Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tariffi tar-roaming fi ħdan l-Unjoni Ewropea

Tariffi tar-roaming fi ħdan l-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 531/2012 — roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet bil-mowbajl fi ħdan l-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa għandu l-għan li jtemm it-tariffi tar-roaming waqt l-ivvjaġġar fi ħdan l-UE. Dan ifisser li ċ-ċittadini tal-UE li jkunu qed jivvjaġġaw fi ħdan l-UE jistgħu jagħmlu telefonati, jibagħtu messaġġi testwali u jaċċessaw l-internet fuq il-mowbajl tagħhom għall-istess prezz bħal fil-pajjiżi tagħhom stess.
  • Huwa jistabbilixxi wkoll salvagwardji sabiex jiġi żgurat li l-operaturi tal-mowbajls ikunu protetti kontra abbużi u jkunu jistgħu jsostnu r-regoli l-ġodda tar-roaming mingħajr ma jżidu l-prezzijiet domestiċi.
  • Ir-Regolament (UE) 2017/920 jemenda r-Regolament (UE) Nru 531/2012 b’effett mill-15 ta’ Ġunju 2017. Huwa jintroduċi regoli li jillimitaw l-ammont li l-operaturi tal-mowbajls jistgħu jitolbu lil xulxin għar-roaming (jiġifieri, roaming bl-imnut) fl-UE.

PUNTI EWLENIN

  • L-ispejjeż tat-telefonati, tal-messaġġi u tad-data li jiġġarrbu waqt l-ivvjaġġar f’pajjiż ieħor tal-UE se jitnaqqsu mill-volum domestiku tal-utent.
  • L-operaturi mhumiex obbligati joffru servizzi tar-roaming; madankollu, jekk joffruhom, huma jridu josservaw il-prinċipju “roaming daqslikieku f’pajjiżek” u jitolbu kont lill-utenti skont ir-rata domestika biss.
  • Ir-regolament m’għandux il-għan li jippermetti “roaming permanenti”, fejn kard ta’ modulu ta’ identità tal-abbonat (SIM card, subscriber identity module) minn pajjiż ieħor tal-UE tintuża fuq bażi permanenti.
    • L-operaturi jistgħu jidentifikaw abbużi tal-prinċipju billi janalizzaw ir-roaming u t-telefonati domestiċi u jużaw servizzi tal-mowbajl fuq perjodu ta’ 4 xhur.
    • Jekk klijent iqatta’ l-maġġoranza tal-ħin tiegħu barra minn pajjiżu u juża l-mowbajl tiegħu aktar barra minn pajjiżu milli f’pajjiżu, l-operatur jista’ jitlob lill-klijent jiċċara s-sitwazzjoni fi żmien 14-il ġurnata.
    • Dan il-kontroll huwa mfassal biex jimmira lil dawk li jibqgħu msefrin għal perjodi twal, mhux dawk li jilloggjaw fuq in-netwerk nazzjonali tagħhom b’mod regolari, bħal ħaddiema transkonfinali.
  • Jekk utent jibqa’ barra mill-pajjiż fejn tkun inħarġet is-SIM card b’mod permanenti, l-operatur jista’ japplika ħlas addizzjonali:
    • massimu ta’ €0.032 għal kull minuta ta’ telefonata bil-vuċi;
    • massimu ta’ €0.01 għal kull servizz ta’ messaġġ qasir (SMS);
    • massimu ta’ €7.70 għal kull gigabyte ta’ data mill-15 ta’ Ġunju 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2017, li jonqos fl-1 ta’ Jannar kull sena kif ġej: €6 fl-2018, €4.50 fl-2019, €3.50 fl-2020, €3 fl-2021 u €2.50 fl-2022.
  • Fil-każ ta’ “bundles ta’ data miftuħa” (jiġifieri data mhux limitata, jew data bi prezz tal-bejgħ baxx ħafna), l-operatur jista’ japplika limitu għad-data tar-roaming mingħajr ħlas addizzjonali. Dan il-limitu jeħtieġ li jkun ogħla minn livell limitu bbażat fuq il-prezz tal-bundle domestiku u huwa kbir biżżejjed biex ikopri l-parti l-kbira tal-ħtiġijiet tar-roaming tal-klijenti. Jekk dan il-limitu jinqabeż, il-klijent jista’ jkompli r-roaming tad-data bi ħlas addizzjonali kif indikat hawn fuq.
  • Ir-regolatur nazzjonali jista’ jawtorizza eċċezzjoni għall-prinċipju “roaming daqslikieku f’pajjiżek” f’każijiet fejn, abbażi ta’ evidenza, l-operatur ikun jista’ juri li huwa ma jkunx jista’ jipprovdi servizzi ta’ “roaming daqslikieku f’pajjiżek” mingħajr ma jżid il-prezzijiet domestiċi tiegħu.

META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2012.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 172, 30.6.2012, pp. 10-35)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 531/2012 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2286 tal-15 ta’ Diċembru 2016 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta’ politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta’ dik il-valutazzjoni (ĠU L 344, 17.12.2016, pp. 46-62)

Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 310, 26.11.2015, pp. 1-18)

l-aħħar aġġornament 08.02.2018

Top