Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Format uniformi għall-viża maħruġa lil ċittadini mhux tal-UE

Format uniformi għall-viża maħruġa lil ċittadini mhux tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 1683/95 — regoli dwar il-format uniformi tal-UE għall-viżi

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

Fl-1995, l-UE ħolqot format uniformi għal viża tal-UE fl-għamla ta’ stiker li għandha titwaħħal fuq id-dokument tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini mhux tal-UE taħt l-obbligu tal-viża.

Ir-regolament jistabbilixi r-regoli għall-format uniformi għall-viżi, mhux biss għall-pajjiżi Schengen* iżda wkoll għall-Irlanda u r-Renju Unit.

PUNTI EWLENIN

Il-format uniformi japplika għal:

  • żjara f’pajjiż wieħed jew aktar taż-żona Schengen għal mhux aktar minn tliet xhur b’kollox;
  • tranżitu miż-żoni tat-tranżitu internazzjonali tal-ajruporti fil-pajjiżi Schengen (“viża ta’ tranżitu minn ajruport”).

Fil-każ tal-pajjiżi Schengen, pereżempju, viża għal żjara qasira maħruġa minn wieħed minnhom tintitola lid-detentur tagħha jivjaġġa/tivjaġġa madwar is-26 pajjiż għal massimu ta’ 90 ġurnata f’perjodu ta’ 180 ġurnata

Il-viżi għal żjarat li jaqbżu dak il-perjodu jibqgħu soġġetti għal proċeduri nazzjonali (jiġifieri sabiex id-detentur tagħha jitħalla jibda impjieg jew jistabbilixxi negozju, kummerċ jew professjoni).

Informazzjoni fuq l-istiker tal-viża

L-istiker tal-viża uniformi tispeċifika n-numru ta’ ġranet li ċittadin barrani ta’ pajjiż tal-UE jista’ jdum fiż-żona Schengen u fl-Irlanda u r-Renju Unit. F’każ ta’ viża ta’ Schengen, il-ġranet għandhom jingħaddu mid-data li hu jew hi jidħol/tidħol fiż-żona Schengen (it-timbru tad-dħul) sad-data li joħroġ/toħroġ miż-żona Schengen (it-timbru tal-ħruġ), inklużi ż-żewġ ġranet.

It-tul preċiż tal-validità tal-viża huwa indikat fuq l-istiker tal-viża taħt l-intestatura “It-Tul taż-Żjara”.

Ir-Regolament (UE) 2017/1370 jintroduċi disinn ġdid għall-istiker tal-viża b’karatteristiċi tas-sigurtà addizzjonali biex tiġi evitata l-falsifikazzjoni. L-Irlanda u r-Renju Unit mhumiex soġġetti għall-applikazzjoni tal-miżuri l-ġodda li daħlu fis-seħħ fis-17 ta’ Awwissu 2017. Madankollu, dawn il-pajjiżi jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea tidħol fi ftehimiet għall-iskambju ta’ informazzjoni teknika fil-mudell tal-viżi nazzjonali tagħhom.

Speċifikazzjonijiet tekniċi

Il-viża uniformi trid tikkonforma ma’:

  • lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi li jikkonċernaw karatteristiċi tas-sigurtà viżibbli b’mod ċar għall-għajn mhux assistita li jintgħarfu b’mod universali inklużi:
    • ritratt integrat prodott skont standards għoljin tas-sigurtà,
    • il-logo li jkun jikkonsisti f’ittra jew f’diversi ittri li jindikaw il-pajjiż li ħariġha — jew il-grupp ta’ pajjiżi, fil-każ tal-Benelux;
  • speċifikazzjonijiet tekniċi oħrajn bl-għan li jipprevjenu l-falsifikazzjoni tal-viża u jipprovdu metodi għall-mili tal-viża.

Kull pajjiż tal-UE jista’ jaħtar awtorità waħda biss għall-ipprintajr tal-viżas. Dan għandu jikkomunika l-isem ta’ dan il-korp lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi l-oħra tal-UE.

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-istiker tal-viża l-ġdida se jiġu stipulati f’deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-regolament se japplika mhux aktar minn 15-il xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1683/95.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mit-3 ta’ Awwissu 1995.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Il-pajjiżi Schengen: L-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja u l-Iżvizzera.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, pp. 1-4)

Emendi li saru wara għar-Regolament (KE) Nru 1683/95 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, pp. 1-58).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2002 tat-18 ta’ Frar 2002 fuq format uniformi għall-formuli biex titwaħħal il-viża maħruġa mill-Istati Membri lill-persuni li jkollhom dokumenti għall-ivvjaġġar mhux rikonoxxuti mill-Istati Membri li jirrediġu l-formula (ĠU L 53, 23.2.2002, pp. 4-6)

l-aħħar aġġornament 01.02.2018

Top