EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli finanzjarji ġodda li jirregolaw il-baġit tal-UE (Regolament Finanzjarju)

Regoli finanzjarji ġodda li jirregolaw il-baġit tal-UE (Regolament Finanzjarju)

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (EU, Euratom) Nru 2018/1046 — regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Ir-regolament jaġġorna u jissimplifika r-regoli għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE.
  • Dan inaqqas in-numru ġenerali ta’ regoli bin-nofs, u jagħmilhom aktar konċiżi u faċli biex ikunu applikati. Ir-Regoli ta’ Applikazzjoni ta’ qabel issa huma magħquda mar-Regolament Finanzjarju f’sett ta’ regoli wieħed.
  • Il-bidliet jagħmlu l-proċedura kollha aktar faċli għall-utent kemm għar-riċevituri kif ukoll għall-maniġers tal-finanzjament tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid tal-UE:

  • jissostitwixxi regoli u proċeduri kumplessi preċedenti b’ ġabra unika tar-regoli li tippermetti aċċess aktar faċli għall-finanzjament tal-UE, implimentazzjoni aktar sempliċi u enfasi aktar qawwija fuq ir-riżultati;
  • jgħin lill-applikanti għall-finanzjament tal-UE billi
    • inaqqas l-ammont ta’ informazzjoni meħtieġa biex tapplika għall-finanzjament tal-UE
    • jippermetti li l-informazzjoni u l-evidenza jiġu pprovduti darba biss u użati mill-ġdid
    • juża forom simplifikati ta’ għotjiet, bħal somom f’daqqa, rati fissi u kostijiet ta’ unità
    • jiffoka l-finanzjament fuq ir-riżultati aktar milli fuq l-ispejjeż attwali;
  • jiffaċilita approċċ ta’ verifika uniku biex jevita d-duplikazzjoni u kontrolli multipli billi
    • jerġa’ juża l-informazzjoni diġà disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u korpi oħrajn
    • dipendenza bejn il-verifiki eżistenti, imwettqa minn awdituri indipendenti u li jirrispettaw il-prinċipji aċċettati internazzjonalment, u fuq valutazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea nnifisha u minn entitajiet oħra inklużi awtoritajiet nazzjonali u msieħba fdati bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Bank Dinji;
  • isaħħaħ il-miżuri kontra l-frodi billi
    • jimmira kontrolli u verifiki fuq proġetti potenzjalment suspettużi; jissalvagwardja kontra l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus billi jipprevjeni l-użu ta’ kumpaniji fantażma* stabbiliti f’rifuġji fiskali
    • estenzjoni tar-regoli tal-kunflitt ta’ interess għall-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE li jirċievu fondi mill-UE
    • divulgazzjoni volontarja tal-identità tal-partijiet ikkonċernati.

Skadenzi baġitarji annwali (fil-prattika, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jippruvaw jippreżentaw id-dokumenti aktar kmieni biex jiffaċilitaw il-proċedura)

  • Sal-1 ta’ Lulju: kull istituzzjoni tal-UE tibgħat is-stima ta’ dħul u nfiq tagħha għas-sena d-dieħla lill-Kummissjoni.
  • Sal-1 ta’ Settembru: il-Kummissjoni tissottometti l-abbozz ta’ baġit lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
  • Sal-1 ta’ Ottubru: il-Kunsill jissottometti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz ta’ baġit lill-Parlament Ewropew.
  • Sat-18 ta’ Diċembru: il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jaqblu dwar il-baġit tas-sena d-dieħla.

Atti delegati

Il-Kummissjoni adottat żewġ atti delegati bbażati fuq ir-Regolament Finanzjarju:

  • Ir-Regolament (UE) 2019/715 jistabbilixxi regolament finanzjarju qafas għall-korpi tal-UE msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament Finanzjarju (prinċipalment l-aġenziji deċentralizzati);
  • Ir-Regolament (UE) 2019/887 għandu mudell ta’ regolament finanzjarju għall-korpi ta’ sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 71 tar-Regolament Finanzjarju.

Dawn l-atti delegati jissostitwixxu regolamenti preċedenti għal dawn il-korpi.

Ir-regoli l-ġodda jsaħħu l-governanza ta’ dawn il-korpi, pereżempju fir-rigward tal-evitar ta’ kunflitti ta’ interess. Il-korpi kollha kkonċernati għandhom jadottaw regoli finanzjarji bbażati fuq dawn iż-żewġ atti delegati. Jistgħu jitbiegħdu minnhom biss fejn ikunu jeħtieġu l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u wara l-kunsens tal-Kummissjoni minn qabel.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ħafna mir-regoli l-ġodda applikaw mit-2 ta’ Awwissu 2018. Kwalunkwe eċċezzjoni hija elenkata fl-Artikolu 282 tar-regolament.

SFOND

  • Il-baġit annwali tal-UE jipprevedi u jawtorizza d-dħul u l-infiq kollu għall-UE għas-sena finanzjarja li ġejja (mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru). Id-dħul u l-infiq għandhom ikunu f’bilanċ.
  • Kontrolli interni u esterni fuq medda wiesgħa huma mfassla sabiex jipprevjenu u jikkoreġu kwalunkwe żball finanzjarju jew frodi. Min iwettaq il-ksur jaffaċċja penali finanzjarji. L-identità tar-riċevituri ta’ fondi tal-UE hija pubblikament disponibbli.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Kumpaniji fantażma: kumpaniji, ħafna drabi mingħajr operazzjonijiet tan-negozju attivi jew assi sinifikanti. Għalkemm din it-tip ta’ kumpanija mhijiex neċessarjament illegali, kumpaniji fantażma xi kultant huma użati għal skopijiet ta’ evażjoni tat-taxxa, evitar tat-taxxa u ħasil tal-flus, jew sabiex jinkiseb xi għan speċifiku bħal anonimità.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1-222). Test pubblikat mill-ġdid fil-corrigendum (ĠU L 60, 28.2.2019, p. 36)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/887 tat-13 ta’ Marzu 2019 dwar il-mudell tar-regolament finanzjarju għall-korpi ta’ sħubija pubblika-privata msemmijin fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 142, 29.5.2019, p. 16-42)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1-38)

Stqarrijiet: Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (l-ewwel qari) — Adozzjoni tal-att leġiżlattiv (ĠU C 267I, 30.7.2018, p. 1-3)

l-aħħar aġġornament 12.07.2019

Top