EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi — l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona

Il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi — l-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona

 

SOMMARJU TA’:

L-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1754 — l-adeżjoni tal-UE mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

Ir-Regolament (UE) 2019/1753 dwar l-azzjoni tal-UE wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

X’INHU L-GĦAN TAL-ATT, TAD-DEĊIŻJONI U TAR-REGOLAMENT?

  • L-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona jippermetti lill-partijiet kontraenti kollha li jibbenefikaw minn protezzjoni rapida, ta’ livell għoli u indefinita għall-indikazzjonijiet ġeografiċi (GIs)* permezz ta’ reġistrazzjoni waħda.
  • Id-deċiżjoni tawtorizza lill-UE biex tingħaqad mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona.
  • Ir-regolament jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju mill-UE tad-drittijiet tagħha u t-twettiq tal-obbligi tagħha skont l-Att ta’ Ġinevra.

PUNTI EWLENIN

Il-Ftehim ta’ Lisbona

  • Il-Ftehim ta’ Lisbona tal-1958 huwa trattat amministrat mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO). Huwa jipprevedi l-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini (AO)* eż. l-inbid Bordeaux, u r-reġistrazzjoni internazzjonali tiegħu. L-AOs huma tip speċjali ta’ GI għal prodotti li għandhom rabta partikolarment qawwija mal-post tal-oriġini tagħhom.
  • Minn Mejju 2020, hemm 30 parti kontraenti għall-Ftehim ta’ Lisbona, li 7 minnhom huma pajjiżi tal-UE — il-Bulgarija, iċ-Ċekja, Franza, l-Italja, l-Ungerija, il-Portugall, u s-Slovakkja.
  • 3 oħrajn — il-Greċja, ir-Rumanija u Spanja — iffirmaw iżda ma rratifikawx il-ftehim.

L-Att ta’ Ġinevra

  • L-Att ta’ Ġinevra jimmodernizza l-Ftehim ta’ Lisbona u jespandi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri mhux biss l-AOs iżda l-GIs kollha u jippermetti li organizzazzjonijiet internazzjonali jsiru partijiet kontraenti.
  • Minbarra l-indikazzjoni tal-oriġini ta’ prodott, il-GIs jintużaw ukoll biex jiddistingwu u jsaħħu l-kontribut kulturali u jippremjaw il-kreattività tal-għarfien awtentiku. Isem il-prodott irreġistrat bħala GI jew AO — fl-UE bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) jew denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) — jista’ jintuża biss mill-produtturi li jinsabu fiż-żona nnominata.
  • Kull parti kontraenti hija obbligata li tipproteġi fit-territorju tagħha, fis-sistema u l-prattika legali tagħha stess, l-AO u l-GI tal-prodotti li jkunu ġejjin minn pajjiżi firmatarji oħra li għalihom taċċetta l-protezzjoni.

Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1754

  • L-UE għandha kompetenza esklużiva għall-oqsma koperti mill-Att ta’ Ġinevra. Id-deċiżjoni tawtorizza lill-UE biex tissieħeb fl-Att ta’ Ġinevra biex tkun tista’ teżerċita kif suppost il-kompetenza esklużiva tagħha.
  • Il-pajjiżi tal-UE li jixtiequ jagħmlu dan jistgħu wkoll jaderixxu mal-Att ta’ Ġinevra flimkien mal-UE fl-interess tal-UE u b’rispett sħiħ tal-kompetenza esklużiva tagħha.
  • Il-pajjiżi tal-UE li kienu diġà parti mill-Ftehim ta’ Lisbona qabel l-adeżjoni tal-UE mal-Att ta’ Ġinevra jistgħu jibqgħu hekk (ara l-Kawża C-24/20 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea).

Regoli tal-UE

Ir-regolament jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi tal-UE skont l-Att ta’ Ġinevra. Skont ir-Regolament:

  • il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni internazzjonali ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi relatati ma’ prodotti li joriġinaw fl-UE.
  • il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll jekk il-kundizzjonijiet humiex sodisfatti biex tingħata protezzjoni mal-UE kollha lill-GI li tkun ġiet irreġistrata internazzjonalment taħt l-att u li toriġina f’pajjiż mhux tal-UE.

Ir-regolament jittratta wkoll b’mod partikolari:

  • kunflitti bejn indikazzjoni ġeografika rreġistrata internazzjonalment u trademark.
  • regoli tranżitorji biex jakkomodaw lil dawk il-pajjiżi tal-UE li kienu diġà partijiet għall-Ftehim ta’ Lisbona qabel l-adeżjoni tal-UE għall-Att ta’ Ġinevra.
  • regoli dwar kwistjonijiet finanzjarji u obbligu ta’ monitoraġġ għall-Kummissjoni.

MINN META JAPPLIKAW L-ATT, ID-DEĊIŻJONI U R-REGOLAMENT?

  • L-Att ta’ Ġinevra daħal fis-seħħ fis-26 ta’ Frar 2020.
  • Ir-regolament u d-deċiżjoni ilhom japplikaw mit-13 ta’ Novembru 2019.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Indikazzjonijiet ġeografiċi (GIs): irreferi għal prodotti li joriġinaw minn żona ġeografika speċifika, u li fir-rigward tagħhom ċerta kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra hija marbuta mal-oriġini ġeografika.
Denominazzjoni ta’ oriġini (AOs): denominazzjonijiet ġeografiċi li jindikaw l-oriġini tal-prodott kif ukoll il-kwalitajiet distintivi u magħrufa tiegħu assoċjati mal-post.

DOKUMENTI EWLENIN

L-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, pp. 15-29)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 tas-7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, pp. 12-14)

Ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Lisbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, pp. 1-11)

l-aħħar aġġornament 18.05.2020

Top