EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Dokument ta’ transitu faċilitat (FTD) u dokument ta’ transitu faċilitat bil-ferroviji (FRTD)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 693/2003 li jistabbilixxi Dokument speċifiku ta’ Transitu Faċilitat (FTD), Dokument ta’ Transitu Faċilitat bil-Ferroviji (FRTD) u jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni u l-Ktieb tal-Istruzzjonijiet Komuni

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan ifittex li jistabbilixxi dokument ta’ transitu faċilitat (FTD)* u dokument ta’ transitu faċilitat bil-ferroviji (FRTD)* għat-transitu speċifiku u dirett fuq l-art ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li huwa neċessarju għalihom li jaqsmu t-territorju ta’ pajjiż wieħed jew aktar tal-UE sabiex jivvjaġġaw bejn żewġ partijiet tal-pajjiż tagħhom stess li ġeografikament ma jmissux ma’ xulxin.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni u validità

  • L-FTD u l-FRTD għandhom l-istess valur bħall-viżi ta’ transitu u għandhom validità territorjali għall-pajjiż tal-UE emittenti.
  • L-FTD huwa validu għal perjodu massimu ta’ 3 snin u t-transitu bbażat fuq l-FTD ma għandux jaqbeż l-24 siegħa.
  • L-FRTD huwa validu għal perjodu massimu ta’ 3 xhur u t-transitu bbażat fuq l-FRTD mhux se jaqbeż is-6 sigħat.
  • L-ebda FTD/FRTD ma jista’ jitwaħħal ma’ dokument tal-ivvjaġġar li jkun skada jew b’perjodu ta’ validità iqsar minn dak tal-FTD/FRTD.

Il-kundizzjonijiet u l-proċedura tal-ħruġ

  • Biex jiksbu FTD/FRTD, l-applikanti għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
    • għandu jkollhom dokument validu, li jawtorizzahom jaqsmu l-fruntieri esterni;
    • ma jkunux persuni li tkun inħarġet twissija għalihom għar-raġunijiet li jiġi rrifjutat id-dħul;
    • ma jkunux jitqiesu bħala theddida għall-ordni pubbliku jew għar-relazzjonijiet internazzjonali ta’ kwalunkwe pajjiż tal-UE;
    • għall-FTD, għandu jkollhom raġunijiet validi għal ivvjaġġar frekwenti bejn iż-żewġ partijiet tat-territorju ta’ pajjiżhom.
  • L-applikazzjoni għal FTD/FRTD issir lill-awtoritajiet konsulari ta’ pajjiż tal-UE. L-applikanti għandhom jissottomettu dokumentazzjoni li turi l-ħtieġa għal ivvjaġġar frekwenti, bħal dokumenti li jikkonċernaw rabtiet familjari jew motivi soċjali, ekonomiċi jew oħrajn.
  • It-tariffa li tikkorrispondi għall-ispejjeż amministrattivi tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal FTD hija EUR 5.
  • L-FRTD jinħareġ mingħajr ħlas.

Il-ħruġ u r-rifjut tad-dokument

  • L-FTDs u l-FRTDs jinħarġu mill-uffiċċji konsulari tal-pajjiżi tal-UE u ma jistgħux jinħarġu fil-fruntiera.
  • Il-proċeduri, u l-appell f’każijiet fejn il-post konsulari ta’ pajjiż tal-UE jirrifjuta li jeżamina applikazzjoni jew li joħroġ FTD/FRTD, huma regolati mil-liġi nazzjonali tal-pajjiż rispettiv.
  • Jekk FTD/FRTD jiġi rrifjutat, ir-raġuni għandha tiġi kkomunikata lill-applikant, fejn ikun meħtieġ mil-liġi nazzjonali.
  • F’każ ta’ użu ħażin jiġu imposti penali fuq id-detentur tal-FTD/FRTD. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u jinkludu l-possibbiltà li l-FTD/l-FRTD jiġi kkanċellat jew irrevokat.

Deċiżjonijiet biex jinħarġu FTDs/FRTDs

  • Il-pajjiżi tal-UE li jiddeċiedu li joħorġu l-FTD u l-FRTD għandhom jikkomunikaw din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea u din tal-aħħar se tippubblikaha fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU).
  • Jekk il-pajjiżi tal-UE jiddeċiedu li ma jibqgħux joħorġu l-FTD u l-FRTD, dawn għandhom jikkomunikaw dik id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u din tal-aħħar se tippubblikaha fil-ĠU.
  • Il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-iskema tal-FTD/FRTD sa mhux aktar tard minn 3 snin wara d-dħul fis-seħħ tal-ewwel deċiżjoni li tkun ittieħdet minn pajjiż tal-UE biex joħroġ FTDs/FRTDs.

Formati uniformi

L-FTDs u l-FRTDs jiġu prodotti fil-forma ta’ format uniformi (stiker) u għandhom l-istess valur ta’ viżi ta’ transitu. Dawn jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 694/2003, adottati fl-istess żmien tar-Regolament (KE) Nru 693/2003.

MINN MINDU BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mit-18 ta’ April 2003.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Dokument ta’ transitu faċilitat (FTD): awtorizzazzjoni speċifika li tippermetti li jsir transitu faċilitat, li jista’ jinħareġ minn pajjiżi tal-UE għad-dħul multiplu ta’ kwalunkwe mezz ta’ transport fuq l-art. L-FTD għandu jinħareġ fil-forma ta’ formati uniforma f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 694/2003.
Dokument ta’ transitu faċilitat bil-ferroviji (FRTD): awtorizzazzjoni speċifika li tippermetti transitu faċilitat, li jista’ jinħareġ mill-pajjiżi tal-UE għal vjaġġ wieħed biss u ritorn bil-ferrovija. L-FRTD għandu jinħareġ fil-forma ta’ formati uniformi f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 694/2003.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 693/2003 tal-14 ta’ April 2003 li jistabbilixxi Dokument speċifiku ta’ Transitu Faċilitat (FTD), Dokument ta’ Transitu Faċilitat bil-Ferroviji (FRTD) u jemenda l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni u l-Ktieb tal-Istruzzjonijiet Komuni (ĠU L 99, 17.4.2003, pp. 8-14)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 694/2003 tal-14 ta’ April 2003 dwar il-format uniformi tad-Dokumenti dwar it-Transitu Faċilitat (FTD) u tad-Dokumenti dwar it-Transitu Faċilitat bil-Ferrovija (FRTD) previsti fir-Regolament (KE) Nru 693/2003 (ĠU L 99, 17.4.2003, pp. 15-21)

l-aħħar aġġornament 07.01.2020

Top