EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Appoġġ għat-tibdil fil-klima u miri ta’ prestazzjoni għall-fondi SIE

 

SOMMARJU TA’:

Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 215/2014 — metodoloġiji għad-determinazzjoni tal-livell ta’ appoġġ finanzjarju għat-tibdil fil-klima, u l-iffissar ta’ miri għall-intervent tal-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej (fondi SIE)

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI?

Għandu l-għan li jistabbilixxi metodi biex tikkalkula kif l-appoġġ għat-tibdil fil-klima huwa prijoritizzat u maqsum bejn il-5 fondi SIE.

Jistabbilixxi miri ta’ prestazzjoni, u b’mod partikolari jiddeskrivi liema kategoriji ta’ intervent huma prijoritajiet.

PUNTI EWLENIN

Dan ir-Regolament ta’ implimentazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jistipula kundizzjonijiet għal kull wieħed mill-fondi SIE biex japplika l-metodoloġija ta’ kalkolu, ibbażata fuq il-kategoriji ta’ intervent, żoni ta’ fokus jew miżuri.

Il-5 fondi SIE huma:

  • il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR);
  • il-Fond Soċjali Ewropew (FSE);
  • il-Fond ta’ Koeżjoni;
  • il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR);
  • il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

Għal kull fond SIE, ir-Regolament jagħti ponderazzjoni speċifika li tirrifletti sa liema punt l-appoġġ finanzjarju tal-UE jikkontribwixxi għall-għanijiet ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima. Fejn il-kontribuzzjoni hija insinifikanti, tingħata ponderazzjoni żero. Dawn il-ponderazzjonijiet jintużaw biex jarmonizzaw it-traċċar tal-appoġġ li jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima f’politiki differenti tal-UE, u jirriflettu d-differenzi fil-kontribuzzjonijiet minn kull wieħed mill-fondi SIE.

Il-kalkoli tal-appoġġ finanzjarju għall-għanijiet tal-bidla fil-klima għall-fondi varji tal-SIE huma prijoritizzati bl-użu tal-ponderazzjonijiet bħal fl-eżempji li ġejjin.

FEŻR, FSE u l-Fond ta’ Koeżjoni

  • Investiment produttiv: investiment f’intrapriżi kbar marbuta mal-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju huwa peżat għal 40 %.
  • Infrastruttura li tipprovdi servizzi bażiċi::
    • enerġija rinnovabbli u miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija huma peżati għal 100 %;
    • ferroviji, trasport urban u portijiet tal-baħar nodfa huma peżati għal 40 %;
    • żvilupp ta’ toroq u ajruporti huwa peżat għal 0 %.
  • Żvilupp ta’ potenzjal eżistenti: proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija u ta’ ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, inkluż l-iżvilupp ta’ mogħdijiet għar-roti u passaġġi, huma kklassifikati bħala 100 %.

FAEŻR

  • Ir-restawr, il-preservazzjoni u t-titjib tal-ekosistemi, il-promozzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-appoġġ għall-bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u reżiljenti għall-klima fis-setturi tal-agrikoltura, l-ikel u l-forestrija jingħataw ponderazzjonijiet ta’ 100 % meta jiġi kkalkulat l-appoġġ tal-FSIE.
  • Proġetti mmirati lejn il-prevenzjoni u l-immaniġġjar tar-riskju agrikolu, u li jrawmu l-iżvilupp lokali fiż-żoni rurali jingħataw ponderazzjonijiet ta’ 40 %.

FEMS

Ponderazzjonijiet ta’ 100 % jingħataw lil proġetti bl-għanijiet li ġejjin:

  • mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;
    • investimenti abbord;
    • awditi u skemi tal-effiċjenza fl-enerġija;
  • sostituzzjoni jew modernizzazzjoni ta’ magni;
  • waqfien b’mod permanenti tal-attivitajiet tas-sajd.

Proġetti li jingħataw ponderazzjoni ta’ 40 %:

  • waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd;
  • fondi reċiproċi għal avvenimenti klimatiċi avversi u inċidenti ambjentali;
  • sistemi ta’ allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd;
  • l-adattament tas-sajd għall-protezzjoni tal-ispeċijiet;
  • il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità tal-baħar;
  • propulsjoni alternattiva u disinn tal-bwieq;
  • il-protezzjoni u l-iżvilupp ta’ fawna u flora akkwatiċi interni;
  • iż-żieda tal-potenzjal tal-akkwakultura;
  • il-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u tal-kosta;
  • investimenti li jtejbu l-infrastruttura tal-portijiet tas-sajd u tas-swali tal-irkant jew siti u xelters tal-ħatt.

Stadji importanti u miri

L-istadji iportanti jew il-miri ta’ prijorità għandhom jitqiesu li nkisbu jekk l-indikaturi relatati jkunu laħqu:

  • mill-inqas 85 % tal-valur tal-istadju importanti sal-aħħar tal-2018; jew
  • mill-inqas 85 % tal-valur fil-mira sal-aħħar tal-2023.

MINN META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI?

Ilu japplika mid-9 ta’ Marzu 2014.

SFOND

Għal aktar informazzjoni ara:

DOKUMENT EWLIENI

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014 tas-7 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd u li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd fir-rigward ta’ metodoloġiji tal-appoġġ għat-tibdil fil-klima, id-determinazzjoni tal-istadji importanti u l-miri fil-qafas tal-prestazzjoni u n-nomenklatura ta’ kategoriji ta’ intervent għall-Fondi ta’ Investiment Strutturali Ewropej (ĠU L 69, 8.3.2014, pp. 65-84)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 215/2014 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 20.5.2014, pp. 1-66)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 281-288)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 289-302)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 320-469).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470-486)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 487-548)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 22.01.2019

Top