EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-rwol taż-żoos fil-konservazzjoni tal-bijodiversità

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 1999/22/KE dwar iż-żamma ta’ annimali selvaġġi fiż-żoo

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

  • Hija tippromwovi l-protezzjoni u l-konservazzjoni ta’ speċi ta’ annimali selvaġġi billi ssaħħaħ ir-rwol taż-żoos fil-konservazzjoni tal-bijodiversità.
  • Hija tinkludi regoli għall-ħruġ ta’ liċenzji u l-ispezzjoni taż-żoos sabiex ikun żgurat li dawn jirrispettaw il-miżuri ta’ konservazzjoni u protezzjoni meħtieġa.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • “Żoo” huwa definit bħala stabbiliment permanenti fejn jinżammu annimali selvaġġi ħajjin għall-wiri pubbliku għal 7 ijiem fis-sena jew aktar.
  • Il-ħwienet ta’ annimali domestiċi u ċ-ċirkli huma esklużi mid-direttiva.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jeżentaw ukoll lil ċerti stabbilimenti minn din id-direttiva jekk dawn ma jkollhomx għall-wiri pubbliku numru sinifikanti ta’ annimali jew speċi għall-pubbliku u sakemm din l-eżenzjoni ma timminax l-għanijiet tad-direttiva.

Kundizzjonijiet

Id-direttiva titlob lill-pajjiżi tal-UE sabiex jieħdu miżuri li jikkonċernaw l-għoti ta’ liċenzji u t-twettiq ta’ spezzjonijiet regolari fiż-żoos bil-għan li jivverifikaw li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti tagħhom huma ssodisfati.

Sabiex jiksbu liċenzja għall-operat tagħhom, iż-żoos għandhom:

  • jipparteċipaw f’riċerka li mir-riżultati tagħha jibbenifikaw il-preservazzjoni tal-ispeċi, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi u/jew ir-riproduzzjoni fil-maqbud (ripopolazzjoni, riintroduzzjoni tal-ispeċi fis-selvaġġ, eċċ.);
  • jippromwovu l-edukazzjoni pubblika u l-għarfien tal-konservazzjoni tal-bijodiversità, partikolarment billi jingħata tagħrif dwar l-ispeċi esibiti u l-abitat naturali tagħhom;
  • jakkomodaw lill-annimali tagħhom f’kundizzjonijiet li jissodisfaw il-ħtiġijiet bijoloġiċi u ta’ konservazzjoni tal-ispeċi individwali billi:
    • jipprovdu titjib speċifiku għall-ispeċi tal-postijiet magħluqa, u
    • iżommu standard għoli ta' maniġġar għaqli tal-annimali bi programmi żviluppati ta’ kura preventiva u kurattiva veterinarja u ta' nutriment;
  • il-prevenzjoni ta’ ħrib tal-annimali biex jiġi evitat theddidiet ekoloġiċi possibbli (eż. speċi aljeni invażivi) għall-ispeċi indiġeni, kif ukoll sabiex jipprevjenu d-dħul minn barra ta’ insetti qerrieda;
  • iżommu rekords aġġornati tal-annimali fl-istabbiliment, li jvarjaw skont l-ispeċi.

Liċenzjar u spezzjoni

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jadottaw regoli għall-liċenzjar u l-ispezzjoni taż-żoos sabiex b’hekk jiżguraw li l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa jitħarsu.
  • Iż-żoos kollha għandu jkollhom liċenzja.
  • Kull liċenzja għandu jkun fiha kondizzjonijiet biex jiġu infurzati l-miżuri ta’ konservazzjoni u protezzjoni meħtieġa.
  • L-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi tal-UE għandhom iwettqu spezzjoni qabel jagħtu, jirrifjutaw, jestendu jew jimmodifikaw sostanzjalment liċenzja.
  • F’każ li żoo ma jikkonformax kompletament jew parzjalment mar-rekwiżiti legali, l-awtorità kompetenti għandha tipprojbixxi l-aċċess pubbliku għaż-żoo kollu jew għall-parti kkonċernata.
  • F’każ ta’ għeluq parzjali jew komplet ta’ żoo, l-annimali involuti għandhom jiġu ttrattati jew jitneħħew mill-post taħt kundizzjonijiet li l-pajjiż tal-UE kkonċernat iqis li huma xierqa u kompatibbli mar-regoli tad-direttiva.

Prattiki tajbin

Fl-2015, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat id-dokument ta’ prattiki tajbin rigward id-direttiva tal-UE dwar iż-żoos. Dan huwa maħsub biex jgħin lill-pajjiżi tal-UE jtejbu l-konformità mar-rekwiżiti tad-direttiva permezz tal-kondiviżjoni ta’ esperjenza u prattika tajba.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija bdiet tapplika mid-9 ta’ April 1999. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sad-9 ta’ April 2002.

ATT

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/22/KE tad-29 ta’ Marzu 1999 dwar iż-żamma ta’ annimali selvaġġi fiż-żoo (ĠU L 94, 9.4.1999, p. 24-26)

l-aħħar aġġornament 06.06.2016

Top