Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ

L-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ

Direttiva (UE) 2018/852 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 94/62/KE tistabbilixxi r-regoli tal-UE dwar l-immaniġġjar tal-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ.

Id-Direttiva (UE) 2018/852 temenda d-Direttiva 94/62/KE u tinkludi miżuri aġġornati maħsuba għal:

  • prevenzjoni tal-produzzjoni tal-iskart mill-imballaġġ, u
  • promozzjoni tal-użu mill-ġdid, riċiklaġġ u forom oħra ta’ rkupru tal-iskart mill-imballaġġ, minflok il-qerda finali tiegħu, sabiex tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari*.

Id-Direttiva 94/62/KE għandha l-għan li tikkontribwixxi għal:

  • titjib tal-kwalità tal-ambjent;
  • protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;
  • protezzjoni tar-riżorsi;
  • żgurar tal-funzjonament tas-suq intern u restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni fl-UE.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Id-direttiva kif emendata tkopri l-imballaġġi kollha mqiegħda fis-suq Ewropew u l-iskart kollu mill-imballaġġi, kemm jekk jintuża jew jekk jiġi rilaxxat f’livell ta’ industrija, ta’ kummerċ, ta’ uffiċċju, ta’ ħanut, ta’ servizz, ta’ unità domestika jew ta’ kwalunkwe livell ieħor, ikun xi jkun il-materjal użat.

Miżuri

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu miżuri, bħal programmi nazzjonali, inċentivi permezz ta’ skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur u strumenti ekonomiċi oħra, biex jipprevjenu l-ġenerazzjoni ta’ skart mill-imballaġġ u jimminimizzaw l-impatt ambjentali tal-imballaġġ.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinkoraġġixxu żieda fis-sehem ta’ imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża* li jitqiegħed fis-suq u ta’ sistemi għall-użu mill-ġdid tal-imballaġġ mingħajr ma jikkompromettu s-sikurezza tal-ikel. Dan jista’ jinkludi:

  • skemi ta’ imballaġġ ritornabbli
  • miri
  • inċentivi ekonomiċi
  • perċentwali minimi ta’ imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża li jitqiegħed fis-suq għal kull tip ta’ imballaġġ eċċ.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jilħqu ċerti miri ta’ riċiklaġġ li jvarjaw skont il-materjal tal-imballaġġ u għal dan il-għan japplikaw ir-regoli tal-kalkolu l-ġodda.

Miri

Sal-31 ta’ Diċembru 2025, minimu ta’ 65% skont il-piż tal-imballaġġ kollu għandu jkun riċiklat. Il-miri tar-riċiklaġġ għal kull materjal huma:

  • 50% tal-plastik
  • 25% tal-injam
  • 70% tal-metall ferruż
  • 50% tal-aluminju
  • 70 % tal-ħġieġ, u
  • 75 % tal-karta u tal-kartun.

Sal-31 ta’ Diċembru 2030, minimu ta’ 70% tal-imballaġġ għandu jkun riċiklat. Dan jinkludi:

  • 55% tal-plastik
  • 30% tal-injam
  • 80% tal-metall ferruż
  • 60% tal-aluminju
  • 75% tal-ħġieġ u
  • 85% tal-karta u tal-kartun.

Rekwiżiti essenzjali

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-imballaġġ imqiegħed fis-suq jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali li jinsabu fl-Anness II tad-direttiva:

  • li l-piż u l-volum tal-imballaġġ ikunu limtati għal livell minimu sabiex jintlaħaq il-livell meħtieġ ta’ sikurezza, iġjene u aċċettabilità għall-konsumaturi;
  • li l-kontenut ta’ sustanzi u materjali perikolużi fil-materjal tal-imballaġġ u l-komponenti tiegħu jkunu mnaqqsa;
  • li l-imballaġġ ikun magħmul biex jerġa’ jintuża jew biex jiġi rkuprat.

Imballaġġ bijodegradabbli: imballaġġ tal-plastik ossodegradabbli* m’għandux jitqies bħala bijodegradabbli.

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda attwalment teżamina kif tista’ ssaħħaħ ir-rekwiżiti essenzjali bil-għan li ttejjeb l-għamla tal-imballaġġ għall-użu mill-ġdid u tippromwovi riċiklaġġ ta’ kwalità għolja, kif ukoll issaħħaħ l-infurzar tar-rekwiżiti essenzjali.

Sistemi ta’ rkupru tal-imballaġġ

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti sistemi biex jipprovdu għar-ritorn u/jew il-ġbir ta’ imballaġġ użat u/jew skart mill-imballaġġ, kif ukoll l-użu mill-ġdid jew l-irkupru inkluż ir-riċiklar tal-imballaġġ u/jew tal-iskart mill-imballaġġ miġbur.

Responsabbiltà tal-produttur

Sal-2025, il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li skemi ta’ responsabbiltà tal-produtturi* jkunu stabbiliti għall-imballaġġ kollu. Skemi ta’ responsabbiltà tal-produttur jipprovdu għar-ritorn u/jew il-ġbir ta’ imballaġġ użat u/jew skart mill-imballaġġ li jiġi mgħoddi lis-sistemi alternattivi tal-immaniġġjar tal-iskart l-aktar addattati; kif ukoll għal użu mill-ġdid jew riċiklaġġ tal-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ miġbur. Dawn l-iskemi għandhom ikunu konformi ma’ xi rekwiżiti minimi stabbiliti skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (2008/98/KE). L-iskemi għandhom jgħinu biex jinċentivaw l-imballaġġ li huwa ddisinjat, prodott u kummerċjalizzat b’tali mod li jippermetti l-użu mill-ġdid jew l-irkupru tiegħu u li għandu impatt minimu fuq l-ambjent.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 94/62/KE ilha tapplika sa mill-31 ta’ Diċembru 1994 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-30 ta’ Ġunju 1996.

Id-Direttiva (UE) 2018/852 ilha tapplika mill-4 ta’ Lulju 2018 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-5 ta’ Lulju 2020.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ekonomija ċirkolari: ekonomija ċirkolari timminimizza l-input tar-riżorsi, l-iskart, l-emissjonijiet u t-telf tal-enerġija. Din tista’ tinkiseb permezz ta’ tfassil fit-tul, manutenzjoni, tiswija, użu mill-ġdid u riċiklaġġ. Hija tikkuntrasta ma’ ekonomija lineari li testratta r-riżorsi, tużahom, imbagħad tarmihom.
Imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża: imballaġġ li nħoloq, li ġie ddisinjat u li tqiegħed fis-suq biex matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu jwettaq diversi vjaġġi jew rotazzjonijiet billi jimtela mill-ġdid jew jintuża mill-ġdid għall-istess skop li għalih kien inħoloq.
Ossodegradabbli: imballaġġ ossodegradabbli huwa imballaġġ tal-plastik b’addittivi li jwasslu għad-diżintegrazzjoni tiegħu f’partiċelli mikroskopiċi. Jista’ jikkontribwixxi għall-preżenza ta’ mikroplastiċi fl-ambjent.
Skema ta’ responsabbiltà tal-produttur: sistema stabbilita minn produttur biex tassigura li huma jerfgħu parti mir-responsabbiltà li jnaqqsu wħud mill-impatti ambjentali tal-manifattura, it-tqegħid fis-suq u l-qerda tal-prodotti tagħhom.

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10-23).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 94/62/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 150, 14.6.2018, pp. 141-154)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, pp. 3–30).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 06.11.2018

Top