EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Strateġija kontra t-terroriżmu

Strateġija kontra t-terroriżmu

 

SOMMARJU TA’:

L-Artikolu 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

L-Istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu

X’INHU L-GĦAN TAL-ISTRATEĠIJA TAL-UE KONTRA T-TERRORIŻMU?

  • Fl-2005, il-Kunsill adotta l-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu biex jiġġieled it-terroriżmu globalment u jagħmel l-Ewropa aktar sikura.
  • Peress li għadhom qed isiru attakki terroristiċi serji fuq iċ-ċittadini fl-Ewropa u lil hinn minnha, il-ġlieda kontra t-terroriżmu hija prijorità ewlenija għall-UE, il-pajjiżi tal-UE u s-sħab tal-UE.

L-Artikolu 83 tat-TFUE jagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-kompetenza li jadottaw regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reat partikolarment serju b’dimensjoni transkonfinali, li t-terroriżmu huwa eżempju tiegħu.

PUNTI EWLENIN

Objettivi

Sabiex tiġġieled it-terroriżmu b’mod effettiv, l-istrateġija tiffoka fuq 4 prijoritajiet (pilastri):

  • prevenzjoni;
  • protezzjoni;
  • insegwiment u
  • rispons.

Abbażi ta’ dawn il-pilastri, l-istrateġija tirrikonoxxi l-importanza tal-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE u ma’ istituzzjonijiet internazzjonali.

Prevenzjoni

L-indirizzar tal-kawżi tar-radikalizzazzjoni u tar-reklutaġġ ta’ terroristi huwa prijorità ewlenija għall-UE. L-għan tal-pilastru ta’ “prevenzjoni” huwa li jiġġieled ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ ta’ terroristi billi jidentifika l-metodi, il-propoganda u l-istrumenti użati mit-terroristi. L-UE tgħin fil-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali, fid-determinazzjoni ta’ prattika tajba u fil-kondiviżjoni tal-informazzjoni.

L-għan tal-Istrateġija Riveduta tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu, kif ġiet riveduta fl-2014, huwa li tiġġieled ir-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ filwaqt li tqis ix-xejriet li jkunu qegħdin jevolvu, bħat-terroriżmu minn attur wieħed, il-ġellieda barranin u l-użu tal-midja soċjali mit-terroristi. Din ġiet immodifikata aktar minn serje ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rispons għall-attakki terroristiċi fuq it-territorju tal-UE.

Protezzjoni

Il-protezzjoni taċ-ċittadini u l-infrastruttura u t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà għall-attakki huma t-tieni prijorità tal-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu. Din tinkludi:

  • is-sigurtà tal-fruntieri esterni;
  • it-titjib tas-sigurtà tat-trasport;
  • il-protezzjoni tal-miri strateġiċi; u
  • it-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tal-infrastruttura kritika.

Eżempji ta’ ħidma kontinwa huma:

Insegwiment

L-għan tat-tielet pilastru huwa li jsegwi terroristi bejn il-fruntieri, filwaqt li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-liġi internazzjonali. Sabiex tilħaq dawn l-għanijiet, il-fokus tal-UE huwa:

  • li ttejjeb il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet ġudizzjarji;
  • li ċċaħħad lit-terroristi mill-mezzi tagħhom ta’ appoġġ u komunikazzjoni; u
  • li tindirizza l-finanzjament tat-terroriżmu.

Eżempju ta’ ħidma kontinwa huwa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2016 biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

Rispons

It-tħejjija, il-ġestjoni u t-tnaqqis tal-konsegwenzi ta’ attakk terroristiku huma r-raba’ objettiv tal-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu. Dan isir billi jittejbu l-kapaċitajiet sabiex jiġu indirizzati:

  • il-konsegwenzi;
  • il-koordinazzjoni tar-rispons; u
  • il-ħtiġijiet tal-vittmi.

Il-prijoritajiet f’dan il-qasam jinkludu:

  • l-iżvilupp ta’ arranġamenti għall-koordinazzjoni waqt kriżi;
  • l-iżvilupp ta’ għodod li jivvalutaw ir-riskju;
  • il-qsim tal-aħjar prattika dwar l-għajnuna lill-vittmi tat-terroriżmu.

Eżempju ta’ ħidma kontinwa huwa l-ħolqien ta’ ċentru tal-UE għall-vittmi tat-terroriżmu (proġett pilota tal-Parlament Ewropew).

Ħidma ma’ sħab internazzjonali

Is-sigurtà tal-UE hija marbuta mill-qrib mas-sitwazzjoni f’pajjiżi oħra, b’mod partikolari fl-istati tal-viċinat.

F’Ġunju 2014, il-Kunsill Ewropew talab li tiġi stabbilita politika effettiva kontra t-terroriżmu li tintegra l-aspetti interni u esterni. Fid-9 ta’ Frar 2015, fid-dawl tal-attakki ta’ Charlie Hebdo, il-mexxejja tal-UE enfasizzaw il-ħtieġa għall-UE li tinvolvi ruħha aktar ma’ pajjiżi mhux tal-UE dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-Azzjoni Esterna tal-UE kontra t-Terroriżmu mid-19 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa għal:

  • konsistenza akbar bejn l-azzjonijiet interni u esterni fil-qasam tas-sigurtà, u
  • it-tisħiħ tar-rwol tal-aġenziji tal-ĠAI (il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni) fir-rigward ta’ pajjiżi mhux tal-UE.

Huwa nnutat ukoll li l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni jenħtieġ li jaqdu rwol akbar fil-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi mhux tal-UE, l-aġenda kontra t-terroriżmu hija preżenti f’diversi forom, inklużi:

  • djalogi politiċi ta’ livell għoli;
  • l-adozzjoni ta’ klawsoli u arranġamenti ta’ kooperazzjoni, jew għajnuna speċifika;
  • proġetti ta’ bini ta’ kapaċità ma’ pajjiżi strateġiċi.

Fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-UE tikkoopera ma’ pajjiżi fi:

  • il-Balkani tal-Punent;
  • l-Afrika (is-Saħel, l-Afrika ta’ Fuq, il-Qarn tal-Afrika);
  • il-Lvant Nofsani;
  • l-Amerika ta’ Fuq;
  • l-Asja.

Il-Kooperazzjoni mal-Istati Uniti hija komponent fundamentali tal-istrateġija tal-UE. Fis-snin riċenti, intlaħqu ftehimiet ta’ kooperazzjoni f’oqsma bħall-finanzjament tat-terroriżmu, it-trasport u l-fruntieri, l-għajnuna legali reċiproka u l-estradizzjoni. L-awtoritajiet tal-Istati Uniti qegħdin jaħdmu dejjem aktar mill-qrib mal-Europol u l-Eurojust.

L-UE taħdem ukoll mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet u fora oħra internazzjonali u reġjonali biex tibni kunsens internazzjonali u tippromwovi standards internazzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu.

SFOND

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti 3 — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu V — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Kapitolu 4 — Kooperazzjoni ġudizzjarja dwar kwistjonijiet kriminali — Artikolu 83 (ex Artikolu 31 TUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 80-81)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 30 ta’ Novembru 2005: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea Kontra t-Terroriżmu

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għat-titjib tal-istat ta’ tħejjija kontra riskji ta’ sigurtà kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (COM(2017) 610 final, 18.10.2017)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għall-appoġġ tal-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi (COM(2017) 612 final, 18.10.2017)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Azzjoni Esterna tal-UE Kontra t-Terroriżmu (19 ta’ Ġunju 2017)

Id-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pusses ta’ armi (ĠU L 137, 24.5.2017, pp. 22-39)

Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, pp. 53–114).

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, dwar Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (COM(2016) 50 final, 2.2.2016)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2015/457 tas-17 ta’ Marzu 2015 li tħassar id-Deċiżjoni 2007/124/KE, Euratom li tistabbilixxi l-programmi speċifiċi “Prevenzjoni, Stat ta’ Tħejjija u Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà” u Prevenzjoni ta’ u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità għall-Perijodu 2007-2013 bħala parti mill-Programmi Ġenerali dwar is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet u dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-Ġustizzja (ĠU L 76, 20.3.2015, pp. 1-2)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà (COM(2015) 185 final, 28.4.2015)

L-Istrateġija Riveduta tal-UE għall-Ġlieda kontra r-Radikalizzazzjoni u r-Reklutaġġ għat-Terroriżmu (19 ta’ Mejju 2014)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/412/UE tat-13 ta’ Lulju 2010 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (ĠU L 195, 27.7.2010, pp. 3-4)

Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2010/412/UE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (ĠU L 195, 27.7.2010, pp. 5-14)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi mmirati kontra xi persuni u entitajiet bil-ħsieb tal-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 344, 28.12.2001, pp. 70-75).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 23.07.2018

Top