EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Netwerk bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

Netwerk bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2019/1240 — il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni timmira li tissostitwixxi l-migrazzjoni irregolari u mhux ikkontrollata b’migrazzjoni sikura u ġestita sew, permezz ta’ approċċ komprensiv immirat li jiżgura ġestjoni tal-migrazzjoni effiċjenti.

Ir-regolament jistabbilixxi regoli li jimmiraw li jiżguraw kooperazzjoni, koordinazzjoni u skambju ta’ informazzjoni tajba fost l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni* skjerati f’pajjiżi mhux tal-UE minn pajjiżi tal-UE, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-aġenziji tal-UE, permezz ta’ netwerk Ewropew bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament joħloq netwerk Ewropew bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni biex jassisti f’ġestjoni dwar il-migrazzjoni aħjar sabiex jintlaħqu l-prijoritajiet tal-UE li ġejjin:

  • tiġi impeduta u miġġielda l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera relatata, bħall-faċilitar ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta’ bnedmin;
  • jitwettaq ritorn*, riammissjoni* u riintegrazzjoni* dinjitużi u effettivi;
  • ġestjoni tal-immigrazzjoni legali, inkluż il-protezzjoni internazzjonali, ir-risistemazzjoni, il-proċeduri ta’ ammissjoni u l-miżuri ta’ integrazzjoni ta’ qabel it-tluq meħuda mill-pajjiżi tal-UE u mill-UE.

Netwerks lokali u reġjonali bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

L-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, skjerati lejn l-istess pajjiżi jew reġjuni, jikkostitwixxu netwerks ta’ kooperazzjoni lokali jew reġjonali. Meta jkun meħtieġ u xieraq, huma:

  • jaqsmu informazzjoni u esperjenza prattika, inkluż permezz ta’ laqgħat regolari u permezz ta’ pjattaforma sikura għall-iskambju ta’ informazzjoni bbażata fuq il-web;
  • jaqsmu informazzjoni rigward l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali;
  • jikkoordinaw pożizzjonijiet dwar il-kuntatti mat-trasportaturi kummerċjali;
  • jattendu korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzati konġunti, inkluż dwar id-drittijiet fundamentali, it-traffikar ta’ bnedmin, il-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, il-frodi tad-dokumenti u l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali fil-pajjiżi mhux tal-UE;
  • jorganizzaw sessjonijiet ta’ informazzjoni u korsijiet ta’ taħriġ għall-persunal diplomatiku u konsulari fuq missjonijiet f’pajjiżi mhux tal-UE;
  • jadottaw approċċi komuni dwar metodi għall-ġbir u għar-rapportar ta’ informazzjoni rilevanti b’mod strateġiku, inklużi analiżijiet tar-riskju;
  • jistabbilixxu kuntatti regolari ma’ netwerks simili fil-pajjiż mhux tal-UE u fil-pajjiżi ġirien.

Il-kompiti tal-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni

L-uffiċjali ta’ komunikazzjoni jiġbru informazzjoni, fil-livell operazzjonali jew strateġiku, jew it-tnejn, dwar:

  • rotot migratorji;
  • l-eżistenza ta’ organizzazzjonijiet kriminali involuti fil-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta’ bnedmin flimkien ma’ rotot migratorji;
  • il-metodi użati għall-falsifikazzjoni ta’ dokumenti tal-identità;
  • modi għall-faċilitazzjoni tar-ritorn, tar-riammissjoni u tar-riintegrazzjoni;
  • miżuri biex jiġi garantit l-aċċess effettiv għall-protezzjoni implimentati minn pajjiżi mhux tal-UE, inkluż għall-benefiċċju ta’ persuni vulnerabbli;
  • strateġiji legali eżistenti u possibbli dwar l-immigrazzjoni u kanali bejn l-UE u l-pajjiżi mhux tal-UE.

L-uffiċjali ta’ komunikazzjoni jistgħu jipprovdu wkoll assistenza lill-awtoritajiet u lil nies oħra involuti f’pajjiżi oħra mhux tal-UE fl-oqsma li ġejjin:

  • l-istabbiliment tal-identità u tan-nazzjonalità ta’ ċittadini mhux tal-UE u l-iffaċilitar tar-ritorn tagħhom, u l-għajnuna fir-riintegrazzjoni;
  • l-identifikazzjoni ta’ persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali biex tiġi ffaċilitata r-risistemazzjoni fl-UE, b’mod partikolari permezz tal-għoti ta’ informazzjoni qabel it-tluq u l-appoġġ fejn possibbli;
  • il-konferma tal-identità tal-immigranti legali u l-iffaċilitar tal-miżuri nazzjonali u tal-UE għall-ammissjoni tagħhom;
  • il-qsim ta’ informazzjoni fi ħdan netwerks ta’ uffiċjali ta’ komunikazzjoni u mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-UE, inkluż l-infurzar tal-liġijiet, sabiex l-immigrazzjoni illegali tiġi impedita u identifikata u l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali u t-traffikar ta’ bnedmin jiġu miġġielda.

Il-miżuri meħuda mill-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, b’mod partikolari f’każijiet li jinvolvu lil nies vulnerabbli, jenħtieġ li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali skont il-liġi tal-UE u internazzjonali rilevanti, inklużi l-Artikolu 2 u l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Bord ta’ Tmexxija

  • Jiġi mwaqqaf Bord ta’ Tmexxija fil-livell tal-UE sabiex isaħħaħ il-ġestjoni tan-netwerk u l-koordinazzjoni tal-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni, filwaqt li jirrispetta l-linja ta’ kmand eżistenti u l-linji ta’ rapportar bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni u l-awtoritajiet ta’ skjerament rispettivi tagħhom, u fost l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni nfushom.
  • Il-Bord ta’ Tmexxija jinkludi rappreżentant minn kull pajjiż tal-UE, tnejn mill-Kummissjoni, u wieħed mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (magħrufa wkoll bħala l-Frontex), il-Europol, u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil. Il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen jaħtru rappreżentant kull wieħed bħala membri mingħajr drittijiet tal-vot.

MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-Regolament ilu japplika mill-14 ta’ Awwissu 2019. Ir-Regolament (UE) 2019/1240 irreveda u ssostitwixxa lir-Regolament (KE) Nru 377/2004 u l-emendi sussegwenti tiegħu.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Uffiċjal ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni: uffiċjal maħtur u skjerat f’pajjiż mhux tal-UE, mill-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiż tal-UE, jew mill-Kummissjoni jew minn aġenzija tal-UE, skont il-liġijiet rispettivi tagħhom, sabiex jindirizza kwistjonijiet relatati mal-immigrazzjoni, inkluż meta dan ikun biss parti mid-dmirijiet tiegħu.
Ritorn: il-moviment ta’ persuna li tmur minn pajjiż ospitant lura lejn pajjiż ta’ oriġini, pajjiż tan-nazzjonalità jew residenza abitwali normalment wara li tkun qattgħet perjodu ta’ żmien sinifikanti fil-pajjiż ospitanti kemm jekk b’mod volontarju kif ukoll jekk b’mod sfurzat, assistit jew spontanju.
Riammissjoni: att minn pajjiż li jaċċetta d-dħul mill-ġdid ta’ individwu (persuna nazzjonali proprja, mhux nazzjonal ta’ dak il-pajjiż jew apolidi).
Riintegrazzjoni: l-inklużjoni jew l-inkorporazzjoni mill-ġdid ta’ persuna fi grupp jew proċess, eż. ta’ migrant fis-soċjetà ta’ pajjiż tar-ritorn tiegħu.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2019/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 198, 25.7.2019, pp. 88–104)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, pp. 1–131)

Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (ĠU L 251, 16.9.2016, pp. 1–76)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 2016/1624 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu I — Dispożizzjonijiet komuni — Artikolu 2 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 17)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu I — Dispożizzjonijiet komuni — Artikolu 6 (ex Artikolu 6 tat-TUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 19)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni - (COM(2015) 240 final, 13.5.2015)

Ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur) (ĠU L 295, 6.11.2013, pp. 11–26)

Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, pp. 60–95)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (COM(2011) 743 final, 18.11.2011)

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, pp. 98–107)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 377/2004 tad-19 ta’ Frar 2004 dwar il-ħolqien ta’ network bejn l-uffiċjali għall-komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni (ĠU L 64, 2.3.2004, p. 1–4)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 17.01.2020

Top