EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja

Mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja

Il-kriżi finanzjarja li laqtet l-ekonomija globali fi tmiem l-2008 kienet teħtieġ il-ħolqien ta’ mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (EFSM), maħsub biex jgħin lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) f’diffikultà, sabiex b’hekk tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja tal-UE.

ATT

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja

SOMMARJU

Il-kriżi finanzjarja li laqtet l-ekonomija globali fi tmiem l-2008 kienet teħtieġ il-ħolqien ta’ mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (EFSM), maħsub biex jgħin lill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) f’diffikultà, sabiex b’hekk tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja tal-UE.

X'JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja mill-UE lil pajjiż tal-UE li, minħabba avvenimenti ’lil hinn mill-kontroll tiegħu, qed jesperjenza taqlib ekonomiku jew finanzjarju jew it-theddida tiegħu.

PUNTI EWLENIN

Għajnuna finanzjarja

L-assistenza tingħata fil-forma ta’ self jew linja ta’ kreditu* mogħtija lill-pajjiż tal-UE kkonċernat. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkuntratta, f’isem l-UE, self fuq swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji, skont deċiżjoni adottata mill-Kunsill tal-UE li jaġixxi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata.

Proċedura

Flimkien mal-Kummissjoni, u b’koordinazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-pajjiż tal-UE li jfittex l-għajnuna jipproċedi b’valutazzjoni tal-ħtiġijiet finanzjarji tiegħu. Huwa mbagħad jissottometti abbozz ta’ programm għall-irkupru ekonomiku u finanzjarju lill-Kummissjoni.

Id-deċiżjoni li tingħata linja ta’ kreditu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

  • it-termini tal-assistenza finanzjarja;
  • il-kundizzjonijiet ġenerali tal-politika ekonomika marbuta mal-assistenza finanzjarja tal-UE (pereżempju, miżuri ta’ konsolidazzjoni fiskali maħsuba biex inaqqsu d-dejn pubbliku);
  • l-approvazzjoni tal-programm ta’ aġġustament imħejji mill-pajjiż benefiċjarju.

Il-Kummissjoni tivverifika f’intervalli regolari jekk il-politika ekonomika tal-pajjiż benefiċjarju hijiex konsistenti mal-programm ta’ aġġustament tiegħu u mal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill sabiex ikun jista’ jkompli jirċievi l-għajnuna finanzjarja, li tingħata fi ħlasijiet parzjali.

Il-kompatibbiltà ma’ mekkaniżmi oħrajn ta’ appoġġ finanzjarju

Il-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja huwa kompatibbli mal-faċilità għal perjodu ta’ żmien medju li tipprovdi assistenza finanzjarja għall-bilanċi tal-pagamenti. Barra minn hekk, huwa ma jeskludix l-użu ta’ fondi minn barra l-UE, bħal mill-Fond Monetarju Internazzjonali.

Baġit tal-EFSM

L-EFSM huwa ffinanzjat mill-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni titħalla tissellef sa total ta’ € 60 biljun fi swieq finanzjarji f’isem l-UE. Is-self huwa garantit mill-baġit tal-UE.

L-EFSM kien attivat għall-Irlanda u l-Portugall, għal ammont totali ta’ €46.8 biljun (€22.5 biljun għall-Irlanda u €24.3 biljun għall-Portugall), żborżati fuq medda ta’ 3 snin (2011-14).

F’Lulju 2015, l-EFSM intuża sabiex jipprovdi assistenza għal perjodu ta’ żmien qasir (self tranżitorju) ta’ € 7.16-il biljun lill-Greċja.

Hemm fis-seħħ arranġamenti speċifiċi li jikkonċernaw l-espożizzjoni tal-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro.

SFOND

Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) jikkonsolida u jgħaqqad l-EFSM u l-Faċilità Ewropew ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), iż-żewġ strumenti li ddaħħlu fis-seħħ temporanjament fid-dawl tal-kriżi tad-dejn sovran, u li flimkien magħhom jeżisti llum il-ġurnata.

Maż-żmien, il-MES ser isir il-mekkaniżmu ewlieni ta’ appoġġ għall-pajjiżi fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw diffikultajiet temporanji sabiex jissellfu flus fis-swieq finanzjarji minħabba l-livelli tad-dejn tagħhom. Il-kapaċità massima inizjali tas-self tiegħu kienet ta’ €500 biljun fuq il-bażi ta’ kapital ta’ €704.8 biljun. Il-MES huwa ffinanzjat mill-pajjiżi tal-UE skont l-iskema ta’ kontribuzzjonijiet tal-BĊE*.

Is-self huwa ffinanzjat mis-self tal-MES fuq is-swieq finanzjarji u huwa garantit mill-azzjonisti tiegħu (il-pajjiżi taż-żona tal-euro). Is-self isir abbażi ta’ kundizzjonijiet stretti, inkluż ir-ritorn tal-finanzi pubbiċi għal livelli sostenibbli.

MINN META BEDA JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Mit-13 ta’ Mejju 2010.

Aktar tagħrif:

TERMINI EWLENIN

* Linja ta’ kreditu: awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill, fuq il-proposta tal-Kummissjoni, lil pajjiż tal-UE sabiex jieħu fondi mill-EFSM sa limitu massimu speċifikat għal perjodu ta’ żmien partikolari.

* L-iskema ta’ kontribuzzjonijiet tal-BĊE: din l-iskema tiġi kkalkolata sabiex tkun tirrifletti s-sehem tal-pajjiż rispettiv fil-popolazzjoni totali u l-prodott domestiku gross tal-UE. Dawn iż-żewġ fatturi determinanti għandhom ponderazzjoni ugwali.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) Nru 407/2010

13.5.2010

-

ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1-4

Att(i) li jemenda(w)

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Ir-Regolament (UE) 2015/1360

8.8.2015

-

ĠU L 210, 7.8.2015, p. 1-2

l-aħħar aġġornament 14.09.2015

Top