Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Summaries of EU Legislation

Il-libertà ta’ moviment u residenza tal-UE

Go to the summaries’ table of contents

Il-libertà ta’ moviment u residenza tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fl-UE

X’INHU L-GĦAN PRINĊIPALI TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Din:

  • tiġbor flimkien f’att legali wieħed ħafna biċċiet ta’ leġiżlazzjoni eżistenti
  • tippreskrivi l-kundizzjonijiet għad-dritt tal-moviment liberu u tar-residenza (kemm b’mod temporanju kif ukoll b’mod permanenti) għaċ-ċittadini tal-UE* u għall-membri tal-familja* tagħhom
  • tistabbilixxi l-limiti għal dawk id-drittijiet abbażi tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika
  • tikkjarifika l-istatus tal-persuni li huma impjegati, jaħdmu għal rashom, studenti jew li mhumiex qegħdin jaħdmu għal ħlas.

PUNTI EWLENIN

Iċ-ċittadini tal-UE b’karta tal-identità valida jew b’passaport validu jistgħu:

  • Jidħlu f’pajjiż ieħor tal-UE mingħajr ma jkunu jeħtieġu viża tal-ħruġ jew tad-dħul. Il-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ pajjiż tal-UE m’għandhomx bżonn ta’ viża tal-ħruġ jew tad-dħul jekk ikunu fil-pussess ta’ karta ta’ residenza valida.
  • Jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE sa massimu ta’ 3 xhur mingħajr ebda kundizzjoni jew formalità.
  • Jgħixu f’pajjiż ieħor tal-UE għal aktar minn 3 xhur soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet, skont l-istatus tagħhom fil-pajjiż ospitanti. Dawk li huma impjegati jew li jaħdmu għal rashom ma jeħtiġux jissodisfaw xi kundizzjoni oħra. L-istudenti u persuni oħrajn li ma jaħdmux għal ħlas, bħal dawk li rtiraw, għandu jkollhom biżżejjed riżorsi għalihom infushom u għall-familja tagħhom, sabiex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema tal-assistenza soċjali tal-pajjiż ospitanti, kif ukoll għandu jkollhom polza tal-assigurazzjoni medika komprensiva.
  • Iridu jirreġistraw mal-awtoritajiet rilevanti jekk ikunu ilhom jgħixu fil-pajjiż għal aktar minn 3 xhur. Il-membri tal-familja tagħhom, jekk ma jkunux ċittadini tal-UE, jeħtieġu karta ta’ residenza valida għal 5 snin.
  • Ikunu intitolati għal residenza permanenti jekk ikunu għexu legalment f’pajjiż ieħor tal-UE għal perjodu kontinwu ta’ 5 snin. Dan japplika wkoll għall-membri tal-familja.
  • Għandhom id-dritt li jiġu ttrattati l-istess bħaċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti. Madankollu, l-awtoritajiet ospitanti mhumiex obbligati li jagħtu benefiċċji liċ-ċittadini tal-UE li ma jaħdmux għal ħlas matul l-ewwel 3 xhur tar-residenza tagħhom.

Barra minn hekk

  • Il-membri tal-familja – li huma qraba taċ-ċittadin tal-UE – jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikollhom id-dritt li jkomplu jgħixu fil-pajjiż ikkonċernat anki jekk il-qarib innifsu jmut jew iħalli l-pajjiż.
  • Iċ-ċittadini tal-UE, jew il-membri tal-familja tagħhom, jistgħu jitkeċċew jekk jaġixxu b’tali mod li jhedded serjament wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.
  • L-uniku mard li jiġġustifika r-restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment ta’ persuna huwa dak li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tqis li għandu potenzjal ta’ epidemija.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-30 ta’ April 2004 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-30 ta’ April 2006.

SFOND

Għal iktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ċittadin tal-UE: kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ pajjiż tal-UE.
Membru familjari: dan ikopri, pereżempju, il-konjuġi, sieħeb/sieħba fi sħubija rreġistrata ma’ ċittadin tal-UE u dixxendenti diretti taħt l-età ta’ 21 sena.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, pp. 77-123).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2004/38/KE ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU L 128, 30.4.2014, p. 8-14)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (COM(2009) 313 final tat-2 ta’ Lulju 2009)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom: Ħames azzjonijiet li jagħmlu differenza (COM (2013) 837 final tal-25 ta’ Novembru 2013)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-abbuż mill-moviment liberu: Manwal dwar l-indirizzar tal-kwistjoni ta’ allegati żwiġijiet ta’ konvenjenza bejn ċittadini tal-UE u ċittadini mhux tal-UE fil-kuntest tal-liġi tal-UE tal-moviment liberu ta’ ċittadini tal-UE (COM(2014) 604 final tas-26 ta’ Settembru 2014)

l-aħħar aġġornament 24.09.2015

Top