Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sistema ta’ skambji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra

Sistema ta’ skambji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema ta’ skambji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE (ETS)*. Din hija l-pedament tal-politika tal-UE sabiex tindirizza l-bidla fil-klima billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) b’mod kosteffikaċi u ekonomikament effiċjenti. Hi bbażata fuq il-prinċipju“ta’ limitu u skambju”*.

Il-pajjiżi tal-UE emendaw il-leġiżlazzjoni oriġinali għadd ta’ drabi hekk kif is-sistema evolviet. L-aktar tibdiliet riċenti ġew miftiehma f’Marzu 2018.

PUNTI EWLENIN

Il-fażi attwali (it-tielet) tal-EU ETS tibda mill-2013 sal-2020.

Is-sistema tapplika għal:

  • impjanti tal-enerġija;
  • firxa wiesgħa ta’ setturi industrijali intensivi fl-enerġija;
  • inġenji tal-ajru li jtiru bejn ajruporti fl-UE, in-Norveġja u l-Iżlanda;
  • emissjonijiet ta’:
    • diossidu tal-karbonju (CO2)
    • ossidu nitruż
    • perfluworokarbur
    • metan
    • idrofluworokarburi u
    • eżafluworur tal-kubrit.

Mill-1 ta’ Jannar 2005, l-operaturi tal-attivitajiet kollha koperti mil-leġiżlazzjoni għandhom iċedu numru xieraq ta’ kwoti ta’ emissjonijiet sabiex ikopru l-emissjonijiet tal-GHG tagħhom.

In-numru totali ta’ kwoti maħruġin fl-UE huwa mnaqqas annwalment: b’1.74 % bejn l-2013-2020 u b’2.2 % mill-2021.

Inġenji tal-ajru li jtiru lejn ajruporti fl-UE, fl-Iżlanda jew fin-Norveġja minn kwalunkwe post fid-dinja huma eżentati mill-EU ETS sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Kwoti:

  • jistgħu jiġu trasferiti bejn installazzjonijiet, linji tal-ajru u parteċipanti fl-UE u għal pajjiżi mhux tal-UE fejn huma rikonoxxuti (s’issa l-ebda wieħed);
  • huma validi b’mod indefinit jekk jinħarġu mill-1 ta’ Jannar 2013 ’il quddiem;
  • maħruġin mill-1 ta’ Jannar 2021 ’il quddiem ma jistgħux jintużaw għall-konformità ta’ fażi 3 (2013-2020).

Mill-2021, 57 % tal-kwoti sejrin jiġu rkantati. Mill-anqas nofs il-qligħ tal-pajjiżi tal-UE għandu jintuża għal skopijiet relatati mal-klima.

Sejrin jiġu stabbiliti żewġ mekkaniżmi ġodda ta’ finanzjament għal emissjonijiet baxxi tal-karbonju:

  • il-Fond ta’ Modernizzazzjoni se jappoġġja proġetti ta’ investiment ta’ modernizzar fis-settur tal-enerġija u sistemi tal-enerġija usa’ f’pajjiżi tal-UE li l-prodott domestiku gross (PDG) per capita fi prezzijiet tas-suq fl-2013 kien anqas minn 60 % tal-medja tal-UE; dan se jinkludi 2 % tan-numru totali ta’ kwoti fl-2021-2030;
  • il-Fond tal-Innovazzjoni se jappoġġja d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi u innovazzjoni rivoluzzjonarja f’setturi koperti mill-EU ETS, inkluż sorsi rinnovabbli innovattivi, ġbir u użu tal-karbonju, u ħażna tal-enerġija; ir-riżorsi disponibbli se jikkorrispondu għall-valur tas-suq ta’ mill-anqas 450 miljun kwota fil-ħin tal-irkantar tagħhom.

Il-pajjiżi tal-UE:

  • joħorġu l-kwoti;
  • jiżguraw li r-riċevituri tal-kwoti jimmonitorjaw u jirrapportaw l-emissjonijiet tagħhom annwalment;
  • jirkantaw, mill-2019 ’il quddiem, il-kwoti kollha mhux allokati b’xejn jew imqiegħda f’riżerva tal-istabbiltà tas-suq;
  • jiddeterminaw kif jużaw id-dħul mill-irkant. Possibbiltajiet jinkludu miżuri sabiex:
    • tkun żviluppata l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija
    • tkun evitata d-deforestazzjoni
    • jinġabar u jinħażen is-CO2 b’mod sigur
    • ikun promoss trasport pubbliku b’emissjonijiet baxxi
    • jittejbu s-sistemi ta’ tisħin tad-distrett
    • ikunu ffinanzjati attivitajiet li jindirizzaw it-tibdil fil-klima f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp;
  • jibagħtu lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Settembru 2019 lista u dettalji tal-installazzjonijiet koperti mil-leġiżlazzjoni għall-5 snin li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2021. Dan għandu jkun ripetut f’intervalli ta’ 5 snin;
  • sat-28 ta’ Frar, jinħareġ annwalment in-numru ta’ kwoti li se jkunu allokati dik is-sena;
  • il-Kummissjoni tkun ipprovduta b’rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni;
  • ikun żgurat li l-kwoti jistgħu jiġu trasferiti bejn installazzjonijiet fl-UE u lil pajjiżi mhux tal-UE fejn il-kwoti huma rikonoxxuti;
  • ikunu ddeterminati penali għal kwalunkwe ksur tal-liġi. Operaturi mingħajr biżżejjed kwoti sabiex ikopru l-emissjonijiet tagħhom huma mmultati € 100 għal kull tunnellata ta’ CO2 mitfugħ.

Dawn il-passi kollha huma ssodisfati abbażi ta’ regoli armonizzati fil-livell ta’ UE.

Il-Kummissjoni Ewropea:

  • tippreżenta rapport annwali lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-EU ETS u l-politiki tal-klima u l-enerġija li jakkumpanjawh;
  • għandha s-setgħa li tiddefinixxi r-regoli tekniċi meħtieġa sabiex timplimenta leġiżlazzjoni bażika;
  • iżżomm reġistru indipendenti u log tat-tranżazzjonijiet li jirrekordjaw is-sjieda, il-ħruġ, it-trasferiment u kanċellazzjoni ta’ kwoti.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mill-25 ta’ Ottubru 2003 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-31 ta’ Diċembru 2003.

SFOND

Skont il-Protokoll ta’ Kjoto dwar it-tibdil fil-klima, maqbul f’Diċembru 1997, l-UE wiegħdet li tnaqqas l-emissjonijiet tal-GHG bejn l-2008 u l-2012 bi 8 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

Fit-tieni perjodu ta’ Kjoto (2013-2020), dan l-impenn żdied għal 20 % tal-livelli tal-1990 sal-2020.

Matul ir-raba’ fażi tal-EU ETS (2021-2030), l-UE qed timmira li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b’mill-anqas 40 % sal-2030, f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima tal-2015. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri, l-UE stabbilixxiet sistema ta’ skambji ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-GHG. Kull kwota tkopri l-emissjoni ta’ tunnellata ta’ CO2 jew ekwivalenti għas-CO2 matul perjodu speċifiku.

Għal aktar tagħrif, ara:

TERMINI EWLENIN

L-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS): l-ewwel — u li s’issa għadha l-akbar bil-bosta — sistema internazzjonali għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, tkopri madwar 11 000 impjant tal-enerġija u impjant tal-manifattura fit-28 pajjiż tal-UE, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein, kif ukoll attivitajiet ta’ avjazzjoni.
Il-prinċipju ta’ limitu u skambju: l-EU ETS taħdem abbażi ta’ dan il-prinċipju. “Limitu” huwa stabbilit fuq l-ammont totali ta’ ċerti GHGs li jistgħu jiġu emessi mill-fabbriki, impjanti tal-enerġija u installazzjonijiet oħrajn fis-sistema. Il-limitu jitnaqqas matul iż-żmien sabiex jonqsu l-emissjonijiet totali. Is-sistema tippermetti l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet sabiex l-emissjonijiet totali tal-installazzjonijiet u tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru jibqgħu fi ħdan il-limitu u jkunu jistgħu jittieħdu l-miżuri bl-inqas spejjeż sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, pp. 32-46)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2003/87/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni (UE) 2018/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda r-Regolament (UE) Nru 1257/2013 u d-Direttivi 94/63/KE u 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kunsill 86/278/KEE u 87/217/KEE fir-rigward ta’ regoli proċedurali fil-qasam tar-rapportar ambjentali u li jirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE (ĠU L 150, 14.6.2018, pp. 155-161)

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u operazzjoni ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ skambju tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L264, 9.10.2015, pp. 1-5)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 03.10.2018

Top