EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi

Il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2009/147/KE dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tfittex li tikkonserva l-għasafar selvaġġi kollha fl-UE billi tistabbilixxi regoli għall-protezzjoni, il-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-kontroll tagħhom.
  • Din tkopri l-għasafar, il-bajd, il-bejtiet u l-ħabitats tagħhom.
  • Din tikkodifika l-leġiżlazzjoni li oriġinarjament kienet ġiet adottata fl-1979 (Id-Direttiva 79/409/KEE).
  • Id-Direttiva 2009/147/KE ġiet emendata fl-2019 bir-Regolament (UE) 2019/1010 li jallinja u jirrazzjonalizza l-obbligi ta’ rappurtar fil-qasam tal-liġi ambjentali.

PUNTI EWLENIN

Miżuri għall-ispeċijiet fil-periklu

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jieħdu azzjoni biex iżommu jew jirkupraw il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet tal-għasafar għal livell konformi mar-rekwiżiti ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet ekonomiċi u rikreazzjonali.

Miżuri għall-ispeċijiet tal-għasafar kollha

Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-preservazzjoni, għaż-żamma jew għall-istabbiliment mill-ġdid ta’ diversità u żona ta’ ħabitats* suffiċjenti għall-ispeċijiet kollha tal-għasafar.

Dawn il-miżuri prinċipalment jinvolvu:

  • il-ħolqien ta’ żoni protetti,
  • il-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-ħabitats ġewwa u barra ż-żoni protetti; u
  • l-istabbiliment mill-ġdid ta’ bijotopi* meqruda, u l-ħolqien ta’ oħrajn ġodda.

Miżuri speċjali

  • Ċerti speċijiet, elenkati fl-Anness I, kif ukoll speċijiet migratorji li jokkorru b’mod regolari u li mhumiex elenkati fl-Anness I, huma soġġetti għal miżuri speċjali li jikkonċernaw l-ħabitat tagħhom biex jiġu żgurati s-sopravivenza u r-riproduzzjoni fiż-żona ta’ distribuzzjoni tagħhom.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji adattati fl-għadd u fid-daqs bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċijiet f’żoni tal-baħar u tal-art fejn tapplika d-Direttiva. L-artijiet mistagħdra jingħataw attenzjoni partikolari. Iż-ŻPS jiffurmaw parti min-network ta’ siti protetti ta’Natura 2000, flimkien maż-Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni indikati taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats.
  • Il-pajjiżi tal-UE huma mitluba jieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu evitati:
    • id-deterjorazzjoni tal-ħabitats tal-ispeċijiet; u
    • id-disturb tal-ispeċijiet li għalihom ġew ikklassifikati ż-ŻPS, fejn tali disturb jista’ jaffettwa l-objettivi tad-Direttiva b’mod sinifikanti.
  • Il-pajjiżi tal-UE huma meħtieġa li jaqblu dwar pjanijiet jew proġetti biss wara li jkunu ċerti li mhux se jaffettwaw ħażin iż-ŻPS ikkonċernati, abbażi ta’ valutazzjoni xierqa ta’ kwalunkwe implikazzjoni għall-objettivi tal-konservazzjoni tas-siti.

Miżuri ta’ protezzjoni ġenerali

  • Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll protezzjoni ġenerali għall-ispeċijiet kollha tal-għasafar selvaġġi fl-UE. B’mod partikolari huma pprojbiti li ġejjin:
    • il-qerda intenzjonata jew il-qbid ta’ għasafar selvaġġi,
    • il-ħsara intenzjonata lill-bejtiet u lill-bajd;
    • it-teħid jew iż-żamma ta’ bajd,
    • it-tfixkil intenzjonat li jpoġġi l-konservazzjoni f’riskju, u
    • iż-żamma ta’ għasafar, li l-kaċċa tagħhom hija pprojbita;
  • eċċezzjonijiet għar-regoli ta’ hawn fuq huma possibbli taħt ċerti kundizzjonijiet.

Il-kaċċa għall-għasafar

  • Xi speċijiet, li l-popolazzjonijiet tagħhom jippermettu, u li huma elenkati fl-Anness II, jistgħu jiġu kkaċċjati, jekk jiġu osservati ċerti prinċipji:
    • in-numru ta’ għasafar li jittieħdu ma għandux jhedded il-livelli soddisfaċenti tal-popolazzjoni u jiġi żgurat l-użu għaqli tagħhom;
    • l-ispeċijiet ma għandhomx jiġu kkaċċjati matul il-perjodi ta’ tnissil jew trobbija;
    • l-ispeċijiet migratorji ma għandhomx jiġu kkaċċjati matul ir-ritorn tagħhom lejn l-artijiet tat-tnissil, u
    • metodi ta’ qtil fuq skala kbira jew mhux selettivi huma pprojbiti;
  • eċċezzjonijiet għar-regoli ta’ hawn fuq huma possibbli taħt ċerti kundizzjonijiet.

Riċerka

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jippromwovu r-riċerka għall-finijiet tal-ġestjoni, il-protezzjoni u l-isfruttar għaqli (eż., għall-istabbiliment tal-listi nazzjonali ta’ speċijiet f’periklu ta’ estinzjoni) tal-għasafar selvaġġi fl-Ewropa

Rapportar

  • Ir-Regolament (UE) 2019/1010, li ilu japplika mis-26 ta’ Ġunju 2019, jirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jissottomettu rapport lill-Kummissjoni Ewropea kull 6 snin dwar il-miżuri li jkunu ħadu biex jimplimentaw id-Direttiva 2009/147/KE, u l-impatti ewlenin tagħhom.
  • Dak ir-rapport għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku u għandu jinkludi, b’mod partikolari:
    • informazzjoni dwar l-istatus u x-xejriet tal-ispeċijiet tal-għasafar selvaġġi protetti b’din id-Direttiva;
    • it-theddid u l-pressjonijiet fuqhom;
    • il-miżuri ta’ konservazzjoni meħuda għalihom; u
    • il-kontribut tan-network taż-ŻPS għall-objettivi tad-Direttiva.
  • Il-Kummissjoni tistabbilixxi l-format tar-rapport permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.
  • Kull 6 snin, il-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, tħejji u tippubblika rapport kompost ibbażat fuq l-informazzjoni li tkun irċeviet mill-pajjiżi tal-UE.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-15 ta’ Frar 2010.Id-Direttiva 2009/147/KE kkodifikat u ssostitwiet id-Direttiva 79/409/KEE u l-emendi sussegwenti tagħha.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Ħabitat: żona naturali jew tip ta’ ambjent fejn normalment jgħix tip partikolari ta’ annimal jew pjanta.
Bijotop: żona ta’ kundizzjonijiet ambjentali uniformi li tipprovdi spazju għall-għajxien ta’ taħlita speċifika ta’ annimali u pjanti.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (verżjoni kodifikata (ĠU L 20, 26.1.2010, pp. 7-25)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/147/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/1010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar l-allinjament tal-obbligi ta’ rapportar fil-qasam tal-leġislazzjoni relatata mal-ambjent u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 166/2006 u (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 2002/49/KE, 2004/35/KE, 2007/2/KE, 2009/147/KE u 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 u (KE) Nru 2173/2005, u d-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE (ĠU L 170, 25.6.2019, pp. 115-127)

l-aħħar aġġornament 28.05.2020

Top