EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Atti atipiċi

Atti atipiċi

L-atti atipiċi huma kategorija ta’ att adottati mill-istituzzjonijiet Ewropej. Dawn jistgħu jkunu relatati mal-organizzazzjoni interna tal-Unjoni Ewropea (UE) jew ikollhom applikazzjoni aktar ġenerali fuq oqsma ta’ politika speċifiċi.

SOMMARJU

INTRODUZZJONI

L-atti atipiċi huma atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn l-atti huma deskritti bħala “atipiċi” minħabba li ma jaqgħux fil-kategoriji ta’ att legali previsti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (l-Artikoli 288, 289, 290, 291 jew 292).

B’hekk hemm varjetà wiesgħa ta’ atti atipiċi. Xi wħud huma previsti minn artikoli oħrajn fit-Trattati li jikkostitwixxu l-UE, filwaqt li oħrajn ġew żviluppati mill-prattika istituzzjonali.

L-atti atipiċi huma differenzjati permezz tal-applikazzjoni tagħhom, li ġeneralment hija waħda politika. Madankollu, xi wħud jistgħu jkunu vinkolanti, iżda dan jibqa’ limitat għall-qafas istituzzjonali tal-UE.

ATTI ATIPIĊI PREVISTI MIT-TRATTATI

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-istituzzjonijiet tal-UE huma atti atipiċi. It-Trattati kostituttivi jistipulaw li l-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw ir-Regoli ta’ Proċedura tagħhom stess.

Ir-Regoli ta’ Proċedura jistabbilixxu l-organizzazzjoni, l-operazzjoni u r-regoli ta’ proċedura interni tal-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn għandhom effett vinkolanti għall-istituzzjoni kkonċernata.

It-Trattati kostituttivi jipprovdu wkoll għal tipi ta’ atti oħrajn adottati fil-kuntest tad-djalogu politiku bejn l-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn l-atti essenzjalment huma intiżi sabiex jiffaċilitaw il-ħidma u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet. Pereżempju, fil-kuntest tal-proċedura għall-adozzjoni ta' ftehimiet internazzjonali, il-Kunsill jista’ jindirizza linji gwida għan-negozjar lill-Kummissjoni Ewropea sabiex jiġu nnegozjati l-ftehimiet.

L-istituzzjonijiet jistgħu wkoll imorru aktar lil hinn billi jorganizzaw il-kooperazzjoni tagħhom permezz ta’ ftehimiet interistituzzjonali. Dawn it-tipi ta’ ftehimiet ukoll huma atti atipiċi. Dawn jista’ jkollhom effett vinkolanti, iżda għall-istituzzjonijiet li jkunu ffirmaw il-ftehim biss.

ATTI ATIPIĊI MHUX PREVISTI MIT-TRATTATI

Kull waħda mill-istituzzjonijiet tal-UE żviluppat serje ta’ strumenti fil-kuntest tal-attività tagħha stess.

Pereżempju, il-Parlament Ewropew jesprimi xi wħud mill-pożizzjonijiet politiċi tiegħu fil-livell internazzjonali permezz ta’ riżoluzzjonijiet jew dikjarazzjonijiet. B’mod simili, il-Kunsill b’mod regolari jadotta konklużjonijiet, riżoluzzjonijiet jew linji gwida wara l-laqgħat tiegħu. Dawn l-atti essenzjalment jesprimu l-opinjoni tal-istituzzjonijiet dwar ċerti kwistjonijiet Ewropej jew internazzjonali. Dawn għandhom applikazzjoni ġenerali iżda ma għandhomx effett vinkolanti.

Il-Kummissjoni tadotta wkoll diversi atti atipiċi li huma speċifiċi għaliha. Dawn huma komunikazzjonijiet, li ġeneralment jippreżentaw programmi ta’ politika ġodda. Il-Kummissjoni tadotta wkoll green papers li huma intiżi sabiex iniedu konsultazzjonijiet pubbliċi dwar ċerti kwistjonijiet Ewropej. Hija tagħmel użu minn dawn biex tiġbor l-informazzjoni neċessarja qabel tfassal proposta leġiżlattiva. B’segwitu għar-riżultati tal-green papers, il-Kummissjoni kultant tadotta white papers li jippreżentaw proposti dettaljati għal azzjoni Ewropa.

l-aħħar aġġornament 10.11.2015

Top