EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-tneħħija u r-rimi ta' installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta li ma għadhomx jintużaw

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Komunikazzjoni (COM(98) 49 final) – it-tneħħija u r-rimi ta' installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta li ma għadhomx jintużaw

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent billi tnaqqas it-tniġġis minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta li ma għadhomx jintużaw.

PUNTI EWLENIN

  • Id-dibattitu dwar ir-rimi ta’ installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta żejda reġa’ nfetaħ fl-1995 bil-“kwistjoni” ta’ Brent Spar. Bl-awtorizzazzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit, Shell kienet iddeċidiet li tgħerreq il-baga tal-ħażna taż-żejt tagħha Brent Spar f’sit ta’ ilma fond fl-Atlantiku tat-Tramuntana.
  • Din id-deċiżjoni qalgħet ħafna kritika mill-pubbliku minħabba l-ħsara lill-ambjent marin. Fid-Dikjarazzjoni Ministerjali wara l-Konferenza tal-Baħar tat-Tramuntana li kienet qed issir fl-istess ħin, il-maġġoranza tal-Ministri li kienu preżenti, ħlief il-Ministri tar-Renju Unit u tan-Norveġja, talbu projbizzjoni fuq ir-rimi fil-baħar ta’ installazzjonijiet bħal dawn.
  • Wara bojkott mill-konsumaturi tal-prodotti Shell f’diversi pajjiżi tal-UE, il-kumpanija fl-aħħar ħalliet il-pjan tagħha u ddeċidiet li tiżmonta l-istruttura tal-installazzjoni u tuża mill-ġdid il-buq bħal parti minn estensjoni ta’ moll fin-Norveġja. Madankollu, din is-soluzzjoni ta’ darba ma pprovdietx tweġiba ġenerali għas-600 installazzjoni l-oħrajn ta’ dan it-tip fl-ilmijiet Ewropej, ħafna minnhom fl-ilmijiet Brittaniċi u Norveġiżi.
  • Ir-rimi ta’ installazzjonijiet li ma għadhomx jintużaw ġie eżaminat skont il-Konvenzjoni OSPAR (OSPAR: Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin minn Rimi minn Bastimenti u Inġenji tal-Ajru, iffirmata f’Oslo fil-15 ta’ Frar 1972, segwita mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Atlantiku tal-Grigal, iffirmata f’Pariġi fid-9 ta’ Settembru 1992), li fl-1998 adottat deċiżjoni relatata.
  • F’Novembru 1996, il-Kummissjoni kkummissjonat studju fuq l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tat-tneħħija u tar-rimi ta’ installazzjonijet bħal dawn, li laħaq il-konklużjonijiet li ġejjin:
  • Fir-rigward ta’ installazzjonijiet kbar tal-konkrit:
    • nuqqas ta’ għarfien tal-aspetti tekniċi tar-rimi tagħhom;
    • mil-lat ambjentali, ebda bżonn li jintremew kompletament;
    • impossibbli li tiġi stmata l-ispiża tar-rimi tagħhom.
  • Għall-bqija tal-installazzjonijiet bi strutturi tal-azzar:
    • rimi komplet huwa teknikament fattibbli;
    • dan huwa ekonomikament ġustifikat;
    • dan jista’ jsir f’sigurtà sħiħa;
    • ir-residwi tas-sustanzi tossiċi u perikolużi jistgħu jitnaqqsu;
    • l-azzar jista’ jiġi rriċiklat fuq l-art.
  • L-ispejjeż tat-tneħħija u r-rimi jiġu ssodisfati mis-sidien tal-installazzjonijiet, jiġifieri, il-kumpaniji taż-żejt u tal-gass. Xi ftit minn din in-nefqa hija soġġetta għal tnaqqis fiskali. L-istima tal-ispiża globali biex il-pjattaformi kollha jiġu rmonkati għal fuq il-plajja għar-riċiklaġġ hija ta’ EUR 2 biljun fuq 25 sena, jew madwar medja ta’ EUR 80 miljun fis-sena. F’termini ġenerali, l-impatt ta’ deċiżjoni bħal din fuq l-ispejjeż globali tal-produzzjoni taż-żejt u tal-gass huma negliġibbli.
  • Hemm bosta testijiet internazzjonali li jkopru installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta li ma għadhomx jintużaw, inkluż:

Madankollu m’hemm ebda qafas legali komuni speċifiku f’dan il-qasam. Barra minn hekk, dawn il-Konvenzjonijiet jindirizzaw biss standards minimi. Il-pajjiżi individwali jistgħu jimponu kundizzjonijiet aktar strinġenti.

  • Il-vantaġġi tal-adozzjoni ta’ leġislazzjoni internazzjonali uniformi f’dan il-qasam huma kif ġej:
    • it-tneħħija tar-riskju ta’ kompetizzjoni li jirriżulta minn differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;
    • ir-restrizzjonijiet fuq ir-rilaxx ta’ sustanzi niġġiesa minn installazzjonijiet;
    • it-tnaqqis fit-tniġġis tal-ambjent marin;
    • sigurtà akbar ta’ navigazzjoni.

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tneħħija u r-rimi ta' installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass lil hinn mill-kosta li ma għadhomx jintużaw (COM(98) 49 final, 18.2.1998)

l-aħħar aġġornament 23.02.2017

Top