Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Summaries of EU Legislation

Kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-UE u l-Indja

Go to the summaries’ table of contents

Kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-UE u l-Indja

 

SOMMARJU TA’:

Ftehim għall-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/648/KE dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Indja

Ftehim li jġedded il-ftehim ta’ koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/501/KE dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim li jġedded il-Ftehim għall-koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1788 li tikkonċerna t-tiġdid tal-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONIJIET U L-FTEHIM?

  • Il-ftehim jistabbilixxi qafas formali għal kooperazzjoni li tħeġġeġ u tiffaċilita attivitajiet fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija ta’ interess komuni bejn l-UE u l-Indja.
  • It-3 deċiżjonijiet ikkonċernaw rispettivament il-konklużjoni tal-ftehim (Deċiżjoni 2002/648/KE) li fiha l-Kunsill approva l-konklużjoni tal-ftehim f’isem il-Komunita Ewropea (issa l-UE), u l-estenzjoni suċċessiva tal-2009 tagħha (Deċiżjoni 2009/501/KE) u fl-2015 (Deċiżjoni (UE) 2015/1788).

PUNTI EWLENIN

Attivitajiet imwettqa skont il-ftehim huma bbażati fuq għadd ta’ prinċipji:

  • benefiċċju reċiproku;
  • aċċess reċiproku għal attivitajiet;
  • skambju fil-ħin ta’ informazzjoni;
  • protezzjoni xierqa tad-drittijiet ta’ proprjeta intellettwali.

Oqsma ta’ kooperazzjoni

Il-ftehim ikopri l-oqsma kollha ta’ riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (RTD).

Attivitajiet

L-attivitajiet koperattivi jistgħu jinkludu dan li ġej:

  • parteċipazzjoni ta’ entitajiet tar-riċerka Indjani fi proġetti RTD taħt il-Programmi Qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-parteċipazzjoni reċiproka tal-entitajiet ibbażati fl-UE fi proġetti Indjani f’setturi simili;
  • proġetti RTD konġunti;
  • żjarat u skambji ta’ xjenzati u ta’ esperti tekniċi;
  • organizzazzjoni konġunta ta’ konferenzi, simpożji u sessjonijiet ta’ ħidma u seminars xjentifiċi, kif ukoll parteċipazzjoni ta’ esperti f’dawk l-attivitajiet;
  • azzjonijiet miftiehma għat-tixrid tar-riżultati/skambju ta’ esperjenzi dwar proġetti konġunti tal-RTD;
  • skambji u qsim ta’ tagħmir u materjal inkluż l-użu konġunt ta’ faċilitajiet ta’ riċerka avvanzati;
  • skambji ta’ informazzjoni fuq prassi, liġijiet, regolamenti u programmi rilevanti għall-kooperazzjoni skont dan il-ftehim.

MINN META JAPPLIKA L-FTEHIM?

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Ottubru 2002 għal perjodu inizjali ta’ 5 snin. S’issa ġie mġedded darbtejn, l-aktar reċenti fl-2015 għal perjodu addizzjonali ta’ 5 snin.

SFOND

Il-bażi ta’ kooperazzjoni politika usa’ bejn l-UE u l-Indja huwa l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1994 li kien l-ewwel li ħa r-relazzjonijiet lil hinn mill-kummerċ u l-kooperazzjoni ekonomika.

Għal aktar informazzjoni, ara:

Għal aktar tagħrif dwar il-kooperazzjoni fir-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) mal-Indja, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1788 tal-1 ta’ Ottubru 2015 dwar it-tiġdid tal-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 260, 7.10.2015, pp. 18-19)

Ftehim li jġedded il-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 171, 1.7.2009, pp.19-26)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/501/KE tad-19 ta’ Jannar 2009 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim li jġedded il-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 171, 1.7.2009, pp. 17-18)

Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 213, 9.8.2002, pp. 30-37)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/648/KE tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 213, 9.8.2002, p. 29)

DOKUMENTI RELATATI

Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tat-tiġdid tal-Ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (ĠU L 89, 6.4.2016, p. 1)

Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Indja dwar sħubija u żvilupp - Dikjarazzjoni tal-Komunità dwar aġġustamenti tat-tariffa - Dikjarazzjonijiet tal-Komunità u l-Indja (ĠU L 223, 27.8.1994, pp. 24-34)

l-aħħar aġġornament 29.05.2018

Top