EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew

 

SOMMARJU TA’:

L-Artikolu 14 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)

L-Artikoli 223-234 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) dwar ir-rwol, il-kompożizzjoni u l-mod kif jaħdem u jiffunzjona l-Parlament Ewropew

X’INHU L-GĦAN TAL-ARTIKOLI?

Huma jistabbilixxu r-rwol, il-kompetenzi, il-kompożizzjoni, il-mandat u l-proċedura elettorali għall-Parlament Ewropew (minn hawn ’il quddiem “Parlament”).

PUNTI EWLENIN

Il-Parlament huwa l-istituzzjoni fl-Unjoni Ewropea li jiġi elett direttament miċ-ċittadini tal-UE, għaċ-ċittadini tal-UE. Għalhekk, huwa jirrappreżenta aktar minn 500 miljun ċittadin tal-UE u f’dan is-sens jinkorpora setgħa demokratika. Huwa għandu s-sede tiegħu fi Strasburgu (Franza). Il-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) jiġu eletti għal terminu ta’ 5 snin permezz ta’ elezzjoni diretta (mill-1979) b’votazzjoni ħielsa u sigrieta, b’numru fiss minn kull pajjiż tal-UE. Il-Parlament, kif inhu magħruf illum, fil-fatt huwa r-riżultat tal-amalgamazzjoni tat-tliet eks-Assemblei tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA), tal-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (KEEA) (EURATOM) (It-Trattat li Jgħaqqad 1965).

Setgħat

Is-setgħat tal-Parlament żviluppaw permezz ta’ reviżjonijiet suċċessivi tat-Trattati Ewropej. Dawn jinkludu:

  • Setgħa tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (setgħa ta’ deliberazzjoni):
    • li jeżerċita setgħa leġiżlattiva flimkien mal-Kunsill fuq il-biċċa l-kbira tal-oqsma ta’ kompetenza tal-UE;
    • id-dritt li jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta leġiżlattiva (Artikolu 225 TFUE);
    • li jieħu deċiżjonijiet dwar il-baġit tal-UE flimkien mal-Kunsill;
    • Azzjoni esterna tal-UE (deċiżjonijiet tal-UE dwar il-konklużjoni ta’ ftehimiet esterni) tirrikjedi l-kunsens tal-Parlament jew il-konsultazzjoni tiegħu.
  • Setgħa ta’ kontroll fuq l-istituzzjonijiet eżekuttivi tal-UE (Kummissjoni u Kunsill) prinċipalment billi jiżgura kontroll politiku fuq il-Kummissjoni (permezz ta’ mozzjoni ta’ ċensura) jew billi jagħmel mistoqsijiet orali jew bil-miktub lill-Kunsill. Il-Parlament jista’ jeżerċita wkoll il-kontroll tiegħu fuq istituzzjonijiet oħrajn tal-UE bħall-Bank Ċentrali Ewropew (Artikolu 284 TFUE).
  • Setgħa ta’ ħatra billi jipparteċipa fin-nomina tal-Kummissarji, l-Ombudsman u l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri.

Kompetenzi

Leġiżlazzjoni

  • Skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (Artikolu 294 TFUE), il-Parlament jinsab fl-istess pożizzjoni mal-Kunsill. Din il-proċedura tintuża fil-maġġoranza tal-oqsma ta’ politika fosthom:
    • trasport
    • ambjent
    • agrikoltura
    • sigurtà tal-enerġija
    • immigrazzjoni
    • ġustizzja
    • saħħa pubblika.
  • Il-Parlament jintervjeni wkoll f’atti adottati skont proċeduri leġiżlattivi speċjali, billi jagħti l-opinjoni tiegħu (proċedura ta’ konsultazzjoni) jew il-kunsens tiegħu (proċedura ta’ approvazzjoni).
  • L-approvazzjoni tal-Parlament hija meħtieġa għal diversi tipi ta’ ftehimiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE jew ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħal ftehimiet ta’ assoċjazzjoni jew ftehimiet f’oqsma koperti minn proċedura leġiżlattiva ordinarja (pereżempju, ftehimiet ta’ kummerċ). Il-Parlament jeħtieġlu jikkonsulta wkoll it-tipi l-oħra kollha ta’ ftehim internazzjonali (Artikolu 218 TFUE).

Baġit

Il-Parlament jopera fuq l-istess livell mal-Kunsill għall-proċedura kollha ta’ adozzjoni tal-baġit annwali tal-UE. Il-proċedura baġitarja tikkonsisti f’qari wieħed mill-Parlament u mill-Kunsill, jew inkella jissejjaħ kumitat ta’ konċiljazzjoni sabiex jilħaq ftehim dwar test konġunt (Artikolu 314 TFUE).

Sorveljanza eżekuttiva

Il-Parlament jista’ jeżerċita għadd ta’ kontrolli fuq il-Kummissjoni, il-fergħa eżekuttiva tal-UE:

  • Il-President tal-Kummissjoni jiġi elett wara proposta mill-Kunsill Ewropew, iżda r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew iridu jittieħdu inkonsiderazzjoni.
  • L-inawgurazzjoni tal-Kummissjoni tiddependi fuq l-approvazzjoni mill-Parlament. Din l-approvazzjoni tinvolvi wkoll il-ħatra tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, li huwa wkoll il-Viċi-Presidet tal-Kummissjoni Ewropea.
  • Il-Parlament jista’ jisforza lill-Kummissjoni biex tirriżenja permezz ta’ mozzjoni ta’ ċensura.

Reviżjoni tat-trattat

  • Id-dritt ta’ inizjattiva tal-Parlament jippermettilu jipproponi reviżjoni tat-trattati.
  • Huwa jipparteċipa fil-konvenzjoni li teżamina l-abbozzi sottomessi għal proċess ta’ reviżjoni standard tat-trattati.
  • Huwa jeħtieġlu jiġi kkonsultat għall-modifika tat-trattati fi ħdan il-proċedura ta’ reviżjoni ssimplifikata.

Kompożizzjoni

L-allokazzjoni tas-siġġijiet bejn il-pajjiżi tal-UE tqis għadd ta’ fatturi:

  • iż-żamma ta’ proporzjon sodisfaċenti bejn is-siġġijiet allokati fil-pajjiżi tal-UE u l-popolazzjonijiet tagħhom;
  • il-Parlament jitħalla jirrifletti dwar kwistjonijiet politiċi importanti, anke għall-pajjiżi tal-UE li huma inqas popolati;
  • l-għadd totali ta’ MEPs ma jridx jaqbeż ċertu limitu, sabiex l-effiċjenza tal-ħidma tal-Parlament ma tiġix affettwata.

Fuq inizjattiva tal-Parlament u bl-approvazzjoni tiegħu, il-Kunsill Ewropew unanimament jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament (Artikolu 14(2) TUE). It-Trattati tal-UE jistabbilixxu r-regoli bażiċi dwar il-kompożizzjoni tiegħu:

  • il-Parlament huwa magħmul minn rappreżentanti taċ-ċittadini tal-UE;
  • l-għadd massimu ta’ MEPs huwa 751, inkluż il-President tal-Parlament;
  • l-għadd minimu ta’ siġġijiet għal kull pajjiż tal-UE huwa 6;
  • l-għadd massimu ta’ siġġijiet għal kull pajjiż tal-UE huwa 96;
  • l-allokazzjoni tas-siġġijiet jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ “proporzjonalità digressiva”. Dan ifisser li aktar ma tkun kbira l-popolazzjoni ta’ pajjiż, aktar ikun kbir l-għadd ta’ MEPs li jkollu; madankollu, kull MEP f’pajjiż akbar jirrappreżenta proporzjonalment aktar ċittadini milli kien ikun il-każ f’pajjiż iżgħar.

TABELLA MQASSRA

Trattat

Artikoli

Suġġett

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)

14

Ir-rwol u l-kompożizzjoni tal-Parlament

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

223, 224, 225, 226, 227, 228, 229, 230, 231, 232, 233, 234

Il-mod kif jaħdem u jiffunzjona l-Parlament

DOKUMENTI EWLENIN

Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu III — Dispożizzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet — Artikolu 14 (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 22-23)

Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 1-388)

DOKUMENTI RELATATI

Protokoll Nru 6 dwar l-allokazzjoni tas-siġġijiet tal-istituzzjonijiet u ta’ ċerti korpi, uffiċċji, aġenziji u dipartimenti tal-UE (Artikolu Waħdieni (a)) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 265)

Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew 2013/312/UE tat-28 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-kompożizzjoni tal-Parlament Ewropew (ĠU L 181, 29.6.2013, pp. 57-58)

l-aħħar aġġornament 15.12.2017

Top