EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Prattiki kummerċjali żleali

Prattiki kummerċjali żleali

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur

Id-Direttiva (UE) 2019/2161 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVI?

  • Id-Direttiva 2005/29/KE
    • tiddefinixxi l-prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur li huma pprojbiti fl-UE.
    • tapplika għal kull att jew ommissjoni relatati direttament mal-promozzjoni, mal-bejgħ jew mal-provvista ta’ prodott* minn kummerċjant lill-konsumaturi*. Għalhekk, hija tipproteġi l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi qabel, matul u wara li tkun saret tranżazzjoni kummerċjali.
    • tiżgura l-istess livell ta’ protezzjoni għall-konsumaturi kollha irrispettivament mill-post tax-xiri jew tal-bejgħ fl-UE.
  • Id-Direttiva (UE) 2019/2161 dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur temenda d-Direttiva 2005/29/KE, li tindirizza żviluppi ġodda tas-suq, b’mod partikolari fil-qasam diġitali.

PUNTI EWLENIN

  • Il-prattiki kummerċjali żleali huma dawk li:
    • jmorru kontra r-rekwiżiti ta’ diliġenza professjonali* u;
    • li aktarx joħolqu distorsjoni materjali fl-imġiba ekonomika tal-konsumatur medju.
  • Ċerti konsumaturi jgawdu minn livell ta’ protezzjoni ogħla minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom għall-prattika jew għall-prodott, l-età tagħhom (tfal jew anzjani), l-inġenwità tagħhom jew il-mard mentali jew fiżiku tagħhom.
  • Id-direttiva tiddistingwixxi 2 kategoriji ta’ prattika kummerċjali li huma żleali jekk iwasslu lill-konsumatur medju biex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li l-konsumatur ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra: prattiki kummerċjali qarrieqa (b’azzjoni jew ommissjoni) u prattiki kummerċjali aggressivi.
  • Barra minn hekk, l-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE fih lista ta’ prattiki li huma pprojbiti fiċ-ċirkostanzi kollha (“blacklist”).

Prattiki kummerċjali qarrieqa

Azzjonijiet qarrieqa

Prattika tkun qarrieqa jekk ikun fiha informazzjoni falza jew mhux vera jew li hemm probabbiltà li tqarraq bil-konsumatur medju, anke jekk l-informazzjoni tista’ tkun korretta, u ġġiegħlu jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. Eżempji ta’ azzjonijiet bħal dawn jinkludu informazzjoni falza jew qarrieqa dwar:

  • l-eżistenza jew in-natura tal-prodott;
  • il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott (id-disponibbiltà, il-benefiċċji, ir-riskji, il-kompożizzjoni, l-oriġini ġeografika, ir-riżultati li wieħed jistenna mill-użu tiegħu, eċċ.);
  • il-firxa tal-impenji min-naħa tal-kummerċjant (f’kodiċijiet ta’ kondotta li l-kummerċjant qabel li jimxi magħhom);
  • il-prezz jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku fil-prezz;
  • il-bżonn ta’ servizz jew tiswija.

Id-Direttiva emendatorja (UE) 2019/2161 tintroduċi regola speċifika li tindirizza l-kummerċjalizzazzjoni qarrieqa ta’ oġġetti bħala waħda identika meta fir-realtà l-kompożizzjoni tal-karatteristiċi tagħhom tkun differenti (spiss imsejħa oġġetti ta’ kwalità doppja).

Ommissjonijiet qarrieqa

  • Prattika tkun qarrieqa wkoll meta informazzjoni materjali meħtieġa mill-konsumatur medju biex ikun jista’ jieħu deċiżjoni tranżazzjonali infurmata ma tiġix inkluża jew tiġi pprovduta b’mod mhux ċar, mhux intelliġibbli, ambigwu jew mhux f’waqtu u din aktarx li twassal sabiex il-konsumatur jieħu deċiżjoni ta’ xiri li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.
  • Id-direttiva tipprovdi lista ġenerali ta’ informazzjoni li għandha titqies bħala materjali, bħall-prezz u l-karatteristiċi ewlenin tal-prodott. Id-Direttiva emendatorja (UE) 2019/2161 tinkludi rekwiżiti addizzjonali għall-bejgħ online, bħal: obbligi għas-swieq online* biex il-konsumaturi jiġu infurmati dwar il-kriterji ewlenin li jiddeterminaw il-klassifikazzjoni* tal-offerti pprovduti bi tweġiba għal tfittxija, u l-obbligu li wieħed jinforma jekk u kif l-awtentiċità tar-reċensjonijiet tal-konsumaturi tiġi vverifikata.

Prattiki kummerċjali aggressivi

  • Id-deċiżjonijiet tranżazzjonali jridu jittieħdu b’mod liberu mill-konsumatur. Prattika tkun aggressiva u inġusta jekk b’fastidju, sfurzar jew influwenza mhux xierqa* tfixkel b’mod sinifikanti l-libertà tal-għażla tal-konsumatur medju u twasslu biex jieħu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.
  • Iridu jiġu kkunsidrati diversi elementi sabiex jiġi stabbilit jekk prattika kummerċjali tkunx aggressiva jew le. Dawn jinkludu:
    • in-natura, il-lok u d-durata tal-prattika:
    • l-użu possibbli ta’ lingwaġġ jew imġiba ta’ theddid jew abbużiv(a);
    • l-isfruttament mill-kummerċjant ta’ kwalunkwe ċirkostanza speċifika ta’ tali gravità (eż. mewt jew marda serja) li tfixkel il-ġudizzju tal-konsumatur sabiex tinfluwenza d-deċiżjoni tiegħu fir-rigward tal-prodott;
    • kwalunkwe kundizzjoni mhux kuntrattwali sproporzjonata imposta fuq il-konsumatur li jkun jixtieq jeżerċita d-drittijiet kuntrattwali tiegħu (eż. it-terminazzjoni jew il-bdil ta’ kuntratt).
  • L-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE jinkludi lista ta’ 35 prattika kummerċjali meqjusa żleali f’kull ċirkostanza.

Prattiki pprojbiti fiċ-ċirkostanzi kollha (“blacklist”)

  • Id-Direttiva 2005/29/KE fiha lista ta’ prattiki kummerċjali li huma pprojbiti fiċ-ċirkostanzi kollha. Id-Direttiva emendatorja (UE) 2019/2161 żiedet mal-lista diversi prattiki addizzjonali li jipprojbixxu l-pubblikazzjoni ta’ reċensjonijiet tal-konsumaturi foloz, reklamar moħbi fir-riżultati tat-tiftix u l-bejgħ mill-ġdid ta’ biljetti li l-kummerċjant ikun kiseb bl-użu ta’ “bots awtomatizzati”.

Rimedju u penali

  • Id-Direttiva emendatorja (UE) 2019/2161 tfittex li tiżgura li l-konsumaturi jkollhom id-dritt għal rimedji individwali (pereżempju, kumpens, tnaqqis fil-prezz, eċċ.) meta ssirilhom ħsara minn prattiki kummerċjali żleali.
  • Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jintroduċu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jikkastigaw lill-kummerċjanti li jiksru r-regoli nazzjonali dwar prattiki kummerċjali żleali.
  • Id-Direttiva emendatorja (UE) 2019/2161 tipprevedi kriterji li għandhom jiġu applikati meta jiġu imposti multi u tirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jipprevedu multi sa mill-anqas 4 % tal-fatturat tal-kummerċjant jew EUR 2 miljun meta l-informazzjoni dwar il-fatturat ma tkunx disponibbli meta l-awtoritajiet nazzjonali ta’ diversi pajjiżi jkunu qed jaħdmu flimkien rigward ksur transfruntier kbir li jaffettwa lill-konsumaturi f’diversi pajjiżi tal-UE.

Dokument ta’ gwida

Fl-2016, il-Kummissjoni ħarġet gwida aġġornata dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-direttiva. Din tispjega l-kunċetti u r-regoli prinċipali u tagħti eżempji prattiċi meħudin mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-qrati u mill-amministrazzjonijiet nazzjonali biex jiġi ffaċilitat l-infurzar għall-awtoritajiet nazzjonali u biex tiġi żgurata ċertezza legali akbar għall-kummerċjanti.

MINN META JIBDEW JAPPLIKAW ID-DIRETTIVI?

  • Id-Direttiva 2005/29/KE kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-12 ta’ Ġunju 2007. Il-pajjiżi tal-UE kellhom japplikaw ir-regoli tad-direttiva mit-12 ta’ Diċembru 2007.
  • Id-Direttiva emendatorja (UE) 2019/2161 għandha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-28 ta’ Novembru 2021. Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom japplikaw ir-regoli tad-direttiva mit-28 ta’ Mejju 2022.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Prodott: kwalunkwe oġġett jew servizz inkluż proprjetà immobbli, servizz diġitali u kontenut diġitali, kif ukoll drittijiet u obbligi.
Konsumatur: individwu li, fi prattiki kummerċjali koperti minn din id-direttiva, qed jaġixxi għal skopijiet li mhumiex parti mill-kummerċ, min-negozju, mis-sengħa jew mill-professjoni tiegħu.
Diliġenza professjonali: l-istandard ta’ ħila u kura speċjali li kummerċjant jista’ jkun raġonevolment mistenni li jeżerċita fir-rigward tal-konsumaturi, jikkorrispondi ma’ prattiki tas-suq onesti u/jew mal-prinċipju ġenerali tal-bona fide fil-qasam ta’ attività tal-kummerċjant.
Suq online: servizz li juża software, inkluż sit web, parti minn sit web jew applikazzjoni, ġestit minn kummerċjant jew f’isem kummerċjant li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti jew ma’ konsumaturi oħra.
Klassifikazzjoni: il-prominenza relattiva mogħtija lill-prodotti, kif ippreżentati, organizzati jew ikkomunikati mill-kummerċjant, irrispettivament mill-mezzi teknoloġiċi użati għal tali preżentazzjoni, organizzazzjoni jew komunikazzjoni.
Influwenza mhux xierqa: l-isfruttament ta’ pożizzjoni ta’ poter fil-konfront tal-konsumatur sabiex tiġi applikata pressjoni fuqu, inkluż mingħajr l-użu jew it-theddid tal-użu tal-forza fiżika, b’tali mod li jillimita b’mod sinifikanti l-kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni infurmata.

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, 11.6.2005, pp. 22-39)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2005/29/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU L 328, 18.12.2019, pp. 7-28)

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Patt Ġdid għall-Konsumaturi (COM(2018) 183 final, 11.4.2018)

Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, pp. 1-26)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni — Gwida għall-implimentazzjoni/applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali — Li jakkumpanja d-dokument — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Approċċ komprensiv għall-istimolu ta’ kummerċ elettroniku transfruntier għaċ-ċittadini u n-negozji tal-Ewropa (SWD(2016) 163 final, 25.5.2016)

l-aħħar aġġornament 20.05.2020

Top