EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Konservazzjoni ta’ ċerti stokkijiet ta’ ħut migratorju

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1936/2001 — li jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll applikabbli għas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut li jpassi ħafna

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

L-għan tiegħu huwa li jispeċifika l-miżuri ta’ kontroll u ta’ spezzjoni li japplikaw għas-sajd għal ċerti ħut u mammiferi migratorji ħafna elenkati fl-Anness I tar-regolament. L-ispeċi prinċipali kkonċernati huma:

  • it-tonn;
  • il-pixxispad;
  • il-klieb il-baħar;
  • il-balieni; u
  • id-dniefel suwed.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament japplika għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-pajjiżi tal-UE u li huma rreġistrati fl-UE, li joperaw f’waħda miż-żoni tal-baħar li ġejjin:

MIŻURI TA’ KONTROLL U TA’ SPEZZJONI APPLIKABBLI FIŻ-ŻONA 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1936/2001 ġie emendat diversi drabi, l-aktar reċenti bir-Regolament (UE) 2017/2107. Ir-regolament tal-2017 ħassar partijiet tar-Regolament (KE) Nru 1936/2001 biex jittieħed rendikont tad-diversi tibdiliet adottati fir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT mill-2008.

Tismin tat-tonn

Reġistru tal-farms tat-tismin* tat-tonn ġie introdott fl-2004. Pajjiż tal-UE għandu jinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-farms tat-tismin taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu li huwa jawtorizza għat-tismin tat-tonn maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT. Farms tat-tismin li mhumiex reġistrati ma jistgħux iwettqu t-tismin tat-tonn maqbud fiż-żona tal-Konvenzjoni.

Meta t-tonn jiġi ttrasferit għat-tismin minn bastiment tas-sajd tal-UE għal fuq bastiment tat-trasport, il-kaptani taż-żewġ bastimenti huma meħtieġa li jdaħħlu ċerta data fil-ġurnali ta’ abbord rispettivi tagħhom (il-kwantitajiet ta’ tonn trasferit, iż-żona tal-qbid, id-data u l-pożizzjoni fejn sar it-trasferiment, eċċ.).

Il-pajjiżi tal-UE għandhom:

  • jirreġistraw il-kwantitajiet ta’ tonn mqiegħda fil-gaġeġ minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom;
  • jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-data relatata mal-kwantitajiet ta’ tonn maqbud u mqiegħda fil-gaġeġ minn bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, u l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet ta’ tonn maqbuda u maħsub għat-tismin;
  • jiżguraw li l-farms tat-tismin tat-tonn taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom jissottomettu dikjarazzjoni ta’ tqegħid fil-gaġeġ lill-awtorità kompetenti tagħhom u li huma elenkati fir-reġistru;
  • jiżguraw li l-farms tat-tismin jippreżentawlhom dikjarazzjoni annwali tal-kummerċjalizzazzjoni għat-tonn imsemmen u, abbażi ta’ din l-informazzjoni, imbagħad jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-kwantitajiet ta’ tonn fil-gaġeġ u l-kwantitajiet imqiegħda fis-suq matul is-sena preċedenti.

MIŻURI TA’ KONTROLL U TA’ SPEZZJONI APPLIKABBLI FIŻ-ŻONA 2

  • Kull pajjiż tal-UE għandu:
    • jiżgura li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jirrispettaw il-miżuri applikabbli fiż-żona;
    • jibgħat lill-Kummissjoni l-lista ta’ bastimenti li t-tul totali tagħhom jaqbeż l-24 metru li jtajru l-bandiera tiegħu u li huma reġistrati fit-territorju tiegħu li huwa jawtorizza biex jistad għat-tonn u għall-ħut li jixbah lit-tonn fiż-żona tal-IOTC. Il-Kummissjoni tibgħat din l-informazzjoni lis-Segretarjat Eżekuttiv tal-IOTC;
    • jiżgura li bastimenti reġistrati biss iwettqu attivitajiet tas-sajd.
  • Bastimenti reġistrati fil-lista tal-IOTC li jistadu bil-konz* għandhom jiksbu awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-bandiera tal-UE qabel ma jwettqu proċeduri ta’ trasbord* fiż-żona tas-sajd tal-IOTC.
  • L-irkaptu tas-sajd tal-bastimenti tal-UE awtorizzati li jistadu fiż-żona tal-IOTC għandu jkollu marki speċjali.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom:
    • jittrażmettu lis-segretarjat tal-IOTC data statistika varja dwar l-isforz tas-sajd u l-qabdiet fir-rigward tal-ispeċi migratorji;
    • jistabbilixxu bażi tad-data kompjuterizzata li jkun fiha d-data statistika meħtieġa, b’aċċess għall-Kummissjoni;
    • jassenjaw spetturi għall-ispezzjonar tal-portijiet tagħhom li jkunu responsabbli għas-sorveljanza u għall-ispezzjoni tat-trasbord u tal-ħatt tal-ispeċi elenkati fl-Anness I;
    • joħorġu dokument ta’ identifikazzjoni speċjali lil kull spettur.
  • Il-kaptan tal-bastiment għandu jikkoopera waqt l-ispezzjoni tal-bastiment u jipprovdi l-mezzi għall-eżami taż-żoni, tat-tagħmir u tad-dokumenti.
  • Jekk ikun hemm raġuni serja biex wieħed jemmen li bastiment tas-sajd ikun kiser il-miżuri ta’ konservazzjoni tal-IOTC, l-ispettur jiddokumenta l-ksur fir-rapport ta’ spezzjoni. Huwa għandu jiżgura li l-evidenza tinżamm sigura u jibgħat ir-rapport ta’ spezzjoni lill-awtorità tiegħu. Il-pajjiż tal-UE li jkun irċieva notifika dwar ksur minn bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu għandu jieħu azzjoni minnufih biex jikseb u jeżamina l-evidenza, iwettaq kwalunkwe investigazzjoni meħtieġa u jispezzjona l-bastiment. Imbagħad jinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-penali imposti u l-miżuri meħuda fir-rigward tal-bastiment ikkonċernat. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tinforma lis-Segretarjat Eżekuttiv tal-IOTC.
  • Il-bastimenti tas-sajd tal-UE huma pprojbiti milli jirċievu trasbordi ta’ ħut tal-ispeċi elenkati fl-Anness I minn bastimenti mingħajr stat* jew dawk li jtajru l-bandiera ta’ pajjiż li mhuwiex parti li tikkoopera. Il-pajjiżi tal-UE jibagħtu lill-Kummissjoni r-riżultati tal-ispezzjoni ta’ bastimenti mingħajr stat u kwalunkwe azzjoni li jkunu ħadu skont id-dritt internazzjonali.

MIŻURI TA’ KONTROLL U TA’ SPEZZJONI SPEĊIFIĊI GĦAŻ-ŻONA 3

Kull pajjiż tal-UE għandu jiżgura li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jirrispettaw il-miżuri tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali inkorporati fid-dritt tal-UE u l-miżuri rilevanti tal-ftehim tal-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Delfini.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mit-23 ta’ Ottubru 2001.

SFOND

L-UE tipparteċipa f’organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd (RFMOs) li jippermettu kooperazzjoni dwar il-konservazzjoni u l-immaniġġjar ta’ stokkijiet ta’ ħut migratorju ħafna. Bħala parti kontraenti, hija obbligata tapplika l-miżuri ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ li jirriżultaw minn rakkomandazzjonijiet adottati minn dawn l-RFMOs.

TERMINI EWLENIN

Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (Konvenzjoni ICCAT): din il-konvenzjoni stabbilixxiet il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT). Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar il-konservazzjoni u l-immaniġġjar fiż-żona tal-konvenzjoni jorbtu lill-partijiet kontraenti.
Il-Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan: din il-Kummissjoni taħdem biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali għall-fini tal-konservazzjoni u tal-użu razzjonali tat-tonn u ta’ speċi relatati fl-Oċean Indjan u fiż-żoni tal-madwar. Tadotta rakkomandazzjonijiet li jorbtu lill-partijiet kontraenti.
Tismin: it-trobbija ta’ individwi f’gaġeġ biex jiżdied il-piż jew il-kontenut ta’ xaħam tagħhom bil-għan li jitqiegħdu fis-suq.
Sajd bil-konz: metodu ta’ sajd kummerċjali li bħala rkaptu juża konzijiet bi brazzoli mqabbda magħhom kull wieħed ftit ’il bogħod mill-ieħor.
Trasbord: it-trasferiment ta’ qabda minn bastiment iżgħar tas-sajd għal fuq wieħed ikbar li mbagħad jinkorporaha f’lott akbar għat-trasport bil-baħar.
Bastimenti mingħajr stat: bastimenti li dwarhom hemm raġunijiet fondati biex wieħed jissuspetta li ma għandhomx nazzjonalità.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1936/2001 tas-27 ta’ Settembru 2001 li jistabbilixxi miżuri ta’ kontroll applikabbli għas-sajd għal ċerti stokkijiet ta’ ħut li jpassi ħafna (ĠU L 263, 3.10.2001, pp. 1-8)

L-emendi għar-Regolament (UE) 1936/2001 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (EU) 2017/1004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar l-istabbiliment ta’ qafas tal-Unjoni għall-ġbir, il-ġestjoni u l-użu ta’ data fis-settur tas-sajd u appoġġ għall-parir xjentifiku fir-rigward tal-Politika Komuni dwar is-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 199/2008 (ĠU L 157, 20.6.2017, pp. 1-21)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal- 20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, pp. 1-50)

Ara il-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jirrevoka r-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, pp. 1-32)

Ara il-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1984/2003 tat-8 ta’ April 2003 li jintroduċi sistema għall-monitoraġġ ta’ statistika tal-kummerċ fit-tonn aħmar, pixxispad u tonn alalunga fi ħdan il-Komunità (ĠU L 295, 13.11.2003, pp. 1-42)

Ara il-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 14.12.2018

Top