EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Riskju ta’ atmosferi splussivi

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 1999/92/KE — rekwiżiti minimi għat-titjib tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema potenzjalment f’riskju minn atmosferi splussivi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi rekwiżiti minimi għat-titjib tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema potenzjalment fir-riskju minn atmosferi splussivi*.
  • Hija l-ħmistax-il direttiva individwali skont it-tifsira tad-Direttiva 89/391/KEE li tintroduċi regoli ġenerali li jħeġġu titjib fis-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva teħtieġ lill-impjegaturi biex:

  • jieħdu miżuri tekniċi u/jew ta’ organizzazzjoni biex:
    • jipprevjenu l-formazzjoni ta’ atmosferi splussivi,
    • jevitaw it-tqabbid ta’ atmosferi splussivi,
    • itaffu l-effetti ta’ splużjoni sabiex jiġu żgurati s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.
  • jiżguraw li “d-dokument tal-protezzjoni kontra l-isplużjonijiet”, li jiddeskrivi l-miżuri ta’ protezzjoni kontra l-isplużjonijiet u li jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 89/391/KEE, huwa mħejji u miżmum aġġornat;
  • jinformaw lill-ħaddiema u/jew lir-rappreżentanti tagħhom bil-miżuri kollha li għandhom jittieħdu għas-sigurtà u s-saħħa tagħhom fuq ix-xogħol;
  • jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-ħaddiema potenzjalment f’riskju minn atmosferi splussivi jirċievu taħriġ xieraq;
  • jiżguraw li t-tagħmir tax-xogħol għall-użu f’postijiet fejn jistgħu jseħħu atmosferi splussivi għandu jikkonforma mar-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-anness tad-direttiva.

Postijiet tax-xogħol li kienu diġà qed jintużaw qabel it-30 ta’ Ġunju 2003 u li kien fihom postijiet fejn setgħu jseħħu atmosferi splussivi kellhom jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi tagħha fi żmien tliet (3) snin wara dik id-data.

Id-direttiva tinkludi tliet (3) annessi li jikkonċernaw:

  • il-klassifikazzjoni tal-postijiet fejn jistgħu jinħolqu atmosferi splussivi;
  • ir-rekwiżiti minimi għat-titjib tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema potenzjalment f’riskju minn atmosferi splussivi u kriterji għall-għażla tat-tagħmir u tas-sistemi ta’ protezzjoni;
  • is-sinjal tat-twissija għall-postijiet fejn jistgħu jinħolqu atmosferi splussiv.

Fl-2003, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet gwida dwar prattika tajba mhux obbligatorja fl-implimentazzjoni tad-direttiva. Qed tintuża flimkien mad-direttiva dwar tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment splusivi. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti ssir disponibbli għall-impjegaturi u jirreferuhom għal din il-gwida dwar prattika tajba.

Id-Direttiva 2007/30/KE ssimplifikat ir-rekwiżiti dwar ir-rappurtar lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 89/391/KEE u d-diversi direttivi individwali tagħha. Il-pajjiżi tal-UE issa għandhom iħejju rapport uniku kull ħames (5) snin li jkopri l-implimentazzjoni ta’ dawn id-direttivi kollha.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-28 ta’ Jannar 2000 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-30 ta’ Ġunju 2003.

SFOND

Għal iktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Atmosfera splussiva: taħlita mal-arja, taħt kondizzjonijiet atmosferiċi, ta’ sostanzi li jieħdu n-nar malajr fil-għamla ta’ gassijiet, fwar, ċpar jew trabijiet li fihom, wara li jibda n-nar, il-kombustjoni tinfirex mat-taħlita kollha mhux maħruqa.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 1999/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1999 dwar il-ħtiġiet minimi għat-titjib tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema potenzjalment fir-riskju mill-atmosferi splussivi (il-15-il Direttiva individwali fit-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 23, 28.1.2000, pp. 57-64)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 1999/92/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għal tagħmir u sistemi ta’ protezzjoni maħsuba għall-użu f’atmosferi potenzjalment esplużivi (riformulazzjoni) (ĠU L 96, 29.3.2014, pp. 309-356)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, pp. 1-8)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 26.11.2018

Top