EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

It-Trattat ta’ Amsterdam

 

SOMMARJU TA’:

It-Trattat ta’ Amsterdam li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAT-TRATTAT?

PUNTI EWLENIN

It-trattat jistabbilixxi dawn il-miri għall-UE:

  • jippromwovi l-progress ekonomiku u soċjali, livell għoli ta’ impjiegi u żvilupp sostenibbli u bbilanċjat;
  • jasserixxi l-identità tal-UE fuq stadju internazzjonali;
  • isaħħaħ id-drittijiet u l-interessi taċ-ċittadini tal-UE;
  • iżomm u jiżviluppa lill-UE bħala żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja;
  • iżomm u jiżviluppa l-korpus tad-dritt tal-Unjoni (magħruf bħala l-acquis communautaire).

Il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK)

  • Dan huwa msaħħaħ billi:
    • jippermetti strateġiji komuni, azzjonijiet konġunti, pożizzjonijiet komuni u kooperazzjoni aktar sistematika bejn il-pajjiżi tal-UE;
    • jinkludi l-kwistjonijiet kollha rigward is-sigurtà tal-UE, inkluż l-iżvilupp progressiv ta’ politika tad-difiża komuni, fil-PESK;
    • jiżviluppa rabtiet aktar mil-qrib mal-organizzazzjoni ta’ difiża, l-Unjoni Ewropea tal-Punent;
    • jitlob lill-pajjiżi membri jikkoordinaw il-pożizzjonijiet tagħhom f’organizzazzjonijiet internazzjonali, jiġifieri fin-Nazzjonijiet Uniti;
    • joħloq il-pożizzjoni ta’ Rappreżentant Għoli għall-politika estera u ta’ sigurtà Komuni — rwol mogħti lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill;
    • jistabbilixxi unità tal-ippjanar tal-politika u ta’ twissija bikrija.

Kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali

  • il-kooperazzjoni tal-pulizija tinkludi:
    • il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ reati kriminali;
    • il-ġbir, il-ħżin, l-ipproċessar, l-analiżi u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti;
    • l-organizzazzjoni ta’ inizjattivi ta’ taħriġ konġunt u skambju ta’ uffiċjali;
    • l-evalwazzjoni ta’ tekniki investigattivi, speċjalment għall-identifikazzjoni ta’ kriminalità organizzata;
    • l-użu tar-riżorsi tal-Europol f’oqsma bħall-kollegament bejn prosekuturi u investigaturi u l-istabbiliment ta’ netwerk tar-riċerka, tad-dokumentazzjoni u tal-istatistika dwar il-kriminalità intra-UE.
  • il-kooperazzjoni ġudizzjarja tinkludi:
    • l-iffaċilitar tal-estradizzjoni (il-mekkaniżmu li bih l-istati jitolbu r-ritorn ta’ individwi minn stati oħra meta jew jiġu akkużati b’reati kriminali jew huma mfittxija biex iservu sentenza) bejn pajjiżi tal-UE;
    • l-iżgurar tal-kompatibbiltà bejn ir-regoli nazzjonali;
    • il-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ ġurisdizzjoni;
    • l-istabbiliment ta’ regoli minimi għal atti kriminali u penali għall-kriminalità organizzata, għat-terroriżmu u għat-traffikar illeċitu tad-droga.

Kooperazzjoni aktar mill-qrib

Il-gvernijiet tal-UE li jixtiequ jaħdmu aktar mill-qrib ma’ xulxin f’ċerti oqsma ta’ politika jistgħu jagħmlu dan, dejjem jekk il-kooperazzjoni:

  • tippromwovi l-miri u l-interessi tal-UE u tirrispetta l-prinċipji tagħha;
  • tintuża bħala l-aħħar soluzzjoni;
  • tinvolvi tal-anqas il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE;
  • ma taffettwax il-korp tad-dritt tal-Unjoni;
  • tirrispetta l-kompetenzi, id-drittijiet, l-obbligi u l-interessi ta’ pajjiż mhux parteċipanti.

Il-viżi, l-ażil, l-immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu tal-persuni

  • Dawn il-politiki, minn parti mill-kooperazzjoni intergovernattiva, isiru parti mit-teħid ta’ deċiżjonijiet normali tal-UE. Fi żmien 5 snin, il-gvernijiet tal-UE, iridu jadottaw miżuri sabiex:
    • jimpedixxu u jindirizzaw il-kriminalità filwaqt li jissalvagwardjaw id-drittijiet taċ-ċittadini mhux tal-UE;
    • isaħħu l-kooperazzjoni ġudizzjarja u amministrattiva;
    • jikkontrollaw l-istandards u l-proċeduri fil-fruntieri esterni tal-UE;
    • jistabbilixxu regoli għall-viżi;
    • jiddeterminaw il-kriterji u l-mekkaniżmi għat-trattament tal-applikazzjonijiet tal-ażil.
  • Il-Ftehim ta’ Schengen dwar l-ivvjaġġar mingħajr passaport fl-UE huwa inkorporat fis-sistema legali tal-UE (għalkemm ir-Renju Unit (1) u l-Irlanda ma jipparteċipawx fil-ftehimiet).

Impjieg

  • L-impenn tal-UE għal livell għoli ta’ impjiegi huwa msaħħaħ billi:
    • jittieħed inkonsiderazzjoni dan l-għan meta jiġu abbozzati u implimentati l-politiki u l-attivitajiet kollha tal-UE;
    • jiġi ppreżentat rapport annwali għall-konsiderazzjoni mill-mexxejja tal-UE;
    • darba fis-sena kull gvern jintalab jipprovdi informazzjoni dwar l-azzjoni li jkun ħa għal livell għoli ta’ impjiegi;
    • jinħoloq kumitat konsultattiv tal-impjiegi.

Kwistjonijiet istituzzjonali

  • Proċeduri leġiżlattivi
    • il-proċedura ta’ kodeċiżjoni, fejn il-gvernijiet tal-UE, permezz ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, u l-Parlament Ewropew jadottaw flimkien il-leġiżlazzjoni, tiġi estiża għall-biċċa l-kbira tal-oqsma ta’ politika u jiġu stabbiliti regoli ċari biex jiġi indirizzat kwalunkwe tilwim permezz ta’ kumitat ta’ konċiljazzjoni.
  • Il-Parlament Ewropew
    • jeżisti limitu massimu ta’ 700 membru;
    • ifassal proposti għal proċedura uniformi għall-elezzjonijiet Ewropej;
    • jistabbilixxi regolamenti u kundizzjonijiet ġenerali dwar id-dmirijiet tal-membri tiegħu;
    • jivvota biex japprova l-ħatra tal-President tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kummissjoni bħala korp.
  • Il-Kummissjoni Ewropea
    • f’UE ta’ 20 membru, kull pajjiż ikollu Kummissarju, dejjem jekk ikun intlaħaq qbil dwar il-ponderazzjoni nazzjonali tal-voti fil-Kunsill;
    • tal-anqas sena qabel jissieħeb il-21 pajjiż membru, ikun hemm bżonn li l-mudell istituzzjonali tal-UE jiġi rivedut.

Sanzjonijiet

Il-gvernijiet tal-UE jistgħu jneħħu d-drittijiet tat-trattat ta’ pajjiż membru, inkluż id-dritt tal-vot fuq l-abbozz tal-leġiżlazzjoni, jekk jitqies li jkun wettaq “ksur serju u persistenti” tal-prinċipji bażiċi tal-UE.

Simplifikazzjoni

It-trattat jissimplifika d-diversi trattati tal-UE billi jemenda jew iħassar ’il fuq minn 50 artikolu skadut u jinnumera mill-ġdid il-bqija sabiex jagħmilhom aktar leġibbli.

MINN META JAPPLIKA T-TRATTAT?

Dan ġie ffirmat fit-2 ta’ Ottubru 1997 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 1999.

DOKUMENT EWLIENI

It-Trattat ta’ Amsterdam li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċerti atti relatati (ĠU C 340, 10.11.1997, p. 1-144)

l-aħħar aġġornament 04.04.2018



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top