43/15

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa' l-abbozz ta' linji gwida għall-impjieg u l-allinjament tagħhom mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Il-Kumitat jemmen li jista' jsir aktar fil-linji gwida sabiex verament tinżamm il-wegħda tal-Pilastru.

1.2.

Jeħtieġ li l-linji gwida għall-impjieg jikkontribwixxu lejn bilanċ aħjar bejn ir-regoli makroekonomiċi u Ewropa Soċjali konsistenti mar-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa fl-2015 (1). Il-KESE jemmen li ż-żmien li fih għandha tiġi indirizzata l-konverġenza bejn is-sitwazzjoni makroekonomika u dik soċjali huwa meta jkun hemm sinjali ta' rkupru.

1.3.

Il-KESE jtenni t-talba tiegħu għal pakkett adatt ta' investiment soċjali bħala parti minn programm Ewropew ta' tkabbir u ta' investiment li jammonta għal 2 % tal-PDG (2).

1.4.

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn ħafna mis-sejbiet tar-Rapport Konġunt tal-2018 dwar l-Impjieg (3) li juru li l-irkupru tal-impjieg mhuwiex uniformi fost l-Istati Membri, ir-reġjuni u gruppi ta' nies tal-UE.

1.5.

Il-KESE jappoġġja enfasi msaħħa fuq l-impatt u t-twettiq fil-Pilastru u l-linji gwida għall-impjiegi assistiti mit-tabella ta' valutazzjoni soċjali u miżuri oħra fejn ikun meħtieġ. L-impatt relatat ma’ dawn il-kwistjonijiet għandu jkun parti mill-proċess ta’ ppjanar u ta’ diskussjonijiet bejn l-Istati Membri u l-UE fl-allokazzjoni tal-fondi tal-UE.

1.6.

Id-dispożizzjonijiet tal-linja gwida 5 għandhom jiċċaraw li mhuwiex dejjem il-każ li forom innovattivi ta’ xogħol iwasslu għal każwalizzazzjoni akbar tax-xogħol anke jekk xi drabi dan jista’ jiġi preżunt. Miżuri li jappoġġaw tranżizzjonijiet bla xkiel fis-swieq tax-xogħol, inklużi dispożizzjonijiet xierqa għas-sigurtà tal-ħaddiema jgħinu biex jiżguraw li forom ġodda ta’ xogħol jipprovdu opportunitajiet ta’ impjieg ġusti.

1.7.

Il-moviment tat-tassazzjoni lil hinn mix-xogħol għal sorsi oħra fil-Linji Gwida jintlaqa' b’sodisfazzjon iżda l-Linji Gwida għandhom jipprovdu ċarezza dwar sorsi possibbli oħrajn. Il-KESE ħareġ Opinjonijiet dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u t-taxxi ambjentali (4) li jistgħu wkoll jipprovdu dħul alternattiv u dan missu jiġi ssuġġerit fil-Linji Gwida.

1.8.

Fil-Linja Gwida 6, il-KESE jemmen li għandha tinżamm ir-referenza speċifika tal-FSE.

1.9.

Fil-Linja Gwida 7, il-ħtieġa ta' rikonoxximent ta' tilwim imparzjali għandha tapplika għall-oqsma kollha u mhux biss għal sensji inġusti. Is-soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim ma għandhomx jieħdu d-drittijiet tal-partijiet li jkollhom aċċess għall-qrati.

1.10.

Fil-Linja Gwida 8 għandha tinżamm l-azzjoni dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ, partikolarment il-finanzjament iggarantit għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-iżvilupp ulterjuri ta' “Garanzija ta' Ħiliet”.

1.11.

Fil-Linja Gwida 8, l-enfasi għandha tibqa' fuq il-qgħad fit-tul u jista' jkun sors ta' xogħol f'suq li qed isir iżjed ristrett.

1.12.

Il-pożizzjoni tal-persuni b'diżabilità għandha titqies minn perspettiva bbażata fuq id-drittijiet iżda wkoll b'miżuri prinċipali prattiċi fil-qasam tal-impjieg b'enfasi partikolari fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kif stabbilit fit-Trattati.

1.13.

Id-dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel jeħtieġ li jidhru f'kull linja gwida u jeħtieġ li jkun hemm fokus b'saħħtu fuq il-kwistjonijiet ta' pagi baxxi fl-indirizzar tad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa.

1.14.

Il-migranti u r-refuġjati għandhom jissemmew speċifikament fil-linji gwida.

1.15.

Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu dwar iż-żieda fl-età għall-irtirar statutorju, li qabel kollox l-età attwali għandha tkun simili għall-età legali (5). Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri billi jindirizza sfidi bħaż-żieda fl-istennija tal-għomor, il-bidliet fis-suq tax-xogħol li jaffettwaw il-finanzjament tal-pensjonijiet u li jiġu żgurati livelli ta’ pensjoni adegwati.

1.16.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon iċ-ċarezza li d-dispożizzjonijiet għall-Istati Membri taż-żona tal-euro u għall-Istati Membri mhux fiż-żona tal-euro se jkunu l-istess għall-Pilastru u għal-Linji Gwida dwar l-Impjieg.

2.   Kuntest tal-Opinjoni

2.1.

Sa mill-1997, il-linji gwida għall-impjieg kienu karatteristika tat-taħlita ta' politika tal-UE. Il-bażi legali tinsab fl-Artikolu 148 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (6): “il-Kunsill…għandu kull sena jħejji linji ta' gwida li l-Istati Membri għandhom iqisu fil-politika tagħhom dwar l-impjiegi”.

2.2.

Fl-1997, il-linji gwida kienu wieħed mill-ewwel eżempji tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fil-politika tal-UE fejn approċċ volontarju għal objettiv jiġi stabbilit b'sistemi b'saħħithom ta' rapportar u ta' evalwazzjoni bejn il-pari. Il-linji gwida issa huma konnessi mal-linji gwida ekonomiċi ġenerali fl-Artikolu 121 tat-TFUE.

2.3.

L-Abbozz ta' Rapport Konġunt għall-2018 dwar l-Impjiegi ta' Novembru (7) huwa ppubblikat mal-abbozz ta' linji gwida għall-impjieg u jippreżenta riċerka u sejbiet sinifikanti dwar is-sitwazzjoni tal-impjieg fl-UE. Skont ir-rapport, is-sitwazzjoni ġenerali tal-impjieg fl-UE qiegħda titjieb, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u fit-tul qed jonqos u ċ-ċifra primarja tal-impjieg ta' 75 % fl-Istrateġija Ewropa 2020 tista' tintlaħaq għall-UE kolha kemm hi, għalkemm mhux għal ċerti Stati Membri. Madankollu, il-livell ta' titjib ivarja b'mod sinifikanti fost l-Istati Membri, ir-reġjuni u gruppi ta' nies. Għadd konsiderevoli ta' nies għadhom mhux qed jaraw sinjali ta' rkupru f'ħajjithom. Il-kwalità tal-impjiegi maħluqa u ż-żieda fil-faqar fost dawk li jaħdmu huma wkoll kwistjonijiet importanti li għandhom jiġu nnotati.

2.4.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (8) ġie adottat bħala proklamazzjoni interistituzzjonali fis-Summit Soċjali ta' Gothenburg f'Novembru 2017. Il-Pilastru huwa effettivament dikjarazzjoni politika li timpenja lill-UE għal 20 prinċipju ewlenin. Fil-fatt huwa jirrappreżenta l-impenn komprensiv il-ġdid tal-UE lejn Ewropa Soċjali. Il-Pilastru huwa akkumpanjat minn tabella ta' valutazzjoni soċjali li fiha hemm 14-il indikatur prinċipali li jivvalutaw l-impjieg u x-xejriet soċjali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Storikament, l-Unjoni Ewropea fittxet li ssib bilanċ bejn l-objettivi tad-drittijiet soċjali u t-tkabbir ekonomiku permezz ta' taħlita ta’ dispożizzjonijiet tat-trattati, leġislazzjoni u mekkaniżmi ta' politika soċjali mhux vinkolanti u l-avvanz tas-Suq Uniku, għalkemm mhux dejjem irnexxielha tilħaq dan il-bilanċ. Il-kriżi ekonomika globali wasslet għal riforma ekonomika sinifikanti li tevita kriżi eżistenzjali għall-euro. Ħafna josservaw li l-impenn tal-UE għall-politika soċjali kien qed jonqos b'mod kontinwu minn żmien il-Kummissjoni Delors. Barra minn hekk, l-impatt politiku u soċjali tal-kriżi ekonomika kif ukoll il-miżuri ta' awsterità assoċjati kienu evidenti. Uħud jistabbilixxu saħansitra rabta pjuttost diretta maż-żieda fil-populiżmu u l-Brexit. Il-ħtieġa li nirritornaw għal konverġenza bejn l-integrazzjoni ekonomika u l-politiki soċjali adatti kellha approvazzjoni uffiċjali fir-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa fl-2015 (9). L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (10) wera xi tibdil fin-narrattiva b'enfasi aktar b'saħħitha fuq l-opportunitajiet ugwali, impjiegi ta’ kwalità tajba u l-ħtieġa li jitqies l-impatt distribuzzjonali tar-riformi. Dan jintlaqa' b'sodisfazzjon kbir.

3.2.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa ġdid u l-KESE diġà esprima t-tħassib tiegħu dwar nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-Pilastru u l-implimentazzjoni futura tiegħu. In-nuqqasijiet tal-passat fit-twettiq ta’ impenji ta’ politika ewlenin għandhom jiġu evitati meta jitmexxew ’il quddiem politiki għall-benessri taċ-ċittadini tal-UE. Fl-2017, il-KESE eżamina l-Pilastru f'żewġ Opinjonijiet (11), filwaqt li laqa' b'mod wiesa' l-prinċipji u d-drittijiet kif ukoll ir-rwol tal-Pilastru bħala punt ta’ riferiment għal konverġenza mġedda fl-Istati Membri u ħeġġeġ lill-partijiet kollha sabiex jiżguraw it-twettiq u l-effettività tagħhom. F'dan il-kuntest, il-Kumitat talab ukoll biex ikun hemm aktar ċarezza fir-rigward tal-Pilastru u t-tħaddim tiegħu fil-prattika. Il-Pilastru ma għandux effett ġuridiku u ma jagħmilx parti mit-trattati. Il-Kumitat qies ukoll il-punt tat-tluq tal-Pilastru bħala li jippromovi “l-acquis soċjali eżistenti u l-infurzar sħiħ u xieraq tiegħu”. Filwaqt li enfasizza r-rwol tas-soċjetà ċivili u b’mod speċjali r-rwol speċifiku tal-imsieħba soċjali fil-politiki tas-suq tax-xogħol u tal-impjieg, l-Opinjonijiet ġibdu wkoll l-attenzjoni għall-kwistjonijiet tal-impjiegi rilevanti li huma relatati ma':

l-ilħuq ta’ bilanċ ġust bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali,

il-ġejjieni tax-xogħol,

il-gruppi partikolarment żvantaġġati fis-suq tax-xogħol,

l-impjieg u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità,

appoġġ għal mogħdijiet ta’ karriera ġodda u iżjed varjati,

il-ħtieġa għal “garanzija ta' ħiliet”,

il-ħtieġa li l-età tal-irtirar attwali tkun eqreb tal-età statutorja,

l-għan li l-persuni jaħdmu għal aktar żmien, akkumpanjati minn approċċ ta’ ċiklu tal-ħajja li jinkludi kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol,

mobbiltà tal-forza tax-xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti għal kulħadd,

il-ħtieġa għal investiment soċjali,

il-ħtieġa għall-aspirazzjoni għal pjattaforma ta' protezzjoni soċjali vinkolanti,

ir-rwol tas-Semestru Ewropew u b’mod partikolari l-ħtieġa għal ugwaljanza bejn, minn naħa, l-għanijiet dwar l-impjieg u dawk soċjali u, min-naħa l-oħra, dawk makroekonomiċi,

il-ħtieġa għal fondi tal-FEIS delimitati għal investiment soċjali,

is-sitwazzjoni tal-pajjiżi mhux fiż-żona tal-euro.

3.3.

Din l-Opinjoni teżamina l-Linji Gwida għall-Impjieg u kwistjonijiet relatati fil-kuntest tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Tabilħaqq, l-aġġornament tal-linji gwida huwa wkoll imsejjes fuq il-Pilastru u l-metodoloġija tiegħu mill-Kummissjoni. F'ħafna aspetti, il-linji gwida għall-impjieg emendati jistgħu jitqiesu, fost affarijiet oħra, bħala l-ewwel test tajjeb tal-Pilastru. Il-KESE jeħtieġ li jeżamina l-linji gwida mill-perspettiva tal-fehmiet li diġà esprima dwar il-Pilastru.

3.4.

Il-kwistjonijiet tal-impatt u l-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-impjieg diġà ġew enfasizzati mill-Kumitat fl-Opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwistjoni, fl-2015 u qabel (12). Dawn huma importanti wkoll fir-rigward tal-valutazzjoni tal-linji gwida għall-impjieg mil-lenti tal-Pilastru. Il-Pilastru fih tabella ta' valutazzjoni b'14-il punt imfassla biex tkejjel il-progress, li tista' tipprovdi riassigurazzjoni dwar l-effettività tal-Pilastru. Madankollu, uħud minn dawn l-indikaturi mhumiex ġodda u kienu diġà preżenti fit-tabella ta' valutazzjoni tal-impjieg tal-2013. Filwaqt li huwa tajjeb li t-tabella ta' valutazzjoni tkopri l-Pilastru, madankollu huwa importanti li l-kejl ġenerali jissarraf f'elementi operazzjonali aktar iddettaljati tal-politiki tal-impjieg tal-Istati Membri. Tista' ssir ukoll il-mistoqsija dwar jekk il-linji gwida għall-impjieg ikoprux b'mod suffiċjenti kwistjoni jew grupp li mhumiex koperti b'mod espliċitu fil-Pilastru jew fit-tabella ta' valutazzjoni.

3.5.

Il-linji gwida għall-impjieg ikomplu joperaw permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u t-twassil tal-Pilastru huwa taħlita ta’ “liġi mhux vinkolanti” u leġislazzjoni tal-UE. Dan dejjem kien il-każ għal-linji gwida, għalhekk ma hemm l-ebda dgħajfien fir-rigward tal-effettività tagħhom minħabba dan. Minħabba li hemm prijorità politika għolja konnessa mal-Pilastru fl-istadji bikrin tiegħu, nistgħu nimmaġinaw li dan ser iwassal għal-linji gwida għall-impjieg, iżda fuq perjodu twil ta' żmien dan mhux dejjem se jkun il-każ.

3.6.

Il-Kumitat ġibed ukoll l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' titjib fit-tabella ta' valutazzjoni u l-ħtieġa ta' Semestru Ewropew ekonomiku u soċjali fl-aħħar Opinjoni tiegħu dwar il-Pilastru (13). Ir-relazzjoni bejn is-sorveljanza tal-kwistjonijiet makroekonomiċi u l-politiki tal-impjieg u dawk soċjali hija ta' importanza kritika. Hemm kuntrast bejn l-approċċ dwar l-impjieg u s-setgħat ġuridiċi estremament iebsa li jkopru l-euro bħat-tieni pakkett ta' proposti għall-governanza ekonomika u s-sitt pakkett ta' proposti għall-governanza ekonomika flimkien mat-trattat dwar il-patt fiskali. Il-KESE għadu jemmen li minkejja l-avvanzi li saru bil-Pilastru u l-integrazzjoni tal-linji gwida għall-impjieg mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika, għad hemm spazju għal allinjament bejn dawn iż-żewġ elementi. Il-KESE jtenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ konverġenza bejn il-linji gwida għall-impjieg u l-linji gwida ekonomiċi ġenerali (14). Is-sens ġenerali tar-Rapport tal-Ħames Presidenti fir-rigward tal-ksib ta' punteġġ soċjali AAA għall-Ewropa jissuġġerixxi wkoll konverġenza akbar bejn l-aspetti ekonomiċi u dawk soċjali. L-emenda tal-linji gwida u l-applikazzjoni tat-tabella ta' valutazzjoni jipprovdu allinjament ulterjuri tal-politika mal-Pilastru li jintlaqa' bi pjaċir, għalkemm dan ma jirrappreżentax progress kbir fir-rigward tal-ħtieġa globali ta' konverġenza bejn l-aspetti soċjali u dawk makroekonomiċi. Jista' jkun hemm ukoll dubju dwar jekk uħud mil-linji gwida ekonomiċi jikkontradixxux il-linji gwida għall-impjieg.

3.7.

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (15) jista' jkollhom rwol kritiku fl-applikazzjoni effettiva tal-linji gwida għall-impjieg u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Huma jipprovdu opportunità importanti sabiex il-politika nazzjonali tissawwar b'konsistenza mal-linji gwida u mal-prinċipji tal-Pilastru sabiex jintlaħqu eżiti komuni. Minkejja li fl-Ewropa s-sitwazzjoni qiegħda titjieb, xorta waħda għad hemm differenzi bejn l-Istati Membri, bejn ir-reġjuni u bejn gruppi differenti ta' nies fis-suq tax-xogħol. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li joħorġu mil-linji gwida għall-impjieg għandhom jippruvaw inaqqsu dawn id-differenzi u jżidu u jikkanalizzaw ir-riżorsi f’dan ir-rigward.

3.8.

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kien indirizzat lill-Istati Membri kollha, minkejja li kien maħsub għaż-żona tal-euro (16), u b’hekk il-prinċipji tal-Pilastru u l-indikaturi tat-tabella ta’ valutazzjoni soċjali jistgħu jservu ta’ bażi għall-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-Istati Membri kollha, u dan għandu jintlaqa' b'sodisfazzjon.

3.9.

Sa mil-linji gwida preċedenti, l-idea ta' “Garanzija ta' Ħiliet” kisbet ħafna interess. Fir-rigward tal-approċċ tal-Garanzija taż-Żgħażagħ u s-sejba ta' xi espressjoni fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa (17), il-kunċett jiffoka l-iżjed fuq l-adulti bi ftit ħiliet u l-akkwist ta' ħiliet fil-litteriżmu, fil-matematika u dawk diġitali u l-progress lejn kwalifika fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja għolja (18).

3.10.

L-iffinanzjar tal-implimentazzjoni tal-Pilastru u l-linji gwida għall-impjieg permezz tal-fondi Ewropej se jibqa' importanti fil-futur. In-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss dalwaqt jibdew u jidher b’mod ċar li se joħorġu sfidi kbar b’mod partikolari fir-rigward tat-tiswir ta’ baġit wara l-Brexit. Il-Kumitat esprima l-fehmiet tiegħu f’dan ir-rigward fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020, fejn iddikjara li “Valur miżjud Ewropew li dwaru hemm kunsens politiku wiesa’ [għandu] jingħata appoġġ għall-azzjoni tal-UE f’mod li jiġu garantiti benefiċċji reali għaċ-ċittadini tagħha” (19).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE emenda b'mod ċar il-linji gwida għall-impjieg sabiex dawn ikunu konsistenti mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dan jintlaqa' b'sodisfazzjon kbir. Is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet mill-Opinjoni tal-KESE 2015 dwar il-linji gwida għall-impjieg (20) fil-biċċa l-kbira tagħhom għadhom validi. Madankollu, hemm xi kwistjonijiet speċifiċi li jitolbu kummenti aġġornati.

4.2.

Is-sitwazzjoni ekonomika fl-UE qed tkompli titjieb bħalissa iżda jeħtieġ li jsir ħafna aktar b’mod partikolari għall-Istati Membri, ir-reġjuni u l-gruppi ta' nies li qed jiffaċċjaw aktar diffikultajiet, u dan ikompli jappoġġja l-argument għal politika soċjali msaħħa konsistenti mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

4.3.

Preċedentement, il-KESE laqa' l-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-Kummissjoni (21) bit-twemmin li dan jista' jagħti kontribut sinifikanti għal bidla fid-direzzjoni politika favur it-tkabbir sostenibbli u soċjetajiet aktar reżiljenti. Il-Kumitat talab biex jiġi implimentat programm Ewropew ta' tkabbir u ta' investiment li jammonta għal 2 % tal-PDG u “biex ikun hemm fokus iktar b'saħħtu fuq investimenti soċjali fil-proċess ta' koordinazzjoni tas-Semestru Ewropew”. Il-KESE jtenni din it-talba b'rabta mal-linji gwida għall-impjieg attwali u jitlob li t-test tagħhom jiġi emendat sabiex jirrifletti din l-idea.

Is-sitwazzjoni ekonomika u tas-suq tax-xogħol attwali tappoġġja tabilħaqq enfasi mġedda fuq l-investiment soċjali.

4.4.

Il-KESE issa jinsab ukoll aktar konxju tal-pożizzjoni ta' gruppi ta' nies speċifiċi fis-suq tax-xogħol, kemm mil-lat tal-provvista ta' ħaddiema kif ukoll fil-ksib ta' eżiti aktar ugwali. Il-KESE jikkummenta b’mod regolari dwar is-sitwazzjoni ta' ħafna minn dawn in-nies, li jibqgħu importanti għal-linji gwida għall-impjieg. Il-Parti 8 tal-memorandum ta' spjegazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida għall-impjieg tagħmel referenza b'mod espliċitu għar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol. (22). Dan huwa dokument tal-2008 u għalhekk jista’ jkun hemm bżonn ta’ reviżjoni biex tiġi żgurata l-konsistenza mal-Pilastru u l-linji gwida għall-impjieg, b’mod partikolari minħabba li l-issikkar tas-suq tax-xogħol se joffri opportunitajiet lil dawn il-gruppi ta’ nies.

5.   Il-linji gwida

5.1.

Hemm xi bidliet speċifiċi fil-formulazzjoni tal-linji gwida li saru bl-allinjament tagħhom mal-Pilastru jew b'mod ieħor. Skont il-Linja Gwida 5, l-Istati Membri issa “jeħtieġ li jinkoraġġixxu forom innovattivi ta' xogħol, li joħolqu opportunitajiet ta' xogħol għal kulħadd b'mod responsabbli”. Filwaqt li forom ġodda ta' xogħol u l-innovazzjoni jipprovdu opportunitajiet għat-tkabbir, dawn jista' jkollhom ukoll impatt negattiv fuq in-nies jekk jissarrfu f'aktar xogħol prekarju. Huwa meħtieġ bilanċ biex jinħatfu l-benefiċċji ċari għat-tkabbir, l-intraprenditorija u l-impjieg. Fl-istess waqt, tinħtieġ valutazzjoni adatta tal-impatt ta' forom ġodda ta' xogħol (23). Il-linji gwida għall-impjieg għandhom l-għan li jittraduċu x-xejtiet assoċjati ma’ forom ġodda ta’ xogħol f’opportunitajiet ta’ impjieg ġusti abbażi ta’ bilanċ bejn tranżizzjonijiet bla xkiel fis-swieq tax-xogħol u dispożizzjonijiet adegwati għas-sigurtà tal-ħaddiema. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-linja gwida għandhom jiċċaraw li mhuwiex dejjem il-każ li forom innovattivi ta’ xogħol iwasslu għal każwalizzazzjoni akbar tax-xogħol anke jekk xi drabi dan jista’ jiġi preżunt. Miżuri li jappoġġaw tranżizzjonijiet bla xkiel fis-swieq tax-xogħol, inklużi dispożizzjonijiet xierqa għas-sigurtà tal-ħaddiema jgħinu biex jiżguraw li forom ġodda ta’ xogħol jipprovdu opportunitajiet ta’ impjieg ġusti. F’Opinjoni fuq inizjattiva proprja reċenti (24), il-KESE talab lill-awtoritajiet jidentifikaw lill-impjegatur u l-impjegat, jobbligaw lill-individwi jħallsu kontribuzzjonijiet għas-sistemi tas-sigurtà soċjali, jagħqdu l-bażijiet tad-data elettronika fil-qasam tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali u jeżaminaw modi ġodda ta’ finanzjament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

5.2.

Fir-rigward ta' forom ta' xogħol “innovattivi” għandhom jiġu ddedikati konnessjoni akbar u aktar attenzjoni lix-xejriet bħad-diġitalizzazzjoni u l-impjiegi ekoloġiċi relatati mal-Aġenda Diġitali tal-UE u l-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari. Peress li l-Istati Membri huma mħeġġa jrawmu l-innovazzjoni soċjali, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għal xi mudelli siewja tal-innovazzjoni soċjali li ngħataw il-Premju tal-KESE għas-Soċjetà Ċivili tal-2017 (25).

5.3.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-intraprenditorija u l-ħolqien u t-tkabbir ta’ intrapriżi mikro u żgħar, il-Kumitat jappoġġja l-promozzjoni tagħhom, kif ukoll it-trawwim ta’ mentalità intraprenditorjali (26). Għandu jkun utli indikatur li jkejjel il-kundizzjonijiet għall-intraprenditorija.

5.4.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-proposti tal-Kummissjoni dwar l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, fl-Opinjoni (27) tiegħu l-KESE enfasizza bosta sfidi, bħall-ħtieġa ta' “[aktar] soluzzjonijiet innovattivi fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet” li jappoġġjaw garanzija ta' ħiliet, u li jipprovdu finanzjament adatt u msaħħaħ u aċċess universali għal dawn.

5.5.

Il-Linja Gwida 5 tirreferi wkoll għal “pagi ġusti li jipprovdu għal livell ta' għajxien deċenti” u sabiex “[jiġu żgurati] livelli ta' pagi minimi filwaqt li [jittieħed] kont tal-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost dawk li jaħdmu”. Din hija enfasi mtejba fuq kwistjonijiet ta’ pagi baxxi u l-faqar fost dawk li jaħdmu, meta mqabbla mal-linji gwida preċedenti, għalkemm il-KESE għadu jemmen li hija meħtieġa definizzjoni ċara ta’ “impjiegi ta’ kwalità”. It-tisħiħ tal-effettività tal-ftehimiet kollettivi billi pereżempju titjieb il-kopertura tagħhom ikun ta' użu f'dan ir-rigward. Fl-istess ħin huwa prerekwiżit u tal-akbar importanza li l-prinċipju tas-sussidjarjetà kif ukoll ir-rwol awtonomu tal-imsieħba soċjali jiġu rispettati bis-sħiħ.

5.6.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li tingħata wisq importanza lill-ostakli min-naħa tal-provvista iżda ma tingħata l-ebda attenzjoni korrispondenti lill-ħtieġa għal investiment soċjali u tkabbir. Il-moviment tat-tassazzjoni lil hinn mix-xogħol għal sorsi oħra fil-Linji Gwida jintlaqa' b’sodisfazzjon iżda l-Linji Gwida għandhom jipprovdu ċarezza dwar sorsi possibbli oħrajn. Il-KESE ħareġ Opinjonijiet dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa u t-taxxi ambjentali (28) li jistgħu wkoll jipprovdu dħul alternattiv u dan missu jiġi ssuġġerit fil-Linji Gwida.

5.7.

Ir-referenza għal bidla teknoloġika u ambjentali fil-Linja Gwida 6 tintlaqa' bi pjaċir; aktar dettall dwar il-potenzjal għal tkabbir ekoloġiku huwa siewi wkoll. B'mod simili l-impenn il-ġdid għat-“[trasferiment] tal-intitolamenti tat-taħriġ matul tranżizzjonijiet professjonali” għandu jtejjeb il-mobbiltà. Sabiex isir dan, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li tiġi salvagwardjata l-eżistenza deċenti matul it-taħriġ, kull fejn isir it-taħriġ. L-istrumenti użati f’xi Stati Membri tal-UE, bħal għotjiet, self, ftehimiet kollettivi dwar liv mħallas għat-taħriġ jew dispożizzjonijiet oħrajn għandhom jiġu eżaminati wkoll bil-ħsieb li l-prattika tajba fil-qasam ta’ standards minimi dwar id-drittijiet għal liv edukattiv issir prattika standard fl-Istati Membri oħrajn. Il-Kumitat jilqa' l-formulazzjoni l-ġdida fil-Linja Gwida 6 dwar ir-rikonoxximent tat-tagħlim mhux formali u ż-żieda fl-adozzjoni tat-taħriġ vokazzjonali kontinwu flessibbli u azzjoni msaħħa għall-istudenti adulti. Twettqet xi ħidma fir-rigward tat-twessigħ tad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida 6 dwar l-ostakoli għall-impjieg tan-nisa għal aktar gruppi u biex id-dispożizzjonijiet ikunu aktar newtrali fir-rigward tas-sessi. Il-Kumitat iħeġġeġ ċerta kawtela f'dan ir-rigward, f'każ li tintilef kwalunkwe enfasi speċifika fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Id-dispożizzjonijiet dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jintlaqgħu bi pjaċir u sa ċertu punt huma diġà fis-seħħ. F'dan ir-rigward, il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu tal-proposta leġislattiva tal-Kummissjoni dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inkluż liv tal-familja u għall-kura mħallas, kif ġie espress f'Opinjoni reċenti (29) (dan mhux inkluż fil-paragrafu finali tal-Linja Gwida 6). Il-Kumitat jemmen li r-referenza speċifika għall-Fond Soċjali Ewropew għandha tibqa' fil-Linja Gwida 6.

5.8.

Il-Linja Gwida 7 fiha lingwaġġ imtejjeb dwar kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol u xogħol flessibbli. Dan huwa partikolarment il-każ meta ssir referenza għal “ambjenti tax-xogħol tajbin għas-saħħa, sikuri u adattati għall-ħaddiema”. Madankollu, id-dispożizzjonijiet dwar “ambjent għar-reklutaġġ” ma għandhomx jintużaw biex titnaqqas il-protezzjoni tal-liġi tax-xogħol. Hemm bidla konsiderevoli fid-dispożizzjonijiet dwar miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u s-servizzi pubbliċi tal-impjieg. Dawn jintlaqgħu b'mod wiesa' u jaqblu mal-aħjar prattika f'dan il-qasam. Minħabba l-importanza assoċjata ma' dan il-qasam, pereżempju mill-OECD, dan jibbenefika minn aktar attenzjoni fil-proċess tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż. Il-Kumitat jilqa' l-formulazzjoni l-ġdida dwar id-djalogu soċjali iżda għal darb'oħra jirrepeti l-fehmiet tiegħu dwar il-varjabbiltà tad-djalogu soċjali fl-UE u l-impatt tal-kriżi ekonomika f'dan il-qasam li għadu ma ġiex eliminat f'għadd ta' Stati Membri.

5.9.

Id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għas-soluzzjoni ta' tilwim b'mod imparzjali għandu jkollhom applikazzjoni ġenerali minflok sempliċement għal sensji inġusti. Madankollu għandhom jiġu rispettati d-drittijiet tal-partijiet li jużaw il-qrati meta tkun falliet soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Jeħtieġ li jkun hemm referenza għall-involviment tal-ħaddiema pereżempju fi kwistjonijiet bħall-ħinijiet tax-xogħol. Barra minn hekk, filwaqt li l-benefiċċji tal-qgħad ma għandhomx jaġixxu bħala diżinċentiv biex wieħed jibda jaħdem, dan ma għandux jipperikola l-funzjoni tagħhom fis-salvagwardja ta' livell ta' għajxien deċenti għall-persuni qiegħda. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet dwar l-iffaċilitar tax-xogħol transkonfinali jeħtieġ li jitqabblu ma’ dawk dwar l-iżgurar tat-trattament ġust tal-ħaddiema u l-evitar tad-dumping soċjali.

5.10.

Hemm pajjiżi bi djalogu soċjali inqas żviluppat u tabilħaqq dawk li esperjenzaw tfixkil f'dan il-qasam minħabba l-kriżi. Aħna nilqgħu l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea li żżid il-kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Minħabba ċ-ċentralità tad-djalogu soċjali fit-twettiq tal-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali u fl-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-impjieg u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż, il-KESE jtenni t-talba tiegħu li dan ikun preżenti fl-Istati Membri kollha u jħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha fil-livell nazzjonali u Ewropew biex ma jdgħajfux iżda jsaħħu l-istrutturi tan-negozjar kollettiv fil-livelli kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet avvanzi fl-involviment tas-soċjetà ċivili fir-rapportar speċifiku għall-pajjiż u dan għandu jintlaqa' bi pjaċir u għandu jissaħħaħ.

5.11.

Il-Linja Gwida 8 tipprovdi formulazzjoni ġdida fil-qasam ta' dispożizzjonijiet soċjali usa'. L-impenji għar-rappreżentazzjoni ta' gruppi sottorappreżentati jintlaqgħu bi pjaċir bħal ma jintlaqgħu d-dispożizzjonijiet dwar introjtu minimu adegwat. Madankollu, kienet tintlaqa' bi pjaċir kbir referenza għall-mod li bih jiġi kkalkulat dan l-introjtu minimu, b’mod partikolari x-xogħol li jsir fil-baġits ta' referenza. Aċċess imtejjeb għall-protezzjoni soċjali għat-tipi kollha ta' ħaddiema irrispettivament mill-istatus tagħhom għandha tidher ukoll fil-Linja Gwida 8. Aktar referenza f'din il-linja gwida għall-faqar fost dawk li jaħdmu u r-referenza fid-dettall ta' servizzi soċjali partikolari jintlaqgħu bi pjaċir minħabba li jpoġġu l-linji gwida f'sensiela kostanti ta' politika soċjali konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-Pilastru u għal darb'oħra jappoġġjaw it-talba tal-KESE li jkun hemm investiment soċjali. Filwaqt li l-Kumitat jirrepeti l-fehmiet tiegħu dwar l-età tal-irtirar f'din l-Opinjoni, jilqa' bi pjaċir dispożizzjonijiet li issa huma fil-linji gwida għal “miżuri li jestendu l-ħajja tax-xogħol” iżda għandu jkun ċar li din l-estensjoni hija volontarja. Il-KESE ser jesprimi l-fehmiet tiegħu fiż-żmien dovut dwar l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-aċċess għas-sigurtà soċjali.

5.12.

Is-sitwazzjoni fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-għadd ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) għadha kwistjoni ta' tħassib u jidher li hija partikolarment intrattabbli. Ir-Reviżjoni tal-2017 tal-Iżviluppi fl-Impjieg u dawk Soċjali fl-Ewropa (30) enfasizzat b'mod partikolari kif il-kriżi ekonomika kellha impatt sproporzjonat fuq iż-żgħażagħ u jidher li l-irkupru mhux qed jelimina din ix-xejra biżżejjed. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ appoġġjata mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u l-FSE kienet inkoraġġanti meta bidlet impenn politiku f'azzjoni relattivament malajr iżda xorta waħda għad hemm kwistjonijiet li għandhom jiġu solvuti. Kif spiss huwa l-każ, il-livell ta' finanzjament iddedikat kien minimu u ħafna mir-riżorsi ma kinux ġodda. Se jkun importanti li jiġi żgurat li tal-inqas jinżammu l-flejjes ġodda (l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ). Se jkun importanti li anke b'żieda fiċ-ċifri jibqa' jinżamm fokus fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ minħabba li spiss tinħtieġ riforma strutturali sabiex jiġi żgurat li dan ma jkunx l-ewwel grupp li se jsofri jekk iseħħ xokk ieħor. Tinħtieġ aktar riċerka sabiex tiżgura rabtiet ta' “kawża u effett” bejn iż-żieda fiċ-ċifri tal-impjieg fost iż-żgħażagħ (fejn preżenti) u l-miżuri attwali meħuda skont il-Garanzija. B'mod simili, il-kwalità tal-interventi u l-bidliet mhux uniformi fil-qgħad fost iż-żgħażagħ jeħtieġ li jitqiesu b'rabta mal-Garanzija. Preċedentement, il-KESE talab biex ikun hemm enfasi kontinwa fuq dan il-qasam fil-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u rwol imsaħħaħ għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-imsieħba soċjali fit-twettiq fil-livell lokali (31).

5.13.

Kif spiss huwa l-każ, il-persuni qiegħda fit-tul jistgħu jieħdu l-aktar żmien biex jerġgħu jintegraw hekk kif titjieb il-pożizzjoni tas-suq tax-xogħol. Għal dan se jinħtieġu miżuri speċifiċi bħalma huma t-taħriġ rilevanti fir-rigward tas-suq tax-xogħol flessibbli u s-servizzi ta' gwida għall-impjieg fuq bażi individwali. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni liċ-ċifri għall-ħaddiema skoraġġuti u dawk fil-marġini fl-istatistika tagħna minħabba li dawn spiss jiġu injorati. Suq tax-xogħol li qed jitjieb jista' jattira dawn il-gruppi lura biex ifittxu xogħol attiv iżda jinħtieġu servizzi ta' appoġġ iddedikati u speċifiċi u s-sistemi nazzjonali għandhom jilqgħu din l-isfida; għal darb'oħra hawnhekk l-enfasi fuq l-investiment soċjali jaqdi rwol ewlieni. Il-Qafas ta' Indikaturi tal-Kumitat tal-Impjieg għall-Monitoraġġ tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol (32) jintlaqa' bi pjaċir kbir u għandu jibqa' karatteristika tax-xogħol tiegħu u jiġi rivedut mill-EPSCO.

5.14.

Jeħtieġ li fil-linji gwida jissemmew b'mod speċifiku l-ħtiġijiet u s-sitwazzjoni tal-migranti u tar-refuġjati (33).

5.15.

Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u r-rappreżentazzjoni żejda tan-nisa fi rwoli b'paga baxxa għadhom qed iqajmu tħassib u għandhom jidhru fil-linji gwida lil hinn mill-kwistjoni tal-provvista tax-xogħol. L-azzjoni f'dan il-qasam hija intrinsikament marbuta mal-kunċett ta' xogħol deċenti u introjtu minimu li jeħtieġ li jidhru aktar fil-proċess tal-linji gwida. B'mod simili, hawnhekk l-inizjattivi dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-kura tat-tfal se jkunu importanti. L-Opinjoni reċenti tal-KESE (34) dwar il-proposti tal-Kumissjoni fir-rigward tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tqishom bħala l-ewwel pass importanti. Dan huwa qasam għal azzjoni fil-linji gwida u tabilħaqq fil-Pilastru peress li jinteraġixxu oqsma ta' politika differenti.

5.16.

Il-kwistjonijiet ta' impjieg għall-persuni b'diżabilità issa jitqiesu bħala parti kritika tal-politiki moderni tal-impjieg u r-referenzi għal dawn fil-linji gwida tintlaqa' bi pjaċir, għalkemm huma minimi u jistgħu jissaħħu. Il-KESE jaħdem mill-perspettiva tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) u jemmen li d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (35) hija ċentrali f'dan il-qasam. L-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità (2010 – 2020) tipprovdi qafas ġenerali f'dan il-qasam. Ir-Raba' Parlament Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità enfasizza bosta kwistjonijiet marbutin mal-Pilastru Soċjali u l-impjieg għall-persuni b’diżabilità, fir-riżoluzzjoni reċenti tiegħu dwar il-futur tal-Istrateġija (36). Il-KESE jiġbed ukoll l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-UE dwar id-diskriminazzjoni li japplikaw għall-gruppi kollha u jwissi kontra li “gruppi vulnerabbli” jiġu assoċjati awtomatikament mal-kunċett tad-diskriminazzjoni.

5.17.

Il-KESE ma jemminx li żieda fl-età legali tal-irtirar se ssolvi l-problemi marbuta mal-isfidi demografiċi. Għandna bżonn inizjattivi li jippromovu l-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol u s-solidarjetà interġenerazzjonali, li jkunu appoġġjati minn politiki effettivi tat-tkabbir u l-impjieg. Għandna bżonn politika reali dwar “tixjiħ attiv”, kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, politiki dwar is-saħħa u s-sigurtà u l-ħinijiet tax-xogħol u żieda fil-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja. Għandna bżonn ukoll nagħtu spinta lir-rati ta' impjieg għal nies imdaħħla fiż-żmien, li jieqfu mix-xogħol kmieni minħabba problemi ta' saħħa, l-intensità tax-xogħol, sensji qabel iż-żmien, u nuqqas ta' opportunitajiet għal taħriġ jew dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol (37).

5.18.

L-imsieħba soċjali jeħtieġ li jinnegozjaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol, pereżempju l-adattament tal-postijiet tax-xogħol għall-ħiliet u l-istat tas-saħħa ta' ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien, filwaqt li titqies id-diffikultà ta' ċerti impjiegi, jitjieb l-aċċess għal taħriġ ulterjuri, jiġu evitati aħjar id-diżabilitajiet, jiġi ffaċilitat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u jitneħħew l-ostakli legali jew ostakli oħra għal ħajja tax-xogħol itwal.

5.19.

Il-KESE jtenni l-fehma tiegħu dwar iż-żieda fl-età għall-irtirar statutorju, li qabel kollox l-età attwali għandha tkun simili għall-età legali (38). Jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri billi jindirizza sfidi bħaż-żieda fl-istennija tal-għomor, il-bidliet fis-suq tax-xogħol li jaffettwaw il-finanzjament tal-pensjonijiet u li jiġu żgurati livelli ta’ pensjoni adegwati.

5.20.

Madankollu, il-KESE jemmen li l-iskemi ta' rtirar bikri għandhom jinżammu għall-ħaddiema li ħadmu għal perjodi twal f'impjiegi diffiċli jew perikolużi jew li bdew il-karriera tagħhom kmieni ħafna. Il-KESE ma jappoġġjax mekkaniżmi ta' aġġustament awtomatiku għall-età tal-irtirar, abbażi ta’ stennija tal-għomor itwal jew bidla demografika.

6.   Kwistjonijiet ġenerali

6.1.

Fin-negozjati dwar il-baġit tal-UE li jmiss, hemm bżonn li l-investiment fl-infrastruttura soċjali jiżdied b'mod konsiderevoli minħabba li dan għandu impatti pożittivi multipli fuq is-swieq tax-xogħol kif ukoll fuq il-baġits – kif ġie enfasizzat reċentement mill-Kumitat (39). Dan jikkonċerna b'mod partikolari l-investimenti fil-kapital uman bħala perċentwal tal-baġit ġenerali, jekk l-UE għandha tilħaq l-għanijiet tagħha stess li tkun żona ekonomika kompetittiva fil-livell globali bi klassifika soċjali AAA, inkluż fil-prijoritajiet tal-impjieg.

6.2.

Hemm bżonn li jiġi mmonitorjat liema tip ta' riformi strutturali implimentaw l-Istati Membri u liema kellhom impatti pożittivi reali fil-qasam tal-impjieg, tal-edukazzjoni u tat-tagħlim tul il-ħajja. Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (40), il-Kummissjoni rreferiet għall-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (41). Il-KESE jilqa’ din l-inizjattiva u jixtieq jara li tiġi pprovduta informazzjoni dwar ir-riformi dwar l-impjieg u l-edukazzjoni li jkunu saru bħala parti minn dan il-programm u l-grad ta’ involviment tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili.

Brussell, il-15 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti: L-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, it-22 ta' Ġunju 2015.

(2)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21.

(3)  L-Abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjieg 2018 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar L-inugwaljanza fil-ġid fl-Ewropa (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 1), Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 65, ĠU C 434, 15.12.2017, p. 18, ĠU C 71, 24.2.2016, p. 42).

(5)  ĠU C 84, 17.3.2011, p. 38, ĠU C 299, 4.10.2012, p. 115.

(6)  TFUE.

(7)  L-Abbozz ta' Rapport Konġunt dwar l-Impjieg 2018 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(9)  Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti.

(10)  L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018.

(11)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 10 u l-Opinjoni dwar l-impatt tad-dimensjoni soċjali u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fuq il-Futur tal-UE (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145).

(12)  ĠU C 332, 8.10.2015, p. 68.

(13)  Opinjoni tal-KESE dwar L-impatt tad-dimensjoni soċjali u tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fuq il-Futur tal-UE (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 145).

(14)  ĠU C 458, 19.12.2014, p. 1, ĠU C 173, 31.5.2017, p. 73.

(15)  Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż.

(16)  Ara l-Preambolu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

(17)  Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa.

(18)  Ara r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2016 “Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti”.

(19)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 63.

(20)  ĠU C 332, 8.10.2015, p. 68

(21)  ĠU C 226, 16.7.2014, p. 21.

(22)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (ĠU L 307, 18.11.2008, p. 11).

(23)  Ara b’mod partikolari (ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54).

(24)  Opinjoni tal-KESE dwar Sigurtà soċjali sostenibbli u protezzjoni/l-era diġitali (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 7).

(25)  Il-premju rrikonoxxa proġetti eċċezzjonali li jgħinu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-persuni fil-bżonn, bħal dawk bi sfond ta’ migrazzjoni, b’diżabilità, dawk qiegħda fit-tul, nisa maqtugħin mis-suq tax-xogħol, iż-żgħażagħ, kif ukoll persuni li jgħixu fil-faqar. Ara l-paġna web tal-KESE dwar il-Premju tas-Soċjetà Ċivili għall-2017.

(26)  ĠU C 332, 8.10.2015, p. 20.

(27)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.

(28)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar L-inugwaljanza fil-ġid fl-Ewropa, ĠU C 129, 11.4.2018, p. 1, Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva (ĠU C 81, 2.3.2018, p. 65, ĠU C 434, 15.12.2017, p. 18, ĠU C 71, 24.2.2016, p. 42).

(29)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44).

(30)  Reviżjoni tal-2017 tal-Iżviluppi fl-Impjieg u dawk Soċjali fl-Ewropa (mhux disponibbli bil-Malti).

(31)  ĠU C 268, 14.8.2015, p. 40.

(32)  Qafas ta' Indikaturi tal-EMCO għall-qgħad fit-tul.

(33)  ĠU C 264, 20.7.2016, p. 19.

(34)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw (ĠU C 129, 11.4.2018, p. 44).

(35)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(36)  Forum Ewropew tad-Diżabbiltà (EDF) Riżoluzzjoni dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2020-2030 adottata mir-Raba' Parlament Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità fis-6 ta’ Diċembru 2017; ara wkoll ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta’ Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità.

(37)  ĠU C 451, 16.12.2014, p. 109.

(38)  ĠU C 299, 4.10.2012, p. 115.

(39)  ĠU C 271, 19.9.2013, p. 91.

(40)  Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (mhux disponibbli bil-Malti).

(41)  Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali.


6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ‘Impetu mġedded għas-Sħubija bejn l-Afrika u l-UE’”

(JOIN(2017) 17 final)

(2018/C 237/11)

Relatur:

Mihai MANOLIU

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 05/07/2017

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

22/02/2018

Adottata fil-plenarja

15/03/2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

185/2/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jqis li f’kuntest globali li qed jinbidel b’ritmu mgħaġġel, is-sena 2018 se jkollha rwol ewlieni fit-tisħiħ tas-sħubija bejn l-UE u l-Afrika. Iż-żewġ kontinenti qegħdin jiffaċċjaw bidliet kbar u profondi fid-dimensjoni politika, dik ekonomika u dik soċjali. Dan l-ambjent joffri opportunitajiet biex is-sħubija tissawwar mill-ġdid u tissaħħaħ. Għalhekk, il-KESE jikkunsidra li din id-darba, l-Unjoni għandha tiffoka b’mod partikolari fuq il-parteċipazzjoni ta’ atturi ġodda mill-isfera ekonomika u dik tas-soċjetà ċivili Ewropea fi proġetti ta’ żvilupp fil-kontinent Afrikan. L-appoġġ tal-iżvilupp fl-Afrika ma għandux ikun biss ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE, iżda wkoll sforz tas-soċjetà Ewropea kollha.

1.2.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għaldaqstant jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet Ewropej kollha rilevanti jissoktaw l-isforzi tagħhom ta’ żamma tal-paċi u tas-sigurtà fl-Afrika u jgħinu lill-organizzazzjonijiet Afrikani fit-taqtigħa tagħhom biex jipprevjenu l-kunflitti u jwaqqfu t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-inizjattiva ta’ sħubija bejn l-Afrika u l-UE ittieħdet u jqis li hemm bżonn ta’ approċċ bħal dan, filwaqt li jitqiesu r-realtajiet ġodda ġeostrateġiċi li qed jaffaċċjaw iż-żewġ kontinenti:

il-ġestjoni umana u dinjituża tal-flussi migratorji pperċeputi bħala mhux ikkontrollati;

il-possibbiltà ta’ influss ta’ rifuġjati;

in-nuqqas ta’ sigurtà li tibqa’, fil-fruntieri tal-Unjoni Ewropea, hija ġġenerata mill-instabbiltà ta’ diversi reġimi politiċi u n-nuqqas tal-istat tad-dritt f’ċerti pajjiżi Afrikani;

l-influwenza dejjem ikbar eżerċitata fl-Afrika minn ċerti qawwiet reġjonali bħaċ-Ċina – fejn l-interessi speċifiċi li jikkonċernaw ir-riżorsi naturali tal-Afrika u r-relazzjonijiet ekonomiċi bilaterali ma jinċentivawx il-pajjiżi ta’ dan il-kontinent biex jintensifikaw il-kooperazzjoni transnazzjonali;

l-azzjonijiet imprevedibbli tal-Istati Uniti fix-xena politika internazzjonali, kif ukoll l-isfidi tat-tibdil fil-klima.

1.3.

Fir-rigward tal-problema dwar l-ikel, il-KESE jemmen li l-UE, f’kooperazzjoni mal-Unjoni Afrikana, għandha tidentifika proġetti lokali u politiki li kienu ta’ suċċess u tiffavorixxi l-estensjoni tagħhom fl-akbar għadd possibbli ta’ reġjuni u pajjiżi Afrikani. F’dan ir-rigward, ma ninsewx il-parametru tad-demografija, b’rata ta’ 18-il miljun fis-sena sal-2035, li d-dinamika enormi tagħha teħtieġ li jinħolqu impjiegi addizzjonali. Fl-Afrika, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli huwa soġġett għal restrizzjonijiet serji, li l-UE trid tqis u li huma marbuta mill-qrib ma’:

id-dipendenza qawwija fuq użu intensiv tar-riżorsi naturali, li jwassal għat-traffiku illeċitu tagħhom;

il-kundizzjonijiet fertili għall-instabbiltà li jirriżultaw mill-gwerer, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-inugwaljanzi soċjali, il-fundamentaliżmu, u l-katastrofi klimatiċi;

l-impatt tat-tibdil fil-klima;

l-effetti tal-iskarsezza tal-ikel u n-nuqqas ta’ ilma;

in-nuqqas ta’ sanità;

l-epidemiji u l-mard infettiv;

in-nuqqas ta’ politiki agrikoli koerenti u li jirriflettu r-realtajiet lokali.

1.4.

Peress li jikkawżaw ċaqliq sfurzat u volontarju, il-problemi msemmija hawn fuq jikkontribwixxu ferm għall-migrazzjoni illegali, spiss ikkontrollata mill-kriminalità organizzata, li toħloq pressjoni konsiderevoli fuq is-sistemi ta’ governanza tal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, kif ukoll fuq l-awtoritajiet politiċi tagħhom. L-Ewropa tista’ twieġeb għal dan, bis-saħħa tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid, għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u għall-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, kif ukoll bl-istabbiliment ta’ relazzjoni bbażata fuq il-kunċett ta’ sħubija. Il-KESE jista’ jagħti kontribut fundamentali għad-demokrazija u għad-drittijiet tal-bniedem flimkien mar-rappreżentanti rikonoxxuti tas-soċjetà Afrikana (pjattaforma, forum, voluntiera) u l-imsieħba soċjali tal-Afrika.

1.5.

Il-KESE jitlob li s-soċjetà ċivili tkun integrata aħjar fis-sħubija li jmiss u li tkun ipprovduta bi rwol aktar b’saħħtu li jmur mill-konsultazzjoni għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki. Dan l-aspett huwa importanti biex jiġi żgurat il-prinċipju tal-koerenza tal-olitiki għall-iżvilupp u biex jiġu involuti b’mod effettiv il-partijiet interessati f’dan il-proċess. Għaldaqstant, l-UE tista’ tkun mudell ta’ prattiki tajba għall-Istati Afrikani f’dak li jirrigwarda l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u t-tfassil ta’ programmi li jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ soċjetà ċivili Afrikana transnazzjonali. Bl-istess mod, jeħtieġ li l-Unjoni tieħu rwol attiv fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili f’dawk il-pajjiżi fejn ma teżistix jew fejn ftit li xejn hija żviluppata.

1.6.

Minħabba l-importanza strateġika li għandhom it-tagħlim, it-trasferiment tal-għarfien mingħajr diskriminazzjoni, l-aċċess ġenerali għall-kultura, bħala element essenzjali għall-istabbiliment ta’ klima ta’ kooperazzjoni u l-iskambju ta’ valuri assunti b’mod unanimu, kif ukoll il-ftuħ ta’ opportunitajiet għal numru konsiderevoli ta’ żgħażagħ Afrikani, il-KESE jirrakkomanda li s-Sħubija UE-Afrika torjenta ruħha fuq il-punti li ġejjin:

huwa xieraq li jiġu estiżi wkoll lill-Afrika programmi Ewropej li kienu ta’ suċċess, bħal Erasmus+, sabiex jippermettu l-mobilità tal-istudenti u l-għalliema fiż-żewġ kontinenti u joħolqu skambju ta’ esperjenza fil-livell universitarju;

għandhom jitħeġġu u jiġu appoġġjati finanzjarjament is-sħubijiet bejn universitajiet Ewropej u dawk Afrikani favur l-iżvilupp ta’ proġetti u ta’ programmi ta’ studju komuni;

huma biss il-programmi edukattivi ta’ kwalità u l-istrateġiji għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali li ser irażżnu l-fundamentaliżmu reliġjuż li jaffettwa xi pajjiżi Afrikani.

1.7.

Il-KESE jemmen li l-mudell prinċipali li l-Unjoni Ewropea tista’ tipproponi lill-kontinent Afrikan huwa l-eżempju tagħha ta’ kooperazzjoni transnazzjonali tagħha u t-twettiw ta’ proġetti transnazzjonali kbar, jew partijiet minnhom, bħal dawk ta’ infrastruttura, diment li l-Istati Afrikani jaqblu li jikkooperaw bejniethom biex jimplimentaw dawn il-proġetti. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea għandha tirrikonoxxi l-għarfien espert li tista’ tipprovdi fir-rigward tal-politiki ta’ transizzjoni lejn soċjetà demokratika u ekonomija tas-suq li tkun kompletament funzjonali, kompetittiva u inklużiva.

1.8.

Il-KESE jipproponi li s-sħubija tingħata l-kompitu li tippromovi u tikseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u taż-żgħażagħ, kif ukoll li tirrikonoxxi l-kontribut tagħhom għall-paċi u għall-bini tal-Istat, għat-tkabbir ekonomiku, għall-iżvilupp teknoloġiku, għall-ġlieda kontra l-faqar, għas-saħħa, għall-benesseri u għall-iżvilupp kulturali u uman. Jeħtieġ li tinqered kull forma ta’ vjolenza u ta’ diskriminazzjoni soċjali u politika kontra n-nisa fil-kontinent Afrikan kollu, biex dawn ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet ugwali.

1.9.

Il-KESE jinnota li reċentement iċ-Ċina saret is-sieħeb ekonomiku ewlieni tal-Afrika u li dan l-iżvilupp jista’ b’mod partikolari jkollu l-effett li l-pajjiżi tar-reġjun jibdlu l-għanijiet tal-politika barranija tagħhom jew juru anqas interess li jimplimentaw riformi demokratiċi. Għalhekk, jeħtieġ li l-UE toħloq sħubija mal-Afrika li verament terġa’ tqajjem u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ kontinenti u toħloq kundizzjonijiet aħjar fil-livell lokali għall-investituri Ewropej.

1.10.

Il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ klawsoli dwar governanza tajba fil-ftehimiet rilevanti kollha konklużi bejn l-UE u pajjiżi terzi jew reġjuni, sabiex jiġi promoss żvilupp sostenibbli, li jirrikjedi l-eżistenza ta’ proċess ta’ implimentazzjoni ta’ politiki li jkun responsabbli, trasparenti, dinamiku, ekwu, inklużiv, effikaċi, inklużiv u li jirrispetta l-istat tad-dritt.

1.11.

Il-KESE jesprimi wkoll id-dispjaċir tiegħu li l-Afrika hija l-aktar kontinent fqir fid-dinja, u l-uniku wieħed fejn il-faqar żdied. Hija realtà intollerabbli li aktar minn 50 % tal-popolazzjoni tagħha jgħixu fi privazzjoni assoluta. Tenħtieġ ġlieda internazzjonali kontra l-faqar, li tinvolvi lill-atturi prinċipali fil-proċess ta’ żvilupp, u għandhom jitfasslu strateġiji u pjani ta’ azzjoni biex jintlaħqu l-popolazzjonijiet żvantaġġjati. Jeħtieġ li tiġi pprovduta allokazzjoni finanzjarja ġdida, programmabbli u prevedibbli. Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-iżgurar ta’ segwitu effettiv tal-għajnuna finanzjarja huwa kruċjali għal implimentazzjoni aħjar tal-għanijiet mixtieqa.

1.12.

Il-KESE jilqa’ r-rieda tal-Afrika, espressa permezz tal-adozzjoni tal-Aġenda 2063 u l-ħolqien tal-Unjoni Afrikana, li tiġi trattata bħala grupp wieħed, inklużiv u pan-Afrikan. Il-governanza tajba għall-iżvilupp sostenibbli għandha timxi fuq politiki ekonomiċi sodi, ġusti mill-perspettiva soċjali u ambjentali, il-ħolqien ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, reżistenti għall-korruzzjoni, li huma attenti għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini, il-promozzjoni tas-soċjetà ċivili, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll il-koeżjoni ekonomika, l-istat tad-dritt, il-prevalenza tal-liġi, id-drittijiet tal-bniedem u l-opportunitajiet indaqs. Klima favorevoli għall-investiment tista’ twassal għal suċċess.

2.   Kuntest

2.1.

L-Unjoni Ewropea (UE) u l-parti l-kbira tal-Istati Afrikani huma diġà marbuta bi ftehim ta’ kooperazzjoni internazzjonali komprensiv u legalment vinkolanti, li jkopri aktar min-nofs l-Istati-nazzjonijiet tad-dinja. L-hekk imsejjaħ “Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou” (CPA jew Ftehim ta’ Cotonou) kien iffirmat f’Benin fl-2000 u għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni fit-tul fil-politika, il-kummerċ u l-iżvilupp bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP). Dan il-ftehim wassal għall-ħolqien ta’ firxa ta’ istituzzjonijiet li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-AKP u l-UE fost il-gvernijiet, l-uffiċjali tal-awtoritajiet pubbliċi, il-membri tal-Parlament, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, inkluż is-settur privat.

2.2.

L-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tinnota li, minħabba l-prossimità ġeografika, il-promozzjoni tal-paċi u l-iżvilupp fil-kontinent Afrikan fil-fatt huma investiment għall-paċi u l-prosperità tal-Unjoni Ewropea. Unjoni prospera u sikura hija estremament diffiċli f’ambjent fejn il-ġirien tagħha huma sottożviluppati u f’kunflitt. Għaldaqstant, l-UE għandha l-obbligu li tieħu sehem b’mod attiv u intensiv fl-istabbiliment ta’ Unjoni Afrikana u fl-irkupru tal-ekonomija tar-reġjun.

2.3.

Il-KESE jinnota li f’dawn l-aħħar żminijiet, il-kuntest internazzjonali evolva b’mod konsiderevoli, tfaċċaw sfidi globali ġodda, is-sikurezza tal-persuni ġiet affettwata u l-isforzi għall-ġlieda kontra l-faqar u l-pandemiji, it-tibdil fil-klima u d-deżertifikazzjoni, il-migrazzjoni, il-ġestjoni sostenibbli tal-beni pubbliċi huma kwistjonijiet li influwenzaw kontinwament il-politiki tal-Istati Afrikani u dawk tal-UE.

2.4.

Jeħtieġ li tinħoloq viżjoni politika konġunta ġdida bejn l-UE u l-Afrika, li tkun konkreta, tkun ibbażata fuq interessi komuni u valuri kondiviżi, il-kunsiderazzjoni reċiproka u r-rispett tal-prinċipju tas-sovranità individwali u tirrifletti l-aspirazzjonijiet leġittimi taż-żewġ partijiet. Għalhekk, dawn it-tnejn għandhom jesprimu rieda komuni permezz ta’ sħubija ugwali, konxja u preferenzjali, sabiex ikomplu jrawmu l-paċi (il-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika) u s-sigurtà (il-kontinent Afrikan huwa fattur importanti f’dan il-qasam) u l-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u l-integrazzjoni reġjonali u kontinentali.

2.5.

Il-KESE jesprimi wkoll id-dispjaċir tiegħu li l-Afrika hija l-aktar kontinent fqir fid-dinja, u l-uniku wieħed fejn il-faqar żdied. Hija realtà intollerabbli li aktar minn 50 % tal-popolazzjoni tagħha jgħixu fi privazzjoni assoluta. Tenħtieġ ġlieda internazzjonali kontra l-faqar, li tinvolvi lill-atturi prinċipali fil-proċess ta’ żvilupp, u għandhom jitfasslu strateġiji u pjani ta’ azzjoni biex jintlaħqu l-popolazzjonijiet żvantaġġjati. Jeħtieġ li tiġi pprovduta allokazzjoni finanzjarja ġdida, programmabbli u prevedibbli. Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-iżgurar ta’ segwitu effettiv tal-għajnuna finanzjarja huwa kruċjali għal implimentazzjoni aħjar tal-għanijiet mixtieqa.

2.6.

Il-KESE jilqa’ r-rieda tal-Afrika, espressa permezz tal-adozzjoni tal-Aġenda 2063 u l-ħolqien tal-Unjoni Afrikana, li tiġi trattata bħala grupp wieħed, inklużiv u pan-Afrikan. Il-governanza tajba għall-iżvilupp sostenibbli għandha timxi fuq politiki ekonomiċi sodi, ġusti mill-perspettiva soċjali u ambjentali, il-ħolqien ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, reżistenti għall-korruzzjoni, li huma attenti għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini, il-promozzjoni tas-soċjetà ċivili, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll il-koeżjoni ekonomika, l-istat tad-dritt, il-prevalenza tal-liġi, id-drittijiet tal-bniedem u l-opportunitajiet indaqs. Klima favorevoli għall-investiment tista’ twassal għal suċċess.

2.7.

L-effiċjenza u r-responsabbiltà ta’ kulħadd jeħtieġu riżorsi umani u finanzjarji konsiderevoli fit-tul, ipprovduti evidentement miż-żewġ partijiet. Il-KESE jemmen li l-involviment tas-soċjetà ċivili f’dan il-proċess jista’ jsir minn pjattaforma ta’ sħubijiet volontarji u li jista’ jiffaċilita l-proċess ta’ żvilupp. Jeħtieġ b’mod urġenti li l-atturi mhux statali u l-awtoritajiet lokali jkunu involuti b’mod sħiħ fl-istadji kollha tal-proċess, inkluż fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. Fil-fatt, huma jistgħu jagħtu impetu ġdid lill-iżvilupp tal-Afrika u jsaħħu l-leġittimità tal-azzjoni esterna tal-UE, kif ukoll inaqqsu l-livell ta’ euroxettiċiżmu fl-Ewropa. Il-viżjoni komuni f’dan il-qasam għandha tinkludi d-demokrazija parteċipattiva, il-pluraliżmu u l-libertajiet fundamentali, jiġifieri r-rispett tal-istat tad-dritt, biex niġbru dawn il-kunċetti f’wieħed.

2.8.

Theddida oħra ta’ importanza kbira hija l-eżawriment tar-riżorsi naturali fl-Afrika, li se jfixkel il-proċess ta’ tnaqqis tal-faqar. Jeħtieġ li jingħata kumpens għas-servizzi ekosistemiċi li hija tipproduċi, fosthom il-ħżin tal-karbonju fil-foresti tropikali. Jeħtieġ approċċ komuni quddiem dawn l-isfidi globali, kif ukoll sħubija unifikata u mmirata lejn iċ-ċittadin, permezz ta’ proċess minn kontinent għal kontinent, kemm fil-livell politiku kif ukoll f’dak konkret tan-negozjati.

2.9.

Il-KESE jemmen li l-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu responsabbli u konsistenti f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà reċiproka, id-djalogu u l-kontribuzzjonijiet. Barra minn hekk, il-ftehim futur jeħtieġ li jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ sħubija. L-imsieħba għandhom drittijiet u dmirijiet ugwali f’dak li jirrigwarda l-prattiki ta’ żvilupp u ta’ investiment. Madankollu, hemm differenza reali fil-livell tal-integrazzjoni u f’dak tar-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji. Għaldaqstant, jeħtieġ li kiġi żviluppat u msaħħaħ id-djalogu politiku bejn l-UE u l-Afrika.

2.10.

Il-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli huma għan koerenti (permezz ta’ koordinazzjoni aħjar bejn id-donaturi u l-atturi mhux statali) u impenn ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afrika, definit mill-politiki Ewropej bħal dawk tal-kummerċ, bl-aċċess liberu għas-suq tal-Unjoni bħala parti mill-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE), l-ambjent u l-agrikoltura.

2.11.

Il-KESE jenfasizza li l-approċċ olistiku tal-kunflitti jeħtieġ li jkun ibbażat fuq ir-responsabbiltà, il-prevenzjoni, ir-riżoluzzjoni, il-ġestjoni u r-rikostruzzjoni. Il-paċi għandha rwol ewlieni, bħala l-ewwel pass lejn żvilupp sostenibbli, li tkun ġusta mil-lat politiku, ekonomiku u soċjali, b’rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem. Jeħtieġ li tiżdied il-viġilanza fuq it-tfaċċar ta’ tensjonijiet etniċi u reliġjużi fil-kontinent Afrikan. Jeħtieġ li tingħata l-attenzjoni kollha dovuta lill-esportazzjonijiet tal-armi, permezz ta’ kodiċi ta’ kondotta, inkluż f’dak li jirrigwarda t-traffikar tal-armi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “ Impetu mġedded għas-Sħubija bejn l-Afrika u l-UE” hija inizjattiva koordinata u msaħħa li hija konsistenti mal-Aġenda 2063 u taqbel mal- Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà . Hija tikkontribwixxi għall-proċess ta’ riflessjoni u tikkostitwixxi bażi koerenti għan-negozjati li jmiss dwar il-pilastru Afrikan.

3.2.

Il-KESE jemmen li l-UE għandha interess strateġiku, politikament orjentat u bbażat fuq valuri u interessi komuni ddedikati għat-tisħiħ u l-adattament tas-sħubija sostenibbli tagħha mal-Afrika. Jeħtieġ li hija ssir l-investitur barrani u s-sieħeb ewlieni fl-oqsma umanitarji u kummerċjali ta’ dan il-kontinent, u tikkontribwixxi għas-sigurtà tiegħu.

3.3.

L-UE għandha tliet għanijiet strateġiċi:

tisħiħ tas-sħubija reċiproka u kooperazzjoni akbar fuq ix-xena internazzjonali, fuq il-bażi ta’ valuri u interessi komuni, inkluż fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali;

is-sigurtà, kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar, u l-ġlieda kontra t-theddid transnazzjonali, li huma investiment fis-sigurtà fiż-żewġ kontinenti;

żvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv fl-Afrika, bl-għan li jinħolqu l-impjiegi li għandu bżonn il-kontinent u li jinħatfu l-possibbiltajiet li tali żvilupp joffri lill-Ewropa.

3.4.

Il-KESE jaqbel li huwa possibbli li jiġi implimentat b’suċċess programm komuni ambizzjuż:

bit-tisħiħ tal-koalizzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ governanza globali, permezz ta’ djalogu intensiv u kooperazzjoni effettiva ma’ sħab strateġiċi u alleati ewlenin, bil-promozzjoni u l-appoġġ tal-istat tad-dritt u tal-ġustizzja;

bit-tisħiħ tal-kooperazzjoni f’oqsma ta’ interess komuni u fuq il-bażi ta’ interazzjonijiet politiċi intensivi, fil-livell multilaterali, kontinentali, reġjonali, nazzjonali u lokali, waqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

bit-tiswir ta’ sħubija ffukata fuq l-individwi, l-awtoritajiet politiċi, l-awtoritajiet lokali, is-sħubijiet soċjali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili kollha.

3.5.

Il-KESE huwa konvint li l-istrateġija konġunta bejn l-Afrika u l-UE għandha tkun ibbażata fuq politika ta’ żvilupp sostenibbli fit-tul li jkollha bħala bażi r-realtajiet lokali Afrikani, peress li huwa fuq din il-kundizzjoni li l-assistenza tkun effettiva sabiex tiġġieled b’mod ġust il-faqar, tiżgura tkabbir li jkun b’saħħtu fuq livell ekonomiku, ambjentali, fid-dawl tat-tibdil devastanti fil-klima, u soċjali, li jkollha bħala bażi x-xogħol deċenti, b’impjiegi fuq medda twila ta’ żmien, u li tkun ikkaratterizzata mill-produttività, il-libertà, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-etika u d-dinjità. Iż-żieda fil-produzzjoni lokali, garanzija tas-sigurtà alimentari, dħul deċenti għall-bdiewa ż-żgħar u l-SMEs, il-ħolqien ta’ suq intern, bis-saħħa tad-drittijiet għall-proprjetà u għat-tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi u fil-korruzzjoni, huma kollha fatturi li jistgħu jgħinu biex tingħeleb il-miżerja. Għaldaqstant, l-agrikoltura u s-sikurezza tal-ikel għandhom jibbenefikaw, fi ħdan il-qafas tal-politiki komuni, minn attenzjoni sħiħa. Jeħtieġ li jiġu appoġġjati mudelli agrikoli sostenibbli u orjentati lejn il-bdiewa ż-żgħar li joffru opportunitajiet konkreti għat-tkabbir permezz tal-iżvilupp ta’ setturi speċjalizzati. Huwa d-dmir tal-UE u tal-UA li jiġu identifikati u promossi mudelli u politiki li rnexxew fil-qasam tal-agrikoltura fost il-komunitajiet żvantaġġati, jew fi ħdan l-istess pajjiż fi Stati Afrikani li qegħdin jiżviluppaw.

3.6.

Il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, kif ukoll l-aċċess għall-ilma għal kulħadd huma fatturi determinanti f’dak li jirrigwarda s-sikurezza alimentari, il-migrazzjoni u l-preżenza tar-refuġjati. L-Afrika huwa l-kontinent l-aktar affettwat mit-tibdil fil-klima. Jeħtieġ li l-UE u l-UA, kif ukoll l-Istati Membri, l-atturi ekonomiċi u l-investituri, jassumu r-responsabbiltà tagħhom (fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima) u li jkollhom qafas finanzjarju flessibbli u effettiv għal approċċ ġdid ekoloġiku.

3.7.

L-eżistenza ta’ kummerċ ħieles li jirrispetta l-istandards ambjentali u soċjali hija speċifika biex tistimula t-tkabbir ekonomiku u l-progress soċjali u politiku, bl-effett konkret li jkollha rwol katalitiku fil-ġlieda kontra l-faqar, bis-saħħa ta’ żvilupp sostenibbli mifrux. Teħtieġ asimmetrija favur is-swieq Afrikani għal integrazzjoni reġjonali, għal qafas affidabbli ta’ kummerċ u investiment. Il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) huma għodda għall-kummerċ u għall-integrazzjoni reġjonali sakemm ikunu favur l-iżvilupp, billi japplikaw derogi sabiex l-industriji lokali fi tranżizzjoni jadattaw għall-kundizzjonijiet ġodda tas-suq. Ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Afrika għandhom ikunu bbażati fuq il-kummerċ ġust u fuq approċċ divrenzjat, diversifikat, li jwassal għal integrazzjoni Afrikana li twassal għall-ħolqien ta’ prodotti u servizzi meħtieġa u kompetittivi.

3.8.

Fattur determinanti fl-iżvilupp ekonomiku u l-eliminazzjoni tal-faqar huwa s-sħubija fl-enerġija bejn l-UE u l-Afrika, li tista’ toħloq proġetti li jistgħu jipprovdu enerġija minn sorsi rinnovabbli, bi prezz li faċilment jintlaħaq u b’mod effiċjenti. F’dan il-każ, il-klima u l-kundizzjonijiet ġeografiċi tal-kontinent Afrikan jistgħu jkunu vantaġġ, b’mod partikolari fir-rigward tal-enerġija tax-xemx. L-aċċess għall-enerġija jista’ jistimula l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Afrika.

3.9.

Il-KESE jqis li impenn għall-edukazzjoni u għas-saħħa għal kulħadd jista’ jkun għodda effettiva u konkreta f’approċċ ta’ żvilupp għall-foqra. L-istrateġija għandha tgħin biex tiġi integrata dimensjoni fundamentali ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, kif ukoll il-popolazzjonijiet vulnerabbli u r-refuġjati li jitfaċċaw wara kriżijiet umanitarji. L-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-ġlieda kontra l-mediċini foloz huma komponenti essenzjali fil-ġlieda kontra l-pjaga dejjem tikber tal-mard fatali. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu adottati miżuri adegwati f’dan ir-rigward fil-livell legali u kriminali.

3.10.

Il-KESE jirrakkomanda li jsiru analiżijiet f’intervalli regolari dwar ir-raġunijiet ewlenin għall-migrazzjoni, kif ukoll dwar il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-migranti u tal-integrazzjoni tagħhom, fosthom il-problema tal-eżodu ta’ mħuħ. Jeħtieġu soluzzjonijiet prattiċi biex tinħoloq migrazzjoni ċirkolari effiċjenti. Mhumiex l-ostakoli li jistgħu jsolvu l-problema, meta d-djalogu bbażat fuq l-identità nazzjonali u reġjonali, fuq is-solidarjetà u l-kultura jista’ jqiegħed is-sisien għal programm ta’ żvilupp sostenibbli għal kulħadd, sakemm ikunu disponibbli wkoll riżorsi materjali adegwati.

3.11.

Il-KESE jemmen li d-dejn huwa piż li jeqred l-isforzi kollha biex jinkiseb żvilupp sostenibbli għal kulħadd. Il-ġestjoni tiegħu, li għandha titqies każ b’każ, għandha tkun soġġetta għat-tisħiħ tal-politiki ekonomiċi u soċjali u għal governanza li ssir aktar effiċjenti. Il-ġestjoni tad-dejn u t-trasferiment tiegħu lil kredituri oħrajn għandha tkun fattur essenzjali għall-appoġġ baġitarju, li bbażat fuq indikaturi tal-prestazzjoni għandu jkun kapaċi joffri servizzi soċjali bażiċi, billi jikkonsolida l-istruttura tal-pajjiżi Afrikani. Jeħtieġ li ssir superviżjoni trasparenti f’dan il-qasam, li fiha jkunu involuti l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jikkunsidra li l-Aġenda 2063, għal Afrika paċifika, sigura u prospera, fejn jiddominaw il-governanza tajba, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja u l-Istat tad-dritt, li l-iżvilupp tagħha jistrieħ fuq il-popolazzjonijiet, li tisfrutta l-potenzjal taż-żgħażagħ, b’mod partikolari tat-tfajliet u li fiha ħadd ma jitwarrab, hija programm li jista’ jibdel il-kontinent u hija organizzata biex tirriformah u għandha tkun iċċentrata madwar żewġ assi ewlenin:

il-ħolqien ta’ stati u ta’ soċjetajiet aktar reżiljenti:

prevenzjoni ta’ kunflitti, ġestjoni tal-kriżijiet u konsolidazzjoni tal-paċi;

tisħiħ tas-sistemi ta’ governanza;

ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-mobilità;

il-ħolqien ta’ aktar impjiegi, u ta’ impjiegi ta’ kwalità aħjar, b’mod speċjali għaż-żgħażagħ:

attrazzjoni ta’ investimenti responsabbli u sostenibbli;

garanzija ta’ servizzi tal-enerġija fl-Afrika;

tibdil tal-agrikoltura u tas-settur agroalimentari, u tal-ekonomija blu, inkluż is-sajd, tal-Afrika;

promozzjoni tal-ħidma tal-imsieħba soċjali;

żvilupp tal-għarfien u tal-kompetenzi.

4.2.

Raġunijiet għall-ħolqien ta’ stati u soċjetajiet aktar reżistenti għall-impatti jinsabu fl-aspirazzjonijiet leġittimi, il-valuri u l-għanijiet tal-UA, il-fraġilità attwali tal-fruntieri tagħha u t-theddid għall-interessi vitali tagħha. It-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, il-kriminalità, l-estremiżmu vjolenti jirrappreżentaw theddid li jxekkel l-istabbiltà u l-paċi u huma sintomi ta’ nuqqas ta’ stabbiltà strutturali profonda, fejn ikun il-każ.

4.3.

F’din il-linja, l-UE għandha tiddefinixxi l-inizjattivi ewlenin li ġejjin:

tinħoloq pjattaforma kollaborattiva li tlaqqa’ flimkien l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, l-imsieħba Ewropej, l-imsieħba Afrikani u sħab internazzjonali oħra;

il-ħlas ta’ kontribuzzjoni inizjali għall-fond għall-paċi tal-UA;

l-appoġġ lill-inizjattivi Afrikani fil-qasam tas-sigurtà marittima.

4.4.

Huwa magħruf sew li l-governanza tajba, is-sigurtà u l-iżvilupp huma l-pilastri ta’ soċjetà soda, moderna, reżistenti għall-impatti, li għandha istituzzjonijiet demokratiċi, effettivi, trasparenti u responsabbli. Dawn il-komunitajiet stabbli, li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jiffurmaw nuklei ta’ żvilupp sostenibbli, joperaw f’qafas makroekonomiku prevedibbli u kostanti, u huma kapaċi joffru servizzi liċ-ċittadini tagħhom. F’dan il-qasam, l-UE tista’ tagħti kontribut għall-iżvilupp tal-Afrika kemm permezz tal-għarfien espert li din tista’ toffri permezz ta’ xi Stati Membri tagħha fir-rigward tal-politiki ta’ transizzjoni lejn soċjetà demokratika u ekonomija tas-suq li tiffunzjona u l-politika ta’ koeżjoni soċjali u territorjali, kif ukoll permezz tal-mudell ta’ kooperazzjoni transnazzjonali tagħha, permezz ta’ istituzzjonijiet komuni.

4.5.

F’din il-linja, l-UE għandha tiddefinixxi l-inizjattivi ewlenin li ġejjin:

l-organizzazzjoni ta’ konferenza konġunta ta’ livell għoli bejn l-UA u l-UE fuq il-proċessi elettorali, id-demokrazija u l-governanza fl-Afrika u fl-Ewropa;

l-irduppjar tal-għajnuna għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali sal-2020, skont l-Inizjattiva Fiskali;

it-teħid ta’ azzjoni konġunta biex tissaħħaħ il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, l-aktar permezz tat-tfassil ta’ karta konġunta bejn l-UE u l-Afrika.

4.6.

Fost l-akbar problemi li jaffettwaw l-ekonomija, is-soċjetà u s-sigurtà, wieħed jista’ jgħid li l-migrazzjoni u l-mobilità jistgħu kemm isaħħu u jarrikkixxu s-soċjetajiet u kemm joħolqu destabilizzazzjoni kbira, jekk ma jkunux ikkontrollati b’mod adegwat u effettiv. Wieħed jinnota li llum il-flussi ta’ din il-migrazzjoni u ta’ din il-mobilità qegħdin jilħqu livelli rekord ta’ periklu fir-rigward tal-integrità fiżika tal-migranti. F’dan ir-rigward, teżisti responsabbiltà komuni u soluzzjonijiet globali li huma bbażati fuq responsabbiltajiet kondiviżi u solidarjetà li tirriżulta minn qafas politiku li għandu valur determinanti għaċ-ċirkolazzjoni estiża tar-refuġjati u tal-migranti.

4.7.

F’din il-linja, l-UE għandha tiddefinixxi l-inizjattivi ewlenin li ġejjin:

l-appoġġ tal-inizjattivi Afrikani dwar il-migrazzjoni u l-mobilità regolari fl-Afrika, mill-perspettiva tal-libertà tal-moviment, tal-iskemi ta’ protezzjoni soċjali, tat-trasferibilità tad-drittijiet relatati u tar-rikonoxximent tal-kwalifiki;

iż-żieda tal-kooperazzjoni bejn l-Afrika u l-UE fil-ġlieda kontra n-netwerks tal-kuntrabandisti u tat-traffikanti.

4.8.

Bidla radikali hija meħtieġa, sabiex jinħoloq kontinent prosperu, li jkollu l-mezzi u r-riżorsi meħtieġa biex jikkoordina l-iżvilupp tiegħu stess u fejn l-ekonomiji joħolqu tibdil strutturali permezz tal-industrijalizzazzjoni, l-attività tal-ipproċessar u l-valur miżjud, b’mod li jiġi ġġenerat tkabbir kondiviż permezz tal-iżvilupp tas-settur privat, l-intraprenditorija u l-ħolqien ta’ impjiegi deċenti għal kulħadd.

4.9.

Il-KESE jemmen li t-trasformazzjoni soċjoekonomika għandha tkun kompatibbli mal-opportunitajiet u l-isfidi li jirriżultaw minn tibdil kbir fil-klima u mill-kunċett ta’ sostenibbiltà ambjentali. Jeħtieġ li jinħolqu swieq reġjonali, klima ta’ investiment favorevoli, li jiġġeneraw valur adegwat u produttiv bis-saħħa ta’ kummerċ ħieles stabbli u prevedibbli offrut mill-Ftehimiet ta’ Sħubija FSE.

4.10.

Il-KESE jenfasizza li, sabiex tinkiseb l-integrazzjoni ekonomika tal-Afrika fuq livell reġjonali u kontinentali, jeħtieġ li jkunu assigurati governanza tajba tal-kumpaniji u standards ambjentali u soċjali. Jeħtieġ li l-possibbiltajiet kollha mixtieqa jiġu sfruttati biex tiġi stabbilita l-ekonomija ekoloġika, blu u ċirkolari, abbażi tar-responsabbiltà soċjali tal-impriżi, tal-intraprenditorija soċjali u tal-imġiba etika, sabiex tinħoloq żona kontinentali ta’ kummerċ ħieles.

4.11.

Il-komunità kummerċjali għandha rwol fundamentali fl-iżvilupp tas-soċjetà, minn naħa waħda bħala investitur ewlieni, sors ta’ innovazzjoni, dik li toħloq ħiliet u impjiegi, appoġġ għat-tkabbir ekonomiku, sors ta’ dħul (dirett u indirett) li jiġġenera dħul governattiv biex jitwettqu l-investimenti meħtieġa fil-qasam tal-benessri kif ukoll f’segmenti tal-infrastruttura ewlenija, bħalma huma l-iskejjel jew l-isptarijiet, u min-naħa l-oħra bħala mezz ta’ integrazzjoni, kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-migranti, li joffri lin-nies opportunità sabiex jiffjorixxu u jkollhom dħul stabbli.

4.12.

F’din il-linja, l-UE għandha tiddefinixxi l-inizjattivi ewlenin li ġejjin:

jingħata bidu għal investimenti kbar tal-UE fl-Afrika, permezz tal-Pjan Ewropew għall-Investiment Esteru jew il-Patt tal-Afrika;

promozzjoni ta’ klima aktar prevedibbli u aktar favorevoli għall-investiment fl-Afrika;

appoġġ għall-istrateġija diġitali tal-Afrika.

4.13.

Il-KESE jqis li aċċess universali għal enerġiji sostenibbli u rinnovabbli, ibbażat fuq tariffi raġonevoli, joffri prospetti biex jinħolqu impjiegi ġodda diċenti u għal żvilupp konkret li jieħu inkunsiderazzjoni t-tibdil fil-klima. L-UE u l-Afrika jistgħu jsaħħu l-kooperazzjoni għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, ibbażata fuq sett ta’ valuri komuni. L-Unjoni Ewropea għandha rwol ewlieni fil-livell dinji fil-promozzjoni ta’ dawn l-enerġiji nodfa. Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-Afrika għall-produzzjoni u l-użu effiċjenti tal-enerġija elettrika, ibbażati fuq regolamenti adegwati, jeħtieġ li jsiru investimenti qawwija biex tintlaħaq id-domanda, għalkemm hemm ukoll il-possibbiltà ta’ interkonnessjoni man-netwerks ta’ tranżitu Ewropej. It-tibdil fil-klima jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ elettrifikazzjoni minn sorsi rinnovabbli.

4.14.

F’din il-linja, l-UE għandha tiddefinixxi l-inizjattivi ewlenin li ġejjin:

għoti ta’ kontribuzzjoni tal-UE għall-Inizjattiva tal-Afrika għal Enerġija Rinnovabbli (IAER) u l-kisba ta’ kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli ta’ 5 GW sal-2020 filwaqt li tingħata possibbiltà lil 30 miljun Afrikan għal enerġija sostenibbli u jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 bi 11-il miljun tunnellata fis-sena;

tnedija ta’ inizjattiva ġdida li tiffaċilita l-kooperazzjoni pubblika-privata bejn l-UE u l-Afrika bl-għan li jiżdiedu l-investimenti fis-settur tal-enerġija sostenibbli fl-Afrika permezz ta’ pjattaforma ta’ livell għoli;

tnedija ta’ sħubija ġdida bejn l-UE u l-Afrika fil-qasam tar-riċerka u tal-innovazzjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija sostenibbli.

4.15.

Il-KESE jenfasizza li l-biedja, it-trobbija tal-annimali, l-akkwakultura u s-sajd huma sors importanti ta’ dħul, li jipprovdi mezzi ta’ għajxien vitali għall-Afrika. Jidher li l-ġestjoni mhux sostenibbli tar-riżorsi, il-problemi marbuta mad-drittijiet tal-artijiet, in-nuqqas ta’ sigurtà fuq il-baħar u, mhux anqas importanti, in-nuqqas ta’ kapital u ta’ aċċess għall-finanzjamenti joħolqu ostakoli kbar għall-iżvilupp tas-settur. Il-produzzjoni tal-ikel, li għandha potenzjal kbir ta’ żvilupp, tista’ tiżgura l-ħolqien ta’ impjiegi u l-emanċipazzjoni, waqt li tiżgura s-sigurtà tal-ikel.

4.16.

L-Afrika tista’ tiġġenera valur miżjud għar-riżorsi naturali tagħha, filwaqt li ssegwi politika ta’ industrijalizzazzjoni li tiffoka fuq il-ħolqien ta’ impriżi żgħar u medji u ta’ mikrointrapriżi tal-manifattura. Il-KESE jenfasizza r-rwol importanti li għandhom il-ktajjen ta’ valur responsabbli, li jiġġeneraw l-iżvilupp rurali, li jiżguraw il-ġestjoni politika sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u tal-ħamrija. Jeħtieġ li jiġu konklużi ftehimiet ta’ sħubija politika, kif ukoll li jiġu sfruttati l-prospetti tas-suq għall-prodotti tal-ikel Afrikani.

4.17.

F’din il-linja, l-UE għandha tiddefinixxi l-inizjattivi ewlenin li ġejjin:

inkoraġġiment tal-iżvilupp tal-katina tal-valur, bl-iffaċilitar ta’ investimenti responsabbli f’settur agroalimentali sostenibbi u f’ekonomija blu sostenibbli;

attrazzjoni ta’ investimenti kemm mill-Afrika kif ukoll mill-UE li jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp;

estensjoni, diment li tkun xierqa, tan-netwerk ta’ ftehimiet ta’ sħubija konklużi fil-qasam tas-sajd sostenibbli bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani.

4.18.

Fil-fehma tal-KESE, kundizzjoni essenzjali biex jiġi żgurat żvilupp sostenibbli li jkun irriversibbli hija aċċess għall-edukazzjoni mingħajr restrizzjoni u jew diskriminazzjoni. Jeħtieġ li fl-Afrika, is-sistemi edukattivi u l-iskemi ta’ edukazzjoni teknika u vokazzjonali ikunu ferm korrelatati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b’rabta mal-iżvilupp demografiku, ekonomiku u soċjali. L-iskemi għandhom ikunu innovattivi, iffukati fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħolqien ta’ servizzi u ta’ impriżi, sabiex jinstabu r-riżorsi mixtieqa biex l-ekonomija informali tinbidel f’waħda formali. L-Afrika għandha tħeġġeġ b’mod attiv ix-xjenzi, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

4.19.

Il-KESE jemmen li għandha ssir sħubija li tippromovi l-opportunitajiet indaqs, it-tnaqqis tal-inguwaljanzi u l-iżvilupp tal-ħiliet ta’ integrazzjoni soċjali. Il-koeżjoni, l-ekwità, id-diversità u l-inklużjoni huma elementi essenzjali biex tirnexxi l-promozzjoni tal-għarfien u l-ħiliet lejn kultura ġdida Afrikana.

4.20.

F’din il-linja, l-UE għandha tiddefinixxi l-inizjattivi ewlenin li ġejjin:

tnedija ta’ faċilità għaż-żgħażagħ Afrikani, bl-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-programm Erasmus+;

appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni bejn l-universitajiet Ewropej u dawk Afrikani, u żvilupp ta’ programmi konġunti ta’ studju;

ħolqien ta’ faċilità Ewropea għall-edukazzjoni vokazzjonali u teknika.

4.21.

Il-programm Erasmus+ jappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika fil-qasam tal-edukazzjoni għolja. Il-proġetti li jinvolvu msieħba minn kull reġjun jikkontribwixxu, inter alia, biex itejbu l-prospetti tax-xogħol tal-istudenti, biex isaħħu l-kooperazzjoni akkademika u jinħolqu netwerks bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja. Il-kooperazzjoni mal-Afrika fil-qasam tal-edukazzjoni għolja hija konsistenti mal-objettivi tal-politika esterna tal-UE, b’mod partikolari fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

Brussell, il-15 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


6.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 237/74


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej”

(COM(2017) 0482 final — 2017/0220 (COD))

(2018/C 237/12)

Relatur:

Kinga JOÓ

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 13.9.2017 — Parlament Ewropew, 2.10.2017 — Kunsill, 11.10.2017

Bażi legali

L-Artikolu 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sottokumitat kompetenti

Sottokumitat SC/049 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Adottata fis-Sottokumitat

7.2.2018

Adottata fil-plenarja

14.3.2018

Sessjoni plenarja Nru

533

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

201/0/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Sitt snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 (1) dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jixtieq jenfasizza r-rwol ċentrali taċ-ċittadini tal-UE fil-proġett Ewropew u li l-mekkaniżmu tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) jista’ jgħin biex jiġi eliminat id-defiċit demokratiku billi jippromovi ċ-ċittadinanza attiva u d-demokrazija parteċipattiva.

1.2.

L-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE tal-2016 (2) enfasizzat il-problemi tekniċi, legali u burokratiċi sinifikanti fit-tfassil tal-ECI, flimkien ma’ eċċess ċar ta’ setgħat allokati lill-Kummissjoni. Dan illimita l-ambitu tad-dibattitu pubbliku li l-ECI setgħet tiġġenera u wassal għal segwitu legali limitat għal inizjattivi ta’ suċċess.

1.3.

Il-KESE jqis li r-reviżjoni attwali tar-Regolament 211/2011 tal-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej hija pass importanti biex l-ECI tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha, b’mod konformi mal-opinjonijiet diġà espressi mill-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Ombudsman Ewropew.

1.4.

Il-KESE jilqa’ t-titjib li ġej li jinsab fil-proposta l-ġdida mill-Kummissjoni Ewropea għal Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, jiġifieri li f’dan is-sens:

1.4.1.

il-grupp ta’ organizzaturi jitħallew jibdew jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ fid-data tal-għażla tagħhom;

1.4.2.

jingħata rikonoxximent legali lill-kumitati taċ-ċittadini sabiex tiġi llimitata r-responsabilità penali tal-organizzaturi għal frodi u negliġenza serja;

1.4.3.

tiġi stabbilita pjattaforma kollaborattiva onlajn fejn iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni u l-pariri dwar l-ECI, bil-kundizzjoni li dan ikun jappoġġja lill-organizzaturi tal-ECI permezz tal-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-inizjattivi u ġbir tal-appoġġ; Il-KESE jixtieq ikun involut fil-pjattaforma kollaborattiva onlajn u jiġi infurmat dwar l-iżviluppi tagħha. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-utenti tal-pjattaforma jkunu infurmati biżżejjed dwar is-servizzi relatati mal-ECI li joffri l-KESE lill-organizzaturi tal-ECIs;

1.4.4.

il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa għas-servizz tat-traduzzjoni offrut sa mill-2015 mill-KESE lill-organizzaturi kollha tal-ECI, u li l-Kummissjoni tipprovdi t-traduzzjoni tal-kontenut tal-ECI fil-lingwi uffiċjali tal-UE mar-reġistrazzjoni ta’ ECI;

1.4.5.

l-Istati Membri jintalbu jissemplifikaw, iċekknu u jarmonizzaw is-sistema tal-istandards nazzjonali stabbiliti għall-ġbir u l-verifika tad-data u li d-dritt tal-appoġġ għal ECI jkun ibbażat fuq in-nazzjonalità, li għandhom jiżguraw li l-ebda ċittadin tal-UE ma jiġi eskluż mill-ECI;

1.4.6.

kull Stat Membru jippromovi b’mod attiv l-ECI, u jistabbilixxi punti ta’ kuntatt li jipprovdu informazzjoni u assistenza lill-organizzaturi tal-ECI dwar kwistjonijiet tekniċi u ta’ kampanja relatati tal-ECI;

1.4.7.

is-sistema tal-ġbir ta’ firem onlajn (OCS) mingħajr ħlas (3) tiġi offruta mill-Kummissjoni Ewropea fuq bażi permanenti sabiex tissemplifika l-ġbir u l-ġbir f’katalogi tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ kif ukoll il-verifika ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-Kumitat jilqa’ wkoll il-fatt li din l-għodda se tkun disponibbli għall-persuni b’diżabilità;

1.4.8.

il-Kummissjoni tkun impenjata biex tqajjem kuxjenza pubblika dwar l-eżistenza tal-ECI.

1.5.

Il-KESE jippreżenta dawn il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin, fir-rigward tal-proposta l-ġdida:

1.5.1.

Ir-rwoli ta’ mentor istituzzjonali u ta’ persuna li tieħu d-deċiżjonijiet fir-reġistrazzjoni, li t-tnejn li huma fil-preżent jitwettqu mill-Kummissjoni, għandhom ikunu sseparati. Il-KESE jtenni li huwa lest li jkompli jappoġġja l-inizjattivi u li jkun kandidat naturali biex jaqdi r-rwol ta’ faċilitatur u ta’ mentor istituzzjonali.

1.5.2.

Fuq l-eżempju tal-KESE li jistieden l-organizzaturi tal-ECI għal diversi dibattiti fil-grupp tal-ECI, fis-sezzjonijiet u fis-sessjonijiet plenarji tiegħu (4), l-organizzaturi tal-ECI għandu jkollhom aktar opportunitajiet ta’ djalogu matul u wara l-kampanja tagħhom, u d-djalogu ma’ ECIs li jirnexxu m’għandux neċessarjament jintemm bir-rispons formali tal-Kummissjoni.

1.5.3.

Il-KESE jqis li huwa importanti wkoll li abbażi tal-konferenza annwali tiegħu, jinħoloq Jum l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, bħala post għal djalogu, biex issir enfasi akbar fuq l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-organizzaturi u biex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ netwerking għall-organizzaturi fil-perjodu attwali u li jirnexxu.

1.5.4.

L-inizjattivi ta’ suċċess għandu jkollhom segwitu xieraq. B’kont meħud ta’ dan il-għan, il-KESE jittama li jara l-istituzzjonijiet kollha tal-UE involuti ndaqs fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-organizzaturi biex jippreżentaw u jiddibattu l-inizjattivi tagħhom, f’konformità mal-eżempju tal-KESE li jistieden lill-organizzaturi tal-ECIs għal diversi dibattiti. Il-KESE jqis li huwa partikolarment importanti li l-inizjattivi ta’ suċċess li jiġu diskussi fis-sessjonijiet plenarji tal-Parlament Ewropew biex tiżdied id-dimensjoni politika tad-dibattitu Ewropew dwar kwistjonijiet relatati mal-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej.

1.5.5.

Fid-dawl tar-rakkomandazzjoni tiegħu biex jiġi garantit tqassim bbilanċjat tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-ECI (5), il-KESE jappoġġja l-pożizzjoni espressa mis-soċjetà ċivili (6) li l-Parlament Ewropew għandu jkompli jkun l-uniku organizzatur tas-smigħ pubbliku għal inizjattivi ta’ suċċess, u l-Kummissjoni tkun rappreżentata fil-livell xieraq. Is-seduti ta’ smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew jikkostitwixxu avveniment kruċjali għal organizzaturi ta’ ECIs li jirnexxu sabiex jesprimu l-għanijiet tagħhom, u biex jimpenjaw ruħhom mal-Membri Parlamentari Ewropej, li huma r-rappreżentanti tal-korp usa’ taċ-ċittadini tal-UE.

1.5.6.

Il-Kummissjoni għandha tagħti raġunijiet dettaljati u ċari għad-deċiżjonijiet kollha tagħha biex tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva, kemm jekk ikun rifjut parzjali kif ukoll jekk totali.

1.5.7.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li tippermetti r-reġistrazzjoni ta’ parti minn proposta ta’ ECI. Madankollu, għandha tinżamm deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni unika.

1.5.8.

Minħabba l-importanza tal-ECI għad-demokrazija tal-UE, l-introduzzjoni reċenti tagħha, u meta jitqies li ż-żmien li se jkun meħtieġ biex jiġi implimentat it-tibdil li jirriżulta mir-reviżjoni leġiżlattiva attwali ser ikun sinifikanti, il-perjodu ta’ żmien għar-reviżjoni tal-ECI għandu jibqa’ ta’ tliet snin.

1.5.9.

Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent mill-Kummissjoni Ewropea tal-valur u l-ħtieġa kontinwa tas-servizz tat-traduzzjoni pprovdut mill-KESE sa mill-2015. Il-provvista futura tal-Kummissjoni tas-servizzi tat-traduzzjoni għandha tinkludi wkoll it-traduzzjoni tal-annessi għal proposta ECI. Dan huwa importanti sabiex jiġi ffaċilitat fehim pubbliku aktar sħiħ tal-proposti tal-inizjattiva (7).

1.5.10.

Il-KESE jirrikonoxxi l-valur ta’, u l-ħtieġa għal aktar dibattitu biex jiġi deċiż jekk għandhiex titbaxxa l-età minima għall-appoġġ ta’ ECI.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej hija strument innovattiv introdott mit-Trattat ta’ Lisbona, u parti importanti tal-iżvilupp preżenti u futur ta’ demokrazija parteċipattiva transnazzjonali fl-UE (8). L-ECI hija dritt li jirriżulta mid-dritt taċ-ċittadini li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. L-ECI għandha tiffaċilita l-involviment attiv ta’ kull ċittadin fit-tfassil tal-aġenda u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, billi tiżviluppa dibattitu pubbliku madwar l-UE, u billi tagħti l-possibbiltà liċ-ċittadini jitolbu direttament lill-Kummissjoni biex tipproponi att legali tal-Unjoni.

2.2.

Ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw l-ECI huma stipulati f’Regolament tal-UE adottat fis-16 ta’ Frar 2011 u ilhom fis-seħħ mill-1 ta’ April 2012 (9). Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet Regolament ġdid fit-13 ta’ Settembru 2017 bħala parti mill-pakkett li jakkumpanja l-Istat tal-Unjoni.

2.3.

Skont ir-Regolament attwali, ECI tista’ tiġi organizzata jew iffirmata miċ-ċittadini tal-UE kollha li jkunu laħqu l-età legali biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew (10). L-inizjattivi jiġu stabbiliti minn kumitat taċ-ċittadini. L-organizzazzjonijiet jistgħu jippromovu jew jappoġġjaw dawn l-inizjattivi, sakemm jagħmlu dan b’trasparenza sħiħa.

2.4.

Il-proċedura tal-ECI tinvolvi tliet fażijiet:

2.4.1.

Il-fażi inizjali tinvolvi l-istabbiliment ta’ kumitat taċ-ċittadini (11), ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva (12) soġġetta għal valutazzjoni ta’ eliġibbiltà mill-Kummissjoni (13) u ċ-ċertifikazzjoni tas-sistema tal-ġbir ta’ firem onlajn (14).

2.4.2.

Fil-fażi ta’ ġbir, iridu jinġabru minimu ta’ miljun “dikjarazzjoni ta’ appoġġ” (firem) fuq perjodu massimu ta’ tnax-il xahar u tal-anqas minn seba’ pajjiżi tal-UE (15). Il-firem jiġu ċċertifikati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (16) u ECI li tirnexxi tiġi mbagħad ippreżentata lill-Kummissjoni.

2.4.3.

Wara l-preżentazzjoni, l-inizjattiva ta’ suċċess tiġi eżaminata mill-Kummissjoni, qabel il-laqgħa mal-organizzaturi. Ikun hemm smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew. Il-Kummissjoni jkollha tliet xhur li fihom tiddeċiedi sa liema punt se tadotta l-proposta leġiżlattiva fl-inizjattiva, jekk tadottaha, u twieġeb permezz ta’ komunikazzjoni.

2.5.

Sa issa, aktar minn 8 miljun ċittadin tal-UE ffirmaw ECI. Għalkemm ġew ippreżentati 69 inizjattiva, 48 biss ġew irreġistrati mill-Kummissjoni, li minnhom erbgħa ġabru tal-anqas miljun firma (17). Kien hemm xi reazzjonijiet limitati għall-inizjattivi ta’ suċċess; inizjattiva ta’ suċċess waħda biss wasslet għal impenn mill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta leġiżlattiva ġdida (18).

2.6.

Issa huwa aċċettat b’mod wiesa’ mill-istituzzjonijiet tal-UE, l-organizzaturi u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata li, minkejja xi tibdil tekniku pożittiv, l-istrument tal-ECI għadu “l bogħod milli jilħaq il-potenzjal demokratiku sħiħ tiegħu. F” Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej 2017 (19) il-Kummissjoni ħabbret li kienet se twettaq reviżjoni leġiżlattiva sħiħa. Din hija opportunità importanti biex jissaħħaħ id-dibattitu pubbliku tal-UE, u l-kapaċità tal-pubbliku fit-tfassil tal-aġenda u fit-teħid tad-deċiżjonijiet biex jinfluwenza l-politika tal-UE permezz tal-ECI. Barra minn hekk, hemm qbil ġenerali li l-ECI għandha l-potenzjal li tlaqqa’ liċ-ċittadini tal-UE flimkien għall-kawżi li jgħaqqduhom, u biex jissaħħaħ is-sens ta’ identità Ewropea.

2.7.

L-organizzaturi tal-ECI enfasizzaw li hemm ukoll il-valur fil-proċess tal-ECI innifsu f’termini tal-iżvilupp ta’ netwerks għal kawżi komuni, li jikkomplementa l-għan li jinġabru miljun firma.

3.   Ir-rispons istituzzjonali għall-ECI

3.1.

Il-KESE saħħaħ il-profil tal-ECI f’Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej (20) annwali tiegħu u stabbilixxa helpdesk għall-ECI (21) li pprovda lill-organizzaturi tal-inizjattivi, fost l-oħrajn, bi traduzzjonijiet ta’ deskrizzjonijiet tal-ECI (fi żmien 3 ijiem ta’ xogħol mit-talba), pubblikazzjonijiet stampati u onlajn dwar l-ECI u diversi opportunitajiet għall-preżentazzjoni tal-ECIs f’laqgħat tal-Grupp ad hoc dwar l-ECI tal-KESE, fis-sezzjonijiet u fis-sessjonijiet plenarji (22).

3.2.

Il-KESE adotta l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu fit-13 ta’ Lulju 2016 (23) li fiha rrakkomanda li jagħmel l-ECI aktar effiċjenti, viżibbli u faċli għaċ-ċittadin.

3.3.

Il-konklużjonijiet tal-istudju tal-Parlament Ewropew (24) ġew inklużi f’Ottubru 2015 f’Riżoluzzjoni (25) li fiha l-Parlament formalment talab reviżjoni tar-Regolament dwar l-ECI u għamel rakkomandazzjonijiet b’saħħithom lill-Kummissjoni dwar it-tibdil. Il-Parlament Ewropew ħareġ ukoll abbozz ta’ rapport fuq inizjattiva proprja fl-2017 (26) li jipproponi tibdil fir-Regolament dwar l-ECI.

3.4.

F’Marzu 2015, wara inkjesta fuq inizjattiva proprja, l-Ombudsman Ewropew fasslet 11-il linja gwida għal aktar titjib fl-ECI (27) u f’Lulju 2017 hija bagħtet ittra miftuħa lill-Kummissjoni li tirrinforza dan (28).

3.5.

F’Ottubru 2015 il-Kumitat tar-Reġjuni adotta Opinjoni favur ir-reviżjoni rapida u sostanzjali tar-Regolament (29), u ser jivvota dwar Opinjoni oħra fis-sessjoni plenarja tiegħu f’Marzu 2018.

3.6.

Il-Kummissjoni ppubblikat rapport ta’ progress f’April 2015, u rispons għall-proposti tal-Parlament Ewropew fi Frar 2016, li rrikonoxxew id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini li jorganizzaw u jappoġġjaw l-ECIs.

3.7.

L-organizzaturi tal-ECI kkontestaw numru ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-ECIs fil-Qorti tal-Ġustizzja (30) u permezz ta’ lmenti lill-Ombudsman Ewropew (31). Id-deċiżjonijiet f’dawn il-każijiet żiedu mal-pressjoni biex jinbidel ir-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, speċjalment b’rabta mar-reġistrazzjoni parzjali ta’ ECI u d-dmir tal-Kummissjoni li tispjega d-deċiżjoni tagħha.

4.   Ir-rwol tal-KESE u l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej

4.1.

Il-KESE, bħala l-pont bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u s-soċjetà ċivili organizzata, kien involut mill-bidu fid-dibattitu dwar l-ECI. Dan jintwera mill-Opinjonijiet adottati sal-lum (32), mill-appoġġ ipprovdut għall-ECI, u mill-istabbiliment ta’ grupp ad hoc għall-monitoraġġ tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni (33).

4.2.

Il-KESE se jkompli jkun involut b’mod attiv fl-impenn multiistituzzjonali fil-proċess tal-ECI, bi rwol doppju ta’ faċilitatur u mentor istituzzjonali. Fost l-inizjattivi u l-kompetenzi tal-KESE nsibu dawn li ġejjin:

4.2.1.

il-“Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej”, organizzat mill-KESE kull sena biex jgħolli l-profil tal-ECI, kellu rwol importanti fiż-żamma tal-ECI fuq quddiem tal-aġenda istituzzjonali tal-UE. Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej diġà huwa opportunità importanti għad-djalogu bejn l-organizzaturi tal-ECI, l-istituzzjonijiet tal-UE, u partijiet interessati oħrajn, sabiex tiġi vvalutata l-qagħda tal-implimentazzjoni u l-effettività tal-ECI; u sabiex tiġi skambjata l-aqwa prattika u jiġi faċilitat in-netwerking fost l-organizzaturi u l-partijiet interessati l-oħrajn; u biex tkun pjattaforma ta’ djalogu għall-ECIs ta’ suċċess. Il-KESE ser ikompli jibni fuq is-suċċess tal-Jum l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u ser iwessa’ l-ambitu u r-rwol tal-konferenza, pereżempju permezz ta’ reviżjoni regolari tas-segwitu mill-Kummissjoni bi tweġiba għal ECIs li jirnexxu; Jum l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej huwa organizzat mill-grupp ad hoc f’kooperazzjoni mal-imsieħba strateġiċi rilevanti;

4.2.2.

it-tfassil ta’ gwida prattika – li issa waslet fit-tielet edizzjoni tagħha – biex titqajjem kuxjenza u tiġi promossa l-ECI (34). L-ECI kienet ukoll fiċ-ċentru ta’ pubblikazzjoni oħra tal-Kumitat, il-Passaport Ewropew għaċ-Ċittadinanza Attiva (35) (disponibbli f’forma stampata u f’verżjoni HTML (36)), li għandha l-għan li tinforma liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet tagħhom u tipprowovi d-demokrazija parteċipattiva transnazzjonali;

4.2.3.

l-istedina lill-organizzaturi tal-ECI b’inizjattivi li jaqgħu fl-ambitu tal-oqsma ta’ politika tal-Kumitat biex jippreżentaw l-inizjattivi tagħhom lill-KESE. (37) Dawn l-opportunitajiet jippermettu lill-KESE jipprovdi lill-organizzaturi tal-ECI bi pjattaforma biex jinvolvu ruħhom mar-rappreżentanti mis-soċjetà ċivili u mal-imsieħba soċjali, u jsaħħaħ il-profil tal-ECI bħala għodda demokratika, filwaqt li jżomm pożizzjoni newtrali rigward il-kwistjoni tal-politika speċifika kkonċernata;

4.2.4.

dejjem jipprovdi opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar is-suġġett ta’ Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess, fejn dan jaqa’ fl-ambitu tal-ħidma tal-KESE;

4.2.5.

Ir-rappreżentanti tal-KESE għandhom jipparteċipaw f’kull smigħ pubbliku tal-Parlament Ewropew għal inizjattivi ta’ suċċess, biex b’hekk jikkontribwixxu għall-għall-proċess ta’ analiżi interistituzzjonali dwar kif għandha tkun ir-reazzjoni għal ECI ta’ suċċess. Il-KESE għandu jiġi mistieden għal seduta tas-smigħ pubblika b’mod awtomatiku (38). L-opinjoni tal-KESE ser tkun ibbażata fuq diskussjonijiet f’sessjoni plenarja tal-KESE li l-organizzaturi huma mistiedna għaliha.

4.2.6.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjattaforma kollaborattiva onliajn, u jixtieq li jkun involut u infurmat dwar l-iżviluppi tagħha. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-utenti tal-pjattaforma jkunu infurmati biżżejjed dwar is-servizzi relatati mal-ECI li joffri l-KESE lill-organizzaturi tal-ECIs;

4.2.7.

Il-KESE għandu jkompli l-kampanja għal ECI aktar b’saħħitha u effiċjenti, u biex titqajjem il-kuxjenza fuq livell nazzjonali u lokali, bħal permezz tal-inizjattivi “Going local” tiegħu.

5.   Kummenti dwar it-tibdil fir-Regolament

5.1.

L-ECI kellha tkun ċara, sempliċi u faċli għall-utent. Madankollu, ħafna organizzaturi tal-ECI, rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (39), kummentaturi akkademiċi (40) u atturi istituzzjonali rrapportaw kwistjonijiet tekniċi u legali sinifikanti relatati mal-ECI. Il-KESE jilqa’ l-proposta mill-Kummissjoni għal riforma tar-Regolament sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet istituzzjonali, legali u organizzazzjonali aktar kumplessi, u jiġi promoss id-djalogu bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet. Dan, min-naħa tiegħu, ser itejjeb id-dibattiti madwar l-UE liffaċilitati mill-ECI, irrispettivament minn jekk l-ECI tilħaqx miljun firma jew le.

5.2.

Il-KESE jtenni bil-qawwa l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Il-KESE jqis li l-implimentazzjoni xierqa u kompleta tal-ECI tista’ tgħin biex tagħlaq id-distakk bejn iċ-ċittadini tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE u b’mod sinifikanti ttejjeb l-involviment tal-pubbliku fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Huwa wkoll pass importanti għall-iżvilupp usa’ tad-demokrazija parteċipattiva fl-UE.

5.3.

Il-KESE jirrikonoxxi l-appoġġ interistituzzjonali b’saħħtu għall-ECI u jilqa’ l-proposti għal tibdil mill-Parlament Ewropew, mill-Kumitat tar-Reġjuni u mill-Ombudsman Ewropew. Kull istituzzjoni għandha rwol importanti matul u wara l-kampanji tal-ECI sabiex tipprovdi għajnuna u opportunitajiet għad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet u l-organizzaturi.

5.4.

Il-KESE jirrakkomanda li kull Stat Membru jistabbilixxi punti ta’ kuntatt li jipprovdu informazzjoni u assistenza lill-organizzaturi tal-ECI dwar kwistjonijiet tekniċi kif ukoll attivitajiet ta’ kampanja, kwistjonijiet relatati mal-ECI u biex jippromovu b’mod attiv l-ECI fuq il-livell nazzjonali u lokali;

5.5.

Il-KESE jissuġġerixxi dawn il-proposti li ġejjin għar-riforma tar-Regolament bil-ħsieb li l-mekkaniżmu tal-ECI jkun aktar sempliċi u aktar effettiv:

5.5.1.

Ir-rwoli tal-Kummissjoni bħala mentor istituzzjonali (41) għall-organizzaturi ta’ ECI u bħala dik li tieħu d-deċiżjonijiet waqt ir-reġistrazzjoni għandhom ikunu separati. Dan huwa kruċjali sabiex jiġi rimedjat il-kunflitt ta’ interess potenzjali fi ħdan il-Kummissjoni u biex il-mekkaniżmu tal-ECI jkun jista’ jiġi implimentat bis-sħiħ u b’mod effettiv. Il-KESE jkun il-kandidat naturali għar-rwol ta’ mentor istituzzjonali.

5.5.2.

Għandu jkun hemm aktar opportunitajiet ta’ djalogu mal-organizzaturi tal-ECI, matul u wara l-kampanja biex jogħla l-profil politiku tal-kampanji tal-ECI. B’kont meħud ta’ dan il-għan, il-KESE jittama li jara l-istituzzjonijiet kollha tal-UE involuti ndaqs fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-organizzaturi biex jippreżentaw u jiddibattu l-inizjattivi tagħhom, f’konformità mal-eżempju tal-KESE li jistieden lill-organizzaturi tal-ECIs għal diversi dibattiti. Is-seduta ta’ smigħ tal-plenarja fil-Parlament Ewropew hija ċentrali għal dawn l-opportunitajiet ta’ djalogu.

5.5.3.

Għandu jiġi ggarantit segwitu xieraq għall-inizjattivi ta’ suċċess. Filwaqt li jirrispetta d-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tistenna li tfassal proposta leġiżlattiva fi żmien 12-il xahar wara t-tmiem tal-kampanja, jew tagħti ġustifikazzjoni sħiħa meta tiddeċiedi li ma tippreżenta l-ebda proposta.

5.5.4.

Minbarra s-smigħ li jsir fil-Parlament Ewropew u l-laqgħa tal-Kummissjoni mal-organizzaturi, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi wkoll rabtiet aktar mill-qrib mal-organizzaturi tal-ECI. Għal dan il-għan, għandu jkun hemm involviment mal-organizzaturi f’attivitajiet li jsiru fir-rigward tas-suġġett ta’ ECI ta’ suċċess wara li l-Kummissjoni tkun tat l-opinjoni inizjali tagħha.

5.5.5.

Sabiex jiġi żgurat il-bilanċ xieraq ta’ kompiti u kompetenzi, il-KESE jappoġġja l-fehma espressa mis-soċjetà ċivili matul seduta tal-KESE li l-Parlament għandu jkompli jkun l-uniku organizzatur tas-smigħ pubbliku dwar l-ECI ta’ suċċess.

5.5.6.

Għandu jkun hemm raġunijiet dettaljati u ċari għad-deċiżjonijiet kollha tal-Kummissjoni biex tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva, kemm jekk ikun rifjut parzjali kif ukoll jekk totali.

5.5.7.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li tippermetti reġistrazzjoni parzjali. Madankollu, fl-interess tal-adozzjoni ta’ proċeduri u kriterji ċari u sempliċi għar-reġistrazzjoni tal-ECI, għandha tinżamm deċiżjoni ta’ reġistrazzjoni waħda. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi lill-organizzaturi b’pariri dwar il-bażi legali tal-proposta tagħhom qabeljippreżentawha, u tipproponi soluzzjonijiet possibbli sabiex tiġi evitata l-inammissibbiltà.

5.5.8.

Il-KESE għandu jsewgi d-diskussjoni dwar it-tnaqqis tal-età minima biex wieħed jappoġġja ECI u jieħu sehem fiha. Il-KESE huwa konxju li din il-kwistjoni tqajjem ħafna mistoqsijiet, iżda fl-istess waqt huwa jagħraf il-ħtieġa għal aktar diskussjoni.

5.5.9.

Huwa importanti li l-perjodu ta’ żmien għal reviżjoni tal-ECI jibqa’ ta’ tliet snin. Dan huwa minħabba l-importanza tal-ECI għad-demokrazija tal-UE, l-introduzzjoni riċenti tagħha, u minħabba ż-żmien li jkun meħtieġ biex jiġu implimentati l-bidliet li jirriżultaw mir-reviżjoni leġiżlattiva attwali.

5.5.10.

Il-proċeduri biex jiġu infurmati ċ-ċittadini u biex titqajjem kuxjenza dwar l-ECI għandhom jissaħħu. Dan għandu jsir l-ewwel nett permezz ta’ kampanji ad hoc promossi mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. B’kont meħud ta’ dan il-għan, il-KESE jipproponi wkoll li jippermetti lill-grupp ta’ organizzaturi jinfurmaw lil dawk li jappoġġjaw u li huma interessati dwar l-iżviluppi u l-kisbiet tal-kampanja (ladarba s-sostenituri jkunu awtorizzaw dan il-kuntatt). L-istess japplika għall-Kummissjoni, li għandha tippubliċizza aħjar is-segwitu ta’ inizjattivi ta’ suċċess b’mod aktar effettiv, kif ukoll billi l-ewwel nett tinforma lill-grupp ta’ organizzaturi.

5.5.11.

Il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-ħtieġa għas-servizz ta’ traduzzjoni pprovdut sa mill-2015 mill-KESE. Il-provvista futura tal-Kummissjoni tas-servizzi tat-traduzzjoni għandha tinkludi wkoll it-traduzzjoni tal-annessi għal proposta ECI (42). Dan huwa importanti sabiex jiġi ffaċilitat fehim pubbliku aktar sħiħ tal-proposti ta’ inizjattiva.

5.5.12.

Għandhom jiġu esplorati metodi ġodda biex il-ġbir tal-firem onlajn ikun marbut mal-midja soċjali u diġitali sabiex tintlaħaq udjenza dejjem akbar.

Brussell, l-14 ta’ Marzu 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  ĠU L 65,11.3.2011, p. 1.

(2)  ĠU C 389, 21.10.2016, p. 35.

(3)  L-OCS hija l-abbrevjazzjoni għal softwer tal-ġbir onlajn (online signature collection), li huwa għodda pprovduta b’xejn mill-Kummissjoni Ewropea għall-ġbir tal-firem onlajn. Din l-għodda tissemplifika kemm il-ġbir tad-data kif ukoll il-verifika ta’ dik id-data mill-awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, l-OCS jikkonforma mar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1179/2011 tal-Kummissjoni. https://joinup.ec.europa.eu/software/ocs/description

(4)  Id-deċiżjoni tal-Bureau tal-KESE tal-14.10.2014 dwar il-kriterji interni għall-istedina tal-organizzaturi għas-sessjonijiet plenarji u għal-laqgħat tas-sezzjoni.

(5)  Punt 1.4.5 tal-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (reviżjoni) (opinjoni fuq inizjattiva proprja) mit-13 ta’ Lulju 2016.

(6)  Il-KESE organizza seduta pubblika dwar il-proposta l-ġdida tal-ECI mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-12.12.2017.

(7)  Għal diskussjoni dwar l-importanza tal-annessi, ara l-paragrafi 47-58 fil-Kawża Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni T-529/13.

(8)  L-Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u l-Artikoli 24(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 211/2011.

(10)  L-età legali għall-vot hija ta’ 18-il sena fl-Istati Membri kollha, ħlief fl-Awstrija, fejn hija 16.

(11)  Kumitat taċ-ċittadini għandu jkun magħmul minn tal-anqas seba’ ċittadini tal-UE, li jkunu residenti f’seba’ Stati Membri differenti tal-UE.

(12)  L-inizjattiva trid tiġi deskritta b’massimu ta’ 800 karattru (100 għat-titolu, 200 għad-deskrizzjoni u 500 għad-dettalji tal-objettivi).

(13)  L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 211/2011. L-aktar importanti huwa l-Artikolu 4(2)(b), li jirrikjedi li ECI proposta ma taqax b’mod manifest barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. Għal valutazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-reġistrazzjoni ara James Organ, “Decommissioning direct democracy? A critical analysis of Commission decision-making on the legal admissibility of European Citizens Initiative proposals”, 10 EuConst (2014), 422–443.

(14)  L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011. Ir-Regolament jistipula li dan il-proċess huwa r-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru fejn jinġabru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ.

(15)  Ir-Regolament jistipula li għandhom jinġabru numru minimu ta’ firem minn kull pajjiż, skont in-numru ta’ abitanti http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/signatories?lg=mt

(16)  L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011.

(17)  Il-proposti li ġejjin kienu ta’ suċċess: L-ilma u s-sanità huma dritt tal-bniedem!) L-ilma huwa ġid pubbliku, mhux komodità!); Stop vivisection; Wieħed Minna;Projbizzjoni tal-glifosat biex b’hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi): http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/initiatives/successful

(18)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej Projbizzjoni tal-glifosat biex b’hekk in-nies u l-ambjent ikunu protetti mill-pestiċidi tossiċi, C(2017) 8414 final. Fl-1 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni adottat proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb, li hija parzjalment reazzjoni għall-ECI Right2Water.

(19)  Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej hija konferenza annwali organizzata mill-KESE. L-imsieħba tal- Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej 2017 kienu l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, il-Kampanja tal-ECI, is-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni taċ-Ċittadini, l-Università ta’ Liverpool, l-Iskola tal-Liġi u l-Ġustizzja Soċjali, Democracy International, l-’Initiative and Referendum Institute Europe’ u People2power. Ir-reviżjoni tal-ECI ġiet imħabbra mill-Ewwel Viċi President Frans Timmermans fis-sessjoni inawgurali.

(20)  L-ewwel edizzjoni tal-Jum l-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej saret fit-30.3.2012, ġurnata qabel ma r-Regolament daħal fis-seħħ. Minn dak iż-żmien ’l hawn il-KESE organizza sitt edizzjonijiet li jsiru f’April ta’ kull sena. Is-seba’ edizzjoni tal-2018 ser issir fl-10 ta’ April.

(21)  Għal aktar dettalji jekk jogħġbok irreferi għall-pubblikazzjoni tal-KESE: “Helpdesk tal-ECI fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew”.

(22)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(23)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar L-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (reviżjoni, (C 389, 21.10.2016, p. 35).

(24)  Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, “L-Implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. L-esperjenza tal-ewwel tliet snin”, 2015.

(25)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Ottubru 2015 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (2014/2257(INI). Relatur: György Schöpflin: http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2015-0382+0+DOC+XML+V0//MT

(26)  Abbozz ta’ rapport – Reviżjoni tar-Regolament (UE) 211/2011 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, 11.9.2017: http://www.europarl.europa.eu/committees/mt/afco/draft-reports.html?ufolderComCode=AFCO&ufolderLegId=8&ufolderId=09289&linkedDocument=true&urefProcYear=&urefProcNum=&urefProcCode=

(27)  Każ: OI/9/2013/TN miftuħ fit-18.12.2013 u d-Deċiżjoni fl-4.3.2015: http://www.ombudsman.europa.eu/mt/cases/decision.faces/mt/59205/html.bookmark

(28)  Każ: SI/6/2017/KR, ittra bid-data tal-11.7.2017:

https://www.ombudsman.europa.eu/cases/correspondence.faces/mt/81311/html.bookmark

(29)  Il-Kumitat tar-Reġjuni, Opinjoni dwar L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 423, 17.12.2015, p. 1).

(30)  B’mod partikolari r-rikużi ta’ suċċess fis-sentenzi tal-Qorti bid-data tat-3.2.2017 fil-Kawża T-646/13 (Minority SafePack); bid-data tal-10.5.2017 fil-Kawża T-754/14 (Stop TTIP); u bid-data tat-12.9.2017 fil-Kawża C-589/15 P (One million signatures for a Europe of solidarity).

(31)  Id-deċiżjonijiet fil-Kawża 1086/2017/PMC bid-data tal-4.10.2017 (Mum, Dad & Kids), fil-Kawża 1609/2016/JAS bid-data tat-18.4.2017 (Stop Vivisection) u l-ilmenti 402/2014/PMC (kunfidenzjali) bid-data tat-3.3.2015 u 2071/2013/EIS bid-data tat-12.12.2014 (Stop Vivisection).

(32)  Opinjoni tal-KESE dwar L-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona: id-demokrazija parteċipattiva u l-inizjattiva taċ-ċittadini (l-Artikolu 11) (ĠU C 354, 28.12.2010, p. 59).

Il-Kumitat tar-Reġjuni, Opinjoni dwar L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 182).

Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar L-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (reviżjoni) (ĠU C 389, 21.10.2016 p. 35).

(33)  Il-grupp ad hoc tal-KESE dwar l-ECI ġie stabbilit f’Ottubru 2013 biex jipprovdi gwida politika dwar l-ECI u jimmonitorja l-iżviluppi f’dan il-qasam.

(34)  http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/qe-04-15-566-mt-n.pdf

(35)  http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/qe-04-15-149-mt-n.pdf

(36)  http://www.eesc.europa.eu/eptac/en

(37)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(38)  Fit-2.2.2014, Henri Malosse, li dak iż-żmien kien il-President tal-KESE, bagħat lill-President tal-Parlament Ewropew ta’ dak iż-żmien, Martin Schulz, ittra uffiċjali li fiha esprima l-interess tal-KESE li jkun mistieden fuq bażi regolari biex għas-seduti ta’ smigħ pubbliku dwar l-ECIs li jirnexxu.

(39)  C. Berg, J. Tomson, An ECI that works! Learning from the first two years of the European Citizens’ Initiative, 2014: http://ecithatworks.org/

(40)  Artikli riċenti jinkludu: Organ, “EU Citizen Participation, openness and the European Citizens Initiative: the TTIP legacy”, 54 CMLRev 1713–1748 (2017); Karatzia, “The European Citizens Initiative and the EU institutional balance: On realism and the possibilities of affecting EU lawmaking”, 54 CML Rev. (2017), 177–208; u Vogiatzis, “‘Between discretion and control: Reflections on the institutional position of the Commission within the European citizens’ initiative process”, European Law Journal 2017; 23; 250-271.

(41)  Ara l-punti 1.2 u 4.3.2 tal-Opinjoni tal-KESE dwar L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 182).

(42)  Għal diskussjoni dwar l-importanza tal-annessi, ara l-paragrafi 47-58 fil-Kawża Izsák u Dabis vs Il-Kummissjoni T-529/13.


Top