EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Żieda fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema

Żieda fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi

Id-Direttiva (UE) 2014/67/UE dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi

Id-Direttiva (UE) 2018/957 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVI?

  • Id-Direttiva 96/71/KE tfassal lista ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol li l-ħaddiema li jiġu stazzjonati b’mod temporanju barra mill-pajjiż mill-impjegatur tagħhom jeħtiġilhom jingħataw fil-pajjiż fejn jiġu stazzjonati (pajjiż ospitanti). L-għan tagħha huwa li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-ħaddiema kif ukoll li tipprovdi kundizzjonijiet ekwi għall-fornituri tas-servizzi.
  • Id-Direttiva 2014/67/UE għandha l-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE. Din tindirizza kwistjonijiet bħall-abbuż u l-evażjoni tar-regoli dwar l-istazzjonar, ir-responsabbiltà konġunta fil-katini ta’ sottokuntrattar u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE.
  • Id-Direttiva (UE) 2018/957 taġġorna u temenda d-Direttiva 96/71/KE Hija tistabbilixxi regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema stazzjonati, u tfittex li tiżgura pagi ġusti u kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji li jistazzjonaw u dawk lokali fil-pajjiż ospitanti, filwaqt li żżomm il-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva 96/71/KE

  • Id-Direttiva 96/71/KE tapplika għal impriżi li, fil-kuntest tal-forniment transnazzjonali tas-servizzi, jistazzjonaw ħaddiema fit-territorju ta’ pajjiż tal-UE, dejjem jekk ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel l-istazzjonar u l-ħaddiem waqt il-perjodu tal-istazzjonar. “Ħaddiem stazzjonat” huwa ħaddiem li, għal perjodu limitat, jaħdem fit-territorju ta’ pajjiż tal-UE għajr dak li normalment jaħdem fih.
  • Sabiex tipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati meta l-kumpaniji jużaw il-libertà li jipprovdu servizzi u li jiffaċilitaw l-eżerċitar ta’ dik il-libertà, id-Direttiva 96/71/KE fiha kundizzjonijiet bażiċi għall-impjieg li jridu jiġu applikati għall-ħaddiema stazzjonati fil-pajjiżi ospitanti, bħal:
    • perjodi massimi ta’ xogħol u perjodi minimi ta’ mistrieħ;
    • btajjel annwali minimi bi ħlas;
    • rati minimi applikabbli ta’ paga, inklużi rati ta’ sahra;
    • saħħa, sigurtà u iġjene fuq il-post tax-xogħol.

Id-Direttiva 2014/67/UE

Prevenzjoni, monitoraġġ u sanzjonar aħjar ta’ kwalunkwe abbuż tar-regoli applikabbli

  • Sabiex tgħin fil-ġlieda kontra l-abbuż u l-evażjoni tar-regoli (pereżempju permezz tal-hekk imsejħin kumpaniji fantażma), id-Direttiva 2014/67/UE fiha lista ta’ elementi fattwali li jgħinu fil-valutazzjoni ta’ jekk sitwazzjoni speċifika tikkwalifkax bħala stazzjonar ġenwin (Artikolu 4).
  • Għal ċertezza legali akbar, id-Direttiva 2014/67/UE tistipula lista ta’ miżuri ta’ kontroll nazzjonali li huma kkunsidrati ġġustifikati u proporzjonati u li jistgħu jiġu applikati sabiex tiġi mmonitorjata l-konformità mad-Direttiva 96/71/KE u d-Direttiva dwar l-Infurzar (Direttiva 2014/67/UE) innifisha.
  • Sabiex iżidu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-ktajjen ta’ sottokuntrattar, il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom jiżguraw li l-ħaddiema stazzjonati fis-settur tal-kostruzzjoni jistgħu jżommu lill-kuntrattur f’relazzjoni diretta ta’ sottokuntrattur bħala responsabbli għal kwalunkwe remunerazzjoni netta pendenti li tikkorrispondi għar-rati minimi ta’ ħlas, flimkien ma’ jew minflok l-impjegatur. Minflok dawn ir-regoli ta’ responsabbilità, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri ta’ infurzar xierqa oħrajn.

Aċċess imtejjeb għall-informazzjoni

  • Sabiex iżidu s-sensibilizzazzjoni u t-trasparenza, il-pajjiżi tal-UE huma obbligati li jagħmlu disponibbli l-informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg u dwar ftehim kollettiv applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati disponibbli mingħajr ħlas permezz ta’ sit elettroniku nazzjonali uffiċjali uniku. L-informazzjoni trid issir pubblika bil-lingwa/i uffiċjali tal-pajjiż ospitanti u bil-lingwi l-aktar relevanti filwaqt li titqies id-domanda fis-suq tax-xogħol.

Kooperazzjoni amministrattiva msaħħa

  • Id-Direttiva 2014/67/UE tinkludi wkoll regoli aktar ċari għat-titjib tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-monitoraġġ tal-konformità, inklużi l-limiti taż-żmien għall-għoti ta’ informazzjoni. Ir-Regolament tal-IMI għandu rwol hawnhekk. Is-sistema tal-IMI hija għodda elettronika multilingwi li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jikkomunikaw malajr u b’mod faċli mal-kontropartijiet tagħhom fl-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein u fin-Norveġja dwar il-liġi tas-suq intern tal-UE.
  • Id-Direttiva tiżgura wkoll illi l-penali u l-multi amministrattivi imposti fuq il-fornituri ta’ servizzi talli jkunu naqsu milli jirrispettaw ir-regoli applikabbli f’pajjiż tal-UE jistgħu jiġu infurzati u rkuprati f’ieħor.

Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2018/957

Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2018/957 tintroduċi għadd ta’ regoli ġodda:

  • l-istess regoli dwar ir-remunerazzjoni japplikaw għall-ħaddiema stazzjonati bħall-ħaddiema lokali fil-pajjiż ospitanti;
  • ħaddiem jitqies li huwa stazzjonat fit-tul wara 12-il xahar (bil-possibbiltà ta’ estensjoni ta’ 6 xhur soġġetta għal notifika motivata mill-fornitur tas-servizz). Wara dan il-perjodu, il-ħaddiem stazzjonat jiġi soġġett għal kważi l-aspetti kollha tal-liġi tax-xogħol tal-pajjiż ospitanti;
  • in-numru ta’ ftehimiet kollettivi potenzjali li jistgħu japplikaw fil-pajjiżi tal-UE li għandhom sistema għad-dikjarazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi jew deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ ta’ applikazzjoni universali jista’ jiżdied;
  • l-aġenziji tax-xogħol temporanju jeħtiġilhom jiggarantixxu lill-ħaddiema stazzjonati l-istess termini u kundizzjonijiet li japplikaw għall-ħaddiema temporanji impjegati fil-pajjiż fejn jitwettaq ix-xogħol;
  • kooperazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE fir-rigward tal-abbuż u l-evażjoni tar-regoli fil-kuntest tal-istazzjonar.

MINN META JIBDEW JAPPLIKAW ID-DIRETTIVI?

  • Id-Direttiva 96/71/KEE ilha tapplika mill-10 ta’ Frar 1997 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sas-16 ta’ Diċembru 1999.
  • Id-Direttiva 2014/67/UE ilha tapplika mis-17 ta’ Ġunju 2014 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-18 ta’ Ġunju 2016.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2018/957 trid issir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-30 ta’ Lulju 2021 minn meta tibda tapplika. Madanakollu, din se tapplika biss għas-settur tat-trasport bit-triq mid-data ta’ applikazzjoni ta’ att leġiżlattiv li jeħtieġ li jiġi adottat biex jiġu emendati d-Direttivi 2006/22/KE u 2014/67/UE dwar l-istazzjonar ta’ sewwieqa fis-settur tat-trasport bit-triq.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 18, 21.1.1997, pp. 1-6)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 96/71/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 159, 28.5.2014, pp. 11-31)

Id-Direttiva 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1996 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 173, 9.7.2018, pp. 16-24)

Rettifika għad-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KW dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 91, 29.3.2019, p. 77)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (“ir-Regolament tal-IMI”) (ĠU L 316, 14.11.2012, pp. 1-11)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam ma’ attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE (ĠU L 102, 11.4.2006, pp. 35-44)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 28.04.2020

Top