EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-użu tal-alumina għat-tneħħija tal-fluworidi mill-ilmijiet minerali

L-użu tal-alumina għat-tneħħija tal-fluworidi mill-ilmijiet minerali

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 115/2010 — l-użu tal-alumina attivata għat-tneħħija tal-fluworidu mill-ilmijiet minerali

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Hu jistabbilixxi r-regoli għall-użu tal-alumina attivata* għat-tneħħija tal-fluworidu* mill-ilmijiet minerali u mill-ilmijiet tan-nixxigħat, sabiex ikun hemm konformità mad-direttivi tal-UE dwar il-kwalità tal-ilma potabbli.

PUNTI EWLENIN

L-użu ta’ alumina attivata għat-tneħħija tal-fluworidu fl-ilmijiet minerali naturali u fl-ilmijiet tan-nixxigħat hu permess, taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • Ir-rilaxx ta’ residwi fl-ilma bħala riżultat tat-trattament għandu jkun baxx kemm jista’ jkun teknikament possibbli u m’għandux ikun riskju għas-saħħa pubblika.
  • L-użu tat-trattament għandu jiġi nnotifikat lill-awtoritajiet kompetenti mill-inqas 3 xhur minn qabel, b’dokumentazzjoni u data li juru li dan jikkonforma mar-Regolament.
  • Is-sustanzi kimiċi kollha li jintużaw fit-trattament għandhom jikkonformaw mal-istandards applikabbli għat-trattament tal-ilma potabbli.
  • L-alumina attivata għandha tikkonforma mal-istandards Ewropej sabiex jiġi żgurat li l-ebda residwu eċċessiv ma jiġi rilaxxat fl-ilma.
  • Qabel l-użu, l-alumina attivata għandha tiġi trattata biex jitneħħew ir-residwi u l-partikoli fini.
  • Il-filtri għandhom jitlaħalħu bħala l-aħħar pass biex jiġi żgurat li huma ma jaffettwawx il-kontenut minerali tal-ilma trattat.
  • L-alumina attivata għandha tiġi ġġenerata mill-ġdid f’intervalli xierqa biex tiġi rrestawrata l-effettività tagħha.
  • L-operatur għandu jimmonitorja l-proċessi biex jiġi żgurat li l-karatteristiċi essenzjali tal-ilmajkunu nżammu.
  • L-użu ta’ trattament li jneħħi l-fluworidu għandu jiġi indikat fuq it-tikketta tal-ilma trattat, qrib il-lista tal-kompożizzjoni, fil-forma: “l-ilma soġġett għal teknika tal-assorbiment awtorizzata”.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mit-2 ta’ Marzu 2010.

SFOND

  • Id-Direttiva 2009/54/KE tistabbilixxi r-regoli tal-UE dwar il-metodi permessi għat-trattament tal-ilmijiet minerali naturali u tal-ilmijiet tan-nixxigħat. Hi tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-użu ta’ trattamenti wara konsultazzjoni mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.
  • Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/40/KE tistabbilixxi limitu għall-fluworidu fl-ilmijiet minerali naturali. Il-limitu għall-ilma tan-nixxigħat jiġi ffissat mid-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE.
  • L-ipproċessar kimiku hu soġġett għall-prattiki u l-prinċipji tajbin tal-manifattura stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iġjene tal-ikel.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Alumina attivata: forma permeabbli ħafna tal-ossidu tal-aluminju b’erja kbira tas-superfiċje. Din tista’ tintuża bħala filtru biex jitneħħa l-fluworidu mill-ilma potabbli.
Fluworidu: element li jseħħ b’mod naturali fil-provvisti tal-ilma. Il-konċentrazzjonijiet ivarjaw ħafna minn pajjiż tal-UE għal ieħor.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) No 115/2010 tad-9 ta’ Frar 2010 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-użu tal-alumina attivata għat-tneħħija tal-fluworidu mill-ilmijiet minerali naturali u mill-ilmijiet tan-nixxigħat (ĠU L 37, 10.2.2010, pp. 13-15)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2009/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-isfruttament u t-tqegħid fis-suq ta’ ilmijiet minerali naturali (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 164, 26.6.2009, pp. 45-58)

Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, pp. 1-54)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 852/2004 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/40/KE tas-16 ta’ Mejju 2003 li tistabbilixxi l-lista, il-limiti ta’ konċentrazzjoni u l-ħtiġiet ta’ tikkettjar għall-kostitwenti ta’ l-ilmijiet minerali naturali u l-kondizzjonijiet għall-użu ta’ arja arrikkita b’ożonu għat-trattament ta’ ilmijiet minerali naturali u ilmijiet min-nixxigħat (ĠU L 126, 22.5.2003, pp. 34-39)

Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, pp. 32-54)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 28.09.2017

Top