EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Atti unilaterali

 

SOMMARJU TA’:

Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Artikolu 289 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLI 288 U 289 TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (TFUE)?

Dawn jiddeskrivu l-atti unilaterali ewlenin tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 288), u b’mod partikolari dawk li huma atti legali (Artikolu 299).

PUNTI EWLENIN

X’inhuma atti unilaterali?

  • Fost is-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, l-atti unilaterali jiffurmaw dik il-parti tal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE flimkien mal-konvenzjonijiet u l-ftehimiet.
  • Dawn jiġu adottati b’mod awtonomu mill-istituzzjonijiet tal-UE f’konformità mat-trattati fundaturi.

X’inhuma t-tipi differenti ta’ atti unilaterali?

  • Primarjament, dawn huma l-atti elenkati fl-Artikolu 288 tat-TFUE:
    • Regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet li, kif jiġi indikat fl-Artikolu 289, huma atti legali. Dawn jiġu adottati permezz tal-proċedura leġiżattiva u huma vinkolanti, bi sfumaturi tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-effett vinkolanti.
    • Opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet, li mhumiex atti legali. Dawn ma jagħtu l-ebda dritt jew obbligu lil dawk li lilhom huma indirizzati, iżda jistgħu jipprovdu gwida fir-rigward tal-interpretazzjoni u l-kontenut tad-dritt tal-Unjoni.
  • Atti unilaterali mhux vinkolanti oħra, ta’ natura aktar politika, jissejħu “atti atipiċi” — mhux għaliex ma jintużawx b’mod frekwenti iżda għaliex mhumiex elenkati fl-Artikolu 288. Dawn jinkludu riżoluzzjonijiet, konklużjonijiet, komunikazzjonijiet u green u white papers. Dawn jissemmew f’Artikoli oħra fit-trattati tal-UE jew jirriżultaw mill-prattika tal-istituzzjonijiet tal-UE.

L-istatus legali tal-atti unilaterali

  • L-istituzzjonijiet tal-UE huma ħielsa biex jagħżlu t-tip ta’ att li jqisu li huwa l-aktar xieraq biex jimplimentaw il-politika tagħhom.
  • Madankollu, peress li l-UE għandha biss il-kompetenzi li jingħatawlha mit-trattati, kwalunkwe att irid isemmi l-bażi ġuridika fit-TFUE li tikkorrispondi għall-qasam li fih l-istituzzjonijiet Ewropej qegħdin jieħdu azzjoni.
  • Barra minn hekk, l-atti huma meħtieġa li jsemmu l-istrumenti li jagħtu s-setgħa biex dawn jiġu adottati (fil-konsiderazzjonijiet li jibdew b’“wara li kkunsidra”) u jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati (fil-premessi li jibdew b’“billi”).
  • L-atti jridu jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Dawn jistgħu jidħlu fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom, sakemm ma jiġix indikat mod ieħor fit-test tagħhom (kif spiss huwa l-każ).
  • Il-legalità tagħhom tista’ tiġi kkontestata fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea – Is-Sitt Parti – Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Dispożizzjonijiet istituzzjonali — Kapitolu 2 — Atti legali tal-Unjoni, proċeduri ta’ adozzjoni u dispożizzjonijiet oħrajn — Taqsima 1 — L-atti legali tal-Unjoni — Artikolu 288 (ex Artikolu 249 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 171-172)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Dispożizzjonijiet istituzzjonali — Kapitolu 2 — L-atti legali tal-Unjoni, Proċeduri ta’ adozzjoni u dispożizzjonijiet oħra — Taqsima 1 — L-atti legali tal-Unjoni — Artikolu 289 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 172)

l-aħħar aġġornament 21.03.2018

Top