EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 138/2004 dwar il-kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura fl-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jistabbilixxi kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura.
  • Huwa jistabbilixxi l-metodoloġija għall-ġbir ta’ data nazzjonali tal-pajjiżi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-limiti ta’ żmien biex din tintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2022/590 jifformalizza r-rekwiżiti tal-Istati Membri biex jirrappurtaw lill-Kummissjoni data agrikola reġjonali li, sal-lum, kienu jinqasmu fuq il-bażi ta’ ftehim informali. Ir-regoli l-ġodda se jikkontribwixxu għal rappurtar aħjar taħt il-politika agrikola komuni (PAK) li se tidħol fis-seħħ fl-2023.

PUNTI EWLENIN

Kontijiet ekonomiċi għall-agrikoltura:

  • huma kontijiet satellita* tas-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali;
  • janalizzaw il-produzzjoni agrikola u l-introjtu li tiġġenera;
  • ikejlu l-output agrikolu totali, fosthom:
    • oġġetti u servizzi mibjugħa jew negozjati,
    • bidliet fil-livelli tal-istokk,
    • produzzjoni għall-konsum finali jew ipproċessar ulterjuri;
  • jinġabru mill-istituti nazzjonali tal-istatistika u mill-ministeri tal-agrikoltura u jiġu aggregati mill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE, skont it-termini tar-Regolament (KE) Nru 2223/96.

Metodolġija komuni

Il-metodoloġija komuni fil-leġiżlazzjoni, stabbilita fl-annessi dettaljati, tkopri dan li ġej.

  • Standards (bħall-użu uniformi ta’ unitajiet lokali skont it-tip ta’ attività bħala kejl bażiku tal-kontijiet ekonomiċi).
  • Definizzjonijiet (l-aktar bejn attivitajiet agrikoli u attivitajiet allinjati mill-qrib).
  • Regoli ta’ klassifikazzjoni u ta’ kontabbiltà (analiżi aktar dettaljata tal-livelli ta’ attività ekonomika u kunsiderazzjonijiet fiskali).
  • Limiti taż-żmien definiti b’mod ċar għall-bgħit ta’ data nazzjonali lill-Kummissjoni (l-ewwel skadenza kienet Novembru 2003) u data reġjonali, fil-livell ta’ NUTS 2, sat-30 ta’ Settembru 2023. Madanakollu, fil-każ tal-aħħar, l-Istati Membri se jkunu jistgħu japplikaw għal deroga f’ċirkostanzi ġustifikati.

Il-Kummissjoni tista’ tbiddel il-metodoloġija dment li dan ma jimminax il-kunċetti bażiċi tas-sistema jew jikkawża xogħol addizzjonali għall-awtoritajiet nazzjonali.

Evalwazzjoni tal-kwalità

  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2022/590 jinkludi wkoll standards ta’ rappurtar ta’ kwalità, sabiex ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 138/2004 jinġiebu konformi tal-kriterji tal-kwalità stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 (ara s-sommarju).

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament (KE) Nru 138/2004 ilu japplika mill-25 ta’ Frar 2004.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2022/590 ilu japplika mit-2 ta’ Mejju 2022.

SFOND

Il-maniġment u l-evalwazzjoni tal-politika agrikola komuni jirrikjedu informazzjoni komparabbli, aġġornata, sistematika u affidabbli. Id-data turi l-istat ekonomiku tas-saħħa tas-settur u l-bidliet fl-introjtu tal-biedja u hija essenzjali għat-tfassil tal-politika.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Kontijiet satellita. Kontijiet satellita huma marbuta mal-kontijiet (nazzjonali jew reġjonali) ċentralizzati, li jiffukaw fuq ċertu qasam jew aspett tal-ħajja ekonomika u soċjali fil-kuntest tal-kontijiet ċentralizzati; pereżempju, kontijiet satellita għall-ambjent, it-turiżmu jew xogħol tad-dar mhux imħallas.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ir-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 2003 dwar il-kontijiet ekonomiċi għall-agrikolutra fil-Komunità (ĠU L 33, 5.2.2004, pp. 1–87).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 138/2004 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, pp. 1–727).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika Komunitarja, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, pp. 164–173).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ĠU L 310, 30.11.1996, pp. 1–469).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 03.05.2022

Top